This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0446
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Green Employment Initiative: Tapping into the job creation potential of the green economy
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inzjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inzjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi
/* COM/2014/0446 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Inzjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi /* COM/2014/0446 final */
1. Introduzzjoni L-istrateġija Ewropa 2020
tirrikonoxxi r-rwol ċentrali tat-tranżizzjoni lejn ekonomija
ekoloġika, b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju u effiċjenti
fir-riżorsi biex jinkiseb tkabbir intelliġenti, sostenibbli u
inklużiv. L-użu ineffiċjenti tar-riżorsi, il-pressjoni
insostenibbli fuq l-ambjent, u t-tibdil fil-klima, kif ukoll l-esklużjoni
soċjali u l-inugwaljanzi joħolqu sfidi għal tkabbir ekonomiku
fit-tul u mudell tat-tkabbir alternattiv, li jmur “lil hinn mill-PDG”, ilu fuq
l-aġenda għal ħafna snin[1].
Mudell għal tkabbir
ekoloġiku – li jwassal għal ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju,
reżiljenti għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi -
jintuża biex jiddeskrivi bidla ekonomika strutturali li prinċipalment
hija mmexxija minn skarsezza tar-riżorsi, minn bidla teknoloġika u
mill-innovazzjoni, minn swieq ġodda, u minn bidliet fix-xejriet
industrijali u tad-domanda tal-konsumaturi[2].
Ir-riżorsi, il-materja prima u l-prezzijiet tal-enerġija[3]
inevitabbilment se jkollhom impatt fuq l-istruttura tal-kostijiet
tal-kumpaniji, għaliex id-domanda globali għal dawk ir-riżorsi
se tkompli tiżdied minħabba żieda fil-konsum fl-ekonomiji
emerġenti. Il-mudell lineari tal-lum li wieħed “jieħu,
jimmanifattura, jikkonsma u jarmi” – progressivament se jersaq lejn mudell
ċirkolari fejn wieħed jikseb aktar valur miżjud u se jibbenefika
aktar minn kull tunnellata ta’ materjal, kull joule ta’ enerġija u kull
ettaru ta’ art, bl-iffrankar, bl-użu mill-ġdid u
bir-riċiklaġġ tal-materjali, u fejn il-produttività
tar-riżorsi se jiddefinixxi l-kompetittività fil-ġejjieni[4]. It-tkabbir ekoloġiku huwa kemm
sfida kif ukoll opportunità għas-suq tax-xogħol u
għall-ħiliet li, min-naħa tagħhom, huma fatturi ewlenin li
jippermettu t-tkabbir ekoloġiku. It-tranżizzjoni se ġġib
magħha trasformazzjonijiet fundamentali fl-ekonomija kollha kemm hi u
f’ħafna setturi differenti: se jinħolqu impjiegi ġodda, xi
impjeigi se jiġu sostitwiti filwaqt li oħrajn se jiġu ddefiniti
mill-ġdid[5].
F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li l-miżuri u l-għodod tas-suq tax-xogħol
jiġu mmirati b’mod iżjed preċiż u li l-koordinazzjoni
tittejjeb biex jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa biex isostnu
l-impjiegi ekoloġiċi, biex titnaqqas l-insuffiċjenza ta’
ħiliet u n-nuqqas ta’ ħaddiema, u biex tiġi antiċipata
l-bidla fil-ħtiġijiet tal-kapital uman. Il-Pakkett dwar l-Impjiegi
tal-Kummissjoni tal-2012 iressaq qafas għal irkupru li jkun rikk
fl-impjiegi billi jagħmel enfasi fuq il-ħtieġa li jkomplu
jiġu żviluppati għodod tas-suq tax-xogħol u jidentifika
l-ħiliet meħtieġa sabiex jappoġġa l-bidla għal
ekonomija ekoloġika u l-progress lejn l-għanijiet tal-Ewropa 2020
għall-impjiegi[6].
L-Istħarriġ Annwali dwar
it-Tkabbir tal-2013 u 2014 jenfasizza l-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi
tal-ekonomija ekoloġika u l-ħtieġa li jiġu żviluppati
oqfsa strateġiċi fejn il-politiki tas-suq tax-xogħol u
tal-ħiliet jaqdu rwol attiv li jappoġġja l-ħolqien
tal-impjiegi[7].
Madankollu, oqfsa ta’ politika integrata li jgħaqqdu t-tkabbir
ekoloġiku u l-impjiegi jeżistu biss f’għadd żgħir ta’
Stati Membri, bil-maġġoranza li għandhom approċċ
sparpaljat u frammentat[8]. Barra minn hekk, kif ġie ddikjarat
fis-7 Programm ta’ Azzjoni Ambjentali, biex jiġi sfruttat
bis-sħiħ il-potenzjal tat-tkabbir u tal-impjiegi tal-ekonomija
ekoloġika jeħtieġ titjib fl-integrazzjoni ambjentali u
fil-koerenza tal-politika sabiex il-politiki settorjali fil-livell tal-Unjoni u
tal-Istati Membri jiġu żviluppati u implimentati[9]. Fl-2014 il-Pjattaforma Ewropea għall-użu
effiċjenti tar-riżorsi (European Resource Efficiency Platform) enfasizzat
ukoll il-ħtieġa li tiġi żviluppata strateġija
wiesgħa biex l-impjiegi il-ħiliet u l-edukazzjoni jsiru aktar
ekoloġiċi, u appellat lill-UE biex tintegra l-għanijiet
tas-sostenibbiltà, tidentifika l-istrumenti tas-suq tax-xogħol li
jakkumpanjaw din it-tranżizzjoni, timmobilizza l-finanzjament tal-UE,
tappoġġa l-iskambju ta’ prassi tajba, tippromwovi
s-sensibilizzazzjoni u l-impenn, u tiżgura segwitu tal-koordinazzjoni
tal-politika ekonomika fis-Semestru Ewropew[10]. Din il-Komunikazzjoni għandha
l-għan li tiddefinixxi qafas strateġiku tal-kundizzjonijiet li
jippermettu l-politiki dwar is-suq tax-xogħol u dwar il-ħiliet biex
jieħdu rwol attiv biex jappoġġaw l-impjiegi u l-ħolqien
tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika. Hija tressaq reazzjonijiet u
għodod ta’ politika mmirati biex jiżguraw l-integrazzjoni
tal-aġendi ambjentali u tal-impjiegi u jikkontribwixxu biex jintlaħqu
l-għanijiet tal-Ewropa 2020. 2. Lejn ekonomija
ekoloġika – l-opportunitajiet u l-isfidi għas-suq tax-xogħol L-ekoloġizzazzjoni
tal-ekonomija hija xprunata prinċipalment minn xejra globali fit-tul
tal-iskarsezza tar-riżorsi u ż-żieda fil-prezzijiet
tal-enerġija u tal-materja prima li hija aggravata mid-dipendenza dejjem
tikber tal-Ewropa fuq l-importazzjonijiet ta’ dawn ir-riżorsi. Sabiex jiġu
indirizzati dawn l-isfidi, l-UE implimentat għadd ta’ politiki u
strateġiji mmirati biex jappoġġaw il-bidla għal ekonomija
li tuża r-riżorsi b’effiċjenza u b’livell baxx ta’ emissjonijiet
tal-karbonju, filwaqt li tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. L-aktar
waħda sinifikanti hija l-Pakkett tal-2020 dwar il-Klima u l-Enerġija,
li jistabbilixxi miri li għandhom jintlaħqu sal-2020 ta’ tnaqqis
tal-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra, ta’ sorsi ta’ enerġija
rinnovabbli u ta’ effiċjenza enerġetika mtejba. Huwa
aċċettat b’mod ġenerali li t’tranżizzjoni
b’suċċess lejn ekonomija ekoloġika li tkun effiċjenti
fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija se ssawwar mill-ġdid
is-swieq tax-xogħol. Għalhekk jeħtieġ li wieħed jifhem
l-implikazzjonijiet tas-suq tax-xogħol biex l-aġġustamenti
strutturali jiġu antiċipati u ġestiti aħjar[11]. Sar
ħolqien konsiderevoli ta’ impjiegi fis-settur tal-oġġetti u
s-servizzi ambjentali (EGSS) – ħafna drabi msejjaħ “impjiegi
ekoloġiċi” – anki matul il-kriżi ekonomika. L-impjiegi fl-UE
żdiedu minn 3 għal 4,2 miljuni bejn l-2002 u l-2011, u dan jinkludi
20 % matul is-snin ta’ riċessjoni[12].
