Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014AE0719

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali” — COM(2014) 25 final

    ĠU C 424, 26.11.2014, p. 20–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.11.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 424/20


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew “Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali”

    COM(2014) 25 final

    2014/C 424/03

    Relatur:

    is-Sur Meynent

    Nhar is-7 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew – Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali

    COM(2014) 25 final.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-14 ta' Marzu 2014.

    Matul l-499 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-4 u l-5 ta' Ġunju 2014 (seduta tal-4 ta' Ġunju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’144 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ''Viżjoni għas-suq intern għall-prodotti industrijali''. Din il-Komunikazzjoni tagħmel parti mill-passi reċenti u pożittivi lejn politika industrijali fil-livell tal-UE, imfissra b'mod partikolari fil-Komunikazzjoni ''Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew''.

    1.2

    Fil-fehma tal-KESE, l-istandards tekniċi għall-prodotti industrijali għandhom ikunu soġġetti għal regolament miftuħ, demokratiku u trasparenti bl-involviment mifrux tal-partijiet interessati li jinkludi tal-inqas lill-intrapriżi (inklużi l-SMEs), l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom, il-konsumaturi u l-NGOs tal-ħarsien tal-ambjent. Sabiex il-ftuħ ta' dan il-proċess jitqiegħed fil-prattika huwa ġustifikat li tingħata għajnuna pubblika li tgħin lill-partijiet interessati li m'għandhomx ir-riżorsi biex jieħdu sehem fil-ħidma.

    1.3

    L-ambitu tar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' interess pubbliku li jistgħu jissarrfu fi standards tekniċi m'għandux ikun limitat għas-sigurtà, is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tal-konsumatur. Għandu jinkludi wkoll kwalunkwe interess pubbliku li f'deċiżjoni demokratika huwa meqjus bħala leġittimu, b'mod partikolari l-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali tal-produzzjoni, l-interoperabbiltà tas-sistemi tekniċi u l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha.

    1.4

    L-istandards tekniċi għandhom jiġu riveduti u mtejba regolarment iktar u iktar fis-setturi innovattivi. Fil-fehma tal-KESE, ir-ritmu tat-tibdil m'għandux jonqos iżda l-impatt tiegħu fuq l-intrapriżi, b'mod partikolari l-SMEs, għandu jiġi minimizzat.

    1.5

    Jeħtieġ li jiġi valutat l-impatt tal-proposti leġislattivi fuq l-SMEs fil-kuntest tas-Small Business Act (1). Għaldaqstant, l-SMEs m'għandhomx jingħataw eżenzjonijiet mill-istandards regolatorji billi dawn qegħdin hemm biex iħarsu l-interessi pubbliċi indipendentement mid-daqs tan-negozju li joħloq jew joħroġ il-prodott u biex ma jinħoloqx suq b'ritmu iktar mgħaġġel minn ieħor (two-speed market).

    1.6

    Il-KESE japprova l-proposta tal-Kummissjoni li, iktar milli d-Direttiva jintuża r-Regolament b'mod uniformi u immedjat fl-Unjoni Ewropea kollha biex jarmonizza l-prodotti industrijali. Huwa jappoġġja wkoll il-konverżjoni tad-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'Regolament b'applikazzjoni ġenerali. Dan jissimplifika l-istruttura regolatorja u huwa iktar faċli li jinftiehem b'mod partikolari mill-SMEs.

    1.7

    Il-KESE jappoġġja li s-sommarji tal-istandards armonizzati jkunu disponibbli b'xejn għall-pubbliku interessat b'mod partikolari l-SMEs.

    1.8

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, permezz ta' baġit speċifiku għall-komunikazzjoni xxerred kemm tiflaħ fuq is-suq intern u fis-swieq tal-pajjiżi terzi informazzjoni dwar il-kwalità u l-livell għoli ta' eżiġenzi tal-prodotti konformi mal-istandards Ewropej, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati elenkati fil-punt 1.2.

    1.9

    Importanti ħafna li huma u jingħalqu l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tinżamm in-natura demokratika, miftuħa u trasparenti tar-Regolament attwali dwar l-istandards tekniċi tas-suq tal-prodotti industrijali.

    1.10

    Il-KESE favur li tinħoloq bażi ta' data elettronika ċentralizzata li xxerred l-informazzjoni rilevanti dwar prodott partikolari.

