Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014DC0061

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 472/2013

    /* COM/2014/061 final */

    52014DC0061

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 /* COM/2014/061 final */


    KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

    dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 472/2013

    1. INTRODUZZJONI

    Il-kriżi ekonomika u finanzjarja żvelat għadd ta’ nuqqasijiet fil-governanza ekonomika u s-sorveljanza tal-UE. Il-parti l-kbira tan-nuqqasijiet fis-sorveljanza kienu indirizzati b’mod effettiv mal-ħolqien tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u sitt biċċiet ta’ leġiżlazzjoni komunement magħrufa bħala “Six Pack”. Minħabba l-potenzjal ogħla li politiki ekonomiċi u baġitarji fiż-żona tal-munita unika jistgħu jirriżultaw f’effetti sekondarji sostantivi, madankollu, xorta waħda kien hemm ħtieġa għal mekkaniżmi aktar b’saħħithom biex jiddaħħlu fis-seħħ. Għal dawn l-għanijiet, ir-Regolamenti (UE) Nru 472/2013 u (UE) Nru 473/2013[1] ġew adottati mil-leġiżlatur. Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi proċessi speċifiċi relatati ma’ sorveljanza msaħħa tal-programmi u ta’ wara l-programm għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, il-formalizzazzjoni tal-approċċi li preċedentement kienu ad hoc u li ssir r-rabta bejn l-assistenza finanzjarja u l-qafas tat-Trattat marbutin mal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri. Dawn l-hekk imsejħa Regolamenti “Two Pack” daħlu fis-seħħ fit-30 ta’ Mejju 2013.

    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 (minn hawn’ il quddiem “ir-Regolament”) jistabbilixxi regoli għal sorveljanza msaħħa, programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u sorveljanza ta’ wara l-programm li taħthom il-Kummissjoni u l-Kunsill jistgħu jeżerċitaw grad ta’ sorveljanza xiereq għall-każ trattat, u li jikkomplementa proċessi ta’ sorveljanza multilaterali eżistenti oħra. B’hekk, huma jistgħu jikkonkludu li Stat Membru għandu jieħu aktar miżuri biex jindirizza r-riskji speċifiċi li joriġinaw minn dak l-Istat Membru għal l-istabbiltà finanzjarja taż-żona euro; dawn il-miżuri jimmiraw biex jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tajba u, jekk rilevanti, tiġi restawrata l-kapaċità tal-Istat Membru li jiffinanzja lilu nnifsu kompletament fis-swieq finanzjarji.

    Ir-Regolament ġie stabbilit sabiex jallinja l-prattika attwali użata fl-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ għajnuna finanzjarja fl-Istati Membri taż-żona tal-euro mal-qafas istituzzjonali tat-Trattat u li, għalhekk, fl-istess ħin jiżgura applikazzjoni mtejba tal-istess prinċipji fl-Istati Membri kollha. Il-grad ta’ kemm ikunu intrużivi l-monitoraġġ u s-sorveljanza se jiddependi fuq il-gravità tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-Regolament jippermetti wkoll is-simplifikazzjoni ta’ obbligi doppji ta’ rappurtaġġ għal każijiet speċifiċi fejn Stat Membru huwa taħt l-assistenza finanzjarja.

    Skont l-Artikolu 19 tar-Regolament, sa Jannar 2014, u kull ħames snin wara, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, flimkien ma', jekk ikun xieraq, proposta biex jiġi emendat dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu jevalwa, inter alia: (a) l-effikaċja ta' dan ir-Regolament; (b) il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fil-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri skont it-TFUE; (c) il-kontribut ta' dan ir-Regolament għall-kisba tal-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.

    Ta’ min jinnota li r-reviżjoni tar-Regolament għandha l-għan li tipprovdi ħarsa ġenerali dwar l-implimentazzjoni tiegħu mid-dħul fis-seħħ tiegħu. Il-kontenut ipprovdut, bħala parti minn din ir-reviżjoni, fuq il-progress ekonomiku li sar mill-Istati Membri taħt il-programm mhux maħsub li jiddupplika jew jinkorpora r-reviżjonijiet regolari tal-missjoni imwettqa taħt dawn il-programmi.

