This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014DC0023
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL AND THE EUROPEAN PARLIAMENT on the exploration and production of hydrocarbons (such as shale gas) using high volume hydraulic fracturing in the EU
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) fl-UE bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) fl-UE bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli
/* COM/2014/023 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW dwar l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi (bħall-gass tax-shale) fl-UE bl-użu tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli /* COM/2014/023 final */
1. Introduzzjoni B'xenarju tal-enerġija li qed jevolvi
b'pass mgħaġġel u li huwa kkaratterizzat mill-ħtieġa
tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħna u
mill-kompetizzjoni globali għar-riżorsi li qed tikber, mill-prezzijiet
tal-enerġija li qed jiżdiedu u mid-differenzi fil-prezz ma' xi
kompetituri ewlenin tagħna, l-ekonomiji Ewropej u ċ-ċittadini
jeħtieġu enerġija sostenibbli, affordabbli u bi provvista sigura
u affidabbli. Dawn l-għanijiet huma l-ixpruni tal-politika
tal-enerġija tal-UE. Madankollu,
illum u fil-ġejjieni qrib, l-UE għadha qed tiffaċċja
għadd ta’ sfidi marbuta mal-enerġija inklużi dipendenza li
qiegħda dejjem tikber fuq l-importazzjoni u riskji relatati mas-sigurtà
tal-provvista, it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija u l-impatt
tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-kompetittività. Dawn
l-isfidi huma partikolarment riflessi fil-gass naturali, li bħalissa huwa
responsabbli għal kwart mill-konsum tal-enerġija primarja tal-UE u li
jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra
fuq żmien qasir sa medju, jekk dan jissostitwixxi fjuwils fossili
b'intensità qawwija ta' karbonju. Madankollu, għal dawn l-aħħar
għoxrin sena, il-produzzjoni minn blat ġibjun konvenzjonali naqset
b’ritmu mgħaġġel. Id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-gass
naturali żdiedet sa 67 % fl-2011 u hija pproġettata li se
tkompli tiżdied, bir-riżultat li se tqiegħed lill-UE f’aktar
kompetizzjoni diretta mad-domanda globali għall-gass naturali. Xi Stati
Membri jiddependu fuq fornitur uniku u ta' spiss fuq rotta ta’ provvista unika
għal 80%-100% tal-konsum tal-gass tagħhom. Id-dipendenza
għolja fuq l-importazzjonijiet u n-nuqqas ta' diversifikazzjoni
tar-riżorsi tal-enerġija kkontribixxew, fost fatturi oħra[1],
għaż-żieda tal-prezzijiet fl-UE, b’mod partikolari meta mqabbla
ma’ xi wħud mill-kompetituri ewlenin tagħna. Filwaqt li għadhom
aktar baxxi mill-prezzijiet f'uħud mis-swieq Asjatiċi, il-prezzijiet
tal-gass naturali huma minn tlieta sa erba’ darbiet ogħla minn dawk
tal-Istati Uniti. Dan jitfa’ pressjoni fuq l-industriji tal-UE li jikkonsmaw
ħafna enerġija u li jużaw gass jew prodotti sekondarji possibbli
bħala materja prima. Il-progress
teknoloġiku ppermetta l-aċċess għal fossili mhux
konvenzjonali li qabel kienu teknikament kumplessi wisq jew għaljin wisq
biex jiġu estratti. Fl-Istati Uniti, bħalissa l-gass mhux
konvenzjonali huwa responsabbli għal 60% tal-produzzjoni tal-gass
domestiku bil-gass tax-shale juri l-ogħla rati ta’ tkabbir. Din
iż-żieda sinifikanti fil-produzzjoni tal-gass naturali minn sorsi
indiġeni wasslet għal prezzijiet aktar baxxi fl-Istati Uniti — u
influwenzat temporanjament il-prezzijiet tal-importazzjonijiet fl-UE tal-Gass
Naturali Likwifikat — u l-provvisti għall-esportazzjoni tal-faħam
tal-Istati Uniti saru disponibbli bi prezz baxx, b’mod partikolari fl-UE, fejn
il-prezzijiet tal-faħam waqgħu b’iktar minn terz mill-2011 lil hawn. Ir-riżervi
potenzjali ta' gass naturali minn formazzjonijiet tax-shale qanqlu tama kbira
f'xi partijiet mill-UE wkoll: il-gass tax-shale jista' jkun sostitut possibbli
għall-fjuwils fossili b'intensità qawwija ta' karbonju, sors indiġenu
ta' gass naturali li jnaqqas id-dipendenza fuq fornituri tal-enerġija li
mhumiex mill-UE, kif ukoll xprun possibbli tal-impjiegi, tat-tkabbir ekonomiku
u sors addizzjonali ta' dħul pubbliku. Għalhekk, xi Stati Membri qed
isegwu b’mod attiv l-esplorazzjoni tal-gass tax-shale. Fl-istess
ħin, ir-riskji -ħafna minnhom b’karatteristiċi transkonfinali-
assoċjati mat-teknika tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli, li
hija magħrufa wkoll bħal "fracking", qanqlu tħassib
dwar is-saħħa pubblika u l-effetti ambjentali. Parti importanti
mill-popolazzjoni taħseb ukoll li hemm livell insuffiċjenti ta’
prekawzjoni, trasparenza u konsultazzjoni pubblika fir-rigward ta' attivitajiet
tal-gass tax-shale. Xi Stati Membri ddeċidew li jipprojbixxu
l-fratturazzjoni idrawlika jew jistabbilixxu moratorji. F’dan
il-kuntest, tqajmu xi talbiet għal azzjoni mill-UE sabiex tiġi
żgurata l-estrazzjoni sigura u sikura ta’ fjuwils mhux konvenzjonali.
Il-Parlament Ewropew adotta żewġ riżoluzzjonijiet f’Novembru
2012, rispettivament dwar l-impatti ambjentali[2]
kif ukoll dwar l-aspetti industrijali, tal-enerġija u aspetti oħra
tal-gass tax-shale u taż-żejt tax-shale[3]. F’Ottubru 2013,
il-Kumitat tar-Reġjuni ppreżenta opinjoni[4] li tagħti
perspettiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-idrokarburi mhux
konvenzjonali. Bosta minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni
pubblika li saret mill-Kummissjoni bejn Diċembru 2012 u
Marzu 2013 talbu għal azzjoni addizzjonali mill-UE fir-rigward ta'
żviluppi tal-idrokarburi mhux konvenzjonali (pereżempju l-gass
tax-shale) fl-UE[5].
