Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0248

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar il-fattibilità ta' netwerk ta' aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

/* COM/2014/0248 final */

52014DC0248

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar il-fattibilità ta' netwerk ta' aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu /* COM/2014/0248 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-fattibilità ta' netwerk ta' aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu

1. Introduzzjoni

L-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (Credit Rating Agencies, CRAs) għandhom rwol importanti fis-swieq kapitali tal-lum f’termini ta’ aċċess għal kapital u finanzjament fit-tul tal-ekonomija dinjija. Peress li klassifikazzjoni tal-kreditu tirrifletti l-opinjoni tal-aġenzija ta' klassifikazzjoni, minn data speċifika, tal-affidabbiltà tal-kreditu ta' stat, kumpanija, sigurtà, jew obbligazzjoni partikolari, hija tirrappreżenta kontribut importanti għall-investituri u parteċipanti oħra tas-suq u tinfluwenza it-teħid ta' deċiżjonijiet tagħhom. Ir-rwol li kellhom is-CRAs fil-kriżi finanzjarja riċenti turi l-importanza tagħhom għas-swieq finanzjarji globalizzati, bi klassifikazzjonijiet ta' kreditu li jaffettwaw b'diversi modi, inkluż l-aċċess tal-emittent għall-kapital, l-istruttura tat-tranżazzjonijiet u l-ħila tal-fiduċjarji u ta' oħrajn biex jagħmlu investimenti partikolari. Dan huwa iktar importanti għal investimenti fit-tul, meta s-CRAs ikollhom impatt fuq il-mod kif it-tfaddil jiġi dirett fi ħtiġijiet ta' investiment fit-tul[1].

Fl-Ewropa feġġew għadd ta' CRAs distintament iżgħar(in-numru tagħhom żdied aktar wara l-introduzzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea fuq is-CRAs fl-2009[2]), li joperaw b'fokus ċar fuq setturi industrijali speċifiċi (eż. l-industrija tal-assigurazzjoni), is-segmenti tas-suq finanzjarju (e.ż. bonds muniċipali) jew żona ġeografika speċifika, u b'hekk tirrispondi għall-ħtiġijiet speċjalizzati tas-suq.

Il-qafas regolatorju stabbilit tar-Regolament dwar aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fl-UE jirrikjedilhom li jkunu rreġistrati, awtorizzati u ssorveljati mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS). Il-leġizlazzjoni tissuġġettahom ukoll għal regoli stretti ta' indipendenza bħala prekondizzjoni għall-provvediment ta' servizzi ta' klassifikazzjoni. Il-konformità ma' dan ir-reġim regolatorju kellha rwol ta' garanzija tal-kwalità għas-servizzi tagħhom fis-suq u, b'dan il-mod, għenithom biex tul iż-żmien jevolvu bħala atturi serji tas-suq. Madankollu, minkejja l-potenzjal tajjeb tagħhom biex jikbru, s'issa dawn il-parteċipanti tas-suq ħafna drabi jibqgħu żgħar f'termini ta' skop u orjentazzjoni ġeografika. 

1.1. L-Għan tar-rapport

Li jtejjeb il-kondizzjonijiet għal kompetizzjoni effettiva fis-suq konċentrat għal aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u b'hekk jinħolqu l-prekondizzjonijiet għat-twelid u t-tkabbir ta' parteċipanti tas-suq ġodda huwa għan ewlieni tat-tħaddim tal-politika tal-Kummissjoni Ewropea f'dan il-qasam. 

Dan l-għan huwa mħaddan ukoll fl-isforzi magħmula f'livell internazzjonali (G20, il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO)) biex ittejjeb it-trasparenza u tissaħħaħ il-kompetizzjoni fis-suq tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu[3].

