This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0097
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL AND THE EUROPEAN PARLIAMENT The first phase of implementation of the Marine Strategy Framework Directive (2008/56/EC) The European Commission's assessment and guidance
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea
/* COM/2014/097 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) Il-valutazzjoni u l-gwida tal-Kummissjoni Ewropea /* COM/2014/097 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U
LILL-PARLAMENT EWROPEW L-ewwel fażi ta' implimentazzjoni
tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) Il-valutazzjoni u l-gwida
tal-Kummissjoni Ewropea Ftit aktar minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ
tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (MSFD - Marine Strategy
Framework Directive), dan ir-rapport jirrappreżenta t-tmiem tal-ewwel fażi ta'
implimentazzjoni tiegħu, li waqtha ġew ukoll stabbiliti l-ambizzjonijiet
tad-Direttiva Kwadru. Sar eżerċizzju ta' ġbir u ta' analiżi ta’ dejta li qatt
ma kien sar bħalu fil-passat, u li bħala parti minnu l-Istati Membri pprovdew
valutazzjoni tal-istat tal-ibħra tagħhom (il-valutazzjoni inizjali), taw
definizzjoni ta' dak li skont huma huwa "status ambjentali tajjeb"
(GES - good environmental status) tal-ibħra tagħhom u stabbilixxew sensiela ta’
miri sabiex jitnaqqas id-distakk bejn is-sitwazzjoni attwali u s-sitwazzjoni li
fiha jridu jsibu ruħhom fl-2020, li hija d-data sa meta jrid jinkiseb GES. L-eżerċizzju
pprovda opportunità għal dibattitu pubbliku wiesa’ dwar il-protezzjoni
tal-ambjent tal-baħar, ġabar flimkien ammont kbir ta’ għarfien dwar l-ibħra u
l-oċeani tagħna u ta bidu għal aktar kollaborazzjoni reġjonali, b’mod
partikolari permezz ta’ Konvenzjonijiet dwar Ibħra Reġjonali (RSCs - Regional
Sea Conventions). Fl-istess ħin, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tar-rapporti
tal-Istati Membri tqajjem tħassib: Id-definizzjoni tal-Istati Membri ta’ status
ambjentali tajjeb u l-mogħdija li wittew biex jiksbuha, turi ambizzjoni
ġenerali limitata, ta’ spiss ma tqisx l-obbligi u l-istandards eżistenti u turi
nuqqas ta' koerenza fl-Unjoni kollha, anki bejn pajjiżi ġirien li jinsabu
fl-istess reġjun marittimu. Sa Diċembru 2013, ftit biss mill-Istati Membri
kkonċernati rrappurtaw lill-Kummissjoni Ewropea.[1]
Dan ir-rapport jirrifletti l-fatt li d-dejta hija disponibbli biss b'mod
parzjali għal uħud mill-Istati Membri, u li Stat Membru partikolari ma
ppreżenta ebda rapport. Il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal proċeduri ta’ ksur
f'kull każ fejn kien hemm bżonn li jsir hekk. Flimkien ma' azzjoni legali, hi
se tqis kif għandha tikkomunika l-valutazzjoni u l-gwida tagħha lill-Istati
Membri li mhumiex inklużi f’dan ir-rapport, wara li dawn jirrappurtaw b’mod
sħiħ. Abbażi ta’ din l-analiżi, dan ir-rapport
jippreżenta gwida[2]
fil-forma ta’ rakkomandazzjonijiet li għandhom jiġu implimentati fil-livell
reġjonali, tal-UE u nazzjonali. Minflok ordnat li l-eżerċizzji ta' rappurtar
jerġgħu jsiru mill-ġdid f'każijiet fejn ikunu ġew identifikati xi nuqqasijiet,
f’dan ir-rapport u fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jinsab mehmuż
il-Kummissjoni tiddeskrivi fil-qosor approċċ proattiv u orjentat lejn il-futur.