    1.11

    Il-KESE jappoġġja l-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' sorveljanza elettronika tas-suq uniku li jippermetti lill-informaturi b'rieda tajba li jwasslu b'mod kunfidenzjali lill-awtoritajiet l-irregolaritajiet li jkunu osservaw matul it-tfassil, il-produzzjoni u l-importazzjoni tal-prodott industrijali.

    1.12

    Il-KESE jqis li informazzjoni teknika dwar prodott industrijali fuq il-karta hija kuntratt permanenti, awtentiku u li ma jistax jiġi falsifikat filwaqt li l-format elettroniku jkun adatt biss jekk jilħaq l-istess rekwiżiti.

    1.13

    Il-KESE jinnota li għad hemm ostakli għall-moviment ħieles u l-kompetizzjoni ħielsa fuq is-suq intern tal-prodotti industrijali. Il-KESE jixtieq jara tisħiħ tas-suq tas-sorveljanza. L-Istati Membri għandhom jitħeġġu joħolqu iktar uniformità fis-sanzjonijiet u livelli u teknikalità komparabbli fis-superviżjoni tas-suq u tad-distribuzzjoni tal-prodotti u s-servizzi sabiex tiżdied il-konsistenza fl-Ewropa.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Fil-Komunikazzjoni tagħha li ssegwi fuq dik li ġiet ippubblikata f'Ottubru 2012, il-Kummissjoni tindirizza l-iżviluppi possibbli fil-leġislazzjoni dwar is-suq intern tal-prodotti industrijali fil-kuntest tal-internazzjonalizzazzjoni tal-iskambji, l-evoluzzjoni teknika tal-prodotti u t-tqegħid fis-suq ta' prodotti u teknoloġiji ġodda. Hija tevalwa l-impatt tar-regolamentazzjoni eżistenti fuq is-suq tal-prodotti mill-perspettiva tal-industriji u tal-operaturi tas-suq uniku abbażi tal-istudji tal-każ imsemmija fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni mehmuż fl-anness (disponibbli biss bl-Ingliż).

    2.2

    Id-dokument tal-Kummissjoni jsegwi l-evoluzzjoni tal-liġi tal-UE tal-prodotti industrijali mill-adozzjoni fl-1985 tal-''approċċ il-ġdid'' tal-leġislazzjoni armonizzata: il-leġislatur tal-UE jiddefinixxi ''ir-rekwiżiti essenzjali'' jiġifieri l-għanijiet fil-qasam tas-sigurtà, is-saħħa, il-ħarsien tal-ambjent u l-ħarsien tal-konsumatur li għandhom jikkonformaw magħhom l-intrapriżi meta jkunu sa jintroduċu prodotti fuq is-suq tal-UE sabiex jiġi żgurat l-ogħla livell ta' ħarsien possibbli (Art 114 TFUE). Ir-rekwiżiti essenzjali għalhekk huma armonizzati permezz ta' standards stabbiliti mill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni abbażi tal-mandat li tagħti l-Kummissjoni Ewropea.

    2.3

    Il-prodotti industrijali huma definiti bħala prodotti mhux alimentari maħluqa fi proċess industrijali, iżda l-komunikazzjoni tikkonċentra fuq il-prodotti li ma kinux reċentement soġġetti għal leġislazzjoni, reviżjoni jew evalwazzjoni. Hija ma tkoprix prodotti speċifiċi ħafna u koperti separatament bħall-prodotti farmaċewtiċi.

    2.4

    Skont il-Komunikazzjoni, l-armonizzazzjoni ppermettiet żieda konsiderevoli fil-kummerċ tal-prodotti kkonċernati iktar rapida minn dik tal-valur miżjud tal-produzzjoni totali bejn l-2000 u l-2012. Il-leġislazzzjoni fil-livell tal-Unjoni iffavorixxiet l-ekonomiji ta' skala u saħħet il-kompetittività tal-intrapriżi billi eliminat l-ispejjeż tal-konformità li kienu imposti qabel minn regoli differenti nazzjonali jew f'ċerti każijiet nuqqas ta' regoli.

    2.5

    Ir-regoli stabbiliti skont l-approċċ tal-1985 saħħew ukoll il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti Ewropej.

