This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0472
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Tackling unfair trading practices in the business-to-business food supply chain
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji
/* COM/2014/0472 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji /* COM/2014/0472 final */
L-indirizzar ta’ prattiki
kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari
bejn in-negozji
1.
Introduzzjoni
Il-katina
tal-provvista alimentari tiggarantixxi li l-prodotti tal-ikel u tax-xorb
jitwasslu lill-pubbliku ġenerali għall-konsum personali jew
domestiku. Din taffettwa l-konsumaturi kollha fl-UE fuq bażi ta’ kuljum u
tammonta għal parti sinifikanti tal-baġit medju tal-familji.[1]
Qabel ma prodott jasal għand il-konsumatur, għadd ta’
parteċipanti fis-suq (produtturi, proċessuri, bejjiegħa bl-imnut,
eċċ.) iżidu l-valur tiegħu u għandhom impatt fuq
il-prezz finali li jitħallas mill-konsumatur. F’dan ir-rigward, is-Suq
Uniku ġab benefiċċji kbar għall-operaturi fil-katina
tal-provvista alimentari. Il-fornituri u l-bejjiegħa bl-imnut, kemm kbar
kif ukoll żgħar, issa għandhom aktar opportunitajiet tas-suq u
klijentela ikbar. Il-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri tal-UE
issa jammonta għal madwar 20 % tat-total tal-produzzjoni tal-ikel u
tax-xorb tal-UE u mill-inqas 70 % tat-total ta’ esportazzjonijiet ta’
prodotti agrikoli u tal-ikel tal-Istati Membri tal-UE huma destinati għal
Stati Membri oħra tal-UE.[2]
Għalhekk, katina ta' provvista alimentari effiċjenti u li taħdem
tajjeb madwa l-UE kollha tista’ tkun ta' kontribut sinifikanti għas-Suq
Uniku. Madankollu,
matul l-aħħar ftit deċennji, żviluppi bħal ma huma
ż-żieda fil-konċentrazzjoni u fl-integrazzjoni vertikali ta’
parteċipanti fis-suq mal-UE kollha wasslu għal bidliet strutturali
fil-katina tal-provvista alimentari. Dawn l-iżviluppi kkontribwew
għal sitwazzjoni b’livelli differenti b'mod sinifikanti ta’ setgħa
ta’ negozjar u ta' żbilanċi ekonomiċi fir-relazzjonijiet
kummerċjali individwali bejn l-atturi fil-katina. Filwaqt li huwa komuni u
leġittimu li jkun hemm differenzi fis-setgħa ta’ negozjar
fir-relazzjonijiet kummerċjali, l-abbuż ta’ differenzi bħal dawn
xi kultant jista' jwassal għal prattiki kummerċjali żleali
(PKŻ).[3] Il-PKŻ
jistgħu ġeneralment jiġu definiti bħala prattiki li
jitbiegħdu b'mod serju minn imġiba kummerċjali tajba, imorru kontra
l-bona fide u n-negozjar ġust u huma imposti unilateralment minn
sieħeb kummerċjali wieħed fuq l-ieħor. Din
il-Komunikazzjoni ma tipprevedix azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE u ma
tipproponix soluzzjoni unika biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-PKŻ,
iżda pjuttost tħajjar lill-dawk ikkonċernati u lill-Istati
Membri biex jindirizzaw il-PKŻ b'manjiera xierqa u proporzjonata,
fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi nazzjonali u tal-aħjar
prattika. Hija tħeġġeġ lill-operaturi fil-katina
tal-provvista alimentari Ewropea biex jipparteċipaw fi skemi volontarji li
għandhom l-għan li jippromwovi l-aħjar prassi u jnaqqsu
l-PKŻ. Tenfasizza wkoll l-importanza ta' rimedju effettiv. Il-Kummissjoni
tinsab impenjata li tkompli taħdem f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati
Membri u mal-partijiet konċernati rilevanti; kull min hu involut
jeħtieġ li jagħti sehmu biex jiġu eliminati l-PKŻ.
2.
L-Isfond
Għalkemm
huwa diffiċli li jiġi evalwat kemm hi kbira u kemm hi frekwenti,
il-problema tal-PKŻ hija rikonoxxuta minn dawk kollha kkonċernati
fil-katina tal-provvista alimentari. Stħarriġ li sar diversi drabi
juri li l-PKŻ jseħħu relattivament b'mod frekwenti, tal-anqas
f'ċerti partijiet tal-katina ta' provvista. Pereżempju, fi
stħarriġ li sar madwar l-UE fost il-fornituri fil-katina alimentari,
96% ta' dawk li wieġbu qalu li huma kienu diġà soġġetti
għal mill-anqas forma waħda ta' PKŻ[4]. Sar ukoll stħarriġ fil-livell
nazzjonali. F'rapport mill-Awtorità Spanjola tal-Kompetizzjoni dwar
ir-relazzjonijiet bejn il-manifatturi u l-bejjiegħa bl-imnut fis-settur
tal-ikel, 56% tal-fornituri li wieġbu qalu li t-tibdil retroattiv
fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt seħħ b'mod frekwenti jew darba
kultant[5].
Stħarriġ mill-Awtorità Taljana tal-Kompetizzjoni juri li 57%
tal-produtturi ta' spiss, jew dejjem, jaċċettaw tibdil unilaterali
retroattiv, għaliex jibżgħu minn ritaljazzjoni kummerċjali
fil-każ li jirrifjutaw it-tibdil[6]. Il-PKŻ
jista’ jkollhom effetti dannużi, speċjalment fuq l-SMEs fil-katina
tal-provvista alimentari.[7]
Dawn jistgħu jaffettwaw il-kapaċità tal-SMEs li jissopravvivu
fis-suq, li jagħmlu investimenti finanzjarji ġodda fi prodotti u
teknoloġija, u li jiżviluppaw l-attivitajiet transfruntiera
tagħhom fis-Suq Uniku. Filwaqt li jista' jkun diffiċli biex
wieħed jivvaluta f'termini kwantitattivi l-effett globali tal-PKŻ
fis-suq, ma hemm l-ebda dubju li jeżisti effett dirett negattiv fuq dawk
il-partijiet affettwati minn prattiki bħal dawn. Fl-istħarriġ
madwar l-UE li ssemma qabel, 83% ta' dawk li wieġbu li saħqu li kienu
suġġetti għal PKŻ qalu li l l-PKŻ żiedulhom
il-kostijiet u 77% qalu li l-PKŻ naqqsulhom id-dħul tagħhom.