    Ir-Regolament ilu fis-seħħ biss għal żmien qasir ħafna, li jimplika limitazzjonijiet severi kemm dwar dak li jista’ jiġi evalwat, kif ukoll sa liema dettall, f’dan il-mument. Ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni “Six” jew “Two Pack” ta’ leġiżlazzjoni fi tmiem is-sena 2014 għandha, b’kuntrast, tippermetti li ssir valutazzjoni aktar komprensiva u fil-fond dwar l-effettività tar-Regolament.

    2. L-APPLIKAZZJONI TAR-REGOLAMENT (UE) NRU 472/2013

    2.1. Implimentazzjoni tar-Regolament

    L-Artikolu 2(5) u l-Artikolu 7(12) tar-Regolament jobbligaw lill-Kummissjoni biex tippubblika, għall-finijiet ta’ tagħrif, żewġ listi ta’ strumenti ta’ assistenza finanzjarja: (i) dawk l-istrumenti li huma ta’ natura prekawzjonarja u, separatament, (ii) dawk l-istrumenti li għalihom ir-regoli skont il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES) ma jipprovdux għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku. F'Ottubru tal-2013 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni msemmija[2].

    Sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-ebda Stat Membru taż-żona tal-euro ma kien soġġett għal sorveljanza msaħħa skont l-Artikolu 2 u l-ebda Stat Membru taż-żona tal-euro għadu ma kkonkluda programm ta’ aġġustament makroekonomiku ġdid. 

    Madankollu, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament, l-Istati Membri li jirċievu assistenza finanzjarja mid-data tad-dħul fis-seħħ huma suġġetti għar-regoli tar-Regolament. Għalhekk, huwa japplika għal dawk l-Istati Membri taż-żona tal-euro li kienu taħt strument ta’ għajnuna finanzjarja fit-30 ta’ Mejju 2013.

    Fil-mument tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament, il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u Ċipru kienu benefiċjarji ta’ assistenza finanzjarja minn wieħed jew aktar mill-Istati Membri l-oħra, il-MESF, il-FESF, il-MES, jew istituzzjoni finanzjarja internazzjonali rilevanti oħra, bħall-FMI. Deċiżjonijiet ġodda li jaġġustaw programmi ta’ aġġustament makroekonomiku eżistenti ġew adottati skont dan ir-Regolament.

    Erba’ Stati Membri qed jirċievu assistenza finanzjarja marbuta ma’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku, u b’hekk iwasslu għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tar-Regolament:

    Il-Greċja

    Il-Greċja kkonkludiet żewġ programmi ta’ aġġustament ekonomiku. L-ewwel wieħed ġie deskritt fid-dettall bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/320/UE fis-26 ta’ Mejju 2010 u ġie emendat diversi drabi sussegwentement. It-tieni programm għall-aġġustament ekonomiku ġie implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/734/UE tat-12 ta’ Lulju 2011 li ġiet l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/6/UE[3].

    L-Irlanda

    Il-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Irlanda kien implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/77/UE fi Frar 2011. L-aġġornamenti fil-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ġew adottati skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament skont kif aġġornat fid-9 ta' Lulju 2013 permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/373/UE[4].

    Il-Portugall

    Il-programm ta’ aġġustament ekonomiku tal-Portugall kien implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/344/UE fl-20 ta' Mejju 2011. L-aġġornamenti fil-programm ta’ aġġustament makroekonomiku ġew adottati skont l-Artikolu 7(5) tar-Regolament skont kif aġġornat fid-9 ta' Lulju 2013 permezz tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/375/UE[5].

    Ċipru

    Il-programm ta’ aġġustament ekonomiku Ċiprijott ġie implimentat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/236/UE tat-23 ta’ April 2013, ftit qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament. Għal raġunijiet ta’ ċarezza u ċertezza legali, il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku minn dakinhar ġie approvat skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/463/UE tat-13 ta’ Settembru 2013[6].