Il-potenzjal
tal-ħolqien ta’ impjiegi marbut mal-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, mal-effiċjenza enerġetika, mal-ġestjoni tal-iskart u
tal-ilma, mal-kwalità tal-arja, mar-restawr u l-preservazzjoni
tal-bijodiversità u mal-iżvilupp tal-infrastruttura ekoloġika huwa
sinifikanti u għandu jkun jista’ jirreżisti għall-bidliet
fiċ-ċiklu tan-negozju. Barra minn hekk, żieda ta’ 1 % fir-rata tat-tkabbir tal-industrija tal-ilma fl-Ewropa
tista’ toħloq bejn 10 000 u 20 000 impjieg ġdid[13].
It-turiżmu u r-rikreazzjoni f’siti ta’ Natura 2000 huma stmati li
jsostnu direttament madwar 8 miljun impjieg li jikkorrispondi għal
6 % tal-impjiegi totali fl-UE[14].
L-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar
il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart tista’ toħloq aktar minn 400 000 impjieg ġdid[15],
u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart li l-Kummissjoni
pproponiet issa tista’ toħloq 108 000 impjieg ieħor[16],
filwaqt li jinfetħu swieq ġodda, isir użu aħjar
tar-riżorsi, u jitnaqqsu d-dipendenza fuq l-importazzjoni ta’ materja
prima, u l-pressjoni fuq l-ambjent[17].
It-trasformazzjoni
interna u r-ridefinizzjoni tal-impjiegi se jaffettwaw is-setturi b’sehem
għoli ta’ emissjonijiet (l-enerġija, it-trasport, l-agrikoltura,
il-bini, li rispettivament jikkostitwixxu 33 %, 20 %, 12 % u
12 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-UE)[18].
Aktar investiment fl-insulazzjoni u fl-effiċjenza enerġetika x’aktarx
li jkollu impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi fis-settur
tal-kostruzzjoni fejn aktar minn erba’ miljun ħaddiem se
jeħtieġu titjib tal-ħiliet tagħhom[19].
L-impjiegi għandhom jinħolqu wkoll fis-setturi tal-bijomassa u
tal-bijofjuwils[20].
Fis-setturi tal-agrikoltura u tal-forestrija, il-komponenti ta’
ekoloġizzazzjoni li ġew introdotti dan l-aħħar itejbu
t-twassil tas-servizzi pubbliċi mill-agrikoltura u l-forestrija filwaqt li
jiżguraw it-tkabbir ekoloġiku f’dawn is-setturi. Hemm opportunitajiet
għall-ħolqien tal-impjiegi fis-settur agrikolu, b’mod partikolari
permezz tal-produzzjoni ta’ kwalità, tal-biedja organika, tal-ġestjoni
tal-pajsaġġ, tal-biedja ekoloġika/l-ekoturiżmu,
tas-servizzi ekoloġiċi (ambjentali) u/jew l-infrastruttura fiż-żoni
rurali. Għall-industriji
intensivi fl-enerġija (eż. tal-kimiċi jew tal-ħadid u
tal-azzar), l-istampa hija aktar kumplessa, peress li dawn jiffaċċjaw
kemm sfidi kif ukoll opportunitajiet li jirriżultaw mill-bżonn li
jitnaqqsu l-emissjonijiet u l-iżvilupp ta’ setturi ġodda u
tal-oġġetti. Sabiex tindirizza l-kompetittività tal-industriji li
huma f’riskju ta’ rilokazzjoni minħabba l-impatt tal-politiki dwar
il-klima, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ miżuri
għall-prevenzjoni ta’ “rilaxx tal-karbonju”[21].
Fis-settur tal-kimika, industrija aktar ekoloġika hija stmata li se
toħloq aktar impjiegi milli hemm fl-industrija taż-żejt u
fl-industrija kimika bħalissa[22].
Fl-industrija tal-azzar, l-użu ta’ materjali riċiklati, bħal
skart tal-azzar, jirriżulta f’iffrankar bil-ħafna ta’ enerġija u
għalhekk għandu impatt pożittiv fuq il-kompetittività
tas-settur. Fir-rigward
tal-ekonomija usa’, il-kumpaniji jistgħu jespandu s-swieq tagħhom u
joħolqu impjiegi ġodda, filwaqt li jittrasformaw dawk eżistenti
billi jżidu l-effiċjenza tal-proċessi tal-produzzjoni,
bl-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi li jiffrankaw ir-riżorsi,
billi jiżviluppaw mudelli ġodda ta’ negozju, jew billi joffru
prodotti u servizzi aktar sostenibbli.. Il-produttività tar-riżorsi tal-UE
kibret b’20 % fil-perjodu 2000-2011. Iż-żamma ta’ din ir-rata
għandha twassal għal żieda addizzjonali bi 30 % sal-2030, u
tista’ ssaħħaħ il-PDG bi kważi 1 %, filwaqt li jinħolqu aktar minn 2 miljun impjieg. 3. Ir-reazzjonijiet ta’ politika Swieq
tax-xogħol dinamiċi u li jiffunzjonaw tajjeb għandhom rwol
ewlieni x’jaqdu biex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija
ekoloġika u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Azzjoni
fil-livell tal-UE għandha tiffoka fuq dan li ġej: -
It-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet; -
L-antiċipazzjoni tal-bidla, il-kisba ta’
tranżizzjonijiet u l-promozzjoni tal-mobbiltà; -
L-appoġġ għall-ħolqien
tal-impjiegi; -
Iż-żieda fil-kwalità tad-dejta. 3.1 It-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet Filwaqt li
l-ekonomija ekoloġika se toħloq impjiegi ġodda u jiftaħ
swieq ġodda, il-kompetittività, il-kapaċità innovattiva u
l-produttività tal-Ewropa se jiddependu ħafna fuq id-disponibbiltà ta’
ħaddiema mħarrġa. Dan ifisser li għandu
jitħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħiliet (3.1.1); u li
għandhom jitbassru aħjar il-ħtiġijiet tal-ħiliet
fis-setturi u fl-industriji sabiex l-awtoritajiet u l-partijiet interessati
rilevanti jkunu jistgħu jadattaw għall-bidla (3.1.2). 3.1.1 L-iżvilupp
tal-ħiliet Filwaqt li l-Istati Membri qed
jiżviluppaw klassifikazzjonijiet ta’ ħiliet “ekoloġiċi”[23], issa
huwa stabbilit li t-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika se
jkollha impatt sinifikanti fuq il-ħiliet meħtieġa, b’żieda
fid-domanda għal forza tax-xogħol b’ħiliet fit-tkabbir
tal-ekoindustriji, għat-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema fis-setturi
kollha, u għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema f’setturi
vulnerabbli għar-ristrutturar[24].