Barra minn hekk, jista’ jkun hemm ukoll effetti indiretti tul il-katina
tal-provvista fejn jidħlu b'mod partikolari SMEs li lanqas biss jippruvaw
jidħlu f'relazzjoni kummerċjali minħabba r-riskju li jiġu
imposti PKŻ fuqhom. Il-Politika
Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida[8]
u l-Politika tas-Sajd Komuni (PSK)[9]
l-ġdida saħħew il-pożizzjoni tal-produtturi agrikoli
fil-katina ta' provvista fejn jidħlu l-operaturi downstream, b'mod
partikolari billi tappoġġja l-ħolqien u l-iżvilupp
tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi. L-Organizzazzjoni unika Komuni
għas-Swieq il-ġdida tinkludi wkoll elementi li għandhom
l-għan li jnaqqsu l-iżbilanċi ta' setgħa ta' negozjar bejn
il-bdiewa u partijiet oħra fil-katina tal-provvista alimentari f'xi
setturi magħżula (tal-ħabib, taż-żejt
taż-żebbuġa, taċ-ċanga u l-vitella, tal-uċuħ
tar-raba'. Ir-regoli l-ġodda jipprovdu wkoll lill-Istati Membri
l-possibbiltà li jimponu l-obbligu li jsiru kuntratti bil-miktub f’setturi
agrikoli oħra, soġġett għal salvagwardji li jiżguraw
li tali dispożizzjonijiet ma jfixklux il-funzjonament tajjeb tas-suq
intern. Ir-riforma tal-PAK, b’mod partikolari permezz tal-Organizzazzjoni
Komuni tas-Suq il-ġdida, tinkludi elementi li għandhom l-għan li
jitnaqqsu r-relazzjonijiet żbilanċjati ta’ poter ta’ negozjar bejn
il-bdiewa u partijiet oħra fil-katina tal-provvista alimentari. Għadd ta’
Stati Membri indirizzaw il-PKŻ fil-livell nazzjonali bl-użu ta’ bosta
approċċi differenti, xi wħud regolatorji, oħrajn
ibbażati fuq pjattaformi awtoregolatorji fost il-parteċipanti
fis-suq. Fejn jeżistu regolamenti, dawn ivarjaw fejn jidħlu natura,
livell u forma legali ta’ protezzjoni pprovduta kontra l-PKŻ. L-eżistenza
u d-dannu tal-PKŻ fil-katina tal-provvista alimentari ġiet ukoll
rikonoxxuta minn partijiet interessati fil-Forum ta’ Livell Għoli
għal funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista alimentari, stabblit
mill-Kummissjoni fl-2010.[10]
Filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li l-kwistjoni tiġi indirizzata
fil-livell Ewropew, il-partijiet konċernati stabbilixxew qafas
awtoregolatorju (l-Inizjattiva dwar il-katina tal-provvista alimentari) li
l-Kummissjoni laqgħet b’mod pożittiv u li wara disa’ xhur deher li
ġiet aċċettata tajjeb fost kumpaniji tal-bejgħ bl-imnut,
bl-ingrossa u tal-manifattura u minn xi SMEs. Iżda wħud fost dawk
ikkonċernati - jiġifieri bdiewa u l-industrija tal-ipproċessar
tal-laħam - għadhom ma ngħaqdux ma' dan il-qafas fil-livel tal-UE.
Filwaqt li l-bdiewa huma rappreżentati fi pjattaformi nazzjonali fi ftit
Stati Membri[11],
erba’ operazzjonijiet tal-biedja biss sa issa rreġistraw fil-qafas
fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, il-qafas jorbot biss lil dawk il-kumpaniji
li jiddeċiedu li jaderixxi miegħu. Ir-riżultat
huwa li, illum, għad hemm diverġenza wiesgħa fil-mod kif
il-kwistjonijiet ta' PKŻ fil-katina ta' provvista alimentari jiġu
indirizzati fl-UE. Il-benefiċċji
potenzjali meta l-PKŻ jitnaqqsu jistgħu jkunu sostanzjali,
speċjalment għall-SMEs u l-mikrointrapriżi peress li huwa aktar
probabbli li dawn ikunu soġġetti għall-PKŻ u l-effetti
tagħhom, milli jkunu kumpaniji kbar. Għandu jiġi nnutat ukoll li
l-PKŻ applikati fi ħdan l-UE jista’ jkollhom effetti diretti jew
indiretti fuq il-produtturi u l-kumpaniji barra mill-UE, inkluż fil-pajjiżi
li qed jiżviluppaw. F'dan
il-kuntest, din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tkun ta'
kontribut biex ikun hemm relazzjonijiet kummerċjali ġusti u
sostenibbli kif ukoll ambjent ekwu għall-parteċipanti tas-suq
fil-katina tal-provvista alimentari billi tgħin biex jitnaqqsu l-effetti
dannużi u l-possibilità ta' ostakoli transfruntiera kkawżati minn
PKŻ, speċjalment fejn jidħlu SMEs.
3.
Il-problemi kkawżati minn PKŻ
Ir-riperkussjonijiet
possibbli tal-PKŻ fil-livell tal-UE qajmu tħassib mhux biss fil-Kummissjoni
Ewropea iżda ukoll fil-Parlament Ewropew. F’Jannar 2012, il-Parlament
adotta riżoluzzjoni[12]
li enfasizzat id-dimensjoni Ewropea tal-iżbilanċi fil-katina
tal-provvista alimentari li tista’ twassal għal prattiki inġusti. Din
ir-riżoluzzjoni identifikat lista ta’ PKŻ speċifiċi u
appellat biex dawn ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni
speċifika, superviżjoni u sanzjonijiet. Sabiex tifhem
aħjar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni ppubblikat Green Paper dwar
il-PKŻ f’Jannar 2013 biex tiġbor l-opinjonijiet tal-partijiet
konċernati dwar l-okkorrenza ta’ PKŻ fil-katina ta' provvista
alimentari u mhux[13],
u biex jiġu identifikati toroq possibbli biex dawn jiġu indirizzati.
Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika sussegwenti pprovdew
il-prinċipji li ġejjin. 1.
Filwaqt li l-PKŻ,
fil-prinċipju, jistgħu jkunu preżenti fi kwalunkwe settur,
ir-reazzjoni mill-partijiet ikkonċernati għall-Green Paper tindka li
huma problematiċi b'mod partikolari fil-katina tal-provvista alimentari. 2.
Il-kategoriji prinċipali ta’
PKŻ identifikati fil-Green Paper u kkonfermati minn għadd ta’
partijiet konċernati jistgħu jiġu deskritti kif ġej: - użu
abbużiv retroattiv minn imsieħeb kummerċjali ta' kundizzjonijiet
fil-kuntratt li ma jkunux speċifikati, ikunu ambigwi jew mhux kompluti - it-trasferiment
eċċessiv, u mhux prevedibbli, tal-kostijiet jew tar-riskji minn
imsieħeb kummerċjali fuq il-kontroparti tiegħu - l-użu minn
imsieħeb kummerċjali ta’ informazzjoni kunfidenzjali - it-terminazzjoni
żleali jew it-tħarbit ta' relazzjoni kummerċjali. 3.
Ir-restrizzjonijiet territorjali fuq
il-provvista kienu wkoll identifikati bħala prattika problematika. Dawn
ir-restrizzjonijiet huma xi kultant imposti minn fornituri multinazzjonali fuq
il-bejjiegħa bl-imnut u jimpedulhom milli jakkwistaw merkanzija identika
minn naħa għal oħra tal-fruntiera jew minn post ċentrali.
