This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0440
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS GREEN ACTION PLAN FOR SMEs Enabling SMEs to turn environmental challenges into business opportunities
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI PLAN TA' AZZJONI EKOLOĠIKU GĦALL-SMEs Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI PLAN TA' AZZJONI EKOLOĠIKU GĦALL-SMEs Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju
/* COM/2014/0440 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI PLAN TA' AZZJONI EKOLOĠIKU GĦALL-SMEs Għajnuna għall-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju /* COM/2014/0440 final */
Introduzzjoni
u kuntest Il-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2014 aċċenna
għall-fatt li l-Ewropa għandha bżonn bażi industrijali
b'saħħitha u kompetittiva, f'termini tal-produzzjoni kif ukoll
tal-investiment, bħala xprunatur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi.
L-effiċjenza fir-riżorsi[1] hija waħda
mill-ixprunaturi ewlenin tal-kompetittività tal-kumpaniji għaliex kif
ġie rapportat il-kumpaniji Ewropej tal-manifattura bħala medja jonfqu
40% tal-ispejjeż tagħhom fuq materja prima, fejn l-enerġija u
l-ilma jgħollu dan il-perċentwal għal 50% tal-ispejjeż
totali tal-manifattura, imqabbla ma' sehem ta' 20% għall-ispejjeż
lavorattivi.[2]
Il-Kunsill Ewropew ulterjorament talab għal sforzi sostnuti
għall-moderazzjoni tal-ispejjeż tal-enerġija mġarrba
mill-utenti aħħarin tal-enerġija, b'mod partikolari permezz ta'
investiment sostnut fl-effiċjenza enerġetika u l-ġestjoni
min-naħa tad-domanda matul il-katina tal-valur kollha u fl-istadju
tar-R&Ż. It-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi verament
jirrikjedi l-ikkombinar ta' approċċ tal-katina tal-valur
bl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi kumplessi fil-livell
tal-kumpaniji. Huwa stmat li t-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi matul
il-katini tal-valur kollha jista' jnaqqas l-inputs tal-materjali
meħtieġa bi 17%-24% sal-2030[3].
Barra minn hekk, bħalissa fl-UE 60% tal-iskart totali mhux qed jiġi
riċiklat, kompost jew użat mill-ġdid,[4] u dan
jindika telf enormi ta' riżorsi rikki u opportunitajiet sinifikanti
għall-impriżi żgħar u medji (SMEs)[5] li
jistgħu japplikaw u jbigħu prodotti, servizzi u soluzzjonijiet
ekoloġiċi. L-opportunitajiet tan-negozju jistgħu wkoll
jinħolqu mill-integrazzjoni ta' mudelli tan-negozju iktar ċirkolari u
l-eżistenza ta' teknoloġiji ekoloġiċi u SMEs futuri
fis-setturi kollha, inkluż is-servizzi. L-Istrateġija tal-Ewropa 2020 tispjega l-prijorità
tal-UE li ssir ekonomija sostenibbli u li tiffissa għanijiet ambizzjuzi
għal azzjoni klimatika u l-effiċjenza enerġetika. L-Att dwar
in-Negozji ż-Żgħar (SBA)[6] aċċenna
għall-fatt li l-UE u l-Istati Membri għandhom iħeġġu
lill-SMEs biex isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet. Il-Pjan ta'
Azzjoni Ekoloġiku (GAP) jagħti direzzjoni ċara u qafas dwar kif
l-UE, fi sħubija mal-Istati Membri u r-reġjuni, għandha l-intenzjoni
li tgħin l-SMEs jisfruttaw l-opportunitajiet tan-negozju li
t-tranżizzjoni għal ekonomija ekoloġika[7] toffri. Din
l-inizjattiva tippreżenta b'mod konkret serje ta' azzjonijiet proposti
fil-livell Ewropew orjentati lejn l-SMEs ġodda jew riveduti. GAP jimmira
li (1) itejjeb l-effiċjenza fir-riżorsi għall-SMEs Ewropej, (2)
jappoġġa l-intraprenditorja ekoloġika, (3) jisfrutta
l-oppotunitajiet ta' katini tal-valur iktar ekoloġiċi, u (4)
jiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-SMEs ekoloġiċi.[8] Huwa ppreżentat
bħala kumplimentari għall-Komunikazzjoni Inizjattiva
tal-Impjiegi Ekoloġiċi. – Nieħdu vantaġġ
mill-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, li tipproponi pjan
direzzjonali biex jappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi
ekoloġiċi madwar l-UE, u għall-Komunikazzjoni Opportunitajiet
Effiċjenti fir-Riżorsi fis-Settur tal-Bini kif ukoll
għall-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari u r-Reviżjoni tal-Miri
tal-Iskart. Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku jimmira li
jikkontribwixxi għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa kif
issuġġeriet il-Komunikazzjoni tar-Rinaxximent Industrijali Ewropew
(COM (2014) 14) u appoġġatta mill-Kunsill Ewropew, billi titjieb
l-kompetittività tal-SMEs u jiġu appoġġati l-iżviluppi
tan-negozji ekoloġiċi madwar ir-reġjuni Ewropej kollha,
notevolment minħabba l-fatt li, f'dan l-istadju, jeżistu differenzi
sinifikanti fl-effiċjenza fir-riżorsi bejn is-setturi u l-Istati
Membri. Il-Pjan ta' Azzjoni jibni fuq il-Pjan ta' Azzjoni
tal-Ekoinnovazzjoni (EcoAP)[9], li jipprovdi
struzzjonijiet għall-politika tal-ekoinnovazzjoni u l-finanzjament taħt
l-umbrella tal-istrateġija Ewropa 2020. Għadd ta' azzjonijiet u
strumenti għall-EcoAP huma rilevanti ħafna għall-SMEs.