    3.   Osservazzjonijiet ġenerali

    3.1

    Kundizzjoni assolutament neċessarja għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern tal-prodotti industrijali hija l-fiduċja taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u tal-utenti professjonali fil-katina sħiħa tal-ħolqien tal-valur fil-fatt li l-prodotti jirrispondu għar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' interess pubbliku. Mingħajr din il-fiduċja, it-tranżazzjonijiet jieqfu, is-suq jisfronda u jibqgħu biss prodotti ta' kwalità inferjuri (2).

    3.2

    Dawn l-eżiġenzi jinkludu s-saħħa, is-sigurtà tal-konsumaturi u tal-ħaddiema fl-industrija, il-ħarsien tal-ambjent u tal-konsumaturi u b'mod wiesa' kull interess pubbliku meqjus leġittimu b'deċiżjoni demokratika, b'mod partikolari l-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali tal-produzzjoni, l-interoperabbiltà tas-sistemi tekniċi u l-aċċessibbiltà għall-utenti kollha.

    3.3

    Dawn ir-''rekwiżiti essenzjali'' huma r-riżultat ta' proċess demokratiku ta' deċiżjoni politika li jwassal għal liġijiet jew regolamenti li jagħtihom leġittimità. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom is-setgħa li jistabbilixxu dawn ir-''rekwiżiti essenzjali'' u jiżguraw li jiġu rispettati mill-operaturi tas-suq intern.

    3.4

    Fil-fehma tal-KESE l-istandards tekniċi tal-prodotti industrijali huma l-manifestazzjoni teknika tar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' interess pubbliku. Huma għalhekk strumenti politiċi u hekk għandhom jitqiesu b'mod sħiħ. Huma l-ewwel u qabel kollox strumenti ta' politika ġenerali li jimmiraw li jilħqu għan speċifiku ta' interess pubbliku fost dawk stabbiliti f'Artikolu 114 tat-TFUE, iżda anke li jmorru lil hinn: is-saħħa u s-sigurtà tal-utent (il-konsumatur jew l-impjegat f'ambjent professjonali), kundizzjonijiet tax-xogħol li jiffavorixxu l-produzzjoni u l-motivazzjoni tal-ħaddiema, il-preservazzjoni tar-riżorsi naturali fraġli, mhux rinnovabbli jew rari (il-klima, ir-riżorsi minerali, il-bijosfera, l-organiżmi slavaġ, l-ilma), il-benesseri tal-annimali, il-kunfidenzjalità u l-integrità tal-informazzjoni, l-interoperabbiltà tal-komponenti tas-sistemi kumplessi u oħrajn definiti mid-deċiżjoni demokratika.

    3.5

    It-tieni nett huma wkoll strumenti ta' politika industrijali u ta' strutturar tas-suq. Il-konformità ma' standard tekniku teżiġi strumenti ta' differenzjazzjoni u ta' kompetittività bbażata fuq il-kwalità mhux fuq il-prezzijiet, fis-suq internazzjonali. Billi jantiċipaw il-bżonnijiet futuri u l-iżviluppi fis-suq, l-istandards jgħinu l-industriji Ewropej jibqgħu fuq quddiem, jinnovaw u joħolqu prodotti li ma jkunux wisq sensittivi għall-prezzijiet u b'hekk jiġġeneraw kemm dħul kif ukoll impjiegi ta' kwalità. Meta f'suq ikun hemm standards li jeżistu fl-istess ħin (b'mod partikolari fir-rigward tal-interoperabbiltà), l-għażla tal-istandard tolqot l-intrapriżi li minnha ser jiksbu vantaġġ kompetittiv u għalhekk anki fuq il-lokalità tal-attività ekonomika u l-impjiegi li jirriżultaw minnha.

    3.6

    Dan l-aspett politiku tal-istandards tekniċi tal-prodotti industrijali jfisser li ma jistgħux jitqiesu bħala qasam riservat għall-interessi privati u l-ispeċjalisti tekniċi. Għandhom ikunu soġġetti għal regolamentazzjoni demokratika, miftuħa u trasparenti li tinvolvi firxa sħiħa ta' partijiet interessati. Din ir-regolamentazzjoni tkopri dawn il-ħames passi:

    l-opportunità tal-istandardizzazzjoni;

    l-għanijiet assenjati tal-istandardizzazzjoni;

    il-mezzi tekniċi ta' kif jintlaħqu dawn l-għanijiet;

    il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandrads u s-sorveljanza tas-suq, u

    l-infurzar ta' sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi fil-każ tan-nuqqas ta' konformità.