Madankollu, ir-restrizzjonijiet territorjali huma ta’ natura differenti
mill-PKŻ kategorizzati hawn fuq u għalhekk il-Kummissjoni se
tevalwahom b’mod separat. 4.
L-effetti diretti tal-KTŻ imsemmija
hawn fuq, b’mod partikolari meta jkunu applikati b’mod mhux prevedibbli,
jistgħu jwasslu għal kostijiet żejda jew għal dħul
anqas milli mistenni għall-imsieħeb kummerċjali li jkun
fil-pożizzjoni ta’ negozjar aktar dgħajfa. It-tibdil mhux previdibbli
tal-kundizzjonijiet tal-kuntratt jista' wkoll iwassal għal produzzjoni
żejda bir-riżultat li jkun hemm ikel żejjed
għall-ħela. L-abiltà jew ir-rieda li jkollu l-imsieħeb
kummerċjali l-aktar dgħajjef li jiffinanzja l-investimenti tista'
tiġi affettwata jekk dan ikun soġġett għal PKŻ, jew
anki għall-prospett li jkun espost għal PKŻ fil-futur.
Bħalissa, il-Kummissjoni qiegħda wkoll tagħmel studju dwar
l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut. Dan
għandu jiċċara l-evoluzzjoni u dak li jmexxi 'l quddiem
l-għażla u l-innovazzjoni fil-livell tas-suq b'mod ġenerali.
Barra minn hekk, l-ambjent regolatorju frammentat li jindirizza l-PKŻ
fil-livell nazzjonali jimplika li l-SMEs — bir-riżorsi legali limitati
tagħhom — huma kkonfrontati b’sitwazzjoni kumplessa fejn jidħlu
PKŻ u r-rimedji possibbli. L-inċertezzi li jirriżultaw
jistgħu jiskoraġġixxu lil ċerti kumpaniji, b’mod
partikolari SMEs, milli jidħlu fi swieq ġeografiċi ġodda
jew saħansitra minn kummerċ transfruntier. Dan
intwera minn stħarriġ madwar l-UE fost il-bdiewa u l-produtturi
primarji fis-suq agrikolu u tal-ikel. 46% fost dawk li wieġbu kienu
tal-fehma li l-PKŻ għandhom effett negattiv fuq l-aċċess
għal swieq ġodda jew għal attivitajiet transfruntiera[14].
4.
Il-pajżaġġ frammentat ta'
miżuri kontra l-PKŻ fl-UE
4.1.
Il-frammentazzjoni fl-indirizzar tal-PKŻ
Sa ċertu
punt, il-qafas regolatorju preżenti fil-livell tal-UE fih ċerti
regoli li għandhom l-għan li jinidirizzaw prattiki inġusti
fil-katina tal-provvista alimentari u lil hinn minnha. Strumenti
eżistenti, bħar-riforma tal-PAK imsemmiija aktar 'l fuq, il-liġi
tal-kompetizzjoni, il-qafas dwar prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni[15],
kundizzjonijiet żleali ta’ kuntratt f’kuntratti tal-konsumatur[16],
id-Direttiva proposta dwar is-sigriet kummerċjali[17] u
leġiżlazzjoni oħra transettorjali jistgħu jkunu utli
fl-indirizzar tal-PKŻ f'ċerti sitwazzjonijiet, iżda
fil-biċċa l-kbira tal-każi ma japplikawx għall-PKŻ
speċifiċi imsemmija hawn fuq. Il-proposta għal Regolament dwar
Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ[18]
tipprojbixxi li jiddaħħlu ċerti kundizzjonijiet inġusti
f’kuntratti bejn negozji u dan jista' jipprovdi ċarezza utli
f’relazzjonijiet fit-tul sostenibbli. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ din
il-liġi, darba tiġi miftiehma mill-koleġiżlaturi, tkun
tiddependi fuq ftehim bilaterali bejn il-partijiet ikkonċernati li jkun
qed jagħmlu l-kummerċ bejniethom. Hemm ħafna
diverġenza fil-mod kif jiġu indirizzati l-PKŻ fil-livell
nazzjonali. Xi Stati Membri adottaw miżuri regolatorji iżda uħud
minnhom għażlu metodi awtoregolatorji jew ma ħadux azzjoni
speċifika kontra l-PKŻ fil-katini tal-provvista, u minflok
strieħu fuq prinċipji ġenerali. L-Istati Membri li ppruvaw
jindirizzaw il-PKŻ b'mod speċifiku fir-regolamentazzjoni tagħhom
jew stabbilixxew regoli speċifiċi li jikkonċernaw ir-relazzjonijiet
bejn in-negozji ("Business-to-business", B2B), jew ikkumplimentaw
il-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali tagħhom jew estendew
l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali[19]
għar-relazzjonijiet B2B. Xi Stati Membri li kienu inizjalment ħadu
passi rigward il-PKŻ permezz ta' approċċi volontarji
sussegwentement iddeċidew li jindirizzaw dawn il-prattiki permezz ta'
leġiżlazjzoni. Din id-diversità
fl-approċċi timplika li l-estensjoni u t-tip ta' protezzjoni
mogħtija kontra l-PKŻ, kif ukoll il-mekkaniżmu potenzjali ta'
infurzar li jkun hemm jiddependu fuq fejn tkun lokalizzata l-kumpanija li
jkollha qawwa ta' negozjar u li tkun qed tuża PKŻ. Dan jista’ jkun
problematiku f’sitwazzjoni fejn l-akkwist miftuħ għal diversi
pajjiżi qiegħed jiżdied. Barra minn hekk, mit-tweġibiet
mill-awtoritajiet pubbliċi għall-konsultazzjoni tal-Green Paper
ġew żvelati każijiet ta' “forum shopping”, jiġifieri
prattika fejn il-parti kuntrattwali l-aktar b'saħħitha b'mod
unilaterali tiddetermina f’liema Stat Membru u għalhekk taħt liema
qafas regolatorju, jiġi applikat il-kuntratt sabiex jiġu evitat
il-qafas nazzjonali rispettiv li jkunu miżuri aktar stretti kontra
l-PKŻ. Din il-kwistjoni tqajmet b'mod espliċitu minn ħames Stati
Membri waqt il-konsultazzjoni pubblika u matul diskussjonijiet f'diversi fora
tal-partijiet ikkonċernati organizzati mill-Kummissjoni.
4.2.
Infurzar
Kwalunkwe parti
esposta għal PKŻ tista' fil-prinċipju tfittex rimedju permezz
ta’ kawża fil-qorti skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi
ċivili ġenerali kontra klażoli abbużivi f'kuntratt.
Madankollu, xi partijiet ikkonċernati, speċjalment SMEs, enfasizzaw
li l-litigazzjoni permezz tal-qrati ħafna drabi fil-prattika ma tkunx mod
effettiv ta' kif jiġu indirizzati l-PKŻ. L-ewwel nett,
il-litigazzjoni ġeneralment tkun għalja u tieħu l-ħin.