L-eżempji jinkludu t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Innovazzjoni Ewropea,
l-Osservatorju tal-Ekoinnovazzjoni, il-Forum Ewropew dwar l-Ekoinnovazzjoni,
l-Isħubiji Ewropej għall-Innovazzjoni u strumenti finanzjarji
għall-ekoinnovazzjoni taħt Orizzont 2020. Għalhekk l-azzjonijiet
li jidhru fil-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku u l-EcoAP huma kumplimentari u
jiġġeneraw sinerġiji importanti. Matul l-istadju ta'
implimentazzjoni se tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa bejn l-EcoAP u
l-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku. Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku jiffoka fuq azzjonijiet
fil-livell Ewropew li huma mfassla biex jiffittjaw ma', u jirrinforzaw,
l-inizjattivi 'ekoloġiċi' eżistenti biex jappoġġa
lill-SMEs fil-livelli nazzjonali u reġjonali.[10] Dan ġie abbozzat
permezz ta' konsultazzjoni ma' kontendituri fl-Istati Membri li huma attivi
f'dan il-qasam, u se jiġi implimentat f'kooperazzjoni magħhom.
Ħafna mill-Istati Membri u ħafna reġjuni għandhom
organizzazzjonijiet u strumenti dedikati mhux biss permezz tal-finanzjament
tal-Politika Reġjonali li tipprovdi appoġġ lill-SMEs fl-oqsma li
huma soġġetti għal dan il-Pjan ta' Azzjoni. Tali azzjonijiet
jinkludu l-forniment ta' informazzjoni, il-bini tal-kapaċità,
il-promozzjoni tal-kooperazzjoni u n-netwerking, il-finanzjament dirett,
l-iffaċilitar tal-aċċess għall-finanzjament, eċċ.
Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku jissettja serja ta'
għanijiet u jelenka azzjonijiet li se jiġu implimentati fil-livell
Ewropew fil-qafas tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020.[11] L-azzjonijiet kollha huma ġodda jew verżjonijiet riveduti
tal-azzjonijiet preċedenti li issa jikkunsidraw il-potenzjal
għan-negozji tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-aċċess
għas-swieq ekoloġiċi.[12] L-azzjonijiet
jikkunsidraw ukoll ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-Pjan ta' Azzjoni
Ekoloġiku li seħħet fl-aħħar tliet xhur tal-2013.[13] L-informazzjoni konkreta dwar l-azzjonijiet li jidhru f'din
il-Komunikazzjoni, b'referenza għall-programmi li jappoġġawhom,
bħall-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, COSME, Orizzont 2020,
Erasmus+, LIFE jew l-Istrument ta' Sħubija, se jittellgħu puntwalment
fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali
għall-Intrapriża u l-Industrija[14]: http://wcmcom-ec-europa-eu-wip.wcm3vue.cec.eu.int:8080/enterprise/policies/sme/public-
consultation-green-action-plan/index en.htm I.
L-SMEs isiru iktar ekoloġiċi għal iktar kompetittività u
sostenibbiltà It-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi fl-SMEs
joffri potenzjal enormi għat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni u
għall-gwadanji tal-produttività. Użu aħjar tar-riżorsi
għandu jiġi kkalkulat biex jirrapreżenta potenzjal ta' tfaddil
kumplessiv ta' EUR 630 biljun kull sena għall-industrija Ewropea.[15]
Hemm ftit wisq SMEs fl-Ewropa li huma konxji minn dan il-potenzjal. Barra minn hekk, l-SMEs ma humiex appoġġatti b'mod suffiċjenti biex jirrealizzaw
it-tfaddil pontezjali tal-ispejjeż permezz ta' effiċjenza
fir-riżorsi aħjar. Dan mhux biss jaf iwassal għat-twessigħ
fid-disparità tal-produttività fl-Ewropa bejn kumpaniji li jagħmlu titjib
tal-effiċjenza fir-riżorsi u dawk li ma jagħmlux titjib,
iżda wkoll idgħajjef il-kompetittività globali tal-azjendi Ewropej
kif ukoll l-opportunitajiet ta' ħafna SMEs biex jippożizzjonaw lilhom
infushom fil-katini tal-valur globali. Għalfejn dan huwa
importanti għall-SMEs? L-SMEs Ewropej huma ġeneralment konxji li hu
importanti li jkunu effiċjenti fir-riżorsi ladarba 75% tal-SMEs fl-UE
raw żieda fl-ispejjeż tal-materjali tagħhom fl-aħħar
ħames snin. Mill-inqas 93% tal-SMEs fl-UE qed jieħdu mill-inqas
azzjoni waħda biex isiru iktar effiċjenti fir-riżorsi u
f'ħafna mill-każijiet din hi azzjoni ta' spiża baxxa.
Madankollu, 42% biss tal-SMEs li jimplimentaw miżuri biex itejbu
l-effiċjenza fir-riżorsi raw tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni
tagħhom.[16]
Dan jindika n-neċessità li tiġi fornuta gwida lill-SMEs dwar
il-kosteffettività tal-investimenti tal-effiċjenza fir-riżorsi. Barra minn hekk, hemm differenzi kbar bejn il-livelli
tal-effiċjenza fir-riżorsi fis-settur tal-manifattura fost l-Istati
Membri. L-użu tal-enerġija u l-ġenerazzjoni tal-iskart għal
tip speċifiku ta' produzzjoni jvarjaw ħafna bejn il-kumpaniji
tal-manifattura fil-pajjiżi differenti Ewropej.[17] It-titjib fl-effiċjenza fir-riżorsi jirrikjedi
għarfien speċjalizzat li normalment ma jkunx disponibbli fl-SMEs, li
għalhekk jeħtieġu konsultazzjoni biex jagħrfu l-potenzjal
tal-benefiċċji fit-tul tal-innovazzjoni tal-proċessi
tagħhom u l-organizzazzjoni biex itejbu l-effiċjenza
fir-riżorsi. Barra minn hekk, l-SMEs li jkunu qed ifittxu finanzjament
għal investimenti kbar minn qabel għall-effiċjenza
fir-riżorsi jsibu, f'xi każijiet, li l-intermedjarji finanzjarji
jikkunsidraw dan id-dominju bħala wieħed ta' riskju għoli.