    3.7

    Dan ir-regolament għandu jkun ibbażat fuq istituzzjonijiet miftuħa u leġittimi li jagħtu lill-partijiet interessati kkonċernati l-opportunità li jinfluwenzaw id-deċiżjoni. Fil-fehma tal-KESE il-lista ta' partijiet interessati bi dritt leġittimu li jikkontribwixxu f'dan il-proċess regolatorju hija miftuħa u tiddependi min-natura speċifika tar-regolament (pereżempju standard dwar il-benesseri tal-bhejjem mhux ser jinvolvi l-istess partijiet interessati bħal standard dwar l-interoperabbiltà tat-tagħmir tal-mezzi ta' komunikazzjoni diġitali). Din il-lista ta' partijiet interessati għandha talanqas tinkludi l-intrapriżi, fosthom l-SMEs, l-impjegati jew ir-rappreżentanti tagħhom, il-konsumaturi u l-NGOs tal-ħarsien tal-ambjent.

    3.8

    Il-fatt li l-istandards tekniċi huma strumenti ta' politika industrijali u l-kompetittività bbażata fuq il-kwalità u l-antiċipazzjoni tal-bżonnijiet tekniċi, soċjetali u ambjentali u tas-sorsi ta' innovazzjoni teknika tfisser li sabiex huma jlaħħqu ma' dan ir-rwol għandhom jiġu riveduti u mtejba regolarment, b'ritmu ogħla minn dak tal-innovazzjoni tas-settur. Fil-każ tas-setturi innovattivi ħafna u li għandhom potenzjal kbir tal-iżvilupp, il-Kumitat jirrakkomanda li jkomplu jibnu fuq l-għanijiet tal-leġittimità demokratika u soċjali tal-proċess ta' regolamentazzjoni u normattiv imsemmi minn punti 3.2 sa 3.7 u t-twaqqif ta' standards għoljin u l-aġġornament tagħhom. Madanakollu l-impatt ta' bidliet bħal dawn fuq in-negozji għandu jinżamm minimu.

    3.9

    Fl-aħħar mill-aħħar l-istandards tekniċi tal-prodotti industrijali huma l-mezzi preferuti ta' informazzjoni u edukazzjoni tal-konsumatur (aħħari u intermedjarju). Jagħtuh elementi oġġettivi u rigorużi biex jiġġudika b'mod awtonomu kemm huwa adegwat prodott għall-bżonnijiet tiegħu. Konsumatur infurmat u edukat b'dan il-mod huwa sensittiv għad-differenza fil-kwalità u jikkontribwixxi fil-kompetittività li tmur lil hinn mill-prezzijiet tal-industrija Ewropea bbażata fuq il-livell ta' kompetenza u l-motivazzjoni tal-impjegati. Dawn l-istandards huma element essenzjali għal simbjożi essenzjali bejn il-fornituri industrijali ta' kwalità għolja u l-konsumaturi eżiġenti u rigorużi.

    4.   Osservazzjonijiet partikolari

    4.1

    Skont il-prattika attwali, l-istandards armonizzati jiġu regolati minn direttiva. Dan joħloq nuqqas ta' stabbiltà u sforz ta' adattament permanenti u xi drabi inutli mill-intrapriżi. Din tista' twassal għal leġislazzjoni li tvarja ġeografikament minn Stat Membru għal ieħor. Id-differenzi jistgħu jidhru minimi iżda huma fil-fatt rilevanti meta jiġi biex jitiqes id-dettall li teħtieġ il-konformità ta' prodott industrijali mal-istandards. Il-varjazzjoni ġeografika tiżdied mal-varjazzjoni temporali skont id-dati differenti ta' traspożizzjoni tad-direttiva fil-liġi nazzjonali tat-28 Stat Membru. Il-perjodu ta' traspożizzjoni jista' jinfirex fuq 36 xhar u billi l-frekwenza tal-aġġornament tal-istandards tista' tkun spiss u f'setturi innovattivi ħafna saħansitra iktar spiss, l-intrapriżi jistgħu jispiċċaw fi stat permanenti ta' inċertezza u konfużjoni li jġibu magħhom il-perjodi ta' tranżizzjoni.