It-tieni, u forsi aktar importanti minn hekk, il-parti l-aktar dgħajfa
f’relazzjoni kummerċjali fil-katina tal-provvista alimentari (li
fil-biċċa l-kbira tal-każijiet tkun SME) ta’ spiss tkun
tibża’ li jekk tibda litigazzjoni dan jista’ jwassal biex il-parti l-aktar
b’saħħitha ttemm ir-relazzjoni kummerċjali ("il-fattur ta'
biża"). Dan jista' jaqta' qalb il-partijiet li jkunu
suġġetti għall-PKŻ milli jieħdu azzjoni legali, li
imbagħad jista' jillimita l-fattur ta' deterrent għall-parti
kummerċjali li tkun qed tuża PKŻ. Fuq dan
l-isfond, xi Stati Membri stabbilixxew mekkaniżmi oħra ta' rimedju
biex jindirizzaw il-PKŻ fil-katini ta' provvista vertikali. Għadd ta'
Stati Membri ħatru awtorità tal-infurzar li tkun indipendenti mill-atturi
fis-suq ikkonċernati, u xi Stati Membri oħrajn bħalissa qed
jiddiskutu riformi possibbli f'din id-direzzjoni. F'ċerti
każi, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tfasslet għall-infurzar
tar-regoli kontra l-imġiba abbużiva lejn impriżi ekonomikament
dipendenti u/jew l-abbuż ta' pożizzjoni superjuri ta' negozjar.
Madankollu, jeżistu wkoll eżempji ta’ Stati Membri li jkunu
ħatru awtoritajiet oħra eżistenti (pereż. l-awtoritajiet
responsabbli għal kwistjonijiet relatati mal-ikel jew il-ħarsien tal-konsumatur)
jew li jkunu stabbilixxew awtoritajiet amministrattivi ġodda biex
jinfurzaw ir-regoli kontra l-PKŻ. Ħafna minn dawn l-awtoritajiet
ikollhom is-setgħa jagħmlu investigazzjonijiet u normalment
jaċċettaw ilmenti kunfidenzjali. F'xi Stati
Membri oħra ġie stabbilit mekkaniżmu volontarju ta'
riżoluzzjoni tat-tilwimiet mill-partijiet ikkonċernati biex jippruvaw
isolvu t-tilwimiet barra mill-qorti. F'każijiet oħra inżamm
"approċċ imħallat", li jikkonsisti minn skemi
voluntarji ikkumplimentati bl-infurzar pubbliku. Dawk li jfornu
lill-bdiewa u lill-SMEs jisħqu li l-eżistenza ta’ awtorità
amministrattiva bis-setgħa li tniedi investigazzjonijiet u li
taċċetta ilmenti kunfidenzjali dwar allegati PKŻ tkun
kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-fattur ta' biża’
deskritt hawn fuq. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-partijiet
ikkonċernati jappellaw għat-twaqqif ta’ korp ta’ infurzar
indipendenti fil-livell nazzjonali, għaliex l-infurzar effettiv ikun
fattur ewlieni sabiex titnaqqas l-okkorrenza ta’ PKŻ. Xi partijiet
ikkonċernati oħra kien jidhrilhom li għandhom jiġu
eżaminati l-ewwel l-oqfsa volontarji u s-soluzzjonijiet ta’
awtoregolazzjoni. F’każ li jirriżulta li dawn il-mudelli ma
jindirizzawx b'mod effettiv il-PKŻ, wieħed jista' jikkonċepixxi
li jkun hemm awtorità indipendenti.
4.3.
L-Iniżjattiva dwar il-katina ta' provvista
L-Inizjattiva
dwar il-Katina ta' Provvista ġiet żviluppata fil-kuntest tal-Forum
ta' Livell Għoli tal-Kummissjoni għal Katina ta' Provvista Alimentari
li taħdem aħjar, li huwa magħmul minn awtoritajiet nazzjonali u
rappreżentanti ta' partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livell tal-UE
min-naħat tal-provvista u tal-bejgħ bl-imnut tas-settur alimentari.
F’Novembru 2011, ir-rappreżentanti tas-suq kollha involuti fil-grupp ta’
ħidma tal-Forum dwar il-PKŻ b’mod konġunt qablu dwar ġabra
ta’ prinċipji ta’ prattika tajba f’relazzjonijiet vertikali fil-katina
tal-provvista alimentari[20].
Dawn il-prinċipji jinkludu: previdibilità ta' tibdiliet
fil-kundizzjonijiet tal-kuntratti; responsabbiltà għar-riskju imprenditorjali
proprju; kif ukoll li t-talbiet u l-imposti jkunu ġustifikabbli. Fit-tieni pass,
f'Settembru 2013 tnieda qafas volontarju għall-implimentazzjoni
tal-prinċipji ta’ prattika tajba (l-Inizjattiva dwar il-katina
tal-provvista)[21].
Il-kumpaniji individwali jistgħu jissieħbu fl-Inizjattiva dwar
il-katina tal-provvista ladarba jkunu vvalutaw l-konformità tagħhom
mal-prinċipji ta’ prattika tajba. It-tilwim individwali jista', skont
il-qafas u suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jiġi
indirizzat permezz ta’ mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim,
medjazzjoni u arbitraġġ. Sabiex jiġu evitati l-PKŻ,
il-qafas ta’ implimentazzjoni jiffoka fuq rekwiżiti organizzazzjonali
fil-livell ta' kumpanija, inkluż it-taħriġ tal-persunal u
l-kapaċità ta' parteċipazzjoni fil-mekkaniżmi ta’
riżoluzzjoni ta’ tilwim ddefiniti fil-qafas. Il-ksur ta’ dawn
ir-rekwiżiti organizzattivi jista' jwassal biex il-kumpanija
kkonċernata tiġi eskluża minn din l-inizjattiva. Il-qafas
jobbliga lill-membri tiegħu jipprovdu assigurazzjoni li l-partijiet
l-aktar dgħajfa li jużaw il-mekkaniżmi għas-soluzzjoni
tat-tilwim ma jkunux suġġetti għal ritaljazzjoni
kummerċjali. L-inizjattiva
hija ġestita minn grupp ta’ governanza li huwa magħmul minn
assoċjazzjonijiet differenti ta’ partijiet ikkonċernati li
jirrappreżentaw l-operaturi fil-katina tal-provvista alimentari. S’issa,
disa’ xhur wara t-tnedija, irreġistraw 98 grupp ta’ bejgħ bl-imnut,
bl-ingrossa u ta' manifattura u kumpaniji irreġistraw , li
jirrappreżentaw 736 kumpanija operattiva madwar l-Istati Membri
kollha tal-UE. L-għadd ta’ SMEs li qed jirreġistraw qed jiżdied.