Għalhekk, huma importanti li l-ewwel nett l-SMEs jiġu mħeġġa
jfittxu konsultazzjoni dwar l-effiċjenza fir-riżorsi xierqa, permezz
ta' kampanji tan-negozju orjentanti lejn l-SMEs u t-tieni nett jiġu
pprovduti b'konsultazzjoni ta' dan it-tip fir-reġjuni tagħhom. Il-Kummissjoni
ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet
li ġejjin: 1. L-SMEs Ewropej jiġu fornuti
b'informazzjoni prattika, konsultazzjoni u appoġġ dwar kif
jistgħu itejbu l-effiċjenza fir-riżorsi tagħhom f'manjiera
kosteffetiva: § Iċ-Ċentru
Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi, li se
jiġi stabbilit fl-2015 u se jibni fuq l-esperjenza ppruvata biex
jappoġġa l-effiċjenza fir-riżorsi fl-Istati Membri, se
jikkonsulta u jassisti lill-SMEs li jkunu qed ifittxu li jtejbu l-prestazzjoni
tal-effiċjenza fir-riżorsi tagħhom direttament u permezz ta'
netwerk ta' sħab madwar ir-reġjuni Ewropej, u se jsir punt ta'
referenza dwar l-effettività u l-kosteffettività ta' tipi differenti ta' titjib
fl-effiċjenza fir-riżorsi madwar l-UE. Iċ-Ċentru se
jipprovdi wkoll informazzjoni dwar strateġiji, programmi u azzjonijiet
nazzjonali fil-qasam tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-appoġġ
għall-SMEs, u fejn jixraq, jirreferi lill-SMEs għalihom. §
L-Ewrobarometru dwar "SMEs, effiċjenza
fir-riżorsi u swieq ekoloġiċi" se jivvaluta x-xejriet
tal-effiċjenza fir-riżorsi fost l-SMEs madwar l-Ewropa u l-USA, biex
jiggwida l-iżviluppi ulterjuri fil-politika f'dan il-qasam. § L-Enterprise Europe
Network (EEN)[18]
se jiġi mħeġġeġ (1) jorganizza Kampanja Ewropea dwar
l-Effiċjenza fir-Riżorsi b'attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni
(informazzjoni dwar is-siti tal-internet tagħhom, social media,
preżentazzjonijiet waqt avvenimenti (ta' netwerk eżistenti),
avvenimenti B2B) biex jinforma lill-SMEs dwar il-benefiċċji u
l-opportunitajiet pożittivi offruti mill-effiċjenza fir-riżorsi,
u (2) jipprovdi servizzi ta' konsulenza dwar l-effiċjenza fir-riżorsi
lill-SMEs. § L-Awtoritajiet
Amministrattivi tal-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment se jiġu
appoġġati mill-Kummissjoni fit-tħeġġiġ ta'
proġetti fil-qasam tal-effiċjenza fir-riżorsi u fl-ippubblikar
tal-opportunitajiet tan-negozju għas-swieq ekoloġiċi,
speċjalment billi jagħmlu demostrazzjoni ta' eżempji u
għodod li kellhom suċċess minn madwar l-UE. 2. Jiġu
appoġġati l-mekkaniżmi ta' trasferiment teknoloġiku
effiċjenti għal teknoloġiji ekoloġiċi § Il-kummerċjalizzazzjoni
tat-teknoloġiji ekoloġiċi hija prijorità għolja
għat-tkabbir tal-SMEs fl-ekonomija ekoloġika. Għalhekk,
il-bażi tad-dejta tat-trasferiment teknoloġiku tal-Enterprise Europe
Network (EEN), b'iktar minn 23,000 profil, se tkompli taġġorna l-klassifikazzjoni
tal-kliem ewlieni li jiddeskrivi l-effiċjenza u t-teknoloġiji marbuta
mal-klima biex iqabbel aħjar id-domanda u l-provvista fost il-klijenti
tal-SMEs. § Barra minn hekk,
is-sħab tal-EEN se jiġu mistiedna biex jiżguraw kooperazzjoni
mill-qrib bejn il-gruppi differenti tas-settur li għandhom x'jaqsmu
mal-effiċjenza fir-riżorsi biex jiffaċilitaw l-iskambju
tal-informazzjoni u t-trasferiment tal-aħjar prattika. 3. Jiġi ffaċilitat
l-aċċess għall-finanzjament għal titjib marbut
mar-riżorsi u l-effiċjenza enerġetika fl-SMEs § Diversi siti
tal-internet tal-Kummissjoni Ewropea orjentati lejn l-SMEs se jiġu
aġġornati biex juru aħjar l-informazzjoni ambjentali
disponibbli, il-finanzjament disponibbli tal-UE għall-effiċjenza
fir-riżorsi kif ukoll l-appoġġ mhux finanzjarju disponibbli
għall-SMEs. §
Il-Bank
Ewropew tal-Investiment (BEI) se jipprovdi finanzjamenti permezz ta'
intermedjarji finanzjarji għal titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi
marbut mas-servizzi tal-ekosistema u l-adattament għat-tibdil fil-klima
mal-Faċilità Finanzjarja ta' Kapital Naturali (NCFF). §
L-istrumenti
tal-Finanzjament Privat għall-Effiċjenza Enerġetika (PF4EE)
jistgħu jappoġġaw lill-SMEs u lil kumpaniji ikbar ta' kapital
medju, fost l-oħrajn, dawk li jwettqu investimenti żgħar
effiċjenti għall-enerġija, u li huma kapaċi jużaw
tfaddil enerġetiku biex iroddu lura s-self tal-bidu. §
Se jiġu stabbiliti netwerk u komunità ta' finanzjaturi
u investituri pubbliċi u privati li jappoġġaw l-innovazzjoni
ekoloġika. § Għall-perjodu
2014-2020 il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u
l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) se
jappoġġaw il-kompetittività tal-SMEs, inkluż it-titjib
tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u l-użu tas-sorsi tal-enerġija
rinnovabbli kif ukoll l-effiċjenza fir-riżorsi għaliex dawn huma
elenkati bħala prijoritajiet tal-investiment. Għalhekk, tali
investimenti jistgħu jintgħażlu mill-Istati Membri u
r-reġjuni għall-finanzjament tal-FEŻR u FEMS. II.