L-intensità tal-ekoinnovazzjoni se jkollha impatt fuq
ir-rekwiżiti tal-ħiliet għall-impjiegi fis-setturi u
fl-industriji kollha. Fejn ikunu msaħħa minn innovazzjoni qawwija, l-impjiegi l-ġodda se jeħtieġu ħiliet ġeneriċi
kif ukoll ħiliet tax-xjenza, tat-teknoloġija u tal-matematika (STEM)
bħala parti mill-edukazzjoni obbligatorja u terzjarja. Se
jkun meħtieġ titjib tal-ħiliet fis-setturi u fl-impjiegi kollha
biex jinkisbu ħiliet u għarfien ġodda, bħall-għarfien
ta’ materjali ġodda ta’ insulazzjoni, approċċi ġodda
għal materjali tal-bini, id-disinn, l-inġinerija, l-għarfien ta’
regolamenti, eċċ. Il-ħiliet assoċjati mal-ekonomija
ekoloġika mhux dejjem ikunu ħiliet kompletament ġodda jew
“uniċi”. Dawn iħaltu kompetenzi trasversali ma’ settijiet ta’
ħiliet “speċifiċi”. F’xi każijiet, ċerti kompiti u
responsabbiltajiet, li jeħtieġu taħlitiet speċifiċi
ta’ ħiliet u għarfien, se jiffurmaw profili ġodda tax-xogħol. Biex jitħaffef l-adattament
tal-forza tax-xogħol u tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ
jeħtieġ li jkun hemm intervent immirat mill-awtoritajiet
pubbliċi biex jiġu evitati l-konġestjonijiet tal-ħiliet,
jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet tax-xogħol u
tittejjeb ir-reazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni għad-domanda emerġenti
tal-ħiliet u tal-kwalifiki. Dan jeħtieġ rieżami u
aġġornament tal-kwalifiki u tal-kurrikuli korrispondenti
tal-edukazzjoni u t-taħriġ[25].
Standards ta’
kwalità ta’ taħriġ settorjali, appoġġjati minn
mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-kwalità u minn sistemi
tal-akkreditazzjoni fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ETV),
għandhom jiġu żviluppati sabiex jaddattaw aħjar
għall-forniment tas-suq tax-xogħol tal-ETV.
Iċ-ċertifikazzjoni ta’ ħiliet ekoloġiċi miksuba b’mod
informali, appoġġjata minn taħriġ flessibbli li jwassal
għal kwalifiki, tista’ wkoll tappoġġja t-tranżizzjonijiet
għal ħaddiema affettwati mir-ristrutturar. Il-mekkaniżmi
tal-governanza għall-ETV jagħmlu użu aħjar tat-tbassir
tal-ħiliet. L-sħab soċjali settorjali għandhom ikunu
involuti aħjar fit-tfassil u fir-reviżjoni ta’ programmi ta’
taħriġ, ta’ kwalifiki u ta’ sistemi ta’ akkreditazzjoni. 3.1.2 It-tbassir
aħjar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet Billi bidliet strutturali
fl-ekonomija se jwasslu għal rekwiżiti ta’ ħiliet u impjiegi
emerġenti ġodda, jeħtieġ li jiġu vvalutati aħjar
l-iżviluppi tal-impjiegi u tal-ħiliet bil-għan li tiġi
ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika.
Sistemi tal-klassifikazzjoni bħall-“Klassifikazzjoni Ewropea ta’
Ħiliet, Kompetenzi, Kwalifiki u Impjiegi” (ESCO) jistgħu
jintużaw biex jidentifikaw id-diskrepanzi fil-ħiliet. Il-Panorama ta’
Ħiliet tal-UE, imnedija mill-Kummissjoni fl-2012, tipprovdi ħarsa
ġenerali tas-sejbiet Ewropej, nazzjonali u settorjali dwar il-prospetti
fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju, tal-ħtiġijiet ta’ impjiegi
u ħiliet. Is-servizzi pubbliċi
tal-impjiegi jipprovdu informazzjoni prezzjuża dwar ir-rekwiżiti
tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol. F’xi Stati Membri, is-servizzi
pubbliċi tal-impjiegi żviluppaw għodod biex jissorveljaw
id-domanda għal ħiliet ekoloġiċi f’diversi setturi
tal-ekonomija, inkluż fis-setturi ekoloġiċi[26].
F’dan il-kuntest, l-isfida hija li tintuża dejta eżistenti biex
jinbidlu jew jiġu adattati l-possibilitajiet ta’ taħriġ,
id-disponibbiltà, u l-format, kif ukoll il-proċessi ta’ taħriġ. Għalhekk huwa essenzjali li
jiġu żviluppati strateġiji għall-ġbir
tal-informazzjoni, li jiffoka fuq il-ħtiġijiet
tar-reklutaġġ proġettati u l-identifikazzjoni tal-ħiliet
meħtieġa. Kollaborazzjoni mill-qrib bejn
il-gvern, l-industrija, is-sħab soċjali u r-riċerka hija
essenzjali f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni qed tippromwovi l-Kunsilli
tal-Ħiliet Settorjali u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali, l-aktar
fis-setturi tal-vetturi, tal-kostruzzjoni u tal-kimika. Kif
innotat fil-Pjan Ta’ Azzjoni Ekoloġika tal-Kummissjoni għall-SMEs[27],
l-iżvilupp tal-forza tax-xogħol hija sfida partikolari
għall-SMEs billi għandhom inqas riżorsi disponibbli biex
iwieġbu għall-ħtiġijiet tat-trasformazzjoni. Għalhekk,
l-SMEs għandhom jirċievu appoġġ u gwida biex
jantiċipaw aħjar il-ħtiġijiet tal-ħiliet u sabiex
jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet ekoloġiċi. Għandhom
jiġu żviluppati għodod, bħal skemi ta’ tagħlim
mill-bogħod, il-konsulenza u s-servizzi ta’ konsulenza, sabiex jgħinu
lill-SMEs isiru aktar effiċjenti fl-enerġija u fir-riżorsi u
biex jiġi ffaċilitat l-użu ta’ standards ta’ ġestjoni
ambjentali[28].