F’Mejju 2013 il-Kunsill Ewropew sejjaħ għall-iżvilupp ta’
sorsi indiġeni tal-enerġija biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq
l-enerġija esterna u biex jistimula t-tkabbir ekonomiku filwaqt li
tiġi enfasizzata l-ħtieġa tal-estrazzjoni sikura, sostenibbli u
kosteffiċjenti tagħhom, filwaqt li jiġu rrispettati
l-għażliet tal-Istati Membri dwar it-taħlit tal-enerġija[6]. B’reazzjoni
għal dan, il-Kummissjoni qablet li tiżviluppa qafas
għall-estrazzjoni sikura u sigura tal-idrokarburi mhux konvenzjonali fl-UE
b'segwitu ta' dawn l-għanijiet: –
li jiġi żgurat li l-opportunitajiet
għad-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-enerġija u t-titjib fil-kompetittività
jistgħu jittieħdu b’mod sikur u effettiv f’dawk l-Istati Membri li
jagħżlu li jagħmlu dan, –
li jkun hemm lok għal trasparenza u
previdibbiltà kemm għall-operaturi tas-suq kif ukoll
għaċ-ċittadini, inkluż għall-proġetti ta'
esplorazzjoni, –
li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra u
l-ġestjoni tar-riskji għall-klima u dawk ambjentali, inklużi
dawk għas-saħħa, jiġu kkunsidrati b’mod sħiħ
skont l-aspettattivi tal-pubbliku. Mill-2012 lil hawn il-Kummissjoni ħarġet serje ta’ studji
dwar il-fjuwils fossili mhux konvenzjonali, b'mod partikolari l-gass tax-shale,
li tindirizza speċjalment is-suq potenzjali tal-enerġija u l-impatti
klimatiċi, ir-riskji potenzjali għall-ambjent u
għas-saħħa tal-bniedem, id-dispożizzjonijiet regolatorji
applikabbli fi Stati Membri magħżula u r-reġistrazzjoni skont
ir-REACH[7]
ta’ ċerti sustanzi li jistgħu jintużaw fil-fratturazzjoni
idrawlika[8].
Din
il-Komunikazzjoni tispjega l-opportunitajiet u l-isfidi potenzjali ġodda
li jirriżultaw mill-estrazzjoni tal-gass tax-shale fl-Ewropa. Takkompanja
r-Rakkomandazzjoni li tipprovdi l-prinċipji minimi
għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi permezz
tal-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli[9].
L-għan ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tippermetti l-iżvilupp
sikur u sigur ta’ dawn ir-riżorsi, u li toħloq kundizzjonijiet ugwali
għal din l-industrija fl-Istati Membri kollha tal-UE li jagħżlu
li jiżviluppawhom. 2. Il-Potenzjal
tal-gass tax-shale fl-UE Ir-riżervi
tal-idrokarburi mhux konvenzjonali fl-UE huma meqjusa sinifikanti. Abbażi
ta' informazzjoni disponibbli bħalissa, il-produzzjoni tal-gass naturali
mill-formazzjonijiet tax-shale tidher li għandha l-ogħla potenzjal
fl-Ewropa meta mqabbla ma' fjuwils fossili mhux konvenzjonali oħrajn:
ir-riżorsi tal-gass tax-shale teknikament rekuperabbli ġew stmati li
huma bejn wieħed u ieħor 16-il triljun metru kubu (tcm), li huma ferm
ogħla minn dawk tal-gass ikkompressat (3tcm) jew tal-metan mis-saffi
tal-faħam (2tcm)[10]. Madankollu, għad hemm inċertezza sinifikanti dwar
il-porzjon ekonomikament rekuperabbli ta’ dawn ir-riżorsi.
Mal-iżvilupp tal-proġetti ta' esplorazzjoni, jinkiseb aktar
tagħrif dwar proġetti ekonomikament rekuperabbli minn formazzjonijiet
tax-shale u sorsi oħrajn mhux konvenzjonali tal-gass u taż-żejt.
S'issa
m a
kien hemm l-ebda produzzjoni kummerċjali tal-gass tax-shale fl-UE,
għalkemm diġà twettqu xi testijiet pilota tal-produzzjoni. Il-produzzjoni kummerċjali tista’ tibda fl-2015-2017 fl-Istati
Membri l-aktar avvanzati. Filwaqt
li l-UE mhux ser issir awtosuffiċjenti fil-gass naturali, il-produzzjoni
tal-gass naturali mill-formazzjonijiet tax-shale tista', għall-inqas
parzjalment, tikkumpensa għat-tnaqqis fil-produzzjoni tal-gass
konvenzjonali tal-UE u tiġi evitata ż-żieda fuq id-dipendenza tal-UE
fuq l-importazzjonijiet tal-gass. Fil-fatt, fl-aħjar xenarju, din tista’
tikkontribwixxi għal kważi nofs il-produzzjoni kollha tal-gass tal-UE
u tissodisfa madwar 10 % tad-domanda tal-gass tal-UE sal-2035[11]. Tista’ toffri lill-Istati Membri b’livell għoli ta’ dipendenza
fuq l-importazzjoni, il-possibbiltà li jiddiversifikaw is-sorsi
tal-enerġija u jsaħħu s-sigurtà tal-provvista tagħhom. Dan
ovvjament irid jitqies fil-kuntest tal-aħjar xenarju, fejn is-sehem
potenzjali ġenerali ta' gass mhux konvenzjonali fit-taħlita globali
tal-enerġija fl-UE sal-2030 ikun ta’ madwar 3 %[12]. L-effett
fuq il-prezz dirett fuq is-swieq tal-gass reġjonali Ewropej x’aktarx li
jibqa' moderat, speċjalment meta mqabbel mal-evoluzzjoni fl-Istati Uniti.