Intraprenditorja ekoloġika għall-kumpaniji futuri Il-prevenzjoni u t-tiswija tal-ħsara
ambjentali u l-mixja lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta'
karbonju huma sfida soċjetali li wkoll toffri opportunitajiet tan-negozju
għall-intrapriżi. Iżda l-"innovazzjoni
ekoloġika", bħat-tipi l-oħrajn tal-innovazzjoni,
teħtieġ ekosistema fertili biex tiffjorixxi u l-innovaturi
ekoloġiċi jiddependu fuq l-appoġġ għall-iżvilupp
tal-ideat tagħhom u fuq l-aċċess għall-finanzjament biex
jimplimentawhom. L-iżvilupp tal-benefiċċji tal-intraprenditorija
ekoloġika minn kemm huma viċin tal-istituzzjonijiet tal-għarfien
kif ukoll mid-disponibbiltà tal-ħiliet tax-xogħol u r-relazzjonijiet
industrijali li jiffaċilitaw kopperazzjoni transettorjali,
il-kundizzjonijiet li jħeġġu l-eżitu ta' raggruppamenti
ekoinnovattivi. Għalfejn
dan huwa importanti għall-SMEs? L-SMEs jeħtieġu ambjent tan-negozju favorevoli
fejn l-ideat ekoloġiċi jistgħu jiġu żviluppati,
iffinanzjati u miġjuba lejn is-suq faċilment. L-'intraprenditorija
ekoloġika' għandha diġà tiġi indirizzata fl-edukazzjoni
(għolja), biex tipprepara kif jaħsbuha l-intraprendituri
ekoloġiċi tal-futur. L-'intraprenditorija ekoloġika'
għandha tiġi mħeġġa wkoll b'għajnuna lil
intraprendituri potenzjali biex jidentifikaw opportunitajiet tan-negozju li
jirriżultaw mill-mixja lejn ekonomija li hija effiċjenti
fir-riżorsi u b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, inkluż
permezz ta' forom kreattivi ġodda ta' kooperazzjoni bejn in-negozji u
d-dinja akkademika. Għandhom jiġu appoġġati l-forom kollha
tal-innovazzjoni li jrawmu l-intraprenditorija ekoloġika. Fil-fatt,
l-intraprenditorija ekoloġika hija mrawma wkoll minn ideat ġodda
tan-negozju li jikkumbinaw l-effiċjenza fir-riżorsi mal-kreattività,
bħall-fenomenu l-ġdid ta' "upcycling" li jikkombina
r-riċiklaġġ mad-disinn. Barra minn hekk, jeħtieġ li jsir
iżjed għall-kapitalizzazzjoni fuq teknoloġiji
ekoloġiċi li huma żviluppati mir-riċerka u li rnexxielhom
juru l-fattibbiltà tagħhom. F'dan il-kuntest, huwa essenzjali li
nappoġġaw l-SMEs biex nesploraw l-fattibbiltà xjentifika jew teknika
u l-potenzjal kummerċjali tal-ideat tan-negozju ekoinnovattivi
għaliex ħafna SMEs ma għandhomx ir-riżorsi neċessarji
biex jagħmlu dan waħedhom. Il-Kummissjoni
ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet
li ġejjin: 1. Issir promozzjoni tal-forom kollha
tal-innovazzjoni ekoloġika, inkluż innovazzjoni ekoloġika li
mhix teknoloġika: § L-Istrument tal-SMEs
taħt Orizzont 2020 se jgħin lill-SMEs jesploraw il-fattibbiltà
xjentifika jew teknika u l-potenzjal kummerċjali ta' ideat ekoinnovattivi
ħafna sabiex jiżviluppa negozji ġodda konkreti. Valutazzjoni
pożittiva tal-fattibbiltà tan-negozju tiegħu tkun qed tippermetti
għall-finanzjamnet ta' attivitajiet ta' dimostrazzjoni. L-SMEs
jistgħu diġà japplikaw għal dan l-appoġġ taħt
sejħiet speċifiċi li jiffukaw fuq l-ekoinnovazzjoni u
l-forniment ta' materja prima, il-produzzjoni u l-ipproċessar tal-ikel
ekoinnovattivi, u l-innovazzjoni f'sistema tal-enerġija b'livell baxx ta'
emissjonijiet ta' karbonju u li hija effiċjenti. § F'Orizzont
2020, l-azzjonijiet tal-isfida soċjetali "Tibdil fil-klima, Ambjent,
Effiċjenza fir-Riżorsi u Materja Prima" qed jappoġġaw
l-għanijiet tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku, f'termini ta' żieda
tal-effiċjenza fir-riżorsi permezz ta' approċċ sistematiku
lejn l-ekoinnovazzjoni u l-istabbilment ta' ekonomija ċirkolari. Il-forom
kollha tal-innovazzjoni huma lkoll koperti. Tipi differenti ta' attivitajiet li
jvarjaw mir-riċerka għad-dimostrazzjoni, għat-teħid
mis-suq, il-koordinazzjoni u n-netwerking huma indirizzati. § Għall-perjodu
2014-2020 il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR),
il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u l-Fond
Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) se jappoġġaw
il-kompetittività tal-SMEs, jimmiraw l-effiċjenza enerġetika u
l-użu tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Dawn huma identifikati
bħala prijoritajiet tal-investiment li għandhom jiġu żvolti
mill-Istati Membri u r-reġjuni permezz tal-programmi operazzjonali
tagħhom. 2. Tiġi ffaċilitata s-sħubija
fin-negozju, il-ħiliet u l-għarfien għal intraprenditorija
ekoloġika: §
Il-Komunikazzjoni Inizjattiva
tal-Impjiegi Ekoloġiċi. – Nieħdu vantaġġ
mill-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika tipproponi pjan
direzzjonali komprensiv għall-iżvilupp tal-ħiliet biex
l-ekonomija ssir iżjed ekoloġika. §
Il-forniment
ta' informazzjoni ta' kwalità għolja dwar l-ekoinnovazzjoni u l-SMEs
ekoinnovattivi se jiġi meħġġeġ biex tikber
il-fiduċja u jonqsu r-riskji tal-investiment, permezz ta' inizjattivi
bħal Environmental Technology Verification (ETV) li bħalissa qed
jiġi implimentat bħala programm pilota tal-UE. § Se jiġu
appoġġati mudelli ġodda tan-negozju għal effiċjenza
fir-riżorsi u enerġetika fl-SMEs permezz tal-programm LIFE. § Il-Premjijiet Ewropej
għall-Promozzjoni tal-Intrapiża se jirrikonoxxu l-isforzi biex
jappoġġaw l-intraprenditorija ekoloġika billi jippremjaw korpi
pubbliċi u sħubiji pubbliċi-privati li jappoġġaw
l-iżvilupp ta' swieq ekoloġiċi u l-effiċjenza
fir-riżorsi. 3. Jiġi sfruttat
aħjar ir-rwol tar-raggruppamenti f'appoġġ għall-SMEs
ekoinnovattivi: § L-effiċjenza
fir-riżorsi se ssir suġġett speċifiku fit-taħriġ
taħt il-Programm tal-Eċċellenza tar-Raggruppamenti (COSME