Madankollu, mhux l-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha tal-partijiet
ikkonċernati ffirmaw il-qafas. B’mod partikolari, ir-rappreżentanti
tal-produtturi primarji (jiġifieri l-bdiewa) u tal-industrija
tal-ipproċessar tal-laħam żammew lura milli jipparteċipaw
fil-grupp ta' governanza tal-iskema fil-livell tal-UE. Għalkemm dawn
jaqblu mal-prinċipji, dawn il-partijiet ikkonċernati huma
mħassba dwar in-nuqqas ta’ infurzar indipendenti u effettiv fi ħdan
l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista. Xi wħud minnhom madankollu
jipparteċipaw fil-livell nazzjonali. Il-partijiet
ikkonċernati ma jqisux li l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista
tindirizza b’mod suffiċjenti il-fattur ta' biża’ għal partijiet
kummerċjali ekonomikament dipendenti, li ssemma qabel, b'mod
speċjali peress li kumpanija li tkun esposta għal PKŻ ma jkollha
l-ebda possibbiltà biex tressaq ilmenti kunfidenzjali. L-inzjattiva volontarja
tipprovdi li jkun hemm kunfidenzjalità biss fil-każ ta’ tilwimiet
aggregati permezz tal-possibbiltà li l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet
ikkonċernati jitolbu interpretazzjoni tal-prinċipji mingħand
il-grupp ta’ governanza u l-aċċess għall-mekkaniżmi
tar-riżoluzzjoni tat-tilwim jirrekjedi l-ftehim taż-żewġ
partijiet kontraenti. L-inizjattiva lanqas ma tipprovdi għal
investigazzjonijiet jew sanzjonijiet jekk kumpanija tikser il-prinċipji
tal-prattiki tajba. Għandu jkun
rikonoxxut li hemm limiti sa fejn tista' tasal inizjattiva awtoregolatorja
fil-provvista ta' mekkaniżmu għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim.
Għaldaqstant, jekk l-Inizjattiva tal-katina ta' provvista tiġi
ssupplimentata b’miżuri ta’ infurzar indipendenti, f’dawk l-Istati Membri
fejn tali miżuri bħalissa ma jeżistux, dan jista' jżid
l-effikaċja tal-inizjattiva u jkun jidher li jelimina r-raġuni
prinċipali għaliex ċerti gruppi ta’ partijiet ikkonċernati
ma jkunux ingħaqdu mal-qafas tal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista. F’dan il-kuntest
għandu jiġi nnutat li r-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament
Ewropew dwar kwistjonijiet relatati mal-bejgħ bl-imnut adottat
f’Diċembru 2013 appoġġja l-prinċipji u l-qafas
tal-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista iżda fl-istess ħin stieden
lill-Kummissjoni biex teżamina l-ħtieġa u l-fattibbiltà ta’
infurzar indipendenti biex jiġi indirizzat il-fattur ta' biża li
ssemma qabel li jkollhom il-parteċipanti ż-żgħar fil-katina
ta' provvista[22].
5.
Strateġija effettiva kontra l-PKŻ
5.1.
Użu komprensiv mis-suq tal-inizjattiva dwar
il-katina ta' provvista
Il-kodiċi
volontarji tal-imġiba huma pedament importanti fil-ħolqien ta’
ambjent fejn l-impriżi jittrattaw ma’ xulxin b’mod ġust u
sostenibbli. Dawn jistgħu b’mod effiċjenti jkunu ta' għajnuna
biex jiġu stabbiliti l-mentalitajiet, l-approċċi ta' negozjar u
l-mekkaniżmi ta' riżoluzzjoni t-tajba fl-organizzazzjoni, biex b’hekk
jitnaqqsu jew idealment jiġu eliminati l-prattiki kummerċjali
żleali. Barra minn hekk, il-kodiċi volontarji jistgħu jipprovdu
proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn żewġ partijiet
f’relazzjoni vertikali, li ħafna drabi jista’ jgħin biex jiġu
evitati proċeduri legali twal u kkumplikati. L-Inizzjattiva dwar il-katina
ta' provvista għalhekk tikkostitwixxi pass importanti ħafna biex
jiġu indirizzati l-PKŻ. L-istabbiliment ta' pjattaformi nazzjonali
skont l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista tista’ tkompli
ssaħħaħ l-effetti pożittivi tagħha. Is-suġġeriment
għat-triq 'il quddiem: (1) Il-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-impriżi u
l-organizzazzjonijiet rilevanti kollha fil-katina tal-provvista alimentari
biex jiffirmaw inizjattiva volontarja li tindirizza l-PKŻ, b’mod
partikolari l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista, sabiex juru l-impenn
tagħhom, jibnu l-fiduċja fil-katina tal-provvista alimentari u jiksbu
l-massa kritika u l-kopertura wiesgħa li jkunu jinħtieġu skemi
bħal dawn biex ikunu effettivi. (2) Il-Kummissjoni tħeġġeġ
lill-impriżi fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jippromwovu b’mod
attiv l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista fost l-imsieħba
kummerċjali tagħhom u biex jinfurmawhom bid-drittijiet u l-obbligi
tagħhom. Huma għandhom awtomatikament jinfurmaw lil kull wieħed
mis-sħab kummerċjali hekk kif ikunu ngħaqdu mal-Inizjattiva dwar
il-katina ta' provvista u għandhom jinkoraġġixxu lis-sħab
kummerċjali tagħhom jagħmlu l-istess. (3) Il-grupp ta’ governanza tal-Inizjattiva dwar il-katina ta'
provvista għandu jkompli bl-isforzi tiegħu u
jsaħħaħhom biex jibni kuxjenza akbar fost l-SMEs u jsib modi
effiċjenti għalihom biex jissieħbu fl-inizjattiva. L-SMEs huma
l-benefiċjarji ewlenin ta’ skemi bħal dawn, għalhekk huwa
kruċjali li l-parteċipazzjoni tagħhom tkun massimizzata. (4) Il-grupp ta’ governanza tal-Inizjattiva tal-katina ta'
provvista għandu jkompli bl-isforzi tiegħu biex jimbotta u
jiffaċilita l-ħolqien ta’ pjattaformi nazzjonali f’kull Stat Membru
tal-UE. (5) Il-Kummissjoni ser tkompli tiffaċilita l-iskambju ta’
informazzjoni u d-diskussjoni bejn gruppi ewlenin ta’ partijiet
ikkonċernati u taħdem mill-qrib mal-grupp ta' governanza
tal-inizjattiva biex timmassimizza l-firxa tagħha, b'mod partikolari lejn
l-SMEs, u se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp tal-inizjattiva u
tħeġġeġ biex l-Inizjattiva dwar il-katina ta' provvista
taħdem fuq it-tisħiħ tas-sistemi tal-mekkaniżmu tad-disputi
u tas-sanzjonar.
5.2.
Prinċipji ta’ prattika tajba
Dawk l-Istati
Membri li diġà kienu indirizzaw il-PKŻ fil-livell nazzjonali
għażlu approċċi differenti biex jagħmlu dan,
inkluż definizzjonijiet differenti ta’ prattiki inġusti.
Definizzjonijiet nazzjonali bħal dawn ivarjaw minn deskrizzjonijiet
wiesgħa ħafna għal listi dettaljati ta’ prattiki projbiti.