Dan huwa minħabba l-volumi relattivament baxxi u l-ispejjeż
tal-produzzjoni ogħla li huma mistennija u l-fatt li l-prezzijiet
għadhom fil-biċċa l-kbira tagħhom stabbiliti permezz ta'
kuntratti b'indiċjar taż-żejt fit-tul. Iżda
anke tnaqqis moderat jew jekk tiġi evitata żieda fil-prezzijiet
tal-gass — pereżempju permezz ta’ żieda jew jekk ma tinbidilx
il-pożizzjoni tan-negozjati fir-rigward ta' fornituri tal-gass mhux fl-UE
— dan ikun ta’ benefiċċju għall-Istati Membri, b’mod partikolari
għal dawk dipendenti ħafna fuq l-importazzjonijiet, u għal
konsumaturi u negozji, speċjalment industriji li jużaw ħafna
enerġija. L-attivitajiet
tal-gass tax-shale ukoll għandhom il-potenzjal li jġibu
benefiċċji ekonomiċi diretti jew indiretti lill-Istati Membri
tal-UE, ir-reġjuni u l-komunitajiet lokali kif ukoll lill-intrapriżi
u liċ-ċittadini, pereżempju permezz ta' investimenti
reġjonali fl-infrastruttura, opportunitajiet ta’ impjiegi diretti u
indiretti, u dħul pubbliku permezz ta’ taxxi, miżati u royalties. F'ċerti
kundizzjonijiet, il-gass tax-shale għandu l-potenzjal li jġib ukoll
benefiċċji fil-klima jekk dan jissostitwixxi fjuwils fossili
b'intensità qawwija ta' karbonju u ma jissostitwixxix sorsi ta’ enerġija
rinnovabbli. L-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-produzzjoni tal-gass
tax-shale fl-Ewropa, filwaqt li huma stmati bejn 1 u 5 % ogħla
għal kull unità ta’ elettriku ġġenerat meta mqabbla mal-gass
naturali konvenzjonali estratt fl-UE (sakemm l-emissjonijiet huma kkontrollati
sew), ikunu bejn 41 % u 49 % anqas mill-emissjonijiet ikkawżati
mill-ġenerazzjoni ta' elettriku mill-faħam, bejn 2 % u 10 %
anqas mill-emissjonijiet mill-elettriku ġġenerat minn gass prodott
minn pipeline konvenzjonali barra mill-Ewropa, u 7 % sa 10 % anqas
mill-elettriku ġġenerat minn LNG impurtat fl-Ewropa[13]. Madankollu, sabiex jinkiseb dan il-benefiċċju meta mqabbla
ma’ importazzjonijiet ta’ gass naturali, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra
assoċjati mal-proċess tal-estrazzjoni, b’mod partikolari l-metan,
jeħtieġ li jitqiesu sewwa. 3. Ir-Riskji
Ambjentali u t-Tħassib tal-pubbliku L-esperti
jaqblu li l-estrazzjoni tal-gass tax-shale ġeneralment twassal għal
impronta ambjentali akbar meta mqabbla mal-iżvilupp tal-gass konvenzjonali[14]. Dan minħabba l-fatt li din teħtieġ stimulazzjoni
teknika tal-bir aktar intensa, isseħħ l-aktar fuq l-art u tkun tkopri
żoni ħafna usa’. Barra minn hekk, billi l-produttività tal-bjar
tal-gass tax-shale ġeneralment hija anqas minn ta' bjar konvenzjonali,
ikun jeħtieġ li jitħaffru aktar bjar. Uħud minn dawn
ir-riskji u l-impatti jistgħu jkollhom implikazzjonijiet transfruntieri,
pereżempju fil-każ tat-tniġġiż tal-ilma u tal-arja. Fl-istat attwali ta’ żvilupp
teknoloġiku, l-estrazzjoni tal-gass tax-shale teħtieġ l-użu
kkombinat ta’ fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli u tħaffir
direzzjonali (speċjalment orizzontali). S’issa,
l-esperjenza fl-Ewropa kienet iffukata essenzjalment fuq il-fratturazzjoni
idrawlika b'volum għoli f’xi blat ġibjun konvenzjonali u ta' gass
ikkompressat, l-aktar fi bjar vertikali, li tagħmel biss parti
żgħira mill-operazzjonijiet taż-żejt u tal-gass tal-UE
fl-imgħoddi. Abbażi tal-esperjenza tal-Amerika ta' Fuq fejn
il-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli kienet użata ħafna,
l-operaturi issa qed jeżaminaw aktar din il-prattika fl-UE. B'mod
speċjali l-fratturazzjoni idrawlika, proċess li bih fluwidi
tal-fratturazzjoni — taħlita li tikkonsisti tipikament minn ilma, ramel u
addittivi kimiċi (ġeneralment bejn 0.5 % u 2 % tat-total
tal-fluwidu tal-fratturazzjoni) — jiġu injettati taħt pressjoni
għolja biex ikissru l-blata, jiftħu u jkabbru l-fratturi sabiex
iħallu l-idrokarburi jiskulaw fil-bir, wasslet għal diversi
kwistjonijiet ambjentali. Bejn 25-90 % tal-fluwidi tal-fratturazzjoni
injettati inizjalment huma mistennija jibqgħu taħt l-art, skont
il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi. Waħda
mill-kwistjonijiet ambjentali ewlenin hija r-riskju ta’ kontaminazzjoni
tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma ta' taħt l-art. Fil-parti l-kbira
tal-Istati Membri, l-ilma ta’ taħt l-art huwa sors importanti ta’ ilma
tax-xorb jew li jista' jintuża għal skopijiet oħra. Ir-riskju tal-kontaminazzjoni
huwa notevolment marbut mas-sustanzi kimiċi użati fil-proċess
tal-fratturazzjoni idrawlika. Tista' sseħħ kontaminazzjoni tal-ilma
ta’ taħt l-art f’każ ta’ tnixxijiet, pereżempju minħabba f'disinn
jew kejsing tal-bir mhux adattat, fratturi indotti jew fissuri fil-blat
eżistenti li m'hemmx kontroll fuqhom jew bjar abbandunati. Dawn ir-riskji
jistgħu jiġu identifikati u jittaffew permezz ta’ għażla
tas-sit bir-reqqa abbażi tal-karatterizzazzjoni tar-riskju ta' taħt
l-art u permezz ta' iżolament tajjeb tal-bir mill-formazzjonijiet
ġeoloġiċi tal-madwar. Il-kontaminazzjoni tal-ilma
tal-wiċċ tista’ sseħħ jekk il-volum għoli ta’ ilma
mormi prodott ma jiġix ġestit u ttrattat kif xieraq. Ilma mormi
bħal dan tipikament ikun fih l-addittivi kimiċi injettati bħala
parti mill-fluwidu tal-fratturazzjoni kif ukoll possibilment ilma mielaħ