    Spanja kienet suġġetta għal assistenza finanzjarja għar-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tar-Regolament ma japplikawx għal Spanja.  Spanja, madankollu, se tkun suġġetta għal sorveljanza ta’ wara l-programm skont l-Artikolu 14 tar-Regolament malli jintemm il-programm ta’ assistenza finanzjarja attwali.

    2.2. L-Effettività tar-Regolament

    L-għan ewlieni ta’ dan ir-Regolament huwa li jsaħħaħ il-monitoraġġ u s-sorveljanza għall-Istati Membri mhedda bih, jew li qed jesperjenzaw, diffikultajiet serji fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Huwa jimmira li jistabbilixxi proċessi ta' sorveljanza trasparenti, effiċjenti, simplifikati u prevedibbli għall-Istati Membri taħt sorveljanza msaħħa, taħt il-programm ta’ aġġustament makroekonomiku u sorveljanza ta’ wara l-programm.

    Ir-Regolament ilu fis-seħħ mit-30 ta’ Mejju 2013. Żmien qasir bħal dan jagħmilha aktar diffiċli li tiġi evalwata l-effettività tar-Regolament, peress li jipprovdi evidenza limitata li fuqha tista’ tiġi bbażata din l-evalwazzjoni.

    B’mod partikolari, ħafna dispożizzjonijiet tar-Regolament huma rilevanti għal dak il-perjodu li fih jiġu żviluppati u nnegozjati l-programmi. Fil-programmi eżistenti, dawn il-perjodi seħħu qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament. L-effettività tar-Regolament skont l-Artikolu 19 għalhekk ma tistax tiġi evalwata fir-rigward ta’ dawn il-fażijiet preċedenti.

    Barra minn hekk, mhuwiex possibbli li ssir valutazzjoni tal-effettività tar-Regolament fir-rigward tas-sorveljanza msaħħa minħabba li ebda Stat Membru taż-Żona tal-euro għadu ma tqiegħed taħt sorveljanza msaħħa. Għal dawn l-istess raġunijiet, l-effettività tar-Regolament għadha ma tistax tiġi vvalutata fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ sorveljanza ta’ wara l-programm.

    Matul dan iż-żmien, l-effettività tista' tiġi evalwata biss fir-rigward ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku eżistenti. Dawn il-miżuri jimmiraw biex jistabbilixxu mill-ġdid is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tajba u, biex tiġi restawrata l-kapaċità tal-Istat Membru li jiffinanzja lilu nnifsu kompletament fis-swieq finanzjarji. S’issa, programmi ta’ aġġustament makroekonomiku eżistenti laħqu l-għanijiet tar-Regolament.

    Madankollu, l-implimentazzjoni kontinwa tal-programmi Griegi, Portugiżi u Ċiprijotti se tipprovdi parametri importanti u xhieda dwar kif tista' tiġi analizzata l-effikaċja tal-eżerċizzju ta’ reviżjoni li jmiss. Bl-istess mod, il-ħruġ dalwaqt tal-Irlanda u Spanja mill-programmi ta’ assistenza finanzjarja tagħhom se jipprovdi evidenza ġdida biex titwettaq valutazzjoni aktar dettaljata tal-effettività tas-sorveljanza ta’ wara l-programm fi stadju aktar tard.

    Il-monitoraġġ mill-qrib tal-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro se jservi biex tiġi indirizzata immedjatament kwalunkwe fraġilità potenzjali li tista' toħroġ u li jiġi evitat il-kontaġju fl-EMU jew l-Unjoni b’mod aktar wiesa’.

    2.3.        Il-progress fl-iżgurar ta’ koordinazzjoni eqreb tal-politiki ekonomiċi u l-konverġenza kontinwa fil-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-TFUE

    Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 u l-leġiżlazzjoni “Six Pack” se jiġu evalwati fl-2014 permezz ta’ eżerċizzju ta' reviżjoni. Huwa mistenni li din ir-reviżjoni se tagħti ħarsa aktar komprensiva lejn il-progress li sar fir-rigward tal-koordinazzjoni u l-konverġenza. 

    Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi qafas għat-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji. Fost aspetti oħra, huwa jipprovdi għal koordinazzjoni aktar mill-qrib għal dawk l-Istati Membri taħt il-programmi ta’ aġġustament makroekonomiku u jistabbilixxi l-qafas ġenerali għas-sorveljanza ta’ wara l-programm.

    Barra minn hekk, ir-Regolament jipprovdi għal sorveljanza ekonomika msaħħa bil-ħsieb li tiġi żgurata l-koerenza fil-politiki ekonomiċi – b’mod partikolari bejn il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali tal-Unjoni kif stabbilit mit-TFUE u l-kundizzjonijiet ta’ politika possibbli marbuta ma’ għajnuna finanzjarja – u li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar. Għal dak l-għan ir-Regolament fih klawsoli ta' konsistenza mal-Patt ta' Tkabbir u Stabbiltà, mar-Regolament (UE) Nru 1176/2011[7] u ma' xi dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 473/2013[8]8. L-Istati Membri taż-żona tal-euro, soġġetti għar-Regolament, ġew eżentati minn ċerti obbligi biex jevitaw preċiżament din id-duplikazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar.

    Dan ir-Regolament ma fihx dispożizzjonijiet tranżitorji għall-Istati Membri li joħorġu mill-programm u lanqas għajnuna finanzjarja rispettiva (eż. l-Irlanda) matul iċ-ċikli annwali ta' sorveljanza makroekonomika. Bil-għan ta’ twittija ta' riintegrazzjoni sħiħa ta’ dawk l-Istati Membri fil-mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni ekonomika, il-Kummissjoni se tapplika l-għodod standard tas-sorveljanza fil-pront għall-Istati Membri li implimentaw b’suċċess programmi ta’ aġġustament ekonomiku.

    3. VALUTAZZJONI TAL-PROGRESS FIR-RIGWARD TAL-KONDIZZJONIJIET EKONOMIĊI

    Peress li r-Regolament (UE) Nru 472/2013 daħal fis-seħħ biss reċentament, huwa kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt tal-implimentazzjoni tiegħu fuq il-kondizzjonijiet ekonomiċi.

    L-Istati Membri kollha li għalihom il-kontenut tar-Regolament japplika wettqu riformi strutturali sabiex jindirizzaw is-sorsi ta’ vulnerabbiltà u instabbiltà finanzjarja. Il-problemi tal-Irlanda u Ċipru kienu prinċipalment bażati fis-settur bankarju. Għaldaqstant, l-Irlanda organizzat mill-ġdid is-settur, irrikapitalizzat il-banek vijabbli u dawk mhux vijabbli stralċjathom, u qed tagħmel valutazzjoni tal-istress rigoruża biex tevalwa tajjeb il-portafolli tal-assi. Ir-ristrutturar u r-riżoluzzjoni tal-banek saru wkoll f’Ċipru, kif ukoll diżingranar malajr u bil-quddiem. Barra minn hekk, iż-żewġ pajjiżi qegħdin u se jkomplu jwettqu riformi tas-suq tax-xogħol u tal-prodotti. Tal-ewwel tinkludi l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Impjiegi u riforma tal-programmi ta’ edukazzjoni u taħriġ fl-Irlanda, u sospensjoni ta’ indiċjar tal-pagi fis-settur privat sal-2014 f’Ċipru. Din tal-aħħar tirreferi fost l-oħrajn għall-programmi ta' privatizzazzjoni f’diversi setturi tal-enerġija u tat-trasport u infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni (l-Irlanda). Barra minn hekk, iż-żewġ pajjiżi impenjaw ruħhom u għadhom qed iwettqu riformi sabiex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom u jnaqqsu l-pressjoni finanzjarja.

    Il-Greċja implimentat konsolidazzjoni fiskali impressjonanti u wettqet riformi kbar fis-suq tax-xogħol u tal-prodotti, fosthom iffaċilitat il-formalitajiet biex jinfetaħ negozju ġdid u l-kumplessità tal-proċeduri ta’ liċenzjar, kif ukoll riformi tal-pensjoni, fil-kura tas-saħħa u s-sistemi ta’ tassazzjoni, biex trawwem aġġustament, kompetittività u tkabbir. Dejn pubbliku għoli, riġiditajiet strutturali u arranġamenti istituzzjonali diffiċli jibqgħu preokkupanti.