2014-2020) li huma mmirat li jagħmel l-amministraturi tar-raggruppamenti
totalment konxji tal-azzjonijiet potenzjali li jistgħu jiġu varati
fir-raggruppamenti tagħhom biex ikomplu jtejbu l-ekoinnovazzjoni u
l-effiċjenza fir-riżorsi fil-membri tal-SMEs tagħhom u
bejniethom. III. Opportunitajiet għall-SMEs f'katina tal-valur iktar
ekoloġika Il-manifatturar mill-ġdid, it-tiswija,
il-manutenzjoni, ir-riċiklaġġ u l-ekodisinn għandhom
potenzjal kbir biex isiru xprunaturi tat-tkabbir ekonomiku u tal-ħolqien
ta' impjiegi u fl-istess waqt jagħmlu kontribut sinifikanti biex
jindirizzaw l-isfidi ambjentali. Permezz tal-innovazzjoni u d-disinn
mill-ġdid tal-prodotti u tal-produzzjoni u l-mudelli tan-negozju,
il-kumpaniji jistgħu jnaqqsu l-użu tal-materja prima mhux
maħduma li tiswa ħafna flus u joħolqu inqas skart. Is-60%
tal-iskart totali fl-UE li ma jiġix riċiklat, kompost jew użat
mill-ġdid[19] joffri
opportunitajiet ekonomiċi għall-SMEs biex jikkapitalizzaw fuq katini
tal-valur transsettorjali li jagħmlu użu aktar effiċjenti
tar-riżorsi. L-ekonomija 'ċirkolari'[20] jew 'simbajotika'[21] iżżid
l-iffrankar tar-riżorsi u l-ispejjeż billi timmassimizza d-drabi li
r-riżorsi, il-prodotti u l-komponenti jintużaw. L-użu aħjar
u iktar efffiċjenti tar-riżorsi permezz ta' tnaqqis tal-iskart u
l-iskart jiġi kkonvertit f'oġġetti u servizzi ġodda
jirrikjedi l-ekoinnovazzjoni, intermedjarji ġodda u servizzi ta'
senserija. L-SMEs u l-imprendituri jeħtieġu ambjent ta'
appoġġ biex jidħlu għal relazzjonijiet industrijali
ġodda li jippermettulhom jimxu lejn ekonomija ċirkolari. Għalfejn dan huwa importanti
għall-SMEs? Minkejja evidenza li turi l-benefiċċji
tal-innovazzjoni li jnaqsu l-iskart u tal-kollaborazzjoni tal-katina tal-valur
transsettorjali, kombinazzjoni ta' ostakli regolatorji, istituzzjonali,
tekniċi u kulturali jirrapreżentaw barrieri sistematiċi li
għadhom qed ixekklu l-azzjoni iktar effettiva u n-netwerking fost
il-kumpaniji u b'hekk effiċjenza fir-riżorsi ogħla wkoll.
Pereżempju, bħalissa, 44% tal-kumpaniji l-kbar fl-UE jbigħu
l-materjal skrap tagħhom lil kumpanija oħra, filwaqt li 24% tal-SMEs
biss jagħmlu dan[22]. Minħabba l-fatt
li spiss jirrikjedi għarfien u netwerks speċjalizzati, l-SMEs
frekwentament isibuha diffiċli biex jiżviluppaw u jikkondividu
l-għarfien dwar it-tnaqqis tal-iskart u l-amministrazzjoni u biex
jisfruttaw il-potenzjal biex jevitaw il-ħela u l-użu mill-ġdid
tal-prodotti, il-materjali u l-iskart bħala parti minn katini tal-valur
differenti. Spejjeż għoljin tat-tranżazzjonijiet u spejjeż
tal-investiment inizjali għoljin jistgħu jkomplu jnaqqsu l-interess
biex dawn jidħlu fi tranżazzjonijiet marbutin mal-użu
mill-ġdid u r-riċiklaġġ tar-riżorsi, b'mod partikolari
għaliex il-benefiċċji potenzjali huma diffiċli biex
jiġu determinati ex-ante minħabba n-nuqqas ta' esperjenza u
l-inċertezzi marbuta mal-varjazzjonijiet fil-kwalità,
l-ispeċifikazzjonijiet jew iż-żmien tat-twassil. Barra minn
hekk, l-iskambji fil-katina tal-valur jistgħu joħolqu sfidi
teknoloġiċi għaliex it-trasformazzjonijiet u l-adattamenti
tal-"iskart bħala prodott sekondarju" jistgħu jkunu
jeħtieġu li jsiru qabel ma jkunu jistgħu jerġgħu
jiġu introdotti fil-katina tal-valur. Il-Kummissjoni ffissat
diversi għanijiet li jridu jintlaħqu permezz tal-azzjonijiet li
ġejjin: 1. Jiġu indirizzati
barrieri sistematiċi għall-kollaborazzjoni tal-katina tal-valur
transsettorjali u transnazzjonali u l-ħolqien tan-negozju u
l-kooperazzjoni, permezz tal-iffaċilitar tal-ħolqien tal-mudelli
tan-negozju tas-servizz u l-użu mill-ġdid ta' materjali, prodotti u
skart: § Analiżi
tal-barrieri sistematiċi li jimpedixxu l-varar tal-mudelli tan-negozju
ċirkolari mill-SMEs, l-użu effiċjenti tal-materjali mill-flussi
tal-iskart u l-proċessi ta' simbajożi industrijali. Dan huwa
kruċjali biex jiġu żviluppati l-aħjar azzjonijiet
possibbili fil-livell tal-UE li jindirizzaw dawn in-nuqqasijiet u li
jippromwovu r-rwol tal-SMEs fl-ekonomija ċirkolari. 2. Tiġi ffaċilitata
l-kollaborazzjoni transsettorjali bil-ħsieb li tippromwovi l-ekonomija
ċirkolari: § L-azzjoni li
ġejja dwar "Proġetti ffaċilitati mir-raggruppamenti
għal katini tal-valur industrijali ġodda" taħt Orizzont
2020 se talloka mill-inqas 75% tal-baġit totali biex tappoġġa
l-innovazzjoni fl-SMEs. Tfittex li tappoġġa proġetti ta'
kollaborazzjoni u innovazzjoni transsettorjali u transreġjonali xprunati
mill-SMEs billi tintegrahom aħjar f'raggruppamenti u katini tal-valur
differenti. § L-Osservatorju Ewropew
tar-Raggruppamenti se jipprovdi lir-reġjuni bi pjan direzzjonali
aħjar tal-konċentrazzjonijiet ġeografiċi tal-kompetenzi
fl-industriji ekoloġiċi kif ukoll l-identifikazzjoni u l-analiżi
tax-xejriet tar-raggruppamenti transsettorjali, inkluż
l-internazzjonalizzazzjoni tar-raggruppamenti u x-xejriet tat-trasformazzjoni
industrijali marbuta mal-industriji ekoloġiċi. § Se jiġu
identifikati reġjuni mudell demostraturi li jagħmlu demonstrazzjoni
ta' soluzzjonijiet sistemiċi ekoinnovattivi. § Il-programm LIFE se
jippromwovi t-tnedija ta' negozji mudell ċirkolari u se juri
l-benefiċċji tagħhom għall-SMEs. § L-istabbilment ta'
grupp espert biex jiffoka fuq approċċ sistematiku
għall-ekoinnovazzjoni fil-qafas ta' Orizzont 2020. IV. Aċċess għas-swieq għall-SMEs ekoloġiċi L-UE għandha interess strateġiku biex tindirizza
b'mod adegwat l-isfidi ambjentali globali kbar bħat-tibdil fil-klima.