Bil-għan li żżid iktar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni Ewropea pprevediet miżuri addizzjonali fil-proposta tagħha għat-tielet Regolament dwar is-CRAs, li ġie adottat u daħal fis-seħħ reċentement,[4] minn hawn 'il quddiem imsejjaħ bħala r-Regolament CRA III. Skont l-Artikolu 39b(3) tar-Regolament dwar is-CRAs, "Il-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2013, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-fattibbiltà ta’ network ta’ aġenziji iżgħar li jiggradaw il-kreditu sabiex tiżdied il-kompetizzjoni fis-suq. Dak ir-rapport għandu jivvaluta l-appoġġ finanzjarju u mhux finanzjarju għall-ħolqien ta’ network bħal dan, billi jitqiesu l-konflitti ta’ interessi potenzjali li joħroġ minn finanzjament pubbliku. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ dak ir-rapport u wara li jingħata parir tekniku mill-AETS, il-Kummissjoni tista’ terġa’ tivvaluta u tissuġġerixxi l-emendar tal-Artikolu 8d[5]"; tar-Regolament CRA III.[6]

L-għan ġenerali tal-istabbiliment ta' netwerk bħal dan għandu l-għan li jsaħħaħ is-CRAs iżgħar u b'hekk jiffaċilita t-tkabbir tagħhom biex isiru parteċipanti tas-suq iktar kompetittivi.

It-Taqsima 2 tar-rapport tidentifika u tanalizza l-fattibilità tal-għażliet politiċi possibbli kollha, li permezz tagħhom netwerk bħal dan ikun jista' jiġi stabbilit biex iwettaq l-għan stipulat hawn fuq. L-analiżi tkopri aspetti operazzjonali u finanzjarji ta' stabbiliment bħal dan.

It-Taqsima 3 toħroġ xi konklużjonijiet ibbażati fuq is-sejbiet f'sezzjoni 2 u tipproponi passi fit-terminu qasir kif ukoll dak medju/twil biex tikseb l-għan ġenerali.

1.2. Konsultazzjoni tal-Partijiet Interessati

Fil-proċess biex tanalizza l-fattibilità ta' netwerk ta' aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu il-Kummissjoni stabbilixxiet proċess ta' konsultazzjoni komprensiva tal-partijiet interessati biex tanalizza t-tħassib ta' CRAs iżgħar.

L-ewwel laqgħa dwar dan is-suġġett saret f'Jannar 2013 mal-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (EACRA), assoċjazzjoni ta' aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, biex tifhem aħjar ir-rieda fost il-partijiet interessati biex jistabbilixxu netwerk ta' aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu. Il-kwistjoni tal-ħolqien ta' netwerk ta' aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu kienet diskussa wkoll f'laqgħat ma' rappreżentanti individwali ta' CRAs iżgħar. 

Barra minn hekk, fit-2 ta' Lulju 2013 il-Kummissjoni organizzat Laqgħa ta' Diskussjoni ma' CRAs iżgħar biex tikseb opinjonijiet dettaljati dwar il-fattibilità ta' netwerk ta' CRAs iżgħar. Fil-Laqgħa ta' Diskussjoni kienu preżenti għaliha rappreżentanti minn 13-il CRA, mill-EACRA, rappreżentant mill-AETS u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[7]. Il-Laqgħa ta' Diskussjoni ppermettiet diskussjoni ma' parteċipanti li ħalliet il-frott dwar żviluppi u xejriet fis-suq għal CRAs iżgħar rilevanti għall-finijiet tar-rapport tal-Kummissjoni. Rispons utli ġie pprovdut ukoll lill-Kummissjoni permezz ta' kontribuzzjonijiet bil-miktub qabel u wara l-Laqgħa ta' Diskussjoni.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet u laqgħet pariri tekniċi dwar ir-rapport mill-AETS, li offra kontribut siewi għall-istabbiliment ta' dan ir-rapport[8].

1.3. Id-Definizzjoni ta' CRAs iżgħar għall-fini ta' dan ir-rapport

F'konformità mar-Regolament CRA, dan ir-rapport jivvaluta l-fattibilità ta' netwerk ta' "aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu".