Biex tgħin biex jitnaqqsu
d-diskrepanzi eżistenti fil-ħiliet, il-Kummissjoni se: - taħdem mal-partijiet
ikkonċernati fil-livell settorjali (b’mod partikolari l-Kunsilli tal-Ħiliet
Settorjali u l-Alleanzi tal-Ħiliet Settorjali) biex
tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-informazzjoni dwar il-ħiliet
ekoloġiċi, u ssaħħaħ ir-rabtiet mal-ESCO u l-Panorama
tal-Ħiliet tal-UE; - tippromwovi l-iskambju ta’ prattika
tajba dwar strateġiji ibbażati fuq il-ħiliet bil-Programm ta’
Tagħlim Reċiproku tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi
u b’kooperazzjoni ma’ Cedefop; - tippromwovi l-iskambju ta’ prattika
tajba fost in-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi
dwar l-użu tal-informazzjoni u tal-previżjonijiet tas-suq
tax-xogħol u dwar it-trawwim ta’ sħubijiet mal-partijiet
ikkonċernati rilevanti kollha bil-għan li jiġu antiċipati
aħjar il-ħtiġijiet tal-kumpaniji għall-ħiliet ekoloġiċi; - tikkoopera mal-Komunitajiet
InnoEnergy u tal-Għarfien dwar il-Klima u l-Innovazzjoni tal-Istitut
Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija biex twassal mudelli ta’
edukazzjoni innovattivi ffokati fuq il-klima fuq livell gradwatorju u
postgradwatorju u tiżviluppa aktar strumenti ġodda tal-ħolqien
tan-negozju biex trawwem intraprenditorija relatata mal-klima. - se tippromwovi l-aħjar prattiki
fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u
s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-produttività u
s-sostenibbiltà agrikola, skont il-Politika Agrikola Komuni. L-Istati Membri huma mistiedna li
jirrevedu u jaġġornaw il-kwalifiki u l-kurrikuli korrispondenti
tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex iwieġbu għad-domanda
ġdida tas-swieq. 3.2 L-antiċipazzjoni tat-tibdil, l-iżgurar
tat-tranżizzjonijiet u l-promozzjoni tal-mobbiltà Il-proċessi ta’
trasformazzjoni, b’mod partikolari minn tnaqqis għal attivitajiet
emerġenti, jeħtieġu antiċipazzjoni u ġestjoni
f’waqthom. Ir-ristrutturar għandu jiġi ttrattat b’mod soċjalment
responsabbli, b’mod partikolari għall-preservazzjoni tal-kapital uman
(3.2.1); l-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol iridu jikkontribwixxu biex
it-tranżizzjonjiet jiġu ffaċilitati u żgurati (3.2.2); u
l-mobbiltà professjonali u ġeografika għandha tittejjeb aktar
(3.2.3). 3.2.1 L-antiċipazzjoni
tal-bidla u l-ġestjoni tar-ristrutturar L-UE
għandha qafas legali komprensiv li jirregola l-mod kif id-djalogu
soċjali għandu jindirizza l-antiċipazzjoni tal-bidla u
r-ristrutturar. Barra minn hekk, il-Qafas Ewropew tal-Kwalità
għall-antiċipazzjoni tal-bida u r-ristrutturar[29] fih
ċerti prinċipji u prattiki tajba għall-anteċipazzjoni
tal-bidla u l-ġestjoni tar-ristrutturar; għalhekk huwa wkoll
rilevanti għall-ġestjoni b’suċċess tat-tranżizzjoni
ekoloġika mill-perspettiva soċjoekonomika. L-antiċipazzjoni
f’waqtha tal-bidla u tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet tikkontribwixxi
għall-kompetittività tal-kumpaniji, u għall-impjegabbiltà
tal-ħaddiema. L-antiċipazzjoni tal-bidla għandha tinkludi
programmi kontinwi tal-aġġornament tat-taħriġ
tal-ħaddiema fuq ix-xogħol. It-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol
jista’ wkoll jappoġġa l-innovazzjoni ekoloġika, b’mod
partikolari meta jiġu appoġġati minn sistemi ta’ validazzjoni
xierqa. Huwa
essenzjali li tiġi żviluppata gwida speċifika għas-setturi
fejn hija mistennija żieda, tnaqqis jew trasformazzjoni sinifikanti
tal-impjiegi. Xi inizjattivi settorjali (bħal CARS 2020, Construction
2020) ġew żviluppati biex jappoġġaw l-għanijiet
tal-enerġija u tal-effiċjenza tar-riżorsi, filwaqt li jqisu
l-aspetti tal-impjiegi u l-ħiliet. Sabiex tkun żgurata li
t-tranżizzjoni ekoloġika twassal għal impjiegi aħjar,
għandhom jitqiesu wkoll l-aspetti tas-saħħa u s-sikurezza, b’mod
partikolari r-riskju emerġenti marbut mal-iżvilupp
tat-teknoloġiji ekoloġiċi. Filwaqt li teknoloġiji, prodotti
u proċessi aktar sostenibbli x’aktarx li jnaqqqsu r-riskju
tal-espożizzjoni perikoluża għall-ħaddiema, il-perikli
potenzjali ġodda jridu jiġu vvalutati bir-reqqa u integrati fi
strateġiji ta’ prevenzjoni biex jantiċipaw, jidentifikaw, jevalwaw u
jikkontrollaw il-perikli u r-riskji emerġenti[30]. 3.2.2 L-adattament
tal-istituzzjonijiet tas-suq tax-xogħol sabiex jiffaċilitaw u
jiżguraw it-tranżizzjoni Is-servizzi
pubbliċi tal-impjiegi huma dejjem aktar involuti fi strateġiji u
programmi ta’ impjiegi ekoloġiċi[31]. Dawn
ilaqqgħu lil min iħaddem u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ
f’programmi lokali jew reġjonali mmirati lejn persuni qiegħda u
gruppi vulnerabbli, u jiżviluppaw inċentivi għall-promozzjoni
tal-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali billi jistabbilixxu ċ-ċertifikazzjoni
tal-ħiliet u s-sistemi tat-trasferibbiltà u l-bażijiet tad-dejta dwar
il-ħtiġijiet ta’ min iħaddem. Is-servizzi
pubbliċi tal-impjiegi għandhom rwol dejjem aktar importanti billi
jipprovdu servizzi ta’ gwida u ta’ konsulenza għall-karriera, kif ukoll
pjanijiet dwar il-kwalifiki u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u
dak informali. 3.2.3 Il-promozzjoni tal-mobbiltà Il-promozzjoni tal-mobbiltà
tal-ħaddiema, kemm minn reġjun għal ieħor u kemm minn Stat Membr għal ieħor, tista’ tissodisfa sa ċertu punt,
il-ħtiġijiet immedjati tas-suq tax-xogħol. Filwaqt
li xi setturi, bħal dak tal-kostruzzjoni, għandhom mobbiltà
ogħla mill-medja, oħrajn, bħall-utilitajiet (il-provvista
tal-ilma, id-dranaġġ u l-elettriku) ma għandhomx. Il-Kummissjoni tiffaċilita l-mobbiltà intra-UE permezz
tal-EURES, in-Netwerk Ewropew tal-Impjiegi. Hija se tippromwovi wkoll
skemi tal-mobbiltà mmirati sabiex jgħinu biex jimtlew il-postijiet
tax-xogħol konċentrati u l-pożizzjonijiet vakanti
speċifiċi, b’mod partikolari fis-setturi u l-impjiegi fl-ekonomija
ekoloġika[32].
It-titjib tal-mobbiltà se jirrikjedi wkoll investiment fit-tqabbil
tal-kompetenzi fil-livell tal-UE permezz tal-ESCO u aktar ħidma lejn
Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki.