Minħabba tkabbir ekonomiku kbir u, f'xi każijiet, l-istadji bikrija
tal-industrijalizzazzjoni, it-tnaqqis ambjentali u l-emissjonijiet qed jikbru
b'pass mgħaġġel f'ħafna pajjiżi tad-dinja. Se jkun
kruċjali li dawn il-pajjiżi jiġu assistiti f'ċaqliqa lejn
ekonomija ekoloġika. Fl-istess ħin, l-UE għandha rwol ta'
tmexxija fi-teknoloġiji ekoloġiċi u b'livell baxx ta' emissjonijiet
ta' karbonju, li joffru possibbiltajiet kbar biex jikkombinaw it-tibdil
fil-klima u għanijiet oħrajn tal-protezzjoni ambjentali
bl-iżvilupp tal-kummerċ, l-investiment u n-negozju
għall-kumpaniji Ewropej, notevolment l-SMEs, f'dawn il-pajjiżi. Għalfejn dan huwa importanti
għall-SMEs? L-impenji internazzjonali tal-UE f'oqsma
bħall-kooperazzjoni fit-tibdil fil-klima jew politiki tal-viċinat
joffru kamp ta' applikazzjoni konkret għall-SMEs Ewropej bl-għarfien
espert rilevanti biex jiggwadanjaw aċċess għal swieq ġodda
għat-teknoloġiji, prodotti u servizzi tagħhom immirati lejn
tnaqqis effiċjenti tal-emissjonijiet tal-karbonju. L-UE ssarraf għal
bejn wieħed u ieħor terz tas-suq dinji għall-industriji
ambjentali u hija esportatur nett. Dan is-suq dinji qed jikber b'5% fis-sena u
huma mistenni li jittrippla sal-2030[23], u b'hekk joffri
opportunitajiet importanti għan-negozji tal-UE. Madankollu, ftit SMEs
fl-UE joffru t-teknoloġiji, prodotti jew servizzi ekoloġiċi
tagħhom f'pajjiżi barra mill-UE. 87% tal-SMEs fl-UE jbigħu biss
fis-swieq nazzjonali tagħhom.[24] Dan in-nuqqas
tal-internalizzazzjoni tal-SMEs huwa normalment spjegat bl-assenza ta' qafas
ta' appoġġ li jista' jgħin lill-SMEs jaċċessaw swieq
barranin. L-SMEs għandhom probabbiltà aħjar li jidħlu
f'katini tal-valur globali billi jikkooperaw ma' kumpaniji oħrajn milli
jaġixxu individwalment. Il-kisba ta' effiċjenza fir-riżorsi
aħjar fl-Ewropa u l-għajnuna għall-SMEs biex jintegraw
b'suċċess f'katini tal-valur globali jirrikjedi iktar kooperazzjoni
internazzjonali. Biex jikkompettu internazzjonalment, l-SMEs fil-qasam
tal-effiċjenza fir-riżorsi jeħtieġ li jfittxu sħab
internazzjonali mhux biss biex ibigħu iżda wkoll biex jissorsjaw
materja prima, u jiggwadanjaw aċċess għal riċerka,
għarfien u ħiliet fil-katina tal-valur. Kooperazzjoni bħal din
spiss hija ffaċilitata minn raggruppamenti li jaġixxu bħala
"imbuttatura" reali għall-SMEs biex, min-naħa waħda,
jaċċessaw is-swieq internazzjonali u, min-naħa l-oħra
jidħlu f'kooperazzjoni ta' negozju u jiżviluppaw sħubiji
strateġiċi għal terminu twil matul u fil-katini tal-valur. Barra
minn hekk, il-kuntatti internazzjonali u n-netwerks diġà stabbiliti minn
multinazzjonali, universitajiet u istituzzjonijiet oħrajn
fir-raggruppamenti tagħhom jistgħu ukoll jiġu sfruttati mill-SMEs. Il-Kummissjoni ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu
permezz tal-azzjonijiet li ġejjin: 1. Issir promozzjoni ta' suq intern Ewropew iktar
ekoloġiku: § L-Organizzazzjonijiet
Ewropej tal-Istandardizzazzjoni se jiġu mħeġġa jikkunsidraw
l-għanijiet tal-ekonomija ċirkolari meta joħolqu l-istandards
sabiex ikomplu l-isforzi preċedenti tal-Kummissjoni
għall-integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-istandardizzazzjoni Ewropea.[25] 2. Jiġi ffaċilitat l-aċċess
għas-swieq internazzjonali għall-intraprenditoriji ekoloġiċi: § L-istabbilment
tas-Sħubiji Ewropej tar-Raggruppamenti Strateġiċi li jrawwmu
alleanzi bejn raggruppamenti minn setturi differenti, bil-ħsieb li
jiżviluppaw strateġija konġunta għall-internalizzazzjoni.