L-għan hu li tiġi pprovduta gwida konkreta dwar kif għandhom jiġu indirizzati
l-isfidi li jkunu ġew identifikati, sabiex il-proċess ta’ implimentazzjoni
ulterjuri ikun jista' jseħħ b'inqas spejjeż u b'mod aktar effiċjenti. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal[3] mehmuż ma' dan
ir-rapport jinkludi analiżi aktar dettaljata dwar ir-rappurtar tal-Istati
Membri rigward is-sett ta’ 11-il deskrittur kwalitattiv tad-Direttiva dwar
l-ambjent tal-baħar (eż. il-bijodiversità, speċi mhux indiġeni, ħut, is-saħħa
tas-sistemi alimentari, il-kontaminanti, l-iskart, storbju ta’ taħt il-baħar),
kif ukoll rakkomandazzjonijiet aktar dettaljati u valutazzjonijiet u
rakkomandazzjonijiet speċifiċi bbażati fuq pajjiżi individwali. Aktar tard
fl-2014, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (JRC) mistenni
jiżviluppa valutazzjonijiet dettaljati ta' aspetti aktar tekniċi tar-rappurtar
tal-Istati Membri. L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) se tasal ukoll għal
konklużjonijiet dwar l-istat ġenerali tal-ambjent tal-baħar fl-Ewropa. 1. L-Istat tal-Ibħra Ewropej Id-daqs tat-territorji tal-ibħra tal-Ewropa
flimkien huwa akbar mid-daqs tat-territorji tal-art
tagħha, u f'dawn tal-ewwel insibu speċijiet differenti ta' ħajja tal-baħar
rikki, fraġli u uniċi, li għad hemm ħafna x'niskopru dwarhom. L-ekosistemi
tal-baħar qed jitqiegħdu taħt pressjoni dejjem akbar mill-attivitajiet
tal-bniedem kemm fuq l-art kif ukoll fl-ibħra, minħabba li 41% tal-popolazzjoni
Ewropea tgħix fir-reġjuni kostali u l-attivitajiet ekonomiċi li jiddependu fuq
l-ambjent tal-baħar qed ikomplu jikbru u jiżdiedu. Ir-rapporti tal-Istati Membri
jikkonfermaw li l-ibħra Ewropej ma jinsabux fi "status ambjentali
tajjeb". Dawn ir-riżultati huma l-prodott ta' għadd ta’
raġunijiet differenti, b’mod partikolari, dawn li ġejjin: ·
39% tal-istokkijiet tal-ħut fl-Atlantiku tal-Grigal
u 88% tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għadhom qed
jiġu mistada żżejjed, u s-sitwazzjoni qed issir aħjar biss bil-mod, [4] ·
It-tniġġis fl-ambjent tal-baħar naqas f’ċertu żoni,
iżda b’mod ġenerali l-livelli ta’ nutrijenti u ta' ċertu sustanzi perikolużi
għadhom qed jeċċedu l-limiti aċċettabbli. It-tnaqqis tal-ossiġenu bħala
riżultat tat-tniġġis minħabba n-nutrijenti huwa problema partikolarment serja
fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed. ·
It-tfigħ ta' skart fil-baħar, l-aktar ta' plastik,
huwa kwistjoni ta' importanza dejjem akbar kemm fid-dinja kif ukoll fl-UE.
Fil-Baħar tat-Tramuntana, aktar minn 90% tal-għasafar tal-baħar Fulmar għandhom
biċċiet tal-plastik fl-istonku tagħhom, u fuq kull 100m ta' bajja tal-kosta
tal-Atlantiku wieħed jista' jsib medja ta’ 712 oġġett ta' skart. L-impatti ta’ din il-problema li dejjem qed tiżdied fid-daqs huma
bosta, iżda għadna ma nafux għal kollox kemm huma kbar. ·
Għalkemm mhuwiex ivvalutat d'mod dirett skont
l-MSFD, anki t-tibdil fil-klima jikkontribwixxi għad-degradazzjoni ulterjuri
tal-ekosistemi tal-baħar. Għandhom isiru aktar
sforzi sabiex sal-2020 tintlaħaq il-mira tal-ksib ta' status ambjentali tajjeb
bħala parti minn implimentazzjoni sħiħa, xierqa, konsistenti u koerenti
tal-MSFD. 2. Il-Prinċipji Ewlenin
tal-Valutazzjoni Il-Kummissjoni applikat sett ta’ prinċipji
biex tivvaluta jekk l-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri hijiex qafas
komplut, xieraq, konsistenti u koerenti kif meħtieġ[5] skont l-Artikolu 8
(valutazzjoni inizjali), 9 (determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb) u 10
(miri ambjentali) tad-Direttiva. B’mod partikolari, hija kkunsidrat jekk: –
id-deskritturi rilevanti kollha u l-ilmijiet
tal-baħar kollha kienu koperti mir-rapporti tal-Istati Membri fir-rigward
tad-dispożizzjonijiet rilevanti kollha –
id-determinazzjoni ta’ status ambjentali tajjeb
(GES) kien speċifiku u kwantifikat, u dan għen sabiex il-progress li jsir
fir-rigward tal-ilħiq ta’ status ambjentali tajjeb ikun jista' jiġi vvalutat –
id-definizzjonijiet GES fl-istess reġjun jew subreġjun
tal-baħar kienu koerenti ma’ xulxin –
il-valutazzjoni inizjali rriflettiet l-għarfien
xjentifiku disponibbli fl-oqsma koperti mid-Direttiva, u ppermettiet li tiġi
stabbilita linja bażi għal referenza fil-ġejjieni –
il-miri stabbiliti kienu jirriflettu s-sejbiet
tal-evalwazzjoni inizjali u d-definizzjoni GES, sabiex l-Istati Membri jkunu
jistgħu jiksbu GES b'mod realistiku sal-2020 –
L-Istati Membri qiesu r-regolamenti u l-politiki
eżistenti tal-UE li huma rilevanti għall-ambjent tal-baħar, kif ukoll l-istandards
rilevanti stabbiliti f’Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali (RSCs) meta ma
kien hemm sbda standard tal-UE disponibbli. Dawn il-prinċipji ġew dettaljati f'serje ta’
kwestjonarji[6].