ħafna u metalli tqal li jseħħu b’mod naturali u materjali
radjuattivi mill-formazzjonijiet tax-shale. Ġew irrappurtati każijiet
ta’ kontaminazzjoni tal-ilma mill-gass fl-Istati Uniti f’każijiet fejn
il-bir ma kienx iżolat sewwa mill-formazzjonijiet
ġeoloġiċi. Riskju ieħor
relatat mal-ilma jikkonċerna l-impatt fuq id-domanda għall-ilma,
speċjalment f’żoni fejn l-ilma huwa skars. L-estrazzjoni ta’ gass
naturali mill-formazzjonijiet tax-shale permezz ta’ fratturazzjoni idrawlika
b'volum għoli teħtieġ kwantitajiet akbar ta’ ilma[15] milli l-estrazzjoni
tal-gass minn blat ġibjun konvenzjonali, u parti mill-ilma ma jiġix
irkuprat. L-estrazzjoni tal-ilma għat-tħaffir u għall-fratturazzjoni
idrawlika tista’ tagħmel aktar pressjoni fuq akwiferi f’żoni fejn
l-ilma huwa skars u diġà jkun meħtieġ għal użi
oħrajn (eż. l-industrija, l-agrikoltura, l-ilma tax-xorb). Dan jista’
wkoll jagħmel impatt fuq l-ekosistemi lokali, u b’hekk jaffettwa
l-bijodiversità. Pjanijiet għall-immaniġġjar tal-ilma
jistgħu jgħinu biex ikun żgurat li l-ilma jintuża b’mod
effiċjenti. Fejn dan ma jagħmilx ħsara lill-ambjent u jkun skont
il-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-UE, l-użu mill-ġdid
tal-ilmijiet ta' rifluss li jitilgħu fil-wiċċ wara
l-fratturazzjoni idrawlika jista' jikkontribwixxi għat-tnaqqis fid-domanda
għall-ilma ħelu. Il-kwalità
tal-ħamrija tista' tiġi affettwata b’mod negattiv ukoll minn
tnixxijiet u tixrid, jekk il-fluwidi tal-fratturazzjoni u l-ilma mormi ma
jiġux indirizzati kif xieraq. Sakemm
ma jinġabrux u jittaffew, waqt l-esplorazzjoni jew il-produzzjoni tal-gass
tax-shale, jistgħu jaħarbu emissjonijiet tal-metan li jkollhom impatt
negattiv fuq il-kwalità tal-arja u tal-klima lokali. L-emissjonijiet fl-arja
jistgħu jirriżultaw ukoll minn żieda fit-trasport[16] u minn tagħmir
fuq il-post. Teżisti prassi tajba li timpedixxi u ttaffi l-emissjonijiet
fl-arja u din għandha tintuża sistematikament. Bit-teknoloġiji
attwali, huma meħtieġa għadd kbir ta’ bjar u infrastruttura
relatata għall-estrazzjoni tal-gass tax-shale. Dan jista’ jkollu impatti
fuq il-frammentazzjoni tal-art u t-traffiku tat-toroq lokali, li t-tnejn li
huma jista' jkollhom konsegwenzi fuq il-komunitajiet lokali u l-bijodiversità.
Dan ir-riskju, għandu jiġi indirizzat ukoll fil-każ tal-użi
differenti tal-art f’reġjun partikolari, pereżempju
għall-agrikoltura jew it-turiżmu. Kwistjonijiet
oħra li ġew identifikati huma marbuta mar-riskju
tas-siżmiċità indotta. Dawn
ir-riskji ambjentali, li jinvolvu wkoll riskji għas-saħħa[17], wasslu għal gradi differenti ta’ tħassib pubbliku, li ta’
spiss jirriżultaw f’oppożizzjoni diretta għal proġetti
tal-gass tax-shale. Barra
minn hekk, hemm il-perċezzjoni pubblika ta’ livell insuffiċjenti ta’
prekawzjoni, trasparenza u konsultazzjoni applikati għall-attivitajiet
tal-gass tax-shale. Madwar 60% tal-individwi li wieġbu
għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni[18]
saħqu li n-nuqqas ta' trasparenza u informazzjoni pubblika huma fost
l-isfidi ewlenin tal-iżvilupp tas-settur. B’mod partikolari, huma
identifikaw bħala problema n-nuqqas ta’ simetrija fl-informazzjoni bejn
l-operaturi u l-awtoritajiet kompetenti jew il-pubbliku ġenerali,
speċjalment fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-fluwidi tal-fratturazzjoni
idrawlika u l-kundizzjonijiet ġeoloġiċi li fihom għandu
jseħħ il-"fracking". Matul
dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni rċeviet għadd kbir[19] ta’ mistoqsijiet mill-pubbliku ġenerali jew
ir-rappreżentanti tiegħu. Dawn il-mistoqsijiet jesprimu tħassib
u dubji dwar l-effettività tal-qafas leġiżlattiv attwali tal-UE,
b’mod partikolari fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart
tal-minjieri, l-istima tal-impatt ambjentali jew il-protezzjoni tal-arja u
tal-ilma. Fir-rigward
ta' ħafna attivitajiet industrijali oħra b’effetti ambjentali,
il-popolazzjonijiet lokali għandhom it-tendenza li jopponu żviluppi
li huma wisq viċin ta' djarhom (l-effett imsejjaħ "Mhux Wara
Biebi")[20]. F’diversi Stati Membri, l-azzjonijiet taċ-ċittadini waqqfu
proġetti tal-esplorazzjoni tal-gass tax-shale milli javvanzaw. Ħarġet
firxa ta’ prattiki regolatorji u tekniċi tajba u permezz tal-applikazzjoni
sistematika tagħhom għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-gass
tax-shale, l-impatti negattivi possibbli u r-riskji jistgħu jiġu
ġestiti u mnaqqsa. Iżda sakemm dawn ir-riskji ambjentali u
tas-saħħa ma jiġux indirizzati b’mod xieraq, u sakemm
jibqgħu l-inċertezzi legali u n-nuqqas ta’ trasparenza,
it-tħassib pubbliku se jippersisti. Għadd ta’ esperti[21] jqisu li n-nuqqas ta’ aċċettazzjoni pubblika
jirrappreżenta ostakolu għal aktar żvilupp fil-gass tax-shale[22]. L-industrija nnifisha taż-żejt u l-gass enfasizzat dan
bħala kwistjoni ewlenija li diġà ħabtet wiċċha
magħha fl-istadju tal-esplorazzjoni[23]. Għaldaqstant
l-indirizzar ta’ dawn ir-riskji u t-tħassib pubbliku dwar is-sikurezza
tal-operazzjonijiet huwa ta’ importanza kbira sabiex ikunu jistgħu
jitgawdew il-benefiċċji potenzjali. 4. Niżguraw