Se jiġu mħeġġa l-alleanzi fil-qasam tat-teknoloġiji
ekonoloġiċi u l-ekoinnovazzjoni. § Il-missjonijiet ta'
akkoppjar internazzjonali se jħeġġu l-kooperazzjoni fl-oqsma
tal-effiċjenza fir-riżorsi u l-ekoinnovazzjoni, u se jkunu
prijoritizzati fuq bażi ta' kull każ għalih, filwaqt li jqiesu
l-ispeċifiċitajiet tal-pajjiż fil-mira u l-potenzjal
tal-kummerċ. § L-istrumenti
finanzjarji taħt COSME se jappoġġaw b'mod speċifiku
lill-SMEs biex jinternazzjonalizzaw, billi jippromwovu l-iżvilupp
transtransfruntiera tagħhom. 3. Tiġi ffaċilitata
t-tnedija ta' teknoloġija tal-effiċjenza fir-riżorsi
f'pajjiżi sħab permezz ta' kooperazzjoni mal-SMEs Ewropej: §
Azzjoni tan-Negozju b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet ta'
Karbonju se tipprovdi assistenza teknika għall-istabbilment ta'
Sħubiji ta' Kooperazzjoni bejn in-negozji tal-UE u raggruppamenti u
negozji u kontrapartijiet oħrajn f'pajjiżi ta' dħul medju, u
għall-ellobarazzjoni tal-proposti bankabbli[26] konġunti li
jirriflettu l-interessi taż-żewġ partijiet filwaqt li
jiżguraw koerenza tal-politika għall-iżvilupp. ■
Bini ta' attivitajiet imprenditorjali ġodda bbażati fuq
teknoloġiji ekoloġiċi fil-pajjiżi tan-Nofsinhar
tal-Mediterran permezz ta' kooperazzjoni mal-SMEs Ewropej. V. Governanza Il-kunċett u l-ispjegazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni
Ekoloġiku għall-SMEs kif ippreżentat fil-konsultazzjonijiet
pubbliċi dwar il-futur tal-politika tal-SMEs u, notevolment,
il-Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku li
seħħ fl-aħħar tliet xhur tal-2013, irċevew
appoġġ mifrux minn dawk l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u
l-partijiet interessati tal-SMEs li wieġbu.[27] In-Netwerk
tal-Mibgħuta Speċjali tal-SMEs[28] wieġeb
pożittiv ukoll għall-Pjan, fejn apprezza il-fokus ċar
tal-każ tan-negozju li jirriżulta mill-isfidi ambjentali.
Għalhekk huwa importanti li jiġi implimentat sew. Dan jirrikjedi
l-impenn politiku sħiħ kemm tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati
Membri. Għalfejn dan huwa importanti għall-SMEs? L-implimentazzjoni effiċjenti u effettiva
tal-għanijiet u l-azzjonijiet sussegwenti tal-Pjan ta' Azzjoni biss se
jiżguraw impatt madwar l-Ewropa għall-benefiċċju tal-SMEs. Il-Kummissjoni ffissat diversi għanijiet li jridu jintlaħqu
permezz tal-azzjonijiet li ġejjin: 1.
Jiġu
żgurati l-monitoraġġ u l-aġġornament tal-azzjonijiet
stabbiliti mill-Kummissjoni biex jiġu appoġġati l-SMEs f'dan id-dominju: § L-azzjonijiet marbutin
ma' dan il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs se jiġu
mmonitorjati regolarment, inkluż ir-riżorsi finanzjarji dedikati, fi
djalogu mal-partijiet interessati tal-SMEs, u l-effettività tal-programmi, se
jiġu evalwati wkoll. Fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni se tiġi
pprovduta informazzjoni aġġornata dwar l-azzjonijiet. § Ir-Reviżjoni
tal-Prestazzjoni tal-SMEs[29] tagħmel monitoraġġ u tivvaluta l-progress
tal-pajjiżi fl-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji
ż-Żgħar fuq bażi annwali, inkluż il-prestazzjoni
tagħhom f'rabta mal-prinċipju 9 "jgħinu l-SMEs biex isarrfu
l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju", biex b'hekk
tikkumplimenta l-monitoraġġ tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku. 2. Jiġu appoġġati l-koordinazzjoni,
il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-livell Ewropew,
nazzjonali u reġjonali: §
Il-mekkaniżmu ta' governanza tal-Att dwar in-Negozji
ż-Żgħar, li huwa magħmul mir-Reviżjoni ta'
Prestazzjoni tal-SMEs u n-Netwerk tal-Mibgħuta Speċjali tal-SMEs, se jintuża
biex jipprovdi pjattaforma għall-iskambju tal-aħjar prattika fost
l-Istati Membri dwar appoġġ għall-SMEs biex jgħinhom
isarrfu l-isfidi ambjentali f'opportunitajiet tan-negozju. B'mod partikolari,
in-Netwerk tal-Mibgħuta Speċjali tal-SMEs se jintuża biex
jiddiskuti l-implimentazzjoni ta' prattiki, riżultati u ostakli bħal
dawn. §
Se tiġi stabbilita l-koordinazzjoni mal-Grupp ta'
Ħidma ta' Livell Għoli tal-EcoAP sabiex tiżgura l-fluss kontinwu
tal-informazzjoni, il-konsistenza u sfruttar aħjar ta' sinerġiji bejn
l-inizjattivi varji. Meta jkun rilevanti, il-koordinazzjoni se tiġi
mfittxija wkoll ma' gruppi ta' livell Ewropew li jiffunzjonaw f'oqsma
oħrajn tal-politika, bħall-ambjent, l-impjiegi, l-edukazzjoni,
l-iżvilupp, il-kooperazzjoni, eċċ. [1] L-effiċjenza fir-riżorsi tfisser l-użu
tar-riżorsi limitati tad-Dinja b'mod sostenibbli u li jiġu
minimizzati l-impatti fuq l-ambjent filwaqt li jkun jista' jsir tkabbir
ekonomiku (permezz tad-diżakkoppjar relattiv tal-użu tal-materjali). [2] "Gwida
għall-effiċjenza fir-riżorsi fil-manifattura: Esperjenzi
mit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-kumpaniji
tal-manifattura". Europe INNOVA (2012) [3] Meyer, B. et
al (2011) "Macroeconomic modelling of sustainable development and the
links between the economy and the environment". Studju
għall-Kummissjoni Ewropea (DĠ Ambjent), disponibbli fuq http://ec.europa.eu/environment/enveco/studies_modelling/pdf/report_macroeconomic.pdf [4] Statistika