Li wieħed jew aktar minn dawn il-prinċipji ma jiġix issodisfat wassal biex
evalwazzjoni titqies bħala "parzjalment adegwata", jew "mhux
adegwata", u bħala "mhux konsistenti" u/jew bħala "ta'
livell baxx" jew "ta' livell medju" ta' koerenza. Li dawn jiġu
ssodisfati kollha, anki f’livell minimu, wassal biex il-valutazzjoni tkun
"adegwata", "konsistenti" u "koerenti". Huwa biss jekk dawn il-kriterji tal-aħħar jiġu
ssodisfati mill-Istati Membri kollha li jkun jista' jiġi ddeterminat jekk
il-politiki fis-seħħ humiex qed iqiegħdu lill-UE fit-triq it-tajba sabiex
tikseb "oċeani ekoloġikament diversi u dinamiċi li huma nodfa, sani u
produttivi"[7]
sal-2020. Bħalissa, dan mhuwiex il-każ. Dawn l-eżempji li ġejjin jispjegaw
il-kwistjoni aħjar: –
L-Istati Membri rrapurtaw dwar listi differenti
tal-ispeċijiet u tal-ħabitats - xi wħud minnhom injoraw dawk li ġew stabbiliti
mid-Direttiva dwar il-Ħabitats, filwaqt li oħrajn injoraw ħabitats li jinsabu
fl-ilmijiet tagħhom. –
L-Istati Membri identifikaw kontaminanti differenti
stabbiliti fil-lista tas-sustanzi ta’ prijorità skont id-Direttiva Qafas dwar
l-Ilma, u ffokaw fuq uħud minnhom filwaqt li injoraw oħrajn. –
Kienu biss ftit mill-Istati Membri li ddikjaraw
b’mod ċar li l-istokkijiet kollha tal-ħut għandhom jiġu sfruttati fil-livelli
ta’ rendiment massimi sostenibbli, jew taħthom. Madankollu, il-valutazzjoni tal-Kummissjoni
m’għandhiex tiġi interpretata primarjament f’termini ta’ konformità
mad-Direttiva. Fil-fatt, l-għan tagħha hu li tippermetti lill-Kummissjoni
tipprovdi gwida lill-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-objettivi tad-Direttiva,
u sabiex tkun tista' tinkiseb stampa tal-implimentazzjoni tagħha. Fl-aħħarnett,
filwaqt li tirrikonoxxi li r-rappurtar huwa impenn sinifikanti għall-Istati
Membri, speċjalment fid-dawl tal-iskadenzi stretti, il-valutazzjoni
tal-Kummissjoni hija preċiża daqs l-informazzjoni li din tkun ingħatat. Insibu
eżempji ta' rappurtar ta' kwalità tajba ħafna, iżda wkoll każijiet fejn
ir-rappurtar ikun fih lakuni jew kontradizzjonijiet. 3. Is-sejbiet ewlenin (1)
Valutazzjoni komprensiva Il-valutazzjoni dwar l-istat tal-ilmijiet
tal-ibħra fl-UE hija olistika, u tintegra kunsiderazzjonijiet soċjali u
ekonomiċi. Din tippermetti fehim aħjar ta’ pressjonijiet u impatti fuq il-ħajja
tal-baħar ikkawżati minn attivitajiet tal-bniedem, u tiġbor flimkien ħafna
informazzjoni prezzjuża. B’mod partikolari, il-bijodiversità, speċijiet mhux
indiġeni, l-iskart mormi fil-baħar u l-istorbju ta’ taħt il-baħar ġew
indirizzati b’mod aktar sistematiku minn qatt qabel. Ħafna mill-Istati Membri
rrappurtaw dwar il-biċċa l-kbira tal-oġġetti u deskritturi, u b'hekk ipprovdew
ħarsa ġenerali tajba ħafna rigward l-ambjent tal-baħar fl-Ewropa. Madankollu,
il-kwalità tar-rappurtar tvarja ħafna minn pajjiż għal ieħor, ġieli anki minn
territorju għal ieħor ta' Stati Membri individwali, u minn deskrittur wieħed
għal ieħor. Ingħatat konsiderazzjoni akbar lil strumenti
bħad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, il-Politika Komuni tas-Sajd u l-Politika
tal-UE dwar il-bijodiversità fil-qasam marittimu. Din hija kontribuzzjoni
importanti lejn il-koerenza tal-politiki, li wasslet għal kooperazzjoni
transsettorjali akbar u għal aktar djalogu fl-UE kollha. Ix-xogħol fuq l-MSFD ta bidu għal żviluppi
ġodda f'RSCs u akkumpanjahom, u dan juri l-komplementarjetà tal-ħidma
fil-livell tal-UE u tal-ibħra reġjonali, u jipprovdi benefiċċji reċiproċi
għall-partijiet kollha kkonċernati. L-RSCs ħadmu, fi gradi differenti, fuq
rapporti dwar l-istat tal-ibħra tagħhom sabiex din l-informazzjoni tkun tista'
tiddaħħal fil-valutazzjonijiet inizjali tal-Istati Membri stess. Huma żviluppaw
ukoll indikaturi, miri u metodi ġodda fil-livell reġjonali, u qablu dwar
il-ħtieġa li jkun hemm koordinazzjoni reġjonali mtejba. Fl-aħħar nett, ġew organizzati
konsultazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri[8],
u dan ħeġġeġ dibattitu mal-partijiet interessati dwar il-livell ta’ ambizzjoni