Min-naħa l-oħra, xi Stati Membri ma ħadu l-ebda azzjoni
speċifika kontra l-PKŻ. Sabiex il-PKŻ jiġu indirizzati
b’mod effettiv madwar l-UE kollha, u partikolarment bejn il-fruntieri, ikun ta'
ġid li tiġi instawrata mentalità komuni għar-regoli ta' infurzar
tal-PKŻ. L-Inizjattiva
tal-katina ta' provvista ma tinkludix definizzjoni preċiża
tal-PKŻ, iżda tipprovdi lista ta’ prinċipji ta’ prattika tajba u
eżempji ta’ prattiki ġusti u oħrajn żleali. Dawn
il-prinċipji ġew maqbula b’mod konġunt bejn
l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha
tal-UE fil-katina ta' provvista alimentari vertikali fil-qafas tal-Forum ta’
Livell Għoli. Għalhekk,
huma jirrappreżentaw bażi utli biex jiġu identifikati l-prassi
żleali li jistgħu jiġu indirizzati f'inizjattivi potenzjali dwar
il-PKŻ. L-identifikazzjoni tal-PKŻ imbagħad tippermetti li
jiġu mfassla prinċipji biex jiġu indirizzati. Ta' min ifakkar li
fl-applikazzjoni ta' ċerti prinċipji l-atturi ekonomiċi
għandhom jaraw li huma jkunu konformi mar-regoli applikabbli kollha,
inkluża l-liġi nazzjonali u/jew Ewropea dwar il-kompetizzjoni, skont
kif ikun relevanti. Il-prinċipji
ddefiniti fil-Forum ta' Livell Għoli u approvat permezz tal-Inizjattiva
dwar il-katina ta' provvista huma kif ġej: (a)
Ftehimiet bil-miktub: Il-ftehimiet għandhom
ikunu bil-miktub, sakemm dan ma jkunx prattikabbli jew fejn il-ftehimiet
bil-fomm ikunu aċċettabbli jew konvenjenti għat-tnejn.
Għandhom ikunu ċari u trasparenti, u jkopru kemm jista’ jkun elementi
rilevanti, inklużi drittijiet u proċeduri ta’ terminazzjoni. (b)
Prevedibbiltà: M’għandux isir tibdil
unilaterali fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt, sakemm ma jkunx hemm qbil minn
qabel dwar din il-possibbiltà u ċ-ċirkostanzi u l-kundizzjonijiet
tagħha. Il-ftehimiet għandhom jagħtu profil tal-proċess
biex kull parti tiddiskuti mal-parti l-oħra kull bidla meħtieġa
għall-implimentazzjoni tal-ftehim jew minħabba ċirkostanzi imprevisti,
kif stipulat fil-ftehim. (c)
Konformità: Għandu jkun hemm konformità
mal-ftehimiet. (d)
Informazzjoni: Fejn ikun hemm skambju ta’
tagħrif, dan għandu jsir b’konformità stretta mal-liġi dwar
il-kompetizzjoni u liġijiet oħra applikabbli, u l-partijiet
għandhom joqogħdu raġonevolment attenti biex jiżguraw li
l-informazzjoni mogħtija tkun korretta u ma tqarraqx. (e)
Kunfidenzjalità: Il-kunfidenzjalità
tal-informazzjoni għandha titħares sakemm l-informazzjoni ma tkunx
diġà pubblika jew tkun inkisbet b’mod indipendenti mill-parti li
tirċeviha legalment u b’intenzjonijiet tajba. L-informazzjoni
kunfidenzjali għandha tintuża mill-parti li tirċeviha
għall-fini biss li għalih tkun ġiet ikkomunikata. (f)
Responsabilità għar-riskju: Il-partijiet
kontraenti kollha fil-katina ta’ provvista għandhom iġorru r-riskji
intraprenditorjali xierqa tagħhom. (g)
Talba ġustifikabbli: Parti kontraenti
m’għandhiex tuża theddid biex tikseb vantaġġ mhux
ġustifikat jew biex tittrasferixxi spiża mhux ġustifikata. Is-suġġeriment
għat-triq 'il quddiem: (6) Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati
Membri biex jeżaminaw kemm il-qafas regolatorju nazzjonali preżenti
tagħhom ikunx ta' livell xieraq biex jindirizza l-PKŻ,
f'kunsiderazzjoni tal-aħjar prattika fi Stati Membri oħra. L-Istati
Membri għandhom jikkunsidraw ukoll effetti oħra li jista' jkun hemm
mill-PKŻ, fosthom iż-żieda fl-ikel għall-ħela.
Għal dan l-għan, l-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw jekk
l-oqfsa tagħhom jistgħux jiddependu fuq lista ta’ prattiki jew fuq
dispożizzjoni ġenerali li tippermetti li jiġi indirizzat ksur
possibbli tal-prinċipji msemmija. (7) Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom
jinkoraġġixxu l-impriżi fit-territorju tagħhom biex
jingħaqdu ma' kodiċi volontarji ta’ kondotta, kemm fil-livell
nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE. (8) Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-iskambju
tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri, pereżempju billi torganizza
workshops ma’ esperti minn amministrazzjonijiet nazzjonali.
5.3.
Garanzija ta' infurzar effettiv fil-livell
nazzjonali
Sabiex ikun hemm
żgur fattur kredibbli ta' deterrent kontra l-użu tal-PKŻ, huwa
meħtieġ infurzar xieraq. Jekk il-parti
l-aktar dgħajfa f’relazzjoni kummerċjali tkun ekonomikament
dipendenti fuq il-parti li magħha jkollha relazzjoni kummerċjali, u
li tkun aktar b'saħħitha, tista' toqgħod lura milli titlob
rimedju għal PKŻ permezz ta’ litigazzjoni fil-qorti jew
mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni volontarja. Jistgħu jinqalgħu
sitwazzjonijiet ta' dipendenza ekonomika. Pereżempju, studju li sar
mill-Kummissjoni Spanjola tal-Kompetizzjoni[23]
juri li fl-2010 bħala mejda kważi 40% tad-dħul tal-fornituri
fil-katina ta' provvista tal-prodotti tal-ikel kien ġenerat minn tliet
bejjiegħa bl-imnut biss. F'każi estremi, is-sitwazzjoni ta'
dipendenza ekonomika tfisser li l-vijabilità ekonomika ta' parti li tixtri jew
li tbiegħ tiddependi fuq ir-relazzjonijiet kummerċjali individwali.