Ir-Regolament CRA fih numru ta' limiti fir-rigward tal-fatturat, numru ta' impjegati u sehem tas-suq f'dispożizzjonijiet li għandhom l-għan li jżidu l-kompetizzjoni fis-suq għal CRAs iżgħar (deskritti f'iktar dettall hawn isfel). Madankollu, fih innifsu r-Regolament ma fihx definizzjoni ta' "aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu".

Għall-fini ta' dan ir-Rapport, ibbażat fuq l-analiżi tas-suq provduta mill-AETS fil-parir tekniku tagħha, 19 minn 22 CRA rreġistrata u ż-2 CRAs ċertifikati (ara l-Anness mal-lista sħiħa ta' CRAs rreġistrati u ċċertifikati) huma meqjusa bħala "aġenziji iżgħar tal-klassifikazzjoni tal-kreditu". Din il-valutazzjoni tqis id-diverġenza kbira bejn l-"ikbar" u l-iżgħar" CRAs fir-rigward tal-fatturi li ġejjin: in-numru ta' impjegati, l-għan tal-operazzjonijiet (fir-rigward tat-tip ta' klassifikazzjonijiet maħruġa), l-istruttura tal-grupp u l-fatturat finanzjarju.

2. Il-Fattibilità ta' netwerk ta' CRAs iżgħar.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja r-Regolament tas-CRA III għamlet analiżi inizjali dwar l-impatt potenzjali tal-ħolqien ta' netwerk ta' CRAs iżgħar fuq il-kompetizzjoni fis-suq tas-CRA. Hija kkonkludiet, abbażi ta' konsultazzjoni ma' partijiet interessati, li hemm xi ftit appoġġ għall-ħolqien ta' netwerk bħal dan. Filwaqt li tibni fuq din il-ħidma fil-preparazzjoni ta' dan ir-Rapport, il-Kummissjoni Ewropea vvalutat iktar il-valur miżjud tal-ħolqien ta' netwerk kif ukoll l-għażliet differenti possibbli tat-tip ta' netwerk li jaqdi bl-aħjar mod il-finijiet tiegħu u jkun fattibbli biex jiġi implimentat.

Meta jiġi kkunsidrat dan ta' hawn fuq, żewġ tipi ta' netwerks ġew previsti, li jiddependu fuq l-għan u n-natura tal-kooperazzjoni proposta. Il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' kull għażla huma ppreżentati hawn isfel flimkien mar-riflessjonijiet dwar il-parti loġistika tal-implimentazzjoni tagħha.

2.1. Netwerk integrat

Netwerk integrat ikollu għan usa' u livell ta' kooperazzjoni aktar fond. Il-Kummissjoni vvalutat, b'kontribuzzjonijiet minn rappreżentanti ta' CRAs iżgħar, numru ta' oqsma possibbi li jistgħu jiġu koperti. 

B'riżultat ta' dan, il-kwistjonijiet li ġejjin ġew identifikati minn din il-valutazzjoni bħala oqsma fejn netwerk integrat potenzjalment ikun jista' jkollu valur miżjud: l-iżvilupp ta' pjattaforma komuni tad-dejta biex tenfasizza l-informazzjoni użata għall-iżvilupp tal-klassifikazzjonijiet, il-qsim ta' għarfien espert u l-aħjar prattiki fuq firxa wiesgħa ta' suġġetti bħal pereżempju kontrolli interni, edukazzjoni tal-investitur, komunikazzjoni, metodoloġiji u konformità ġuridika.

Madankollu, ir-rispons li wasal mingħand CRAs iżgħar kien imħallat fir-rigward tal-ħolqien ta' netwerk bħal dan. Fil-Laqgħa ta' Diskussjoni organizzata mill-Kummissjoni minoranza ta' parteċipanti biss kienu favur netwerk integrat, hekk kif deskritt hawn fuq u kien tressaq inizjalment mill-Kummissjoni għad-diskussjoni.