tal-politiki marittimi fl-UE kollha u lil hinn minnha. B’mod ġenerali, l-ewwel fażi tad-Direttiva
Kwadru dwar l-Istrateġija Marina għaldaqstant ġabet lill-UE ftit aktar viċin
tal-implimentazzjoni konkreta tal-approċċ tal-ekosistema fir-rigward
tal-ġestjoni tal-attivitajiet tal-bniedem li għandhom impatt fuq l-ibħra
tagħna, u dan il-kunċett jinsab fil-qalba tad-Direttiva. Ħarġu għadd ta'
lezzjonijiet siewja fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll
f’Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra Reġjonali. (2)
Adegwatezza Minkejja dawn l-aspetti pożittivi,
il-Kummissjoni Ewropea sabet ukoll nuqqasijiet fl-informazzjoni ppreżentata
mill-Istati Membri b'saħansitra l-Istati Membri bl-aqwa prestazzjoni li għad
għandhom jindirizzaw ċerti nuqqasijiet. Il-valutazzjoni inizjali tal-Istati Membri
skont l-Artikolu 8 tipprovdi bażi ta’ evidenza li fuqha tiddependi
l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Madankollu, ir-rapporti ta’ valutazzjoni
inizjali ta’ spiss jagħtu biss ħarsa ġenerali frammentata tal-qagħda tal-ambjent
tal-baħar, li mhux dejjem tirrifletti l-għarfien disponibbli fl-intier tiegħu. Il-preżenza ta’ lakuni fid-dejta fir-rapporti
tal-Istati Membri hu inevitabbli, peress li għad hemm nuqqasijiet sinifikanti
ta’ għarfien dwar kwistjonijiet relatati mal-baħar, u minħabba li l-ambitu
tal-valutazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 8 tal-MSFD huwa komprensiv ħafna.
Madankollu, kienu biss ftit l-Istati Membri li ppreżentaw strateġija dwar kif
il-lakuni eżisteni fid-dejta jistgħu jiġu solvuti qabel iċ-ċiklu ta’ rappurtar
li jmiss, pereżempju permezz ta’ pjanijiet futuri għall-monitoraġġ f'livell
nazzjonali jew reġjonali. Mhux dejjem sar l-aħjar użu tar-riżultati ta’
proġetti ta’ riċerka li jindirizzaw b'mod speċifiku n-nuqqas ta’ għarfien dwar
kwistjonijiet relatati mal-baħar li huma rilevanti għall-11-il deskrittur
tal-MSFD. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri ma wżawx il-valutazzjoni inizjali biex
jistabbilixxu xenarju bażi: din kienet opportunità mitlufa li tagħmilha
diffiċli, u f'ċertu każijiet, impossibbli, li tiġi evalwata d-distanza
mill-ksib tal-mira. Barra minn hekk, determinazzjoni xierqa ta’
GES skont l-Artikolu 9 hija partikolarment importanti f’din l-ewwel fażi
ta’ implimentazzjoni, peress li tistabbilixxi l-livell ta’ ambizzjoni li
l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jilħqu sal-2020. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrappurtaw
dwar il-GES għad-deskritturi kollha, u xi wħud minnhom stabbilixxew punti ta’
referenza ambizzjużi permezz tad-definizzjoni tiegħu. Madankollu, il-maġġoranza
minnhom naqset milli tmur lil hinn mid-delineazzjoni GES bażika kif inhi
stipulata fid-Direttiva. Pereżempju, ħafna minnhom ma kinux jinkludu elementi
kwalitattivi jew ta' spjegazzjoni li jispjegaw il-kunċett b'mod aqwa u li
jipprovdu valur miżjud, ambizzjoni u għanijiet definiti b’mod ċar. Il-GES ta'
spiss ukoll ma ġiex stabbilit b’mod li jista’ jitkejjel. Fil-prattika, dan
jagħmilha impossibbli li ssir valutazzjoni dwar sa liema punt fil-fatt ikun
inkiseb. Meta jkunu preżenti, ambizzjonijiet kwalitattivi għoljin għad-determinazzjoni
tal-GES ħafna drabi jibqgħu biss ta' natura ta' aspirazzjoni. Barra minn hekk, f’ċerti każijiet l-Istati
Membri ma bnewx b'mod sistematiku fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE u fuq
l-istandards tal-RSC. Jista' jkun li dan jirriżuta mill-fatt li r-relazzjoni
bejn l-MFSD u l-leġiżlazzjoni rilevanti l-oħra mhijiex ċara biżżejjed għal
kulħadd. Madankollu, ċerti Stati Membri adottaw approċċ fejn “għażlu biss li
riedu”, u b'hekk ikkunsidraw ir-regoli, l-għanijiet u l-valuri ta’ limitu
eżistenti biss b'mod parzjali. Jekk dan kollu jibqa' kif inhu, l-ilħiq tal-GES
kif inhu definit bħalissa se jwassal biss għal titjib żgħir ħafna fil-kwalità
tal-oċeani tagħna. L-istess konklużjonijiet jistgħu japplikaw
fir-rigward tal-miri stabbiliti skont l-Artikolu 10 tal-MSFD. L-Istati