il-ħarsien tal-ambjent, tal-klima u tas-saħħa pubblika Kemm il-leġiżlazzjoni ġenerali tal-UE kif
ukoll partijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni ambjentali
tal-UE[24] japplikaw għal attivitajiet tal-gass
tax-shale mill-ippjanar sat-tmiem tagħhom. Madankollu,
billi l-attivitajiet tal-esplorazzjoni tal-gass tax-shale qed javvanzaw,
l-Istati Membri bdew jinterpretaw il-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE
f’modi differenti u wħud qegħdin jiżviluppaw regoli nazzjonali
speċifiċi, inklużi projbizzjonijiet u moratorji. Dan irriżulta f’rekwiżiti differenti minn Stat
Membru għall-ieħor. Pereżempju, xi Stati
Membri jwettqu valutazzjoni ambjentali strateġika qabel il-liċenzjar
sabiex iqisu l-effetti kumulattivi tal-proġetti tal-gass tax-shale u
jirrikjedu valutazzjoni sistematika tal-impatt ambjentali meta jkun hemm il-ħsieb
li tintuża l-fratturazzjoni idrawlika, filwaqt li Stati Membri oħrajn
ma jagħmlux dan. Qasam ieħor b’interpretazzjoni diverġenti
apparenti huwa l-leġiżlazzjoni dwar l-ilma u l-iskart tal-minjieri. Dan qed iwassal għal qafas operattiv tal-UE li huwa
frammentat u dejjem aktar kumpless filwaqt li qed ifixkel il-funzjonament
tajjeb tas-suq intern. L-approċċi differenti mill-awtoritajiet
pubbliċi jistgħu jwasslu għal nuqqas ta’ kundizzjonijiet ekwi u
jagħtu lok għal tħassib rikorrenti dwar kemm huma xierqa
l-miżuri ta' salvagwarda u ta’ prekawzjoni ambjentali. Ir-riskju li
interpretazzjonijiet nazzjonali jiġu kkontestati legalment jaffettwa wkoll
it-tbassir tal-investituri. Peress li l-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE
ġiet żviluppata fi żmien meta l-fratturazzjoni idrawlika b'volum
għoli fl-Ewropa ma kinitx tintuża, ċerti aspetti ambjentali
assoċjati mal-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-fjuwils fossili li
jinvolvu din il-prattika mhumiex indirizzati b’mod komprensiv
fil-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-UE. Dan b’mod partikolari
jikkonċerna kwistjonijiet bħall-valutazzjoni u l-ippjanar ambjentali
strateġiku, il-valutazzjoni tar-riskju ta' taħt l-art, l-integrità
tal-bjar, ir-rekwiżiti konsistenti u integrati f’termini ta'
monitoraġġ ta’ referenza u operazzjonali, il-qbid ta’ emissjonijiet
tal-metan u l-iżvelar tal-kompożizzjoni tal-fluwidu
tal-fratturazzjoni użat f'kull bir. 5. Lejn
Qafas tal-UE Esperti,
inklużi mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija u minn
organizzazzjonijiet magħrufa oħra kkonfermaw il-ħtieġa
għal regoli ċari u robusti biex jakkumpanjaw l-iżviluppi
tal-gass tax-shale biex jiżguraw li l-impatti negattivi jistgħu
jitnaqqsu u li r-riskji jistgħu jiġu amministrati. Fl-2011,
is-servizzi tal-Kummissjoni ħarġu gwida li tagħti sommarju
tal-partijiet ewlenin tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE applikabbli
[25] u gwida speċifika dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva (2011/92/UE)
dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali (Environmental Impact Assessment -
EIA) għal proġetti tal-gass tax-shale[26]. Madankollu
għadd ta’ awtoritajiet nazzjonali u lokali għadhom isejħu
għal azzjoni urġenti tal-UE f’dan il-qasam. Il-pubbliku ġenerali
qed jitlob ukoll għal informazzjoni ċara dwar x’inhu
meħtieġ għal estrazzjoni sikura tal-gass tax-shale. Il-gwida
eżistenti għaldaqstant ma kinitx meqjusa suffiċjenti biex
tipprovdi tbassir u ċarezza għall-awtoritajiet pubbliċi,
l-operaturi tas-suq u ċ-ċittadini. Din hija r-raġuni għala
l-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni li tiddeskrivi l-prinċipji minimi
li, jekk jiġu applikati b’mod sħiħ, jagħtu kontribut biex
isiru possibbli attivitajiet tal-gass tax-shale filwaqt li jiżguraw li
s-salvagwardji tal-klima u dawk ambjentali jkunu fis-seħħ. Din
ir-Rakkomandazzjoni hija komplementari għall-acquis tal-UE
fis-seħħ u tibni fuq ħidma preċedenti mwettqa mis-servizzi
tal-Kummissjoni. Din la timplika li l-Istati Membri għandhom xi obbligu
jwettqu attivitajiet ta' esplorazzjoni jew esplojtazzjoni tal-gass tax-shale
jekk jagħżlu li ma jagħmlux hekk, u lanqas li l-Istati Membri
huma projbiti milli jżommu jew idaħħlu miżuri aktar
dettaljati li jaqblu mal-kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali,
reġjonali jew lokali. B’mod
partikolari, ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Istati Membri, meta japplikaw
jew jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom applikabbli għal
idrokarburi li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli, li jkunu
żguri li: ·
titwettaq valutazzjoni ambjentali strateġika
qabel l-għoti ta’ liċenzji għall-esplorazzjoni u/jew
il-produzzjoni tal-idrokarburi li huma mistennija li jwasslu għal
operazzjonijiet li jinvolvu l-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli
sabiex isiru analiżi u pjan għall-prevenzjoni, l-amministrazzjoni u
t-tnaqqis tal-impatti kumulattivi, il-kunflitti possibbli ma’ użijiet
oħrajn ta’ riżorsi naturali jew ta' taħt l-art; ·
titwettaq karatterizzazzjoni u valutazzjoni
tar-riskji speċifika għas-sit, marbuta kemm ma' dak ta' taħt
l-art u u s-superfiċje, biex jiġi determinat jekk iż-żona
hijiex xierqa għall-esplorazzjoni jew il-produzzjoni sikura ta’ idrokarburi