L-analiżi tal-għażla ta' netwerk integrat uriet ukoll li hemm numru ta' ostakli għal CRAs iżgħar biex jinħoloq netwerk b'kooperazzjoni approfondita. L-ewwel nett, ħafna drabi jkollhom mudelli u għanijiet ta' negozju distinti, li jagħmilha diffiċli biex jiġu integrati numru kbir ta' parteċipanti bħal dan taħt kappa waħda. Barra minn hekk, dawn joperaw f'niċeċ distinti tas-suq u japplikaw metodoloġiji u strateġiji distinti f'termini ta' ambitu ġeografiku. Dan joħloq diffikultajiet biex jinħoloq netwerk li jaqdi l-bżonnijiet tagħhom. CRAs iżgħar li joperaw f'ambjent kompetittiv jikkunsidrawha wkoll diffiċli biex jipparteċipaw f'netwerk ma' kompetituri li għandhom l-istess mira ġeografika u/jew mira ta' suq niċċa. Għalhekk, inġibdet l-attenzjoni minn partijiet interessati li netwerks (inklużi netwerks magħmulin minn numru limitat ta' CRAs iżgħar) ifeġġu minn forzi tas-suq u mhux jiġu stabbiliti formalment mill-Kummissjoni Ewropea.

Barra minn hekk, f'dan l-istadju l-istabbiliment ta' netwerk integrat bħal dan jista' jkun ikkunsidrat bħala investiment kbir mingħajr redditi ċari u viżibbli. Każ ta' negozju ċar u vijabbli għal netwerks ta' CRAs biex joperaw bħala entitajiet separati fis-suq hija assenti f'dan l-istadju. L-introduzzjoni ta' każ speċjali għan-netwerks, li jippermetti lill-parteċipanti fihom biex ikunu rreġistrati mal-AETS bħala CRAs taħt marka kummerċjali ta' netwerk ġdida, filwaqt li jżommu l-marka kummerċjali individwali tagħhom, tkun tista' tiffaċilita l-proċess. Il-każ regolatorju attwali jippermetti lin-netwerks biex ikunu stabbiliti iżda taħt l-istess marka kummerċjali biss. Każ speċjali bħal dan ikun jista' jiffaċilita l-istabbiliment ta' netwerks ad hoc permezz ta' bosta ġbir ta' riżorsi tas-CRAs biex joħorġu klassifikazzjonijiiet fi klassi ta' klassifikazzjoni speċifika jew żona ġeografika.

Fl-aħħar nett, hemm riskju li kull netwerk integrat bħal dan jista' jwassal għal imġiba antikompetittiva miżjuda. Dan imur kontra l-għanijiet tal-Unjoni Ewropea li jtejbu d-diversità fl-industrija tal-klassifikazzjoni. Barra minn hekk, il-liġi ta' kompetittività tal-UE f'kull ċirkustanza trid tiġi rrispettata. L-ambitu u t-tip ta' skambju ta' informazzjoni jkun irid jirrispetta bis-sħiħ l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)[9].

Rigward l-istabbiliment ta' netwerk integrat fis-sħiħ bħal dan ta' CRAs iżgħar, dan ikun jirrikjedi finanzjament estensiv u segwitu ta' proġett korrispondenti mill-Kummissjoni Ewropea biex il-proġett ikun "fis-seħħ u operattiv". Skont l-ambitu tan-netwerk il-finanzjament, ibbażat fuq il-parteċipazzjoni ta' 15-il CRA, kienu stmati f'medda ta' EUR 900 000-1 950 000 kull sena[10].