Membri stabbilixxew varjetà wiesgħa ta’ miri, li jvarjaw skont il-livell ta’
ambizzjoni u skont l-ispeċifiċità tagħhom. L-aktar importanti, f’ċerti
każijiet, il-miri ambjentali li ġew stabbiliti mhumiex biżżejjed biex jinkiseb
status ambjentali tajjeb. (3)
Konsistenza Element ta' tħassib ġenerali ieħor huwa
n-nuqqas ta’ konsistenza fl-implimentazzjoni min-naħa tal-Istati Membri. B’mod
partikolari, ir-rabta loġika bejn il-valutazzjoni inizjali (il-punt tat-tluq),
id-determinazzjoni ta' GES (l-għan finali) u l-miri (l-isforz meħtieġ sabiex
jintlaħaq l-għan, meta wieħed jibda mill-punt tat-tluq) għadhom ma ġewx
rikonoxxuti minn kulħadd. Uħud mill-Istati Membri ma għamlux distinzjoni ċara
bejn id-determinazzjoni ta’ GES u l-miri nfushom, jew ma kkunsidrawx il-valutazzjoni
inizjali tagħhom fl-iżvilupp tal-miri, u b'hekk spiċċaw dawru proċess
komprensiv u olistiku f’sensiela ta’ eżerċizzji ta' rappurtar mhux relatati. (4)
Koerenza Il-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-RSCs
għall-ħarsien tal-ibħra tal-UE hija żviluppata tajjeb. Saru impenji sinifikanti
mill-RCSs kollha sabiex jiġi implimentat l-approċċ ekosistemiku u sabiex tiġi
appoġġjata l-implimentazzjoni tal-MSFD. Sfortunatament, l-użu tar-riżultati
dwar il-kooperazzjoni reġjonali min-naħa tal-Istati Membri fi ħdan
l-istrateġiji marittimi tagħhom ivarja. F'ċerti każijiet, ix-xogħol rilevanti
żviluppat bħala parti minn RSCs wasal tard wisq, iżda meta kien fil-ħin, mhux
dejjem intuża fir-rapporti nazzjonali. Dan wassal għal nuqqas ta’ koerenza fi ħdan
l-UE, u fi ħdan l-istess reġjun jew subreġjun marittimu (kif meħtieġ skont
l-Artikolu 3(5)b u 5(2) MSFD). Filwaqt li l-koerenza tvarja ħafna minn
parti għal oħra tal-UE, u filwaqt li hija għolja f’ċerti reġjuni u għal xi
deskritturi, il-livelli ġenerali jvarjaw minn moderati għal baxxi. L-Istati
Membri tal-Atlantiku tal-Grigal għandhom l-ogħla livell ta’ koerenza
(madankollu, b’lok sinifikanti għal titjib) filwaqt li l-koerenza hija l-aktar
baxxa fil-Mediterran, u b’mod partikolari fil-Baħar l-Iswed (għalkemm dan tal-aħħar
seta’ jiġi stmat biss b'mod parzjali). Għalhekk, ma hemm ebda fehim komuni fl-UE dwar
il-GES, lanqas fil-livell (sub)reġjonali. Hemm iktar minn 20 determinazzjoni
differenti ta' GES madwar l-UE, u għalhekk ma hemm ebda għanijiet komuni jew
komparabbli. 4. Rakkomandazzjonijiet u
l-passi li jmiss L-analiżi tal-ewwel fażi ta' implimentazzjoni
tal-MSFD turi b’mod ċar li jeħtieġ li jsir ħafna aktar progress sabiex jiġi
evitat li jiġi żviluppat approċċ insuffiċjenti, ineffiċjenti, frammentat u
għoli bla bżonn għall-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Il-komparabilità tar-rappurtar tal-Istati
Membri hija baxxa, u tagħmilha diffiċli li jsiru azzjonijiet u analiżi
kkoordinati. Għalhekk, li jintlaħaq status ambjentali tajjeb sal-2020 se jkun
ta’ sfida, għalkemm anki li nkunu nafu kemm għad baqagħlna biex nilħqu l-għan
se jkun ta' sfida. Dan se jċaħħad ukoll lill-operaturi ekonomiċi milli jkollhom
kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE u madwar ir-reġjuni marini tagħha. Dan
jipperikola riżorsa importanti, li mingħajrha t-Tkabbir Blu mhux se jibqa'
sostenibbli fit-tul. Issa nfetħet opportunità sabiex din
is-sitwazzjoni tiġi mtejba qabel l-iżvilupp ta’ Programmi ta’ Monitoraġġ u
Programmi ta’ Miżuri ppjanati għall-2014 u l-2015 rispettivament. Jekk jiġu
kkoordinati jew żviluppati b’mod konġunt bejn l-Istati Membri, dawn mistennija
jagħtu riżultati aħjar b’inqas spejjeż. (1)
Il-lezzjonijiet li ttieħdu s’issa B'antiċipazzjoni tar-riżultati ta’ din
il-valutazzjoni, il-Kummissjoni u l-Istati Membri diġà ħadu numru ta’
lezzjonijiet, li ġew tradotti f’inizjattivi konkreti: –
L-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni
għall-MSFD[9]
ġiet adattata għal sfidi ġodda, u ġie żviluppat programm ta’ ħidma ġdid
għall-implimentazzjoni tal-MFSD[10]
għall-2014-2018 flimkien mal-Istati Membri, RSCs u atturi rilevanti oħra.