Barra minn hekk, il-profili tax-xogħol għandhom jiġu
kontinwament aġġornati biex iqisu l-ħtiġijiet
għall-ħiliet fl-ekonomija ekoloġika. Biex
tantiċipa t-tibdil, tiżgura t-tranżizzjonijiet u tippromwovi
l-mobbiltà, il-Kummissjoni se: - tibni fuq
it-tagħlim miksub mill-inizjattivi settorjali li qed isiru dwar
l-antiċipazzjoni u l-ġestjoni tar-ristrutturar u se tivvaluta
l-possibbiltà li testendihom għal setturi oħra b’potenzjal ta’
ekoloġizzazzjoni; - taħdem
mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-kuntest tan-netwerk Ewropew
tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi sabiex tiġi
appoġġata l-mobbiltà professjonali biex jiġu sodisfatti
l-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol, b’mod
partikolari dawk li jeħtieġu ħiliet ekoloġiċi; - fil-qafas
tal-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi, tappoġġa t-tagħlim
reċiproku u l-evalwazzjonijiet bejn il-pari dwar politiki xierqa dwar
is-suq tax-xogħol; - tagħmel
użu minn Skemi Mmirati ta’ Mobbiltà għall-Ħaddiema skont
il-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) biex
tippromwovi l-mobbiltà tax-xogħol għal min ifittex ix-xogħol; - permezz tal-ESCO,
tappoġġa t-tqabbil tal-impjiegi bbażat fuq il-kompetenza u
l-analiżi tax-xejriet tad-domanda fil-provvista tal-ħiliet
ekoloġiċi fuq il-bażi tal-ammont ta’ postijiet tax-xogħol
battala u s-CVs disponibbli f’EURES. L-Istati
Membri u s-sħab
soċjali huma mistiedna jippromwovu l-użu mifrux
tal-Qafas Ewropew tal-Kwalità għall-antiċipazzjoni tat-tibdil u
tar-ristrutturar b’rabta mal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. 3.3. L-appoġġ għall-ħolqien tal-impjiegi Il-fondi tal-UE għandhom
jintużaw biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika
(3.3.1). Barra minn hekk, bit-trasferiment mit-tassazzjoni tax-xogħol
għat-tassazzjoni ambjentali (3.3.2), l-akkwist ekoloġiku (3.3.3) u
l-intraprenditorja ekoloġika (3.3.4) huma oqsma ugwalment importanti
għas-sostenn tal-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi. 3.3.1 L-użu
effiċjenti tal-fondi tal-UE Il-Fondi
Ewropej Strutturali u ta’ Investiment (ESIF) huma sorsi ewlenin ta’ investiment
għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.
L-istrumenti finanzjarji ewlenin tal-UE li jappoġġaw il-provvista
tal-ħiliet, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tranżizzjonijiet
fl-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija jinkludu: -
Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jikkofinanza
miżuri ta’ attivazzjoni tas-suq tax-xogħol, miżuri biex itaffu
t-tranżizzjoni għax-xogħol u t-titjib tal-għarfien u
l-ħiliet. L-FSE jista’ jsostni t-tranżizzjonijiet tal-forza
tax-xogħol għal impjiegi aktar ekoloġiċi, jgħin biex
jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet u jtejjeb is-sistemi tal-ETV
(inkluż bl-adattament tal-kurrikula). -
Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp
Reġjonali (FEŻR) jappoġġa l-investimenti fl-effiċjenza
tal-enerġija u tar-riżorsi, l-enerġija rinnovabbli,
il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma, l-infrastruttura ekoloġika,
il-konservazzjoni tal-bijodiversità u l-protezzjoni, l-ekoinnovazzjoni,
l-infrastruttura tal-edukazzjoni u r-riċerka, l-iżvilupp u
l-innovazzjoni f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju. Ir-reġjuni
se jkollhom jinvestu sehem minimu tar-riżorsi tal-FEŻR f’miżuri
marbuta ma’ ekonomija b’livell baxx tal-karbonju (20 % għal
reġjuni aktar żviluppati, 15 % għal reġjuni fi
tranżizzjoni u 12 % għal reġjuni anqas żviluppati). -
Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp
Rurali (FAEŻR) jappoġġa l-investimenti fl-agrikoltura, fil-forestrija,
fl-ambjent, fin-negozju rurali u fl-infrastruttura, inklużi investimenti
fl-enerġija rinnovabbli, fl-effiċjenza enerġetika u
fil-ġestjoni tar-riżorsi (ilma, skart, art, eċċ,) u
fl-innovazzjoni. L-Istati Membri se jkollhom jinvestu sehem minimu ta’
30 % tal-kontribuzzjoni totali mill-FAEŻR għall-mitigazzjoni
tat-tibdil fil-klima u għall-kwistjonijiet ambjentali. -
Il-programm għall-“Komptetittività
tal-Intrapriżi u tal-SMEs” (COSME) u “Orizzont 2020” jimmira li
jikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi billi
jappoġġa proġetti li jittrattaw l-innovazzjoni, inklużi
l-enerġiji rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, ir-restawr
tal-ekosistema u bliet li jirritornaw għal ambjent naturali. -
Il-programm LIFE jappoġġa għadd ta’
proġetti ambjentali u relatati mal-klima li huma innovattivi u mmirati,
b’impatt fuq l-impjiegi u l-ħiliet, inkluż permezz tal-Faċilità
ta’ Finanzjament tal-Kapital favur in-Natura u l-istrumenti ta’ Finanzjament
Privat għall-Effiċjenza Enerġetika. Il-Kummissjoni
tinkoraġġixxi u tappoġġa l-istabbiliment u
l-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji kkofinanzjati mill-Fondi Ewropej
Strutturali u ta’ Investiment permezz tal-Pjattaforma għall-Konsulenza
Teknika – dwar l-Istrumenti Finanzjarji (FI-TAP) u ta’ strumenti konġunti
oħra mal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment. Dawn l-istrumenti
jistgħu jservu ta’ ingranaġġ għal aktar investiment privat
fl-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, u jistgħu jirrealizzaw
il-potenzjal tal-impjiegi relatati. Is-sinerġiji
bejn il-programmi fil-livell nazzjonali u tal-UE għandhom jiġu
żviluppati iktar. 3.3.2 It-trasferiment mit-taxxi fuq ix-xogħol
għat-tassazzjoni ambjentali It-trasferiment
tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal tassazzjoni li tagħmel anqas
ħsara lit-tkabbir, bħal dik fuq il-konsum, fuq il-proprjetà u
t-tassazzjoni ambjentali (u t-tneħħija ta’ sussidji ta’ ħsara)
jista’ jirriżulta kemm f’aktar impjiegi kif ukoll f’inqas emissjonijiet u
tniġġis. Dan l-effett se jkun l-aktar viżibbli fl-Istati Membri
li għandhom taxxa għolja fuq id-dħul mis-salarji. Terz
mill-Istati Membri għandhom lok għal tali trasferiment tat-taxxa
filwaqt li għal terz ieħor hemm lok għat-titjib fit-tfassil
tat-tassazzjoni ambjentali eżistenti[33]. Dawn ir-riformi
għandhom iqisu l-effetti fuq l-impjiegi tat-tnaqqis immirat fil-kost
tax-xogħol, bħal fil-każ ta’ ħaddiema b’livell baxx ta’
ħiliet, imqabbel ma’ tnaqqis globali, kif ukoll l-impatt
tad-distribuzzjoni tat-trasferiment għal taxxi ekoloġiċi.