Kieku kellu jkun deċiż li tiġi segwita inizjattiva bħal din, probabbilment tkun tista' toqgħod f'wieħed miż-żewġ programmi li huma parti mill-qafas finanzjarju pluriennali tal-2014-2020. B'mod aktar speċifiku, il-programmi "Orizzont 2020"- jew "COSME" jkunu jistgħu jkopru inizjattiva possibbli. Prekondizzjoni għal finanzjament ta' proġetti tkun appartenenza qawwija minn partijiet interessati tal-industrija li jassistu fit-tfassil tat-talba tal-proġett li mistenni jiġi sottomess lil wieħed minn dawn il-programmi tal-UE, fejn l-ambitu u d-disinn tal-proġett irid ikun spjegat b'mod ċar. L-għoti ta' finanzjament bħal dan tiddependi fuq il-valutazzjoni pożittiva mis-Servizz rispettiv tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tal-proġett, f'konformità mar-rekwiżiti ġuridiċi għal applikazzjonijiet bħal dawn. Proġett bħal dan iffinanzjat mill-UE xorta waħda jkun jeħtieġ segwitu estensiv mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tas-sottomissjoni tal-applikazzjoni ta' finanzjament u l-implimentazzjoni konsegwenti tal-proġett. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ukoll meħtieġa tivvaluta f'dan ir-rapport il-kunflitt ta' interessi potenzjali li joriġinaw minn appoġġ finanzjarju u dak mhux finanzjarju għal kull għażla politika. Madankollu, f'dak li għandu x'jaqsam ma' din l-għażla partikolari l-analiżi ma koprietx valutazzjoni bħal din b'kunsiderazzjoni li l-għażla ma ntlaqgħetx minħabba d-diversi ostakoli maġġuri identifikati flimkien ma' tħassib dwar il-kompetizzjoni dwar it-tip ta' informazzjoni, li potenzjalment tkun tista' tiġi skambjata. Analiżi bħal din hija ssir biss għall-għażla politika preferuta.

2.2. Netwerk kooperattiv

Il-ħolqien ta' netwerk ta' kooperazzjoni ġie vvalutat bħala alternattiva għall-approċċ ta' netwerk integrat kif deskritt hawn fuq. Dan ikun ifisser forma eħfef ta' kooperazzjoni. . Ikun jista' jieħu l-forma ta' forum għal CRAs iżgħar, li jippermetti l-istabbiliment ta' struttura għal skambju u kooperazzjoni regolari fost CRAs iżgħar.

L-analiżi mmirata biex turi sa fejn dan il-forum ikun jista' jservi ta' pjattaforma għal kwistjonijiet avvanzati ta' interess għal CRAs iżgħar kif ukoll bħala skambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki, speċifikament dwar id-diffikultajiet potenzjali fl-implimentazzjoni tar-Regolament CRA II u dwar kwistjonijiet strateġiċi ta' importanza komuni. Kienet saret valutazzjoni wkoll fir-rigward tal-potenzjal ta' forum bħal dan biex tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ostakoli għad-dħul u ttejjeb it-tkabbir għal CRAs iżgħar hekk kif ippreżentati fit-Taqsima 3 billi tikkontribwixxi għall-valutazzjoni tal-impatt tal-miżuri tas-CRA III u tidentifika potenzjalment mezzi addizzjonali/għodda biex jiġu implimentati f'dan il-qasam. Ġie kkunsidrat ukoll jekk netwerk ta' kooperazzjoni ikunx utli biex jinstabu iktar modi biex jiġi ffaċilitat l-iżvelar ta' informazzjoni minn emittenti ta' CRAs bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat il-ħruġ mhux mitlub tal-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għal emittenti korporattivi, inklużi emittenti iżgħar. Il-ħidma tan-netwerk tkun tista' tkopri wkoll diskussjonijiet dwar it-tneħħija tal-ostakoli għal tkabbir transfruntier għal CRAs iżgħar fir-rigward ta' pajjiżi mhux fl-UE.

Il-Kummissjoni tkun tista' tipparteċipa fil-ħidma tan-netwerk pereżempju billi tfassal l-aġenda u tippresiedi l-laqgħat. B'dan il-mod in-netwerk ta' kooperazzjoni jkun jista' jiffunzjona wkoll bħala djalogu regolatorju bejn CRAs iżgħar u l-Kummissjoni Ewropea. Dan id-djalogu jkun jista' jipprovdi lill-Kummissjoni b'rispons dwar problemi potenzjali li CRAs iżgħar qed iħabbtu wiċċhom magħhom u jkun strumentali għar-Rapporti l-oħra tal-Kummissjoni li għandhom jiġu ppreżentati bħala segwitu tar-Regolament CRA III. Speċifikament, ir-Regolament CRA III jeħtieġ lill-Kummissjoni biex tivvaluta ir-rekwiżit li tiġi użata CRA meta timpjega iktar minn CRA waħda fuq "bażi ta' konformità jew spjegazzjoni", l-estensjoni tar-regola ta' rotazzjoni għal strumenti oħrajn u l-ħtieġa ta' inizjattivi addizzjonali biex tippromwovi l-kompetizzjoni fis-suq tal-klassifikazzjoni.[11]