Il-programm konġunt jidentifika l-għanijiet ewlenin, isaħħaħ il-kooperazzjoni
mal-RSCs u jipprevedi l-iżvilupp ta’ gwida mmirata lejn it-titjib tal-fehim
konġunt tar-rekwiżiti tal-MSFD. –
L-appoġġ addizzjonali għall-implimentazzjoni sar
disponibbli għall-Istati Membri, permezz ta’ proġetti mfassla apposta u
prattiċi ffinanzjati bħala parti mill-Politika Marittima Integrata tal-UE. Dawn
il-proġetti huma, pereżempju, iddedikati lejn it-titjib tal-implimentazzjoni
tad-Direttiva fil-Baħar Mediterran u fil-Baħar l-Iswed. –
Ittieħdu passi biex l-obbligi ta’ rappurtar
tal-Istati Membri jiġu simplifikati, u biex isir użu mir-rappurtar eżistenti
skont il-leġiżlazzjoni rilevanti, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ "irrapporta
darba, uża ħafna drabi". (2)
It-triq 'il quddiem Lil hinn minn dawn il-lezzjonijiet li ġew
mitgħallma għad irid isir ħafna aktar fiċ-ċiklu ta' implimentazzjoni attwali, u
qabel ma l-eżerċizzju ta’ rappurtar jerġa' jsir fl-2018. Dan se jeħtieġ mhux
biss għadd ta’ azzjonijiet speċifiċi u livell ta’ ambizzjoni ogħla, iżda wkoll
mod differenti ta’ ħsieb dwar kif għandu jiġi implimentat l-MFSD, sabiex jiġu
solvuti n-nuqqasijiet li ġew identifikati. F’terminu ta’ żmien qasir, u skont
l-Artikolu 12 tal-MFSD, huwa essenzjali li jiġi żgurat li wieħed jibni fuq
l-aktar aspetti ta' implimentazzjoni pożittivi sa issa, u li d-dgħufijiet li
ġew identifikati ma jaffettwawx l-implimentazzjoni futura tal-MSFD b’mod
negattiv. Sabiex jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw
ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin b'mod serju u rapidu, inkluż fit-tħejjija ta’
programmi ta’ monitoraġġ u ta' programmi ta’ miżuri. B’mod partikolari,
l-Istati Membri għandhom: –
jużaw il-programmi ta’ monitoraġġ biex jindirizzaw
in-nuqqasijiet u l-lakuni li ġew identifikati fil-valutazzjoni inizjali; –
jużaw, b'mod sistematiku u bħala rekwiżiti minimi,
standards li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE (bħall-Politiki Komuni
tas-Sajd, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, id-Direttiva dwar il-Ħabitats, eċċ,
kif ukoll id-direttivaproposta dwar l-Ippjanar Spazjali Marittimu (MSP) u l-Ġestjoni Integrata tal-Kosti (ICM)[11] hekk
kif din tidħol fis-seħħ). Jekk dawn l-istandards ma jkunux jeżistu,
l-Istati Membri għandhom jużaw indikaturi komuni speċifiċi għar-reġjuni, li
jkunu ġew żviluppati mill-RSCs rilevanti fil-programmi ta’ monitoraġġ u
fil-programmi ta’ miżuri tagħhom; –
jirrevedu u, fejn possibbli, jaġġornaw il-GES u
l-miri tagħhom bi tħejjija għall-programmi ta' monitoraġġ u ta' miżuri sabiex
ikun jista' jintuża approċċ konsistenti fi ħdan ir-reġjuni u fosthom u bejn
id-dispożizzjonijiet differenti; Barra minn hekk, fejn il-Kummissjoni ssib xi
nuqqasijiet, l-Istati Membri għandhom, kemm jista’ jkun malajr u sa mhux aktar
tard mill-2018, itejbu b’mod sinifikanti l-kwalità u l-koerenza tad-determinazzjonijiet
tagħhom tal-GES, kif ukoll il-valutazzjonijiet inizjali u l-miri ambjentali
tagħhom, sabiex jiġi żgurat li t-tieni fażi ta’ implimentazzjoni twassal għal
benefiċċji akbar. B’mod partikolari, għandhom isiru l-azzjonijiet li ġejjin: –
ir-reviżjoni, it-tisħiħ u t-titjib tad-Deċiżjoni
attwali 2010/477/UE dwar l-istatus ambjentali tajjeb ta’ ilmijiet tal-baħar
sal-2015, bl-għan li jiġi żviluppat sett ta’ kriterji u standards metodoloġiċi