Għadd ta’ Stati Membri rċevew rakkomandazzjoni speċifika skont
il-pajjiż f’dan il-qasam fis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, l-Istati
Membri jistgħu jużaw id-dħul mill-irkantar tal-kwoti
tal-emissjonijiet skont l-ETS tal-UE sabiex jitbaxxa l-kost tax-xogħol, u
dan jista’ jkollu impatt ġenerali pożittiv fuq l-impjiegi. 3.3.3 It-tisħiħ
tal-kapaċità amministrattiva u l-promozzjoni ta’ akkwist pubbliku
ekoloġiku Bosta Stati
Membri għandhom xi lakuni fil-kapaċità amministrattiva tagħhom
biex ifasslu soluzzjonijiet aktar integrati li jindirizzaw l-isfidi
ekonomiċi, soċjali u ambjentali u li jqisu l-kostijiet u
l-benefiċċji usa’ għas-soċjetà. B’mod partikolari,
l-akkwist pubbliku jista’ jintuża għall-promozzjoni tat-tkabbir
fl-ekonomija ekoloġika. Id-Direttivi ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku
jiffaċilitaw l-użu ta’ tikketti, billi jippermettu espliċitament
li jitqies il-proċess tal-produzzjoni u jintroduċu l-kunċett
tal-ikkostjar tul iċ-ċiklu tal-ħajja. Dawn għandhom
il-potenzjal li jżidu l-użu tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u
b’hekk jistgħu jinkoraġixxu t-tkabbir u l-impjiegi
ekoloġiċi. 3.3.4 Il-promozzjoni
tal-intraprenditorija L-aċċess
għall-finanzi huwa problema għal kull negozju tal-bidu u dawk attivi
fl-ekonomija ekoloġika mhumiex eċċezzjoni. Il-Kummissjoni,
flimkien mal-Bank Ewropew għall-Investiment, stabbilixxiet Faċilità
ta’ Finanzjament tal-Kapital favur in-Natura biex tappoġġa, fost
l-oħrajn, proġetti naturali li jinvolvu l-kapital u intrapriżi
żgħar innovattivi favur il-bijodiversità u l-adattament
għall-klima. Iż-żieda riċenti f’attivitajiet ta’
mikrofinanzjament fl-Ewropa wasslet biex aktar minn 30 % tal-fornituri
tal-mikrokreditu jipprovdu mikrokrediti ekoloġiċi u 10 %
oħra attwalment qegħdin jiżviluppaw dawn il-krediti[34]. L-ekonomija
soċjali u l-intrapriżi soċjali għandhom potenzjal
sinifikanti biex jipprovdu impjiegi ta’ kwalità għolja f’oqsma
bħall-effiċjenza tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli,
il-biedja organika u l-ekoturiżmu, jew l-ekonomija ċirkolari
b’attivitajiet relatati mal-użu mill-ġdid, it-tiswija u r-riċiklaġġ. L-identifikazzjoni ta’ strateġiji effettivi
għat-titjib ta’ intrapriżi soċjali ekoloġiċi u
għas-sensibilizzazzjoni dwar l-opportunitajiet tista’ tispira
lill-oħrajn biex ikunu imprendituri. Skont stimi
riċenti, 42 % tal-SMEs għandhom mill-inqas ħaddiem
ekoloġiku wieħed full-time jew part-time, – din hija żieda ta’
5 % mill-2012, – li tammonta għal aktar minn 20 miljun impjieg ekoloġiku fl-UE.
Il-Pjan ta’ azzjoni ekoloġika għall-SMEs
jinkludi azzjonijiet li jappoġġjaw l-intraprenditorija ekoloġika
għall-kumpaniji tal-ġejjieni. Biex
il-ħolqien tal-impjiegi jingħata spinta, il-Kummissjoni se: - tappoġġa l-iżvilupp ta’
metodoloġiji għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’
investimenti fuq il-ħiliet u l-impjiegi, b’mod partikolari permezz
tal-għajnuna teknika, tal-iskambju tal-aħjar prattika, ta’ proġetti
pilota, u ta’ azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni fl-2014 u fl-2015; - tkompli ssegwi r-riforma tat-taxxa
ambjentali fl-Istati Membri fil-qafas tas-Semestru Ewropew; - tappoġġa l-bini
tal-kapaċità fil-qasam tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku permezz ta’
konsulenza dwar kif jista’ jsir l-aħjar użu minnu skont ir-riforma
adottata dan l-aħħar dwar l-akwwist pubbliku u tiffaċilita
l-ħolqien ta’ netwerks ta’ awtoritajiet pubbliċi dwar l-Akkwist
Pubbliku Ekoloġiku; - tiffaċilita
l-aċċess għall-finanzi għal intrapriżi
soċjali, inklużi dawk li huma attivi fl-ekonomija ekoloġika, u
għal mikrofinanza ekoloġika skont il-Programm EaSI; - tinkoraġġixxi
organizzazzjonijiet fil-livell Ewropew biex jippromwovu l-iskambju
tal-esperjenza bejn il-fornituri tal-mikrofinanzi fil-qasam
tal-mikrofinanza ekoloġika; - issaħħaħ
l-appoġġ immirat skont il-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika
għall-SMEs permezz ta’ finanzjament fil-livell tal-UE u n-netwerks ta’
appoġġ għall-SMEs (pereżempju n-Netwerk Enterprise Europe),
partikolarment biex jittejbu l-ħiliet ekoloġiċi tal-forza
tax-xogħol tagħhom. L-Istati Membri u r-reġjuni huma
mistiedna jsaħħu d-dimensjoni tal-impjiegi u l-ħiliet
tagħhom ta’ programmi ta’ appoġġ finanzjarju għal
investimenti u teknoloġiji ekoloġiċi, u biex jgħinu
l-intrapriżi soċjali ekoloġiċi jkunu “lesti biex javvanzaw
għal-livell li jmiss” u “lesti biex jiġu replikati u jadattaw”.
L-Istati Membri huma mistiedna wkoll biex jiżguraw l-użu
effiċjenti tar-riżorsi tal-ESIF biex jiffaċilitaw
it-tranżizzjoni ekoloġika skont il-mira ta’ 20 % għal
miżuri relatati mal-klima. 3.4. It-titjib fil-kwalità tad-dejta. L-ekonomija ekoloġika, it-tkabbir ekoloġiku u
l-impjiegi ekoloġiċi ġew iddefiniti b’diversi modi,
appoġġati minn dejta statistika differenti[35]. Il-ġbir regolari ta’ statistika armonizzata
jiffaċilita aktar tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza u
l-monitoraġġ, kif ukoll antiċipazzjoni aħjar tal-effetti
tranżizzjonali fuq is-suq tax-xogħol u l-identifikazzjoni
tal-ħtiġijiet ta’ ħiliet. Il-Kummissjoni,
flimkien mal-Istati Membri, qed tiżviluppa indikaturi li jimmonitorjaw
il-progress lejn it-tkabbir ekoloġiku fil-kuntest tas-Semestru Ewropew[36]. Barra minn hekk, id-dejta dwar is-settur tal-oġġetti u
s-servizzi ambjentali (EGSS) hija miġbura fil-livell tal-UE biex tipprovdi
tagħrif Ewropew armonizzat dwar l-attivitajiet b’għanijiet ambjentali
relatati mal-impjiegi.[37]. Barra minn hekk, mudell ekonometriku (FIDELIO)[38] qed jiġi żviluppat mill-Kummissjoni biex jivvaluta l-impatti
ta’ politiki ambjentali u politiki oħrajn fuq l-ekonomija, l-ambjent u
l-impjiegi. Fil-livell
internazzjonali, ġew adottati linji gwida dwar definizzjoni statistika
tal-impjiegi fis-settur ambjentali fid-19-il Konferenza Internazzjonali
tal-Esperti tal-Istatistika tal-Impjiegi biex jgħinu lill-pajjiżi
jiżviluppaw standards u metodi statistiċi għal impjiegi
ekoloġiċi, l-ekonomija ekoloġika u l-impjiegi fis-settur
ambjentali u biex tittejjeb il-komparabbiltà internazzjonali[39]. Biex ittejjeb il-kwalità tad-dejta, il-Kummissjoni se: - tipprovdi appoġġ lill-uffiċċji nazzjonali
tal-istatistika għall-ġbir tad-dejta u l-iżvilupp
tal-kontabbiltà ambjentali fis-Sistema Ewropea tal-Istatistika permezz ta’
appoġġ finanzjarji u ta’ taħriġ; - issaħħaħ l-użu ta’ għodod ta’ mudellar
kwantitattiv li jippermettu analiżi aktar dettaljata tal-impatti fuq
is-suq tax-xogħol fil-livell tal-UE, tal-Istati Membri u dak
reġjonali; - tappoġġa l-monitoraġġ tal-politiki fil-kuntest
tal-istrateġija Ewropa 2020, billi tibni fuq il-qafas ta’ indikaturi
tal-impjiegi u tal-ambjent żviluppati mill-Kumitat tal-Impjiegi. L-Istati Membri huma
mistiedna jnaqqsu l-perjodi ta’ tranżizzjoni fl-implimentazzjoni
tal-modulu tal-kontijiet tal-EGSS u ż-żmien meħtieġ
għat-trażmissjoni tad-dejta. 4. Il-promozzjoni tad-djalogu soċjali L-involviment tas-sħab
soċjali fil-livelli kollha huwa prerekwiżit biex tiġi
ffaċilitata l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija. Permezz ta’ inizjattivi
konġunti jew separati, is-sħab soċjali fil-livell tal-UE
diġà kkontribwixxew għad-dibattitu tal-UE dwar
l-ekoloġizzazzjoni tal-impjiegi billi ffokaw fuq il-prinċipju ta’
tranżizzjoni ġusta, fuq is-sinerġiji bejn il-pakkett dwar
il-klima u l-enerġija għall-2030 u l-politika industrijali tal-UE, u
fuq il-ħtiġijiet ta’ ħiliet għal impjiegi ekoloġiċi[40].
Billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u li tuża
r-riżorsi b’effiċjenza għandha impatt qawwi fil-livell
settorjali, is-sħab soċjali għandhom interess dirett li jkunu
involuti permezz tax-xogħol tagħhom f’kumitati ta’ djalogu
soċjali settorali tal-UE. Il-Kummissjoni se
tinkoraġġixxi lis-sħab soċjali Ewropej biex
jiżviluppaw aktar inizjattivi konġunti fil-kuntest tad-djalogu
soċjali Ewropew, kemm fil-livell transindustrijali u dak settorjali, u
biex iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-EREP sabiex ikun żgurat aktar
l-involviment mill-qrib tal-ħaddiema f’kwistjonijiet marbuta
mal-ġestjoni ambjentali, mal-użu tal-enerġija u tar-riżorsi
u mar-riskji emerġenti fuq il-post tax-xogħol, biex
jissaħħu d-drittijiet tal-ħaddiema għal tagħrif u
konsultazzjoni, u biex jiġu żviluppati pjanijiet direzzjonali
għall-użu effiċjenti tar-riżorsi għas-settur kollu. 5. It-tisħiħ
tal-kooperazzjoni internazzjonali F’konformità
mal-konklużjonijiet tal-Konferenza Rio +20 tan-NU dwar l-Iżvilupp
Sostenibbli, l-UE tinsab impenjata li ssegwi tranżizzjoni globali
ġusta lejn ekonomija ekoloġika inklużiva b’kollaborazzjoni ma’ sħab
internazzjonali oħra. Dan jeħtieġ li titqies id-dimensjoni
soċjali tal-politiki dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima u
l-interkonnessjonijiet tagħhom fil-kuntest ta’ Qafas dwar l-Iżvilupp
wara l-2015 u l-miri għal żvilupp sostenibbli. L-UE tikkoopera mill-qrib mal-ILO fuq
sfidi relatati mal-impjiegi ekoloġiċi inkluż: billi jiġi
żgurat li l-impjiegi ekoloġiċi jkunu impjiegi diċenti;
permezz tal-applikazzjoni ta’ standards tax-xogħol, b’mod partikolari
l-ispezzjoni tax-xogħol u s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post
tax-xogħol f’impjiegi ekoloġiċi; billi tiġi
miġġielda l-ekonomija informali fis-setturi ekoloġiċi,
bħall-ġestjoni tal-iskart; bl-antiċipazzjoni
tal-ħtiġijiet futuri u bl-adozzjoni ta’ politiki ta’ taħriġ
li jiffaċilitaw l-issodisfar tad-domanda għal ħiliet
ekoloġiċi. It-tranżizzjoni
lejn ekonomija ekoloġika inklużiva ġiet indirizzata wkoll fi
djalogi bilaterali mas-sħab strateġiċi tal-UE, bħall-Istati
Uniti, il-Kanada u ċ-Ċina u se jkomplu jiġu diskussi, ukoll ma’
pajjiżi sħab oħra fil-futur. Fil-qafas tal-politika tagħha
dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, u permezz tal-firxa ta’
programmi u strumenti li hija tiffinanzja, l-UE se tinkoraġġixxi
wkoll lill-pajjiżi sħab biex jadottaw approċċ integrat
għall-ekoloġizzazjoni tal-ekonomiji tagħhom. Il-Kummissjoni
se tinvolvi ruħha fil-Pjattaforma
tal-Għarfien tat-Tkabbir Ekoloġiku, netwerk globali ta’
riċerkaturi u esperti tal-iżvilupp li jidentifika u jindirizza
d-diskrepanzi kbar ta’ għarfien fit-teorija u fil-prattika tat-tkabbir
ekoloġiku, li kienet imnedija fl-2012 mill-Global Green Growth Institute,
l-OECD, l-UNEP u l-Bank Dinji. 6. Konklużjoni Il-bidla għal ekonomija
ekoloġika u li tuża r-riżorsi b’effiċjenza hija fuq kollox
opportunità biex tiżdied il-kompetittività globali Ewropea, biex tkun
żgurata l-benesseri tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni, u biex
jiġu appoġġati l-impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità għolja,
filwaqt li tikkontribwixxi għall-irkupru mill-kriżi ekonomika
reċenti. Il-politiki
ġenerali tas-swieq tal-impjiegi u tax-xogħol jeħtieġ li
jkollhom rwol aktar attiv fl-appoġġ għall-ħolqien
tal-impjiegi u biex jissodisfaw id-domanda tal-ħiliet u tax-xogħol
marbutin mat-tranżizzjoni ekonomija ekoloġika u li tuża
r-riżorsi b’effiċjenza. Għal dan l-għan, għandhom
jiġu segwiti il-prijoritajiet li ġejjin: -
It-titjib
tal-integrazzjoni u tal-koordinazzjoni ta’ politiki u inizjattivi
eżistenti fil-livelli nazzjonali u Ewropew; -
l-iżvilupp
imsaħħaħ tal-istrutturi ta’ governanza u tal-għodod
metodoloġiċi biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni lejn
ekonomija ekoloġika li tuża r-riżorsi b’effiċjenza,
il-koordinazzjoni imtejba tal-politiki u li jiġi żgurat
il-monitoraġġ konsistenti ta’ miżuri ta’ riforma; u
l-istabbiliment ta’ relazzjoni ta’ ħidma u ta’ djalogu aktar mill-qrib
mas-sħab soċjali dwar l-isfidi tal-impjiegi
għall-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija; -
aktar
tisħiħ tal-għodod u tan-netwerks tal-informazzjoni
tal-Kummissjoni eżistenti dwar il-ħiliet, biex ikunu antiċipati
u sorveljati aħjar l-iżviluppi f’setturi u f’professjonijiet marbuta
mat-tkabbir ekoloġiku, mal-ekonomija ċirkolari u li hija
effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; -
L-iżgurar
li l-programmi u l-politiki ta’ finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri
jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika; -
Is-sorveljanza
tal-progress marbut mal-impjiegi ekoloġiċi fil-kuntest tar-Rapport
Konġunt dwar l-Impjiegi. -
Il-ħidma
lejn qafas internazzjonali għall-promozzjoni tat-tkabbir ekoloġiku u
inklużiv; -
Il-bini
tar-rakkomandazzjonijiet tal-EREP biex tiġi żviluppata
strateġija mifruxa għal impjiegi, ħiliet u edukazzjoni aktar
ekoloġiċi. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill,
lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u
lill-Kumitat tar-Reġjuni biex japprovaw din l-inizjattiva għall-impjiegi
ekoloġiċi u biex jikkontribwixxu għall-iżvilupp utlerjuri
tal-azzjonijiet bil-għan li jinkiseb approċċ integrat għal
tkabbir sostenibbli u għall-impjiegi fl-UE. [1] COM(2009) 433 finali;
ara wkoll COM SWD(2013)303 final, Il-Progress fl-azzjonijiet “Il-PDĠ u