    4.2

    F'sitwazzjoni bħal din, li tista' tkun sfida partikolari għall-SMEs bi ftit riżorsi biex ilaħħqu mar-regolamentazzjoni, il-Kumitat jilqa' b'mod partikolari l-proposta tal-Kummissjoni li minflok Direttivi għandhom jintużaw regolamenti li jistgħu jiġu applikati b'mod uniformi u immedjat fl-UE kollha. Il-KESE jqis li din id-dispożizzjoni hija pożittiva ħafna. Hija kapaċi telimina sors prinċipali ta' instabbiltà regolamentari u tippermetti lill-gruppi involuti fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni li jaħdmu f'ambjent uniformi għal 500 miljun konsumatur, li jkun stabbli għal tul ta' snin skont ritmu adattat għall-intensità tal-innovazzjoni ta' kull settur.

    4.3

    Dan ir-raġunament jista' jintuża wkoll biex jintwera wkoll kemm, f'termini ta' sussidjarjetà, l-użu ta' regolament biex jiġu stabbiliti standards tekniċi għall-prodotti industrijali huwa każ fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE hija iktar effettiva mill-azzjoni fil-livell tal-Istati Membri.

    4.4

    Il-KESE jappoġġja wkoll il-konverżjoni tad-deċiżjoni Nru 768/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f'Regolament b'applikazzjoni ġenerali. It-twaqqif ta' grupp ta' definizzjonijiet, termini u kunċetti komuni li japplikaw b'mod orizzontali fis-setturi speċifiċi ta' standardizzazzjoni teknika tevita x-xogħol doppju u r-repetizzjoni u tikkorrispondi għall-prattiki tajba tal-kitba teknika.

    4.5

    Għall-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati huwa għan ta' interess pubbliku li jikkontribwixxi fi proċess ta' standardizzazzjoni fil-ħames livelli msemmija f'punt 3.6. Uħud minn dawn il-partijiet interessati bħall-organizzazzjonijiet tat-trade unions, SMEs u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-ħarsien tal-ambjent għandhom biss riżorsi limitati. Għalhekk fil-fehma tal-KESE huwa ġustifikat li jingħata appoġġ pubbliku sabiex tingħata għajnuna lil dawn il-partijiet interessati biex jieħdu sehem fil-ħidma bi drittijiet tal-votazzjoni sabiex il-ftuħ tal-proċess jitpoġġa fil-prattika.

    4.6

    Il-KESE huwa favur li s-sommarji tal-istandards armonizzati jkunu disponibbli b'xejn. Ħadd m'għandu jinjora l-liġi iżda l-istandards tekniċi pereżempju huma disponibbli fuq ħlas mingħajr ma wieħed ikun jaf biżżejjed dwar is-suġġett u l-ambitu tal-istandard, u għalhekk jekk japplikax għal parti interessata partikolari. Dan huwa ta' ħsara għall-SMEs kif ukoll għall-partijiet interessati kollha. Huwa fil-fatt għalhekk li l-KESE jappoġġja din il-miżura u jitlob li s-sommarji jkunu disponibbli għall-pubbliku interessat.

    4.7

    Il-KESE huwa favur il-ħolqien ta' bażi ta' data elettronika ċentralizzata li għal kull prodott tagħti aċċess għal lista ta' standards li magħhom huwa konformi u li jispeċifika kif ġiet ċertifikata din il-konformità (b'mod partikolari jekk hix ibbażata fuq awto-ċertifikazzjoni jew ċertifikazzjoni mit-tielet parti). Din il-bażi ta' data tista', fuq abbonament, tibgħat messaġġi elettroniċi kull meta jinbidlu l-istandards ta' prodott partikolari.

    4.8

    Il-KESE jappoġġja l-possibbiltà li l-informaturi jwasslu informazzjoni kunfidenzjali lill-awtoritajiet permezz ta' mekkaniżmu ta' sorveljanza elettronika tas-suq uniku l-irregolaritajiet li jkunu osservaw matul it-tfassil, il-produzzjoni u l-importazzjoni tal-prodott industrijali. L-informaturi ġenwini għandhom jiġu mħarsa mir-riperkussjonijiet u s-sanzjonijiet eventwali bħas-sensja, fil-każ li jkunu impjegati. Din is-sorveljanza kollaborattiva u maqsuma u li timmobilizza t-teknoloġiji tal-Web 2.0 tista' ttejjeb is-saħħa u s-sigurtà tal-utenti tal-prodotti industrijali fl-Unjoni kollha u tħares l-intrapriżi li jikkonformaw mar-regoli mill-kompetizzjoni inġusta minn dawk li ma jikkonformawx.