li tinvolvi l-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli. Fost l-oħrajn
dan għandu jidentifika r-riskji ta' mogħdijiet ta' esponiment
taħt l-art bħal fratturi indotti, fissuri fil-blat eżistenti jew
bjar abbandunati; ·
jitwettaq rappurtar dwar ix-xenarju ta’ referenza
(eż. dwar l-ilma, l-arja, is-siżmiċità), sabiex jipprovdi
referenza għall-monitoraġġ sussegwenti jew f’każ ta’
inċident; ·
il-pubbliku jiġi infurmat dwar
il-kompożizzjoni tal-fluwidu użat għall-fratturazzjoni idrawlika
użat f'kull bir kif ukoll dwar il-kompożizzjoni tal-ilma mormi, id-dejta
ta' referenza u r-riżultati tal-monitoraġġ. Dan huwa
meħtieġ biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet u l-pubbliku
ġenerali jkollhom informazzjoni fattwali dwar ir-riskji potenzjali u
s-sorsi tagħhom. Trasparenza mtejba għandha
tiffaċilita wkoll l-aċċettazzjoni tal-pubbliku; ·
il-bir huwa insulat kif xieraq mill-formazzjonijiet
ġeoloġiċi tal-madwar, b’mod partikolari biex tiġi evitata
l-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art; ·
l-ivventjar (l-emissjoni ta’ gassijiet
fl-atmosfera) huwa limitat għall-parti l-kbira tal-każijiet ta’
sikurezza operattivi eċċezzjonali, l-ivvampjar (il-ħruq
ikkontrollat ta’ gassijiet) huwa minimizzat, u l-gass jinġabar
għall-użu sussegwenti tiegħu (eż. fuq il-post jew permezz
ta’ pipelines). Dan huwa meħtieġ biex jittaffew l-effetti negattivi
tal-emissjonijiet fuq il-klima, kif ukoll fuq il-kwalità tal-arja lokali. Huwa
wkoll irrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji japplikaw
l-aħjar tekniki disponibbli (best available techniques - BAT), meta
applikabbli u prattiki tal-industrija tajbin biex jipprevjenu, jamministraw u
jnaqqsu l-impatti u r-riskji assoċjati mal-proġetti tal-esplorazzjoni
u l-produzzjoni. L-industrija għandha tirsisti fuq it-trasparenza massima
fl-operat tagħha u ttejjeb kontinwament it-teknoloġiji u l-prattiki
tal-operat. Għat-tfassil tad-dokumenti ta’ referenza BAT, il-Kummissjoni
se torganizza skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, l-industriji
kkonċernati u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li jippromwovu
l-ħarsien ambjentali. Barra
minn hekk, il-Kummissjoni qed tirrevedi d-dokument ta’ referenza (BREF) attwali
dwar tal-iskart mill-estrazzjoni skont id-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri
sabiex tkopri sewwa l-ġestjoni tal-iskart mill-esplorazzjoni u
l-produzzjoni tal-idrokarburi bl-involviment tal-fratturazzjoni idrawlika
b'volum għoli, sabiex jiġi żgurat li l-iskart ikun
immaniġġjat u ttrattat b’mod xieraq u r-riskju ta’ tniġġis
tal-ilma, tal-arja u tal-ħamrija jiġi minimizzat. Hija ser tipproponi
wkoll lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li jsiru
ċerti bidliet fid-database eżistenti għas-sustanzi kimiċi
reġistrati skont REACH sabiex ittejjeb u tiffaċilita t-tiftix ta’ informazzjoni dwar sustanzi rreġistrati
użati għall-fratturazzjoni idrawlika b'volum għoli. Dan se jkun suġġett għal konsultazzjoni
mal-partijiet interessati. Huwa
meħtieġ ukoll li nkomplu nżidu l-għarfien tagħna dwar
teknoloġiji u prattiki tal-estrazzjoni tal-idrokarburi mhux konvenzjonali
anke sabiex jitnaqqsu aktar l-impatti u r-riskji potenzjali fuq
is-saħħa u fuq l-ambjent. F’dan il-kuntest, huwa wkoll essenzjali li
l-informazzjoni tkun miftuħa u trasparenti għall-pubbliku. Sabiex tiffaċilita dan il-proċess,
il-Kummissjoni se tistabbilixxi Netwerk Ewropew tax-Xjenza u t-Teknoloġija
dwar l-Estrazzjoni ta' Idrokarburi Mhux Konvenzjonali, li jlaqqa'
l-professjonisti mill-industrija, l-akkademji tar-riċerka kif ukoll
is-soċjetà ċivili. In-Netwerk se jiġbor, janalizza u jirrevedi
r-riżultati mill-proġetti tal-esplorazzjoni kif ukoll se jevalwa
l-iżvilupp ta’ teknoloġiji użati fi proġetti tal-gass u
ż-żejt mhux konvenzjonali. Aktar riċerka fil-qasam dwar
il-fehim, il-prevenzjoni u t-tnaqqis tal-impatti u r-riskji ambjentali
tal-esplorazzjoni u l-esplojtazzjoni tal-gass tax-shale hija mħabbra wkoll
fil-programm ta’ ħidma 2014-2015 tal-Orizzont 2020. Dan
tal-aħħar iħabbar ukoll għotja mmirata lejn l-iżvilupp
u l-implimentazzjoni ta’ bażi ta’ evidenza għar-riċerka u
l-innovazzjoni fil-qasam tal-gass u ż-żejt mhux konvenzjonali. Sabiex
ikun żgurat immaniġġar tar-riskji adegwat u biex jiġi
evitat piż amministrattiv għall-operaturi, l-Istati Membri
għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet li joħorġu l-permessi
jkollhom biżżejjed riżorsi u għarfien tal-proċess u li
l-proċedura tal-ħruġ ta' permessi tkun ikkoordinata kif xieraq. Huma
għandhom jikkonsultaw maċ-ċittadini u l-partijiet interessati
minn kmieni, qabel jinbdew l-operazzjonijiet. L-Istati Membri u l-awtoritajiet
kompetenti tagħhom huma wkoll imħeġġa jiskambjaw prattiki
regolatorji tajba u għarfien ieħor. Il-Kummissjoni se
tiffaċilita dan l-iskambju permezz ta’ Grupp ta’ Ħidma Tekniku
tal-Istati Membri dwar l-aspetti ambjentali tal-fjuwils fossili mhux
konvenzjonali. Il-Kummissjoni
se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni permezz ta'
paragun tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri f’forma ta’ tabella ta’ valutazzjoni
