This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0415
Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION on Latvia’s 2014 national reform programme and delivering a Council opinion on Latvia’s 2014 stability programme
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Latvja għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja għall-2014
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Latvja għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja għall-2014
/* COM/2014/0415 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Latvja għall-2014 u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja għall-2014 /* COM/2014/0415 final - 2014/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tal-Latvja għall-2014
u li twassal opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Latvja
għall-2014 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2)
u 148(4) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġi u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u
b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[2], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[3], Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill
Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
Ekonomiku u Finanzjarju, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Protezzjoni Soċjali, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Politika Ekonomika, Billi: (1)
Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill
Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija
strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020,
ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija,
li tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex
jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli
u kompetittività. (2)
Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill,
abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji
gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi għall-Istati Membri
u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010,
adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi
tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati".
L-Istati Membri kienu mistiedna sabiex jikkunsidraw il-linji gwida integrati
fil-politiki ekonomiċi u tal-impjiegi tagħhom. (3)
Fid-29 ta' Ġunju 2012,
il-Kapijiet ta' Stat jew Gvern iddeċidew dwar Patt għal Tkabbir u
Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni f'livell nazzjonali,
dak tal-UE kif ukoll taż-Żona tal-Euro permezz tal-użu
tal-għodod, l-istrumenti u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew
dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod
partikolari li tesprimi impenn b'mod sħiħ sabiex jinkisbu l-objettivi
tal-Ewropa 2020 u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet
speċifiċi għall-pajjiż. (4)
Fid-9 ta' Lulju 2013, il-Kunsill
adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Latvja
għall-2013 u wassal l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà
tal-Latvja aġġornat għall-2012-2016. (5)
Fit-13 ta' Novembru 2013,
il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[4], li jagħti bidu għas-Semestru Ewropew tal-2014
tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Fl-istess ġurnata abbażi tar-Regolament
(UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar
il-Mekkaniżmu ta' Twissija[5], li fih il-Latvja ma kinitx identifikata bħala wieħed
mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq eżami mill-ġdid
fil-fond. (6)
Fl-20 ta' Diċembru 2013, il-Kunsill
Ewropew approva l-prijoritajiet li jiżguraw stabbiltà finanzjarja,
konsolidament fiskali u azzjoni biex jissaħħaħ it-tkabbir.
Il-Kunsill enfasizza l-ħtieġa li jissokta l-konsolidament fiskali
differenzjat u favur it-tkabbir, sabiex il-kundizzjonijiet ta' self
għall-ekonomija jerġgħu lura għan-normal, jiġu
promossi t-tkabbir u l-kompetittività, jiġu trattati l-qgħad u
l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex l-amministrazzjoni pubblika
tiġi mmodernizzata. (7)
Fid-29 ta' April 2014, il-Latvja
ppreżentat il-programm nazzjonali ta' riforma għall-2014 u
fit-30 ta' April 2014 il-programm tagħha ta' stabbiltà
għall-2014. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom,
iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien. (8)
L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritta
fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2014 huwa li gradwalment jitnaqqas
id-defiċit nominali u li jinżamm bilanċ strutturali li jkun
konsistenti mal-objettiv ta' terminu medju meta titqies id-devjazzjoni
temporanja permessa mill-objettiv ta' terminu medju minħabba l-impatt
tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet. Il-programm biddel l-objettiv ta'
terminu medju minn -0,5 % għal -1,0 %; l-objettiv ta' terminu
medju l-ġdid jirrifletti l-objettivi tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-mixja
ppjanata tal-bilanċ nominali fil-programm tal-Latvja jimplika
deterjorazzjoni gradwali tal-bilanċ strutturali (ikkalkulat
mill-ġdid), għalkemm xorta fi ħdan il-marġini permessi
mill-implimentazzjoni tar-riforma tal-pensjonijiet. Meta wieħed iqis
id-devjazzjoni permessa mill-objettiv ta' terminu medju, id-defiċit
strutturali ppjanat huwa konformi mar-rekwiżit tal-Patt sal-2016.
Madankollu, iż-żieda ppjanata fid-defiċit strutturali ppjanat
mill-ġdid fl-2017 twassal għal devjazzjoni mill-mixja ta'
aġġustament meħtieġa lejn l-objettiv ta' terminu medju.