GES aktar ċari, sempliċi, konċiżi, koerenti u komparabbli; din ir-reviżjoni
tista’ tinkludi u tikkunsidra wkoll l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq
il-valutazzjoni tal-GES[12];
–
l-analiżi mill-ġdid tal-Anness III tal-MSFD u, jekk
meħtieġ, ir-reviżjoni u l-iżvilupp ta' gwida speċifika sabiex jiġi żgurat
approċċ iktar koerenti u konsistenti għall-valutazzjonijiet fiċ-ċiklu ta'
implimentazzjoni li jmiss; l-implimentazzjoni ta'
sistema moderna u effettiva ta' kondiviżjoni ta’ dejta bejn l-UE (iż-ŻEE) u
l-RSCs ('WISE-marine'), filwaqt li jittieħed vantaġġ sħiħ mill-iżviluppi li
jkunu għaddejjin sabiex jittejbu l-aċċessibilità u l-interoperabilità ta’ dejta
dwar il-baħar permezz tal-inizjattiva “Għarfien dwar il-Baħar 2020”; –
l-użu sistematiku ta' valutazzjonijiet li jkunu
twettqu għal leġiżlazzjoni rilevanti oħra tal-UE jew bħala parti minn RSCs ta'
Stati Membri, b’bidu immedjat tax-xogħol ta’ tħejjija; –
l-iżvilupp ta' pjanijiet ta’ azzjoni, ikkoordinati
fuq livell (sub)reġjonali u maħsuba biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet li jkunu
ġew identifikati sa mhux aktar tard mill-2018[13]. Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, il-kooperazzjoni
reġjonali għandha tingħata post fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-MSFD, u
għandha tinfluwenza l-proċessi ta’ implimentazzjoni nazzjonali, u mhux
bil-kontra. Fil-livell reġjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom
jikkooperaw ma’ partijiet kontraenti oħra fil-kuntest tal-RSCs, sabiex
jistimolaw aktar koordinazzjoni fil-livell reġjonali jew subreġjonali, filwaqt
li ma għandux jintesa li kull RSC għandha l-ispeċifiċitajiet tagħha. L-Istati
Membri imbagħad għandhom jużaw ir-riżultati fil-proċessi ta’ implimentazzjoni
nazzjonali b’mod sistematiku. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu
jiddiskutu dwar kif l-aħjar li titrawwem kooperazzjoni reġjonali u dwar kif
tista' tiġi msaħħa aktar il-kooperazzjoni ma’ RSCs, b’mod partikolari biex
il-programmi ta’ ħidma jiġu allinjati aktar. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet għandhom l-għan
li jipprovdu qafas ċar għal titjib gradwali tal-approċċ kooperattiv
tal-implimentazzjoni tal-MSFD, b’passi gradwali u għanijiet li jridu jintlaħqu
fil-livelli rilevanti kollha. Jekk jiġi implimentat malajr u b’mod sħiħ minn
kulħadd, ħafna qabel l-2018, dan il-pjan se jgħin biex tintlaħaq il-bidla
meħtieġa b'mod urġenti fil-politika, u se jtejjeb il-mod li bih ilkoll kemm
aħna nindirizzaw il-protezzjoni tal-ibħra u l-oċeani tagħna fil-ftit żmien li
baqa' qabel l-2020. Il-Kummissjoni Ewropea biħsiebha terġa’
twettaq valutazzjoni fl-2016, bħala parti mir-rapport tagħha dwar il-programmi
ta’ miżuri[14],
kemm jekk l-approċċ ta’ kollaborazzjoni deskritt hawn fuq ikun ġie implimentat
u jkun wassal għal riżultati, kemm jekk tenħtieġ azzjoni addizzjonali sabiex
tiġi żgurata l-implimentazzjoni b'mod xieraq tal-MSFD. Ir-reviżjoni
tad-Deċiżjoni GES fl-2015 u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali huma elementi
ewlenin ta’ dan l-approċċ. B’mod parallel, il-Kummissjoni Ewropea tista’
tagħmel użu mill-possibbiltà li tniedi aktar proċeduri ta’ ksur sabiex tiżgura
l-implimentazzjoni xierqa tal-MSFD, kull meta jkun meħtieġ. 5. Konklużjoni L-ekosistemi marittimi fraġli ħafna tal-UE qed
jiffaċċjaw pressjonijiet dejjem akbar ikkawżati minn attivitajiet tal-bniedem.