disponibbli pubblikament. Dan huwa maħsub biex iżid it-trasparenza u
jevalwa l-progress f’kull Stat Membru fl-applikazzjoni tal-prinċipji
stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni. L-Istati
Membri u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jinfurmaw
lill-pubbliku dwar kwistjonijiet ewlenin relatati mal-operat sabiex tittejjeb
it-trasparenza u terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-pubbliku. L-Istati
Membri huma mistiedna biex japplikaw il-prinċipji stabbiliti
fir-Rakkomandazzjoni sitt (6) xhur wara l-pubblikazzjoni tagħha u
jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda bi tweġiba
għar-Rakkomandazzjoni. Il-Kummissjoni
se tirrevedi sa fejn dan l-approċċ huwa effettiv fl-implimentazzjoni
tal-prinċipji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni u fit-tbassir u
ċ-ċarezza liċ-ċittadini, l-operaturi u l-awtoritajiet
pubbliċi. Se tirrapporta lill-Parlament u lill-Kunsill fi żmien 18-il
xahar wara l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali. Se tiddeċiedi
jekk hux meħtieġ li tressaq proposti leġislattivi. 5.
Konklużjonijiet L-Istati
Membri huma responsabbli biex jiddeċiedu dwar it-taħlita tagħhom
tal-enerġija filwaqt li jikkunsidraw il-ħtieġa
għall-konservazzjoni u t-titjib tal-kwalità tal-ambjent. Għaldaqstant
hija r-responsabbiltà tal-Istati Membri li jiddeċiedu jekk jesplorawx jew
jipproduċux gass naturali mill-formazzjonijiet tax-shale jew minn
riżorsi ta’ idrokarburi mhux konvenzjonali oħra. Madankollu, dawk li
jagħmlu hekk se jkollhom jiżguraw li hemm il-kundizzjonijiet xierqa
biex isir dan. Fost dawn il-kundizzjonijiet u sabiex jgħinu fl-indirizzar
tat-tħassib pubbliku, huma jridu jieħdu miżuri biex jipprevjenu,
jimmaniġġjaw u jnaqqsu r-riskji assoċjati ma’ dawn
l-attivitajiet. Abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-UE u fuq
prattiki u teknoloġiji disponibbli u mtejba, il-Kummissjoni ssejjaħ
lill-Istati Membri li bħalissa qegħdin jesploraw jew jippjanaw li
jesploraw u jipproduċu r-riżorsi tagħhom ta’ idrokarburi mhux
konvenzjonali bħall-gass tax-shale sabiex jimplimentaw u japplikaw sewwa
l-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-UE u b’hekk, jew bl-adozzjoni
tal-leġiżlazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom
għall-ħtiġijiet u l-ispeċifiċitajiet tar-riżorsi
ta' idrokarburi mhux konvenzjonali, biex isegwu r-Rakkomandazzjoni ta’
akkumpanjament biex jiżguraw li kundizzjonijiet xierqa
għall-iżvilupp sikur u sigur tagħhom ikunu fis-seħħ,
filwaqt li jqisu l-effetti possibbli fuq il-pajjiżi ġirien. Ma’ din ir-rakkomandazzjoni, il-Kummissjoni timmira li ssostni
lill-Istati Membri biex ikunu żguri li l-ambjent jiġi mħares,
ir-riżorsi jintużaw b’mod effiċjenti u l-pubbliku jiġi
infurmat, filwaqt li tippermetti l-benefiċċji mis-sigurtà u
l-kompetittività tal-enerġija potenzjali li jistgħu jitgawdew minn
dawk l-Istati Membri li jixtiequ dan. Fl-aħħar nett, għandu jiġi
mfakkar li l-għan fit-tul tal-UE huwa li ssir ekonomija b’livell baxx ta’
karbonju li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti. Fuq terminu ta’
żmien qasir sa medju, il-gass naturali u d-disponibbiltà ta’ sorsi
ġodda ta' fjuwils fossili indiġeni, bħall-gass naturali
mill-formazzjonijiet tax-shale, jista’ jkollhom rwol fit-trasformazzjoni
tas-settur tal-enerġija sakemm dan jissostitwixxi fjuwils fossili b'iktar
kontenut għoli ta' karbonju. Fi kwalunkwe każ, l-għan fit-tul
tad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija tagħna se jitlob
titjib kontinwu fl-effiċjenza tal-enerġija, l-iffrankar
tal-enerġija u l-użu akbar ta’ teknoloġiji b'emissjoni baxxa ta'
karbonju, b’mod partikolari l-enerġiji rinnovabbli. [1] Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill,
lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni:
Il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-enerġija fl-Ewropa [2] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2012-0443&language=MT [3] http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?type=TA&reference=P7-TA-2012-0444&language=MT [4] http://cor.europa.eu/en/news/Pages/fracking-environmental-impact.aspx [5] http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/pdf/Shale%20gas%20consultation_report.pdf
[6] http://register.consilium.europa.eu/doc/srv?l=EN&t=PDF&gc=true&sc=false&f=ST%2075%202013%20REV%201&r=http%3A%2F%2Fregister.consilium.europa.eu%2Fpd%2Fen%2F13%2Fst00%2Fst00075-re01.en13.pdf [7] Ir-Regolament 1907/2006/KE dwar ir-Reġistrazzjoni,
il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi
(REACH) [8] http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/uff_studies_mt.htm [9] p.m to add reference when available [10] L-istimi għall-pajjiżi Ewropej tal-OECD
meħuda minn "Regoli tad-Deheb" (2012) tal-Aġenzija
Internazzjonali tal-Enerġija (IEA). L-istimi jvarjaw skont is-sorsi. Ara
wkoll "Unconventional gas: potential energy market impacts in the European
Union", JRC 2012. [11] IEA 2012 [12] IEA 2012, Il-produzzjoni ta' gass mhux konvenzjonali fl-Ewropa fl-2035 hija
prevista li tkun 27 % ta' 285 bcm, jiġifieri 77 bcm.