Tqieset ukoll riflessjoni fuq kif jiġu approfonditi jew imwessgħin progressivament l-ambitu u n-natura tal-kooperazzjoni fil-kuntest tal-ħidma ta' netwerk potenzjali. Dan ikun jista' jippermetti lin-netwerk biex jevolvi tul iż-żmien, kif meħtieġ.. F'dan ir-rigward, in-netwerk ikun jista' jimmira biex jidentifika l-ostakoli potenzjali biex tiġi żviluppata iktar il-kooperazzjoni bejn CRAs iżgħar u jsiru proposti biex jindirizza dawn l-ostakoli. Madankollu, kif imsemmi hawn fuq, il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE tkun trid tiġi rispettata il-ħin kollu.

Mir-rispons tad-diskussjonijiet ma' CRAs iżgħar, għalkemm ma kinux jidhru kompletament kontra netwerk kooperattiv indikaw li huma prinċipalment interessati fi djalogu regolatorju kontinwu mal-Kummissjoni biex jiddiskutu regolamentazzjoni proporzjonali li tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet ta' CRAs iżgħar.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-format tal-laqgħat, in-netwerk ikun jista' jaħdem f'format plenarju, filwaqt li gruppi ta' ħidma jkunu jistgħu jiġu stabbiliti biex jiffokaw fuq suġġetti individwali u li sussegwentement jirrapportaw lill-plenarja.

L-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex jitwaqqaf in-netwerk ta' kooperazzjoni jkun limitat għall-organizzazzjoni tal-laqgħat. Il-Kummissjoni tista' tiżgura l-appoġġ organizzattiv u loġistiku tal-forum.

3. Il-Konklużjonijiet u l-passi li jmiss

L-analiżi tal-fattibilità tal-għażliet għall-ħolqien ta' netwerk ta' CRAs iżgħar identifika ostakoli tas-suq multipli għall-istabbiliment ta' netwerk integrat kif ukoll xi ostakoli li jillimitaw l-iskop potenzjali ta' netwerk ta' kooperazzjoni. Barra minn hekk, il-konsultazzjoni mal-partijiet interessati żvelat li m'hemmx appoġġ u sjieda fost rappreżentanti tal-industrija biex tiġi stabbilita, taħt il-kundizzjonijiet attwali, kull forma ta' netwerk ta' CRAs iżgħar. Is-CRAs iżgħar aktar esprimew il-ħtieġa għal djalogu jew forum strutturat mal-Kummissjoni Ewropea biex jiddiskutu l-istat tas-suq u tar-regolamentazzjoni, b'mod partikolari, kwistjonijiet li jaffettwaw CRAs iżgħar. Għalhekk minkejja li l-istabbiliment ta' netwerk ta' kooperazzjoni bi skambju limitat ta' informazzjoni jista' jkun fattibbli, jidher li ma jikkorrispondix fis-sħiħ għall-ħtiġijiet tas-CRAs iżgħar identifikati.

Barra minn hekk, kif ippreżentat ukoll fir-Rapport, sett ta' miżuri diġà ġew introdotti mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament CRA III li għandu l-għan li jagħti spinta lill-kompetittività u jappoġġa t-tkabbir ta' CRAs iżgħar fis-suq tal-klassifikazzjoni. Madankollu, uħud minn dawn il-miżuri jeħtieġu leġiżlazzjoni aktar delegata u ta' implimentazzjoni biex tiġi mfassla mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u adottati mill-Kummissjoni. Attwalment dan il-proċess jinsab għaddej. Fl-istess ħin, għal dawk il-miżuri li saru applikabbli mid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament CRA fl-20 ta' Ġunju 2013, il-perjodu ta' żmien minn dakinhar mhux twil biżżejjed biex jippermetti valutazzjoni dwar l-effett ta' dawn il-miżuri fuq il-kompetizzjoni.