    Fl-aħħar nett, il-Portugall esperjenza riġiditajiet strutturali u livelli għolja ta’ dejn pubbliku. Biex jiġu indirizzati dawn is-sorsi tal-instabbiltà, diversi pakketti ta’ riforma ġew implimentati. Pereżempju, ir-rati ta’ benefiċċju tal-qgħad tnaqqsu, il-programmi ta' privatizzazzjoni ġew imwettqa, il-kompetizzjoni fil-kummerċ bl-imnut żdiedet u l-ostakli għad-dħul fis-servizzi professjonali ġew imnaqqsa. Barra minn hekk, il-bażi tal-VAT twessgħat u għadd ta’ tnaqqis fit-taxxa fuq id-dħul ġew eliminati.

    Valutazzjoni dettaljata u bir-reqqa tas-sitwazzjoni tal-pajjiżi tal-programm tinsab fir-riżultati ta’ missjonijiet ta’ analiżi, ippubblikata fil-“European Economy” u disponibbli fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea fl-indirizz li ġej:                http://ec.europa.eu/economy_finance/assistance_eu_ms/index_en.htm.

    4. KONKLUŻJONI

    Din il-Komunikazzjoni tiddeskrivi xi aspetti essenzjali tat-“Two Pack”, ir-Regolament (UE) Nru 472/2013. Konsolidament fiskali ambizzjuż flimkien ma’ riformi strutturali mifruxa u tiswija finanzjarja, sostnuti minn assistenza finanzjarja esterna – l-aktar permezz ta’ programmi ta’ aġġustament makroekonomiku – għenu biex itaffu t-taqlib fis-suq finanzjarju u jiġu stabbilizzati s-swieq sussegwentement.

    Kontra dan l-isfond, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li r-Regolament (UE) Nru 472/2013 s’issa serva ta' qafas adegwat għal monitoraġġ u sorveljanza msaħħa tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li qed jesperjenzaw jew huma mhedda b’diffikultajiet serji fejn tidħol l-istabbiltà finanzjarja tagħhom.

    Id-dispożizzjonijiet fdati fit-"Two Pack” u n-normi proċedurali promulgati fihom jidhru li jippermettu trattament aktar koordinat madwar l-Istati Membri taż-żona euro. Madankollu, kif spjegat f’din il-Komunikazzjoni, il-perjodu qasir ta’ żmien li matulu dan ir-Regolament ilu fis-seħħ jipprovdi evidenza limitata li fuqha tista’ tiġi bbażata din l-evalwazzjoni. Sorveljanza msaħħa, pereżempju, għad trid tiġi ttestjata, imma dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas li għandu jippermetti monitoraġġ iktar mill-qrib tal-Istati Membri taż-żona tal-euro jew li qegħdin jesperjenzaw jew li jkunu mhedda minn, diffikultajiet finanzjarji. Is-sorveljanza ta’ wara l-programm għad trid tiġi ttestjata.

    Valutazzjoni sistematika u bir-reqqa, li tibni fuq l-esperjenza miksuba, se ssir fl-okkażjoni tar-reviżjoni li jmiss ta’ dan ir-Regolament, li ser titwettaq b’mod parallel mar-reviżjoni tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 u l-leġiżlazzjoni “Six Pack”.

    [1] ĠU L 140, 27.5.2013.

    [2] ĠU C 300, 16.10.2013.

    [3] ĠU L 48, 21.2.2013.

    [4] ĠU L 191, 12.7.2013.

    [5] ĠU L 192, 13.7.2013.

    [6] ĠU L 250, 20.9.2013.

    [7] Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25)

    8 Madankollu, l-Artikoli 1 sa 5 u 13 sa 18 tar-Regolament (UE) Nru 473/2013 ma għandhomx japplikaw.

    Top