L-implimentazzjoni tal-MFSD u l-qlib tal-approċċ ekosistemiku f’realtà
xjentifika konkreta fl-ambjent tal-baħar bħala parti minn ħidma konġunta mal-ġirien
tal-UE hija kompitu ta' sfida, iżda wieħed kruċjali ħafna. Fl-ewwel fażi
tal-MSFD, ġew stabbiliti kisbiet importanti f’livell tal-Ewropa, reġjonali u
nazzjonali, u dan jirrappreżenta sforz importanti. Madankollu, l-UE għadha ferm
’il bogħod milli tgawdi oċeani u ibħra f'saħħithom. L-ilħiq ta’ dan l-għan
sal-2020, fi żmien inqas minn seba’ snin, jimplika sforzi imġedda u
intensifikati, kif ukoll bidla rapida u importanti fil-mod li bih jaħdmu
flimkien l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea, l-RSCs u organizzazzjonijiet
rilevanti oħra, b’enfażi fuq l-azzjoni u l-ippjanar konġunti, kif ukoll fuq
il-koerenza tal-politika bejn settur u ieħor. Koordinazzjoni akbar ta’
programmi ta’ monitoraġġ u ta' programmi ta’ miżuri, kooperazzjoni reġjonali
aktar ambizzjuża u għarfien aktar ċar dwar ir-rwoli, ir-responsabbiltajiet u
l-obbligi tal-partijiet kollha se jiffaċilitaw protezzjoni aktar effettiva
tal-ambjent tal-baħar b'inqas spejjeż, kif mistennija jagħmlu wkoll
l-implimentazzjoni bis-sħiħ tal-qafas leġiżlattiv tal-UE li jittratta s-sorsi
ta' tniġġis ibbażati fuq l-art, u sforzi aktar sistematiċi sabiex tinkiseb
Ġestjoni Integrata taż-Żoni Kostali. Dawn l-azzjonijiet jirrappreżentaw
il-minimu meħtieġ biex l-UE tikseb suċċess fl-implimentazzjoni tal-MSFD u
fil-protezzjoni tal-oċeani u tal-ibħra tagħha, u biex tiżgura li l-ilmijiet
tal-ibħra tagħha jkunu jistgħu jipprovdu sors sostenibbli ta’ żvilupp
għall-ġenerazzjonijiet futuri. [1] Ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: 'L-ewwel
passi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina -
Valutazzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/56/KE) (First steps in the
implementation of the Marine Strategy Framework Directive - Assessment in
accordance with Article 12 of Directive 2008/56/EC) għal rendikont
tas-sitwazzjoni attwali dwar ir-rappurtar mill-Istati Membri. L-Istati Membri
li ma għandhomx territorji kostali ma kellhomx l-obbligu li jirrappurtaw skont
l-MSFD. [2] Skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva Kwadru dwar
l-Istrateġija Marina. [3] Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni: 'L-ewwel
passi tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina -
Valutazzjoni skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/56/KE) (First steps in the
implementation of the Marine Strategy Framework Directive - Assessment in
accordance with Article 12 of Directive 2008/56/EC)'. [4] Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill fir-rigward
ta’ konsultazzjoni dwar l-Opportunitajiet tas-Sajd għall-2014 COM(2013) 319
finali. [5] Skont l-Artikolu 12 tal-MSFD: "Abbażi tan-notifiki
magħmulin skont l-Artikoli 9(2), 10(2) u 11(3) fir-rigward ta’ kull reġjun jew
subreġjun marin, il-Kummissjoni għandha tevalwa, fil-każ ta’ kull Stat Membru,
jekk l-elementi notifikati jikkostitwixxux qafas adegwat li jissodisfa
r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tista’ titlob lill-Istat Membru kkonċernat
sabiex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun disponibbli u
meħtieġa. Fit-tfassil ta’ dawk il-valutazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha
tikkunsidra l-koerenza tal-oqfsa fir-reġjuni jew subreġjuni marini differenti u
mal-Komunità kollha". [6] Dokument ta' Ħidma tal-Persunal, ibid. [7] MSFD, Artikolu 3.5. [8] Il-Kummissjoni Ewropea rċeviet informazzjoni minn 17-il
Stat Membru rigward il-proċessi ta’ konsultazzjoni pubblika meħtieġa
mill-Artikolu 19 tal-MSFD. Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għal
aktar tagħrif. [9] Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jagħtu
kontribuzzjonijiet koordinati u dettaljati. Sabiex dan ix-xogħol jiġi
ffaċilitat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea stabbilixxew programm
informali ta’ koordinazzjoni, l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni (CIS). [10] Il-programm ta’ ħidma li sar qbil dwaru bħala parti
mis-CIS: http://ec.europa.eu/environment/marine/eu-coast-and-marine-policy/implementation/index_en.htm
[11] Proposta għal direttiva li tistabbilixxi qafas
għall-ippjanar spazjali marittimu u għall-ġestjoni integrata tal-kosta, COM (2013)133
finali. [12] Kif spjegat f’SWD (2013) 133 finali (bħala parti
mill-kampanja tal-Kummissjoni “Strateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil
fil-klima”). [13] Dawn il-pjanijiet ta’ azzjoni jistgħu jiġu ispirati minn
Qafas Strutturat ta' Implimentazzjoni u Informazzjoni, u jiddefinixxu d-diversi
passi li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex tittejjeb
l-implimentazzjoni (ara COM(2012) 95). [14] L-Artikolu 16 tal-MSFD.