lil hinn”. [2] Ara l-valutazzjoi
tal-impatt OECD (2011), Towards green growth; UNEP (2011), Towards a
green economy. [3] Aara wkoll COM(2014)
015 final, Communication on a Policy framework for climate and energy in the
period from 2020 to 2030; u COM(2014) 021 final, Communication on the
Energy prices and costs in Europe. [4] COM (2014)..., Towards
a circular economy: A zero waste programme for Europe. [5] OECD (2012), The
jobs potential of a shift towards a low carbon economy; OECD (2012), OECD
Employment Outlook 2012, ara l-kapitlu 4 "What green growth means for
workers and labour market policies: an initial assessment"; ILO (2011), Skills
for green jobs, a global view. [6] Il-Linja Gwida
għall-Impjiegi nru 7 jenfasizza li l-Istati Membri għandhom
jippromwovu l-ħolqien tal-impjiegi fl-oqsma kollha, inkluż
l-impjiegi ekoloġiċi. [7] COM(2013) 800 final. [8] Ir-Rapport Konġunt
dwar l-Impjiegi, COM(2013) 801 final. Ara wkoll il-KE (2013), Promoting green jobs
throughout the crisis: a handbook of best practices in Europe, EEO Review.
Il-Manwal jidentifika strateġiji nazzjonali u/jew reġjonali jew
miżuri ta’ politiki uniċi għall-promozzjoni tal-impjiegi
fis-setturi ekoloġiċi. [9] ĠU L 354,
28/12/2013. [10] http://ec.europa.eu/environment/resource_efficiency/documents/erep_manifesto_and_policy_recommendations_31-03-2014.pdf. [11] Cambridge
Econometrics, GHK and the Warwick Institute for Employment Research (2011), Studies
on sustainability issues — Green jobs; trade and labour (Studju li twettaq
għad-DĠ EMPL. [12] Dejta tal-Eurostat
dwar is-settur tal-oġġeti u s-servizzi ambjentali. [13] Ecorys, Acteon
(2014), Potential for sustainable growth in the water industry sector in the
EU and the marine sector – Input to the European Semester". [14] Bio Intelligence
Service (2011), Estimating the economic value of the benefits provided by
the tourism/recreation and employment supported by Natura 2000. [15] Bio Intelligence
Service (2012), Implementing EU waste legislation for green growth. [16] Valutazzjoni
tal-Impatt tal-2014 Waste Review – Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal [17] Bio Intelligence
Service (2012), Implementing EU waste legislation for green growth. [18] Ara Cambridge
Econometrics, and al. (2013),
Employment effects of selected scenarios from the Energy roadmap 2050,
Rapport finali għall-KE (DĠ għall-Enerġija), http://ec.europa.eu/energy/observatory/studies/doc/2013_report_employment_effects_roadmap_2050.pdf [19] COM, BUILD UP Skills
(2013), Is-sejbiet preliminari mill-Pjanijiet Direzzjonali tal-Istati
Membri. [20] http://www.energies-renouvelables.org/observ-er/stat_baro/barobilan/barobilan13-gb.pdf [21] Ara
http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/cap/leakage/index_en.htm http://www.ilo.org/wcmsp5/groups/public/---ed_dialogue/---sector/documents/publication/wcms_226385.pdf [23] Ara pereżempju
Ecorys (2010), Programmes to promote environmental skills. [24] OECD (2012); ILO (2012);
Cambridge Econometrics, et al. (2011), Studies on
sustainability issues — Green jobs; trade and labour. [25] CEDEFOP (2012), Green
skills and environmental awareness in vocational education and training. [26] DĠ EMPL (2013),
Djalogu bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, Public employment
services and green jobs. [27] COM (2014)...,
Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan ta’ azzjoni ekoloġika
għall-SMEs”. [28] Pereżempju
l-iskema ta’ Mmaniġġjar u Awditjar Ekoloġiċi tal-UE (EMAS)
jew l-ISO 14001. [29] COM(2013) 882 final. [30] COM(2014) 332 final,
Komunikazzjoni dwar Qafas Strateġiku tal-UE dwar is-Saħħa u
s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020; ara wkoll European Agency for Safety
and Health at Work (2013), Green jobs and occupational safety and health.
[31] DĠ EMPL (2013),
Djalogu bejn is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, Public employment
services and green jobs. [32] Ir-Regolament (UE)
Nru 1296/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013. [33] KE (2013), Tax
reforms in EU Member States 2013. Tax policy challenges for economic growth and
fiscal sustainability. (Sfidi tal-politika tat-taxxa għat-tkabbir
ekonomiku u s-sostenibbiltà fiskali.) [34] European Microfinance Network (EMN) (2013), European
Green Microfinance. A first look. [35] Ara l-Green growth
knowledge platform (il-Pjattaforma tal-għarfien dwar it-tkabbir
ekoloġiku) (GGGI, OECD, UNEP, World Bank) (2013), Moving towards a
common approach on green growth indicators. [36] Ara
wkoll: Employment Committee (2010), Towards a greener labour market - The
employment dimension of tackling environmental challenges (rapport finali),
li jidentifika indikaturi f’sitt oqsma: impjiegi ekoloġiċi,
ħiliet ekoloġiċi, postijiet tax-xogħol ekoloġiċi,
tranżizzjoni ekoloġika, swieq tax-xogħol ekoloġiċi u
tkabbir ekoloġiku. [37] Ir-Regolament (UE) Nru 538/2014
tas-16 ta’ April 2014, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar
il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej. [38] FIDELIO 1: Fully
Interregional Dynamic Econometric Long-term Input-Output Model for the EU27 JRC
2013. [39] http://www.ilo.org/global/statistics-and-databases/standards-and-guidelines/guidelines-adopted-by-international-conferences-of-labour-statisticians/WCMS_230736/lang--en/index.htm. [40] Ara pereżempju
ETUC, BusinessEurope, CEEP, UEAPME (2014), Skills needs in greening
economies.