Fl-istess data, l-Ewropa mistennija tikkonsma 692 bcm ta' gass.
Għalhekk, il-produzzjoni Ewropea ta’ gass mhux konvenzjonali għandha
tirrappreżenta madwar 11 % tal-konsum tal-gass tagħha
fl-aħjar xenarju. Meta applikat għas-sehem mistenni tal-gass
fit-taħlita tal-enerġija ta' mhux aktar minn 30 % (IEA), il-gass
mhux konvenzjonali għaldaqstant għandu jirrappreżenta madwar
3 % tat-taħlita tal-enerġija tal-UE fl-2030. [13] IEA 2012. l-istudju AEA 2012 "Climate impact of
potential shale gas production in the EU" ikkummissjonat mid-Direttorat
Ġenerali għall-Azzjoni dwar il-Klima tal-Kummissjoni Ewropea,
abbażi ta’ studju ta’ każ ipotetiku bl-użu ta’ dejta primarja
tal-Istati Uniti u potenzjal ta' 100 sena ta’ tisħin globali
tal-metan. L-istudju jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar aktar
dejta. [14] IEA 2012 [15] Meta dan jiġi vvalutat għal kull unità ta'
enerġija prodotta, ikun minn 2 000 sa 10 000 darba aktar
mill-gass konvenzjonali, ir-rapport "Regoli tad-Deheb" tal-IEA, 2012.
Il-konsum tal-ilma għal kull bir tal-gass tax-shale ivarja skont
l-ispeċifikazzjonijiet ġeoloġiċi iżda tipikament
jammonta għal medja ta' madwar 15 000 m³ għal kull bir. [16] Pereżempju tal-ilma, tas-sustanzi kimiċi,
tar-ramel għall-fratturazzjoni idrawlika u tal-ilma mormi li
jirriżulta minn dan. [17] Il-valutazzjoni tal-impatti fuq is-saħħa
għadha biss fil-bidu, minħabba n-novità tal-prattika fuq l-iskala
attwali. Madankollu, it-tħassib ewlieni huwa marbut mal-impatti diretti
f’termini tal-emissjonijiet fl-arja u l-impatti indiretti f’termini
tal-potenzjal tat-tniġġiż tal-ilma minħabba sustanzi
kimiċi, li xi wħud huma rikonoxxuti bħala karċinoġeni.
Il-kontaminazzjoni tal-ilma tista’ twassal għall-kontaminazzjoni ta’
annimali ħajjin, ikel u għalf. Perikli għas-saħħa fuq
is-sit tax-xogħol jinkludu perikli mis-silika, l-immaniġġjar ta'
sustanzi kimiċi, l-esponiment għall-partikuli tad-diżil u
gassijiet tal-egżost mit-tagħmir kif ukoll livelli għolja ta’
storbju. [18] Rata mhux ponderazzjoni, li titla’ għal madwar
80 % fil-każ ta' rata ponderata. [19] Waslu aktar minn mitt mistoqsija parlamentari u ittra,
aktar minn 3 800 ittra elettronika u aktar minn għaxar
petizzjonijiet għand il-Kummissjoni, li xi wħud minnhom kienu
ffirmati minn 15 000 ċittadin. [20] Skont is-servej Flash Euro-barometer li sar abbażi
ta’ intervisti ta’ aktar minn 25 000 ċittadin Ewropew
f’Settembru 2012, tliet kwarti ta’ dawk li wieġbu jinkwetaw jekk
proġett tal-gass tax-shale kellu jkun lokalizzat fil-viċinat
tagħhom, u 40 % jinkwetaw ħafna. [21] Eż. International Energy Agency Golden rules report
2012; US Department of Energy 90 days report [22] L-aċċettazzjoni pubblika kienet fost it-tliet
sfidi ewlenin identifikati minn dawk li wieġbu għall-konsultazzjoni
pubblika tal-KE. [23] Eż. Is-sessjoni ta’ ħidma tal-JRC IET dwar
il-gass tax-shale, Marzu 2013 [24] Ara t-Taqsima 3.2 tal-Valutazzjoni tal-impatt [insert
ref when available]. Il-leġiżlazzjoni applikabbli tinkludi
d-Direttiva EIA, id-Direttiva dwar l-Iskart tal-Minjieri, id-Direttiva ta’
Qafas dwar l-Ilma, ir-REACH, id-Direttiva dwar il-Prodotti Bijoċidali,
Seveso II u III (skont ċerti kundizzjonijiet), id-Direttivi dwar
il-Ħabitats u l-Għasafar u d-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà
Ambjentali (għal attivitajiet elenkati taħt l-Anness III). [25] http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/uff_news_en.htm [26] http://ec.europa.eu/environment/integration/energy/pdf/guidance_note.pdf