Fil-każ fejn il-PKŻ ma jkunu denunzjati minħabba l-"fattur
ta' biża'" li tintilef ir-relazzjoni kuntrattwali, l-oqfsa
fil-konfront tal-PKŻ jistgħu jissaħħu b'mod sinifikanti
jekk il-parti l-iktar dgħajfa jkollha l-possibilità li tkun tista'
tirrikorri għand awtorità indipendenti jew korp b’setgħat ta’
infurzar u bil-possibbiltà li tiġi protetta l-kunfidenzjalità ta' min
iressaq l-ilment. Is-suġġeriment
għat-triq 'l quddiem: (9) Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jevalwaw
l-effettività u l-kredibilità tal-mekkaniżmi disponibbli tagħhom
għat-tisħiħ tar-regoli kontra l-PKŻ. L-Istati Membri huma
mistiedna jikkunsidraw jekk jistax ikun xieraq li jittieħdu miżuri
proċedurali jew organizzattivi ulterjuri, li jkunu bbażati fuq
l-aħjar prattiki fi Stati Membri oħra. Għandha tingħata
attenzjoni partikolari lill-kapaċità li tiġi miżmuma
l-kunfidenzjalità ta’ kumpaniji individwali li jissottomettu l-ilmenti u
l-possibbiltà li jitwettqu investigazzjonijiet. (10) Il-mekkaniżmi ta’ infurzar nazzjonali, li jistgħu
jkunu jinkludu korpi dedikati, għandhom ikunu fil-pożizzjoni li
jikkoperaw b'mod effettiv fil-livell tal-UE sabiex jindirizzaw il-PKŻ bejn
il-fruntieri u biex jiġi evitat arbitraġġ regolatorju possibbli. (11) Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja
l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri billi tiffaċilita l-iskambju ta’
informazzjoni bejn il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ infurzar. (12) Fl-iżvilupp u l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’
infurzar, l-Istati Membri għandhom jaġixxu b’mod proporzjonali,
filwaqt li jitqiesu kwalunkwe impatt li jista' jkun hemm għall-partijiet
ikkonċernati u l-ġid tal-konsumatur. B’mod partikolari, huma
għandhom japplikaw l-istess kriterji u prattiċi ta’ infurzar kemm
fil-każ ta' operaturi domestiċi fis-suq kif ukoll ta' dawk barranin.
5.4.
Il-benefiċċji u l-kostijiet potenzjali
tat-tnaqqis tal-PKŻ
Il-benefiċċji
potenzjali tal-eliminazzjoni jew għall-inqas tat-tnaqqas tal-PKŻ
jistgħu jkunu sostanzjali. Meta wieħed jipprova jidentifika tali
benefiċċji u kosti, jidher li jistgħu jiġu kkawżata
ieffetti f'livelli differenti. F'relazzjonijiet bilaterali individwali,
il-benefiċċji li jista' jkun hemm meta jiġu indirizzati
l-PKŻ huma pjuttost ovvji. Il-PKŻ
spiss ikollhom impatt finanzjarju negattiv dirett fuq il-kumpaniji li fuqhom
jintużaw. Barra minn hekk, l-imġiba imprevedibbli mill-partijiet
kummerċjali li jabbużaw mill-pożizzjoni ta’ negozjar superjuri
tagħhom tista’ twassal għal telf ta’ effiċjenza ekonomika,
pereżempju inqas investimenti jew produzzjoni żejda jew nieqsa
minħabba l-imprevedibbiltà u l-kostijiet miżjuda
tat-tranżazzjonijiet marbuta mar-riskju ta’ bidliet unilaterali u mhux
mistennija tal-kundizzjonijiet kummerċjali. Għaldaqstant jista' jkun
hemm kisbiet sinifikanti meta r-relazzjonijiet kummerċjali jsiru aktar
sostenibbli fil-katina ta' provvista alimentari. Dan jista' possibilment
jiġi estiż lil hinn mill-benefiċċji diretti u s-serħan
finanzjarju għal kumpaniji li qabel kienu s-suġġett ta'
PKŻ, jiġifieri fil-biċċa l-kbira tal-każi SMEs.
Il-mekkaniżmi ssuġġeriti f’din il-Komunikazzjoni jistgħu
wkoll itaffu l-impatti tal-PKŻ fuq partijiet aktar dgħajfa
f’pajjiżi terzi, inkluż f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. Għas-suq
kollu kemm hu, l-evalwazzjoni tal-effetti tal-PKŻ u l-impatti
ġenerali pożittivi tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni possibbli
tagħhom hija aktar kumplessa. Fir-rigward tal-impatt potenzjali fuq
il-konsumaturi, ma hemm ebda evidenza li tindika li jista' jkun hemm impatt
negattiv fuq il-prezzijiet tal-konsumatur[24]
f’dawk l-Istati Membri fejn il-PKŻ ikunu regolati u fejn il-korpi
pubbliċi jieħdu azzjoni kontra l-abbużi li jsir minn negozju fuq
ieħor. F'dawk il-każijiet fejn il-PKŻ jista’ jkollhom effetti
negattivi fuq l-għażla, id-disponibilità u l-kwalità tal-prodott,
it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni ta’ dawn il-prattiki tista’ titiqies li tkun ta’
benefiċċju għall-konsumaturi. F'dak li
għandu x'jaqsm mal-impatt tal-kosti, ma jkun hemm l-ebda kostijiet
addizzjonali għan-negozji li diġà jaderixxu mal-Inizjattiva dwar
il-katina ta' provvista, jew li jkunu qed jippjanaw li jaderixxu magħha,
jew inkella ma' oqsfa nazzjonali simili. L-approċċ
issuġġerit ma jimplika l-ebda kostijiet għall-Istati Membri fejn
il-qafas regolatorju attwali jkunu jissodisfa l-kriterji deskritti hawn fuq. F’dawk
l-Istati Membri li jagħżlu li jaġġustaw il-qafas
tagħhom f’konformità ma’ dan ta’ hawn fuq, il-kostijiet tal-infurzar ikunu
jiddependi fuq jekk ikunx qed jintuża mekkaniżmu eżistenti
għal dawn l-iskopijiet jew jekk jiġux stabbiliti arranġamenti
organizzattivi jew proċedurali ġodda.
6.