    4.9

    Il-KESE jqis li l-informazzjoni teknika relatata mal-prodotti industrijali bħala element tal-kuntratt tax-xiri li jiżgura li l-konsumatur jagħmel għażla ċara u infurmata anki għal wara x-xiri f'każ li joħorġu xi difetti, f'każ ta' inċident jew f'każ li ma tintlaħaqx il-prestazzjoni mħabbra. Dawn l-elementi mhumiex 'żejda' u lanqas ma 'jnaqqru mill-estetika tal-prodott' hekk kif tgħid il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Għall-kuntrarju, l-informazzjoni għandha tingħata lill-klijenti f'forma permanenti, awtentika, li ma tistax tiġi falsifikata u li tista' tinqara tul il-ħajja kollha tal-prodott irrispettivament mill-iżvilupp tal-istrumenti elettroniċi disponibbli. Għalhekk il-KESE jqis li dokumentazzjoni stampata fuq il-karta fil-lingwa tal-pajjiż u disponibbli fil-post tax-xiri u provduta fl-imballaġġ tilħaq dawn il-kundizzjonijiet filwaqt li l-forma elettronika hija favorevoli biss jekk tilħaq ir-rekwiżiti funzjonali stretti stabbiliti hawn fuq.

    4.10

    Il-KESE jissuġġerixxi li l-Kummissjoni, permezz ta' baġit speċifiku għall-komunikazzjoni xxerred kemm tiflaħ fuq is-suq intern u fis-swieq tal-pajjiżi terzi informazzjoni dwar il-kwalità u l-livell għoli ta' eżiġenzi tal-prodotti konformi mal-istandards Ewropej, bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati elenkati fil-punt 3.7. B'hekk il-konsumaturi u x-xerrejja professjonali jkunu iktar informati dwar il-vantaġġi tal-offerta li jagħżlu. Dan jagħti vantaġġ kompetittiv ibbażat fuq il-kwalità oġġettiva u affidabbli lill-prodotti mfassla u magħmula fl-Ewropa jew b'konformità mal-istandards Ewropej u b'hekk lill-intrapriżi u l-ħaddiema Ewropej.

    4.11

    Jeħtieġ li jiġi valutat l-impatt tal-proposti leġislattivi fuq l-SMEs fil-kuntest tas-Small Business Act (3). Għalhekk, il-KESE jappoġġja ferm il-pożizzjoni tal-Kummissjoni li ma tippermetti l-ebda eżenzjoni mir-regoli għall-SMEs. Ir-riskji ta' prodott għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi jew l-utenti professjonali, il-ħarsien tar-riżorsi naturali, il-kompatibbiltà mas-sistemi tekniċi eżistenti huma għanijiet ta' interess pubbliku indipendentement mid-daqs tal-intrapriża li fasslet jew għamlet il-prodott. Barra minn hekk setturi sħaħ, b'mod partikolari ta' ċerti oġġetti ta' konsum bħall-ħwejjeġ jew it-tagħmir tad-dar, maqsuma f'numru kbar ta' SMEs. Li jitnaqqsu r-rekwiżiti stabbiliti għall-SMEs ma jkunx aċċettabbli billi dan ikun ifisser eżenzjoni għal dawn is-setturi li jkollu impatt globali kbir fuq il-konsum u b'hekk fuq il-livell ta' riskju. Eżenzjoni bħal din twassal għal ħolqien ta' suq b'ritmu iktar mgħaġġel minn ieħor fejn il-prodotti tal-SMEs (b'mod leġittimu) jibdew jitqiesu ta' kwalità iktar baxxa għax huma soġġetti għal inqas standards, jew inqas standards stretti u dan iżid l-iżvantaġġ kompetittiv tagħhom fil-konfront ta' gruppi ikbar li jibbenefikaw minn iktar flus għall-kummerċjalizzazzjoni.