tal-Eurostat dwar l-Iskart (2011) [5] Ara
d-definizzjoni ta' SME fuq http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/sme- definition/index_en.htm [6] Għal iktar informazzjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/index_en.htm [7] L-"ekonomija ekoloġika" hija mudell li
"jiżgura t-tkabbir u l-iżvilupp, jissalvagwardja
s-saħħa umana u l-benessri, jipprovdi impjiegi diċenti, inaqqas
l-inekwalitajiet u jinvesti fil-bijodiversità u jippreservaha, inkluż
is-servizzi tal-ekosistema li tipprovdi (il-kapital naturali), għall-valur
intrinsiku tagħha u għall-kontribuzzjoni essenzjali tagħha
għall-benessri umana u l-prosperità ekonomika". (Definizzjoni
mid-Deċiżjoni Nru 1386/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali
tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta
tagħna"). [8] Il-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs jiffoka fuq
l-effiċjenza fir-riżorsi inġenerali, mingħajr xi fokus
partikolari fuq l-effiċjenza enerġetika jew il-ġenerazzjoni
tal-enerġija rinnovabbli, li diġà kienu s-suġġetti ta'
Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni u proposti leġiżlattivi
speċifiċi. [9] http://ec.europa.eu/environment/ecoap/index_en.htm [10] Pereżempju l-UE se tappoġġa azzjonijiet rilevanti
għall-GAP permezz tal-Politika ta' Koeżjoni. L-Istati Membri qablu li
jallokaw iktar minn EUR 100 biljun mill-Fond Ewropew
għall-Iżvilupp Reġjonali biex jinvestu fl-SMEs, l-ekonomija
b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u r-riċerka u l-innovazzjoni. [11] L-azzjonijiet imbassra fil-Komunikazzjoni ma għandhomx impatt
baġitarju fuq il-baġit tal-UE fuq u lil hinn mill-approprjazzjonijiet
diġà mbassra fl-ipprogrammar finanzjarju uffiċjali tal-Kummissjoni. [12] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal ta' akkumpanjament jipprovdi
lista tal-azzjonijiet bl-indikazzjoni, fejn jixraq, tal-iskeda
għall-implimentazzjoni tagħhom matul il-perjodu 2014-2020. [13] Rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika:
http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/public-consultation-green-action-plan/index_en.htm [14] Din l-informazzjoni se tinkludi referenzi għar-riżorsi
finanzjarji dedikati għall-azzjonijiet kif imbassra fil-governanza
tal-Pjan ta' Azzjoni Ekoloġiku, u l-effettività tagħhom. [15] "Gwida
għall-effiċjenza fir-riżorsi fil-manifattura: Esperjenzi
mit-titjib tal-effiċjenza fir-riżorsi fil-kumpaniji
tal-manifattura". Europe INNOVA (2012). [16] Iċ-ċifri
kollha f'dan il-paragrafu ġejjin kollha mill-Ewrobarometru Flash tal-2013
dwar "SMEs, effiċjenza fir-riżorsi u swieq
ekoloġiċi"; ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_381_eapdf. [17] Calogirou
C., S. Y. Sørensen, P. B. Larsen, S. Alexopoulou et al. (2010) SMEs and the
environment in the European Union, PLANET SA and Danish Technological
Institute, Ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, DĠ Impriża u
Industrija. http://ec.europa.eu/enterprise/newsroom/cf/itemdetail.cfm?item_id=4711 [18] Għal iktar
informazzjoni: http://een.ec.europa.eu/ [19] Statistika tal-Eurostat dwar l-Iskart (2011) [20] Ekonomija ċirkolari żżomm il-valur miżjud
fil-prodotti kemm jista' jkun fit-tul u telimina l-iskart. Ir-riżorsi li
hemm fil-prodotti jibqgħu f'użu produttiv meta l-prodott jasal
fl-aħħar tal-ħajja tiegħu, u b'hekk jipprovdu iktar valur. [21] L-ekonomija simbajotika hija bbażata fuq il-prattika li
l-prodotti sekondarji ta' kumpanija jew settur wieħed (inkluż
l-enerġija, l-ilma, il-loġistika u l-materjali) jintużaw minn
ieħor/oħra. [22] Ewrobarometru Flash tal-2013 dwar "SMEs, effiċjenza
fir-riżorsi u swieq ekoloġiċi":
ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_381_eapdf. [23] IDEA Consult,
ECORYS, 2009. Study on the competitiveness of the EU eco-industry; Federal
Ministry for the Environment, Nature Conservation and Nuclear Safety, 2009,
"Greentech - Made in Germany 2.0" [24] Ewrobarometru Flash tal-2013 dwar "SMEs, effiċjenza
fir-riżorsi u swieq ekoloġiċi":
ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_381_eapdf. [25] L-isforzi preċedenti tal-Kummissjoni jinkludu l-Komunikazzjoni
"L-integrazzjoni tal-aspetti ambjentali fl-istandardizzazzjoni (COM(2004)
130 final) u l-Komunikazzjoni "Viżjoni atrateġika
għall-istandards Ewropej: Nimxu 'l quddiem biex intejbu u nħaffu
t-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020 (COM(2011) 311 final). [26]Proposta bankabbli
hija proġett jew proposta li hija suffiċjentament appoġġata
kemm finanzjament kif ukoll kunċettwalment biex pontezjalment ikollha
suċċess meta tapplika għall-finanzjament minn kredituri
istituzzjonali. [27] Rapport dwar ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika:
http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/public-consultation-green-action-plan/index_en.htm [28] Għal iktar
informazzjoni: http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/small-business-act/sme-envoy/index_en.htm [29] Għal iktar informazzjoni:
http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/index_en.htm