B'mod ġenerali, l-istrateġija baġitarja deskritta fil-programm
hija l-aktar konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
Id-dejn pubbliku huwa stabbilit biex jibqa' ħafna taħt is-60 %
tal-PDG matul il-perjodu kollu tal-programm, u jinżel għal 31 %
tal-PDG sal-2017. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet
baġitarji fil-programm, li ma ġiex approvat formalment minn
istituzzjoni indipendenti, huwa plawżibbli. It-tkabbir ekonomiku huwa
mistenni li jibqa' madwar 4 % fis-sena matul il-perjodu tal-programm, u
ż-żidiet proġettati fil-prezz huma moderati. Ix-xenarju
baġitarju tal-programm jipprevedi tnaqqis qawwi fis-sehem tad-dħul u
l-infiq tal-gvern fil-PDG, u dan jirrifletti diversi miżuri li jnaqqsu
d-dħul kontra t-trażżin fl-infiq. Iż-żieda fid-domandi
tal-infiq f'diversi oqsma ta' politika tirrappreżenta riskju
għat-tnaqqis proġettat fl-infiq fil-programm. Il-previżjoni
tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2014 turi li, filwaqt li
l-politika fiskali fl-2014 hija konformi mar-rekwiżit tal-Patt, hemm
riskju ta' devjazzjoni fl-2015. Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm u
l-Previżjoni tal-Kummissjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li fl-2014 id-devjazzjoni
tad-defiċit strutturali mill-objettiv ta' terminu medju tirrifletti
l-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet, filwaqt li mill-2015 hemm
riskju ta' devjazzjoni mill-mixja ta' aġġustament meħtieġa. (9)
Il-Latvja ħadet passi biex tnaqqas il-piż
tat-taxxa għall-ħaddiema u l-familji b'persuni dipendenti bi
dħul baxx u biex issaħħaħ it-tassazzjoni fuq il-proprjetà u
dik ambjentali, iżda l-livell u t-tfassil ta' dawn it-taxxi ma jaffettwawx
biżżejjed l-imġiba tal-operaturi ekonomiċi, u xi sussidji
li jagħmlu ħsara ambjentali għadhom fis-seħħ. Filwaqt
li l-awtoritajiet għamlu xi progress bix itejbu l-konformità tat-taxxa u
jnaqqsu l-proporzjon ta' attività ekonomika mhux iddikjarata, speċjalment
billi tejbu l-valutazzjoni tar-riskju u ħarrxu s-sanzjonijiet kontra
l-imġiba frodulenti, għad baqa' sfidi għall-ġlieda kontra
l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa. B'mod partikulari, minkejja li
jirrappreżenta proporzjon sinifikanrti tat-tassazzjoni totali,
id-dħul mit-taxxi fuq il-konsum għandu potenzjal kbir għal aktar
żieda jekk tittejjeb il-konformità tat-taxxa. (10)
Minkejja pjan oriġinarjament ambizzjuż
biex issir riforma fl-edukazzjoni superjuri, il-Latvja ma għamlet l-ebda
progress fit-tfassil ta' sistema ta' akkreditazzjoni approvata
internazzjonalment, il-pjanijiet biex jiġi introdott mudell ta'
finanzjament ġdid huma inċerti, il-konsolidazzjoni ta'
istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni superjuri ddgħajfet u r-restrizzjonijiet
fuq l-użu tal-lingwi barranin baqgħu ma nbidlux. Dan minkejja li hemm
biżżejjed lok għal riforma fis-sistema tal-edukazzjoni
superjuri, li hija kbira wisq fid-dawl tal-popolazzjoni li qed tonqos, toffri
wisq programmi ta' studju distinti u għandha attrazzjoni limitata
għall-istudenti barranin u l-persunal tat-tagħlim. Ir-riżultati
tal-ewwel valutazzjoni indipendenti tal-istituzzjonijiet ta' riċerka juru
li 10 % biss ta' dawk valutati jistgħu jitqiesu bħala
ċentri ta' riċerka internazzjonali ta' livell għoli. Barra minn
hekk, il-Latvja kellha intensità fir-R&Ż ta' 0,66 % biss tal-PDG
fl-2012 u mhijiex miexja fid-direzzjoni t-tajba biex tikseb l-objettiv
tal-Ewropa 2020 tagħha li tiddedika 1,5 % tal-PDG
għar-R&Ż. (11)
Il-Latvja għamlet progress fit-trattar
tal-qgħad, li naqas b'mod konsiderevoli. Madankollu, il-qgħad fost
iż-żgħażagħ għadu relattivament għoli u hemm
bżonn ta' miżuri biex jintlaħqu ż-żgħażagħ
inattivi li ma jirreġistrawx. Għalkemm il-Latvja ħadet
miżuri sabiex tindirizza nuqqasijiet ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u
l-kwalità tal-edukazzjoni vokazzjonali, dawn xorta jeħtieġu