    4.12

    Il-KESE ma jaqbilx mal-fehma tal-Kummissjoni li t-tibdil fl-istandards ser iseħħ tant spiss li l-intrapriżi mhux ser ikunu kapaċi jlaħħqu miegħu. Il-frekwenza tat-tibdil fl-istandards tiddependi mill-ammont ta' innovazzjoni fis-settur u tikkontribwixxi fil-kompetittività mhux marbuta mal-prezzijiet tal-industrija Ewropea. Hija m'għandhiex tieqaf tiżviluppa iżda l-KESE jirrikonoxxi li l-SMEs għandhom ikunu infurmati aħjar fuq dawn l-iżviluppi permezz tal-mobilizzazzjoni, fejn ikun hemm bżonn, tal-bażi tad-data msemmija f'punt 4.7. Madanakollu, is-soluzzjoni tal-Kummissjoni li bidla fl-istandards issir permezz ta' regolament u mhux direttiva hija risposta adegwata u suffiċjenti għat-tħassib li tqajjem.

    4.13

    Fil-fehma tal-KESE, l-iffirmar tal-ftemitiet ta' kummerċ ħieles għandu jħares l-esperjenza storika li kisbu l-Istati Membri fil-proċess twil li bdew fl-1993 u li għadu ma wasalx fi tmiemu, lejn suq uniku reali tal-prodotti industrijali, wieħed li jqis in-natura politika, kif ukoll dik miftuħa, demokratika u trasparenti tal-proċess tar-regolamentazzjoni tal-istandards tekniċi ta' dawn il-prodotti. Il-KESE jħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni biex matul in-negozjati attwali tistabbilixxi qafas istituzzjonali li jkollu l-istess karatteristiċi tad-demokrazija, il-ftuħ u t-trasparenza matul il-ħames passi msemmija f'punt 3.6 tal-proċess ta' standardizzazzjoni u monitoraġġ tal-konformità. L-istandards tal-prodotti, regolamenti u deċiżjonijiet li jħarsu l-interessi pubbliċi u s-sanzjonijiet fejn dawn ma jiġux rispettati, m'għandhomx jiġu kritikati bħala ostakli non-tariffarji sakemm jikkonformaw mal-leġislazzjoni komunitarja u l-ftehimiet tad-WTO.

    4.14

    Fejn jidħlu katini ta' valur internazzjonali li ma jaqgħux taħt ir-regoli ta' ġurisdizzjoni waħda biss, l-isforzi sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' interess pubbliku permezz ta' standards tekniċi huma sors ta' problemi speċifiċi li għalihom għadha ma nstabitx soluzzjoni. Il-KESE jissuġġerixxi li l-isforzi fil-qasam għandhom jikkonċentraw prinċipalment fuq l-akkwist u ċ-ċertifikazzjoni ta' data oġġettiva u affidabbli dwar il-prodott u l-proċess fiżiku u soċjali tal-produzzjoni tiegħu. Din id-data tiċċirkola mbagħad fil-katina ta' valur sħiħa u tkun tista' titqabbel mar-''rekwiżiti essenzjali'' ta' kull ġurisdizzjoni, b'rispett tas-sovranità tagħhom.

    4.15

    Għad hemm xi problemi ta' ostakli tal-moviment u l-kompetizzjoni ħielsa. Pereżempju brevetti relatati ma' standards tekniċi u l-effettività tal-kontrolli tal-implimentazzjoni tal-istandards u l-leġislazzjoni.

    4.16

    Meta jingħata brevett għal innovazzjoni li tkun saret standard tekniku, huwa importanti ħafna li l-kompetituri jkunu jistgħu jiksbu l-liċenzji neċessarji bi prezz raġonevoli. Il-liġi tal-proprjetà intellettwali għandha tħares l-innovazzjoni mingħajr ma tħalli l-użu tal-brevetti u tad-drittijiet tal-awtur jostakolaw il-kompetizzjoni industrijali u l-innovazzjoni; fil-fehma tal-Kumitat, ir-rwol tagħha għandu jkun li tippromovi l-moviment ħieles fis-suq intern. Il-brevett uniku Ewropew, li huwa partikolarment importanti għall-KESE, għandu jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal dan il-għan. Madanakollu l-KESE josserva li f'ċerti pajjiżi lil hinn mill-UE, fosthom l-Istati Uniti, jinħarġu brevetti mingħajr riċerka rigoruża li fil-fatt tipprova li dawn huma innovattivi, li tqajjem dubju dwar kemm fil-fatt huma; il-ħruġ ta' brevetti trivjali jitfa' f'dubju