Valutazzjoni bħal din dwar l-impatt ta' dawn il-miżuri għandha titwettaq qabel l-istabbiliment ta' kull forma ta' kooperazzjoni ta' CRAs iżgħar tista' tiġi valutata sew u għażla ta' politika rispettiva tiġi proposta. Ladarba l-impatt ta' dawn il-miżuri u għalhekk il-ħtiġijiet pendenti ta' CRAs iżgħar ikunu jistgħu jiġu analizzati, dan, imbagħad, jippermetti biex jiġi kkunsidrat jekk netwerk għadhux għażla vijabbli u f'xenarju possibbli pożittiv se jgħin biex jiddetermina l-ambitu u t-tip tiegħu, billi jqis kunsiderazzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni. Fl-istess ħin, it-twaqqif ta' djalogu regolatorju mal-industrija jista' jikkontribwixxi u jiffaċilita dan il-proċess. 

B'kunsiderazzjoni għal dan, dan ir-Rapport jipproponi valutazzjoni pass pass tal-ħtieġa li jiġi stabbilit netwerk fuq terminu medju/twil.

3.1 Għażliet politiċi fuq terminu qasir

Il-Kummissjoni tipproponi bħala alternattiva għall-ħolqien ta' netwerk, l-istabbiliment ta' djalogu regolatorju bħala l-iktar soluzzjoni proporzjonata fuq terminu qasir. L-analiżi tas-suq u l-fehmiet tal-partijiet interessati wrew li hemm ħtieġa identifikata fost CRAs iżgħar f'dan l-istadju għall-ħolqien ta' forma ta' skambju bħal din dwar l-istat tas-suq CRA u b'mod partikolari kwistjonijiet li jaffettwaw parteċipanti iżgħar tas-suq. Dan id-djalogu jista' jikkonsisti minn segwitu perjodiku ta' żviluppi tas-suq fl-industrija tal-klassifikazzjoni u jippermetti d-diskussjoni fuq kwistjonijiet regolatorji relatati mar-Regolament CRA.

Djalogu regolatorju bħal dan jista' jieħu l-forma ta' wieħed jew aktar avvenimenti fis-sena, fejn partijiet interessati jkollhom l-opportunità jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar l-istat tas-suq u jiddiskutu mal-Kummissjoni Ewropea kwistjonijiet regolatorji ta' interess partikolari għal CRAs iżgħar b'mod simili hekk kif deskritt skont l-għażla ta' netwerk ta' kooperazzjoni.

3.2 Għażliet politiċi fuq terminu medju/ twil

B'kunsiderazzjoni lejn ir-riżultati tal-ħidma tad-djalogu regolatorju u l-valutazzjoni tal-effett tal-miżuri adottati skont ir-Regolament CRA III, is-Servizzi tal-Kummissjoni se jkunu qed jivvalutaw fi stadju ulterjuri il-valur miżjud ta' netwerk ta' CRAs iżgħar u jekk isibuh fattibbli jiddefinixxu l-miżuri li għandhom jieħdu biex joħolqu l-qafas regolatorju għal netwerks biex jaħdmu b'mod effettiv.