attenzjoni, speċjalment fit-titjib tal-kwalità tal-apprendistati u
fl-iżvilupp ta' gwida komprensiva għall-karrieri. Il-politiki attivi
fis-suq tax-xogħol għadhom limitati fil-kamp ta' applikazzjoni
tagħhom u jiddependu wisq fuq il-ħidmiet pubbliċi. (12)
Il-faqar fost dawk li għandhom l-età
tax-xogħol għadu għoli ħafna fil-Latvja. Il-Latvja
ħadet xi passi biex tirriforma l-assistenza soċjali u lestiet valutazzjoni
fuq skala kbira tas-sistema tas-sigurtà soċjali li tipprovdi bażi
solida għal riforma bbażata fuq l-evidenza. Hija żiedet b'mod
sinifikanti diversi benefiċċji relatati mat-tfal, u żiedet
il-limiti mhux taxxabbli stabbiliti fit-taxxa fuq l-introjtu personali
għal peruni li huma dipendenti. Madankollu, l-effettività tal-protezzjoni
soċjali f'termini ta' tnaqqis tal-faqar għadha fqira u t-tfassil ta'
sistema effettiva ta' protezzjoni soċjali għadha problematika. B'mod ġenerali,
proporzjon għoli tal-popolazzjoni jinsab f'riskju ta' faqar jew
esklużjoni soċjali, u dan il-proporzjon huwa saħansitra
ogħla għat-tfal. Il-familji bit-tfal, il-persuni qiegħda,
il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni li jgħixu f'żoni rurali
jinsabu f'riskju partikolarment għoli ta' faqar u esklużjoni
soċjali. L-infiq tal-Latvja fuq il-protezzjoni soċjali bħala
perċentwal tal-PDG huwa l-aktar baxx fl-UE. L-aċċess
għall-kura tas-saħħa huwa mxekkel b'kostijiet, inklużi
ħlasijiet għolja mħallsa miċ-ċittadin innifsu u
ħlasijiet informali prevalenti, li jħallu proporzjon għoli
tal-popolazzjoni bi ħtiġijiet għall-kura tas-saħħa li
ma jiġux issodisfati. Hemm biżżejjed lok biex
tissaħħaħ l-effiċjenza tas-sistema, jiġi assigurat
il-finanzjament kosteffettiv u jiġu promossi l-attivitajiet li jipprevjenu
l-mard. (13)
Il-Latvja għamlet xi progress bil-ftuħ
tas-suq tal-elettriku tagħha għall-kompetizzjoni u dan se jiġi
estiż għas-settur tal-unitajiet domestiċi fil-bidu tal-2015.
Il-Latvja ngħaqdet mas-suq reġjonali Skandinavu Baltiku
għall-elettriku Nord Pool Spot b'kuntratt minn Ġunju 2013.
Jeħtieġ aktar tisħiħ tal-interkonnessjonijiet mas-suq
tal-enerġija tal-UE, billi attwalment il-Latvja hija dipendenti fuq
l-importazzjoni u l-konnessjoni transfruntiera tal-elettriku mal-Estonja
ħafna drabi tkun konġestjonata. Għaldaqstant, l-iżvilupp
tal-infrastruttura huwa essenzjali u l-Latvja tħabbat wiċċha ma'
sfidi konsiderevoli biex tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet
infrastrutturali. Sar ukoll xi
progress fis-settur tal-gass naturali billi l-Parlament approva l-emendi
għal-liġi tal-Enerġija, u ddefinixxa l-ftuħ gradwali
tas-suq tal-gass minn April 2014; madankollu, il-ftuħ totali tas-suq
ġie pospost sal-2017. Il-Latvja ressqet taħlita bbilanċjata ta'
miżuri politiċi li jindirizzaw l-ekonomija fl-użu tal-enerġija
għas-setturi prinċipali tal-ekonomija u fis-snin li ġejjin aktar
minn 70 % tal-ekonomiija fl-użu tal-enerġija se tkun
iġġenerata fis-settur tal-bini. Madankollu, l-effiċjenza
fit-trasport, fil-bini u fis-sistemi ta' tisħin għadha
teħtieġ li titjieb. (14)
Il-Latvja ħadet azzjoni sinifikanti biex
ittejjeb il-kapaċitajiet fil-ġudikatura sabiex tnaqqas
il-proċedimenti pendenti u t-tul tagħhom. Madankollu, l-ammont kbir
ta' xogħol pendenti fil-ġudikatura għadu ta' theddida
għan-negozji u jeħtieġ li jitlestew ir-riformi sabiex tittejjeb
l-effiċjenza u l-kwalità tal-ġudikatura, fosthom fir-rigward
tal-insolvenza, il-medjazzjoni u l-arbitraġġ. Il-Latvja pproponiet
riformi ambizzjużi għall-amministrazzjoni pubblika; madankollu
l-implimentazzjoni tagħhom hija bil-mod u ma tapplikax
għall-gvernijiet lokali u r-riforma għall-impriżi tal-Istat
ġiet imdewma b'mod sinifikanti. Hemm bżonn ta'
emendi għad-Dritt tal-Kompetizzjoni sabiex il-Kunsill tal-Kompetizzjoni
jingħata aktar indipendenza istituzzjonali u finanzjarja sabiex
jintervjeni b'mod effettiv kontra l-azzjonijiet tal-korpi pubbliċi u
privati li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. (15)
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni
wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja. Hija
vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm tar-riforma nazzjonali. Hija ma
qisitx biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u
soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja, iżda anki l-konformità
tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li
tissaħħaħ il-governanza ekonomika ġenerali tal-Unjoni
Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet
tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi
fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (5) hawn taħt. (16)
Abbażi ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill
eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Latvja, u l-opinjoni tiegħu[6] tidher b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta' hawn taħt. (17)
Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni
għamlet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona
tal-Euro kollha kemm hi. Abbażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill
ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati
Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Latvja għandha
tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dawn
ir-rakkomandazzjonijiet. B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja
tieħu azzjoni fil-perjodu 2014-2015 biex: 1. Tippreżerva pożizzjoni fiskali soda fl-2014 u
ssaħħaħ l-istrateġija baġitarja mill-2015, u
tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju tibqa' limitata
għall-impatt tar-riforma sistemika tal-pensjonijiet. Issegwi l-isforzi
biex tkompli tnaqqas il-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiema bi dħul
baxx fil-kuntest ta' bidla lejn taxxi ambjentali u fuq il-proprjetà li jkunu
aktar favur it-tkabbir u billi ttejjeb il-konformità u l-ġbir tat-taxxa. 2. Timxi 'l
quddiem fl-implimentazzjoni tar-riforma tal-edukazzjoni superjuri, b'mod
partikulari permezz tat-twaqqif ta' aġenzija tal-akkreditazzjoni
indipendenti u mudell ta' finanzjament li jiffavorixxi l-kwalità. Tipprovdi
gwida għall-karrieri fil-livelli edukattivi kollha, ittejjeb il-kwalità
tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fosthom billi
ssaħħaħ l-apprentistat, u tagħmel progress fl-impjegabbiltà
taż-żgħażagħ, fosthom billi tpoġġi
fis-seħħ miżuri sabiex jintlaħqu
żgħażagħ qiegħda barra mill-edukazzjoni, impjieg u
taħriġ li ma jirreġistrawx. Tieħu passi għal sistema
ta' riċerka aktar integrata u komprensiva anki billi tikkonċentra
l-finanzjament fuq istituzzjonijiet ta' riċerka internazzjonalment
kompetittivi. 3. L-assistenza
soċjali ta' riforma u l-finanzjament ulterjuri tagħha sabiex
tiżgura kopertura aħjar, adegwatezza tal-benefiċċji,
attivazzjoni msaħħa u servizzi soċjali mmirati. Iżżid
il-kopertura tal-politiki attivi fis-suq tax-xogħol. Ittejjeb
il-kosteffettività, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-sistema tal-kura
tas-saħħa. 4. Tħaffef
l-iżvilupp tal-interkonnessjonijiet tal-gass u l-elettriku
għall-Istati Membri ġirien sabiex tiddiversifika s-sorsi ta'
enerġija u tippromwovi l-kompetizzjoni permezz ta' integrazzjoni mtejba
tas-swieq tal-enerġija Baltiċi. Issegwi l-isforzi sabiex tkompli
żżid l-effiċjenza enerġetika fit-trasport, il-bini u
s-sistemi ta' tisħin. 5. Tlesti
r-riformi ġudizzjarji, fosthom ir-riformi pendenti tal-oqfsa ta'
insolvenza, arbitraġġ u medjazzjoni sabiex tiżgura ambjent
ġuridiku li jiffavorixxi n-negozju u l-konsumaturi. Timxi 'l quddiem
fir-riformi tal-amministrazzjoni pubblika, fosthom billi timplimenta r-riforma
tal-immaniġġar ta' impriżi tal-Istat u żżid l-indipendenza
istituzzjonali u finanzjarja tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1. [2] COM(2014) 415 finali. [3] P7_TA(2014)0128 u P7_TA(2014)0129. [4] COM(2013) 800 finali. [5] COM(2013) 790 finali. [6] Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE)
Nru 1466/97.