Konklużjonijiet
Il-prattiki bejn
il-parteċipanti fis-suq fil-katina tal-provvista alimentari huma
fil-biċċa l-kbira tal-każi ġusti u sostenibbli
għaż-żewġ partijiet. Madankollu, il-partijiet
ikkonċernati matul il-katina ta' provvista jaqblu li l-PKŻ
jeżistu tassew u huma l-SMEs b'mod speċjali li jressqu l-argument li
dawn iseħħu relattivament ta' spiss u li dawn għandhom effetti
negattivi fuq il-vijabilità finanzjarja tagħhom u fuq il-kapaċità
tagħhom li jagħmlu n-negozju. Il-konsultazzjoni bbażata fuq il-Green
Paper, l-istudji paralleli u xi wħud mill-inizjattivi nazzjonali l-iktar
riċenti jindikaw li "approċċ imħallat",
jiġifieri skemi volontarji kkumplementati b’infurzar kredibbli u effettiv
ibbażat fuq prinċipji paragunabbli, jista’ jkun xieraq biex jindirizza
l-PKŻ. Fil-preżenza ta’ fattur kredibbli ta' deterrent, inizjattivi
volontarji bħal ma hija l-Inizjattiva tal-katina ta' provvista tista' tkun
il-mod primarju għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti bejn il-partijiet
kummerċjali filwaqt li l-infurzar pubbliku jew il-litigazzjoni fil-qorti
jintużaw biss jekk l-alternattiva aktar effiċjenti u rapida ta’
soluzzjoni bilaterali ma tkunx vijabbli. B'hekk, it-triq 'l quddiem proposta
f’din il-Komunikazzjoni mhux biss tikkumplimenta iżda wkoll issaħħaħ
l-Inizjattiva tal-katina ta' provvista billi ssir iktar attraenti għal
dawk il-gruppi ta' partijiet ikkonċernati li sa issa baqgħu lura
milli jingħaqdu, minħabba t-tħassib tagħhom dwar nuqqas ta’
infurzar effettiv. Sabiex jiġu
indirizzati l-kwistjonijiet rigward il-PKŻ, din il-Komunikjazzjoni
tipproponi ġabra flimkien ta' oqsfa voluntarji u regolatorji, li
jidentifikaw il-PKŻ u l-prinċipji biex jiġu indirizzati,
fil-kunsiderazzjoni taċ-ċirkostanzi u l-approċċi nazzjonali
differenti. Filwaqt li xi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni
speċifika, oħrajn jistrieħu fuq prinċipji ġenerali
tad-dritt u/jew fuq inizjattivi awtoregolatorji. Fil-kunsiderazzjoni dwar jekk
humiex meħtieġa aktar miżuri, f’konformità ma’ din
il-Komunikazzjoni u f'kunsiderazzjoni tal-aħjar prattika, l-Istati Membri
għandhom jaġixxu b’mod proporzjonali u jqisu kwalunkwe impatt fuq
il-partijiet ikkonċernati u l-ġid tal-konsumatur. Fil-livell
tal-Kummissjoni, l-azzjonijiet proposti ma għandhom l-ebda impatt
baġitarju lil hinn minn dak li huwa diġà previst għas-snin li
ġejjin fl-ipprogrammar uffiċjali. Il-Kummissjoni
se timmonitorja u tevalwa l-progress magħmul billi tevalwa (i) l-impatt
reali tal-Inizjattiva tal-katina ta' provvista u l-pjattaformi nazzjonali
tagħha[25]
u (ii) il-mekkaniżmi ta’ infurzar stabbiliti mill-Istati Membri biex
tizdied il-fiduċja u l-kunfidenza tal-partijiet kollha fil-funzjonament
xieraq ta’ katina sostenibbli ta' provvista alimentari. Il-Kummissjoni
se tippreżenta rapport lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew fi tmiem
l-2015. Fid-dawl ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni se tiddeċiedi jekk
għandhiex tittieħed azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE biex
jiġu indirizzati l-kwistjonijiet deskritti. [1] L-infiq fuq l-ikel jammonta għal madwar 14 %
tal-baġit medju tal-unitajiet domestiċi (dejta HBS tal-Eurostat) [2] Rapport tal-Forum ta’ Livell Għoli għal
funzjonament aħjar tal-katina tal-provvista alimentari, Diċembru 2012 [3] Ara l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2009)591
finali: A better functioning food supply chain
in Europe http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/publication16061_en.pdf [4] Stħarriġ dwar prattiki kummerċjali
żleali fl-Ewropa, Marzu 2011, organizzat minn Dedicated f'isem CIAA (l-assoċjazzjoni
Ewropea tal-industrija tal-ikel u x-xorb) u AIM (l-assoċjazzjoni Ewropea
tal-marki) [5] Rapport dwar ir-relazzjonijiet bejn il-manifatturi u
l-bejjiegħa bl-imnut fis-settur tal-ikel, Comisión Nacional de la
Competencia, Ottubru 2011 [6] Indagine conoscitiva sul
settore della GDO – IC43, Awwissu 2013 [7] Ara wkoll il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2011)78
finali: Ir-reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar
fl-Ewropa, fejn jingħad li “... l-SMEs ħafna drabi
jaffaċċjaw kundizzjonijiet kuntrattwali u prattiki żleali
imposti minn diversi atturi fil-katina tal-forniment.” [8] Il-miżuri ta' appoġġ
għall-ħolqien u l-iżvilupp tal-organizzazzjonijiet
tal-produtturi jeżistu taħt il-programm il-ġdid
tal-iżvilupp rurali, li jista' jkun ta' għajnuna għall-produtturi
fil-konfront ta' xerrejja akbar. [9] L-Organizzazzjoni Komuni għas-Swieq il-ġdida,
għas-sajd u għall-prodotti tal-akkwakultura (ir-Regolament (UE)
Nru 1179/2013) tipprovdi sostenn lill-organizzazzjoni tal-produtturi biex
jitjieb it-tqegħid fis-suq tal-prodotti tagħhom u tal-pożizzjoni
fis-suq tagħhom permezz tal-produzzjoni u l-pjani ta'
kummerċjalizzazzjoni. [10] Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni
tat-30 ta’ Lulju 2010 li tistabbilixxi l-Forum ta' livell għoli
dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel (2010/C
210/03). [11] Il-Belġju, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi
u l-Finlandja [12] Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar
żbilanċi fil-katina tal-provvista alimentari tad-19.01.2012 [13] Green Paper dwar prattiki kummerċjali inġusti
fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal
negozju fl-Ewropa COM(2013) 37, il-31 ta' Jannar 2013 [14] L-impatt tal-PKŻ fis-settur Ewropea agrikolu u
tal-ikel, April 2013, organizzat minn Dedicated f'isem COPA COGECA
(l-assoċjazzjoni Ewropea tal-bdiewa u l-kooperattivi agrikoli) [15] Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u
komparattiv [16] Id-Direttiva 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar
klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur [17] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni ta' kompetenza u tan-negozju
(sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali
tagħhom tat-28 ta' Novembru 2013, COM(2013) 813 finali [18] Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill dwar Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ
tal-11 ta' Ottubru 2011 COM(2011)635 finali [19] Id-Direttiva 2005/29/KE
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar
prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq
intern. [20] http://www.supplychaininitiative.eu [21] Id. [22] Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013
dwar il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew dwar il-Bejgħ bl-Imnut
għall-benefiċċju tal-parteċipanti kollha [23] Rapport dwar ir-relazzjonijiet bejn il-manifatturi u
l-bejjiegħa bl-imnut fis-settur tal-ikel, Comisión Nacional de la
Competencia, Ottubru 2011 [24] Għar-rigward tal-iżviluppi ġenerali
tal-prezzijiet, l-Istrument Ewropew għall-monitoraġġ
tal-prezzijiet tal-ikel huwa strument utli:
http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/food/competitiveness/prices_monitoring_en.htm [25] F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tikkunsidra li ttawwal
il-mandat tal-Forum ta’ Livell Għoli għal funzjonament aħjar
tal-katina ta' provvista alimentari sabiex issegwi l-implimentazzjoni
tal-azzjonijiet stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni permezz ta’ djalogu
trasparenti mal-partijiet ikkonċernati privati u mal-awtoritajiet
nazzjonali.