[1] Ara wkoll il-Green Paper dwar il-Finanzjament fuq terminu twil tal-Ekonomija Ewropea, COM(2013) 150 finali, http://ec.europa.eu/internal_market/finances/financing-growth/long-term/index_en.htm

[2] Ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1, minn hawn 'il quddiem: Ir-Regolament CRA

[3] B'segwitu għall-komunikat tal-G20 li rriżulta mil-laqgħa tiegħu tal-4-5 ta' Novembru 2012 li jinkoraġġixxi lill-IOSCO sabiex taħdem iktar "biex ittejjeb it-trasparenza tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u l-kompetizzjoni fosthom", il-IOSCO rrapportat lill-G20 dwar "it-Trasparenza u l-Kompetizzjoni fost l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu" f'April 2013 kif ukoll dwar il-ħidma kontinwa tagħha (disponibbli fuq: http://www.iosco.org/library/briefing_notes/pdf/IOSCOBN01-13.pdf) Barra minn hekk, il-IOSCO nidiet ir-reviżjoni tal-Prinċipji Fundamentali tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu ta' Diċembru 2004 (disponibbli fuq: http://www.iosco.org/library/pubdocs/pdf/IOSCOPD180.pdf) previst li jiġi konkluż sas-sajf tal-2014, sabiex jirrifletti fuq dawk il-kwistjonijiet. F'Awwissu 2013, l-FSB ippreżenta Rapport ta' Progress lill-G20 dwar il-ħidma tiegħu fir-rigward ta' Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu, li jkopri wkoll il-ħidma magħmula mill-IOSCO f'dan il-qasam.

[4] Ir-Regolament (UE) Nru 462/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu, ĠU L 146, 31.5.2013, p. 1

[5] L-Artikolu 8d tar-Regolament CRA dwar l-użu ta' CRAs multipli jirrikjedi li:

"1. Meta emittent jew parti terza relatata jkunu biħsiebhom jappuntaw tal-anqas żewġ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-klassifikazzjoni tal-kreditu tal-istess emissjoni jew entità, l-emittent jew parti terza relatata jrid jikkunsidra li jappunta tal-anqas aġenzija waħda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li ma jkollhiex iktar minn 10 % tas-sehem totali tas-suq, li tista’ tiġi vvalutata mill-emittent jew parti terza relatata li hija kapaċi tiggrada l-emissjoni jew l-entità rilevanti, bil-kundizzjoni li, abbażi tal-lista tal-AETS imsemmija fil-paragrafu 2, ikun hemm disponibbli aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għall-klassifikazzjoni tal-emissjoni jew l-entità speċifika. Meta l-emittent jew parti terza relatata ma tappuntax tal-anqas aġenzija waħda tal-klassifikazzjoni tal-kreditu li ma jkollhiex aktar minn 10 % tas-sehem totali tas-suq, dan jiġi dokumentat.

2. Bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni mill-emittent jew parti terza relatata taħt il-paragrafu 1, l-AETS tippubblika darba fis-sena fuq il-websajt tagħha lista ta’ aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu rreġistrati, li tindika s-sehem totali tagħhom tas-suq u t-tipi ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu maħruġa, li tista’ tintuża mill-emittent bħala punt ta’ tluq għall-valutazzjoni tiegħu.

3. Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, is-sehem totali tas-suq ikun imkejjel b'referenza għall-fatturat annwali ġġenerat mill-attivitajiet tal-klassifikazzjoni tal-kreditu u servizzi anċillari, fil-livell tal-grupp."

[6] Artikolu 39b(3) tar-Regolament CRA

[7] Ara l-minuti mil-laqgħa ta' diskussjoni fuq: http://ec.europa.eu/internal_market/rating-agencies/docs/130702_minutes_en.pdf

[8] L-AETS, "Pariri Tekniċi dwar il-fattibilità ta' netwerk ta' CRAs żgħar u ta’ daqs medju", 21 ta' Novembru 2013, disponibbli fuq: http://www.esma.europa.eu/system/files/2013-1703_technical_advice_on_the_feasibility_of_a_network_of_small_and_medium-sized_cras_0.pdf

[9] Ara wkoll il-Linji Gwida dwar l-applikabilità tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-akkordji dwar kooperazzjoni orizzontali, ĠU C 11, 14.01.2011, paġni 1-72, minn paragrafu 55.

[10] Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta leġiżlattiva CRA III, Anness X, p. 161

[11] Artikolu 39(4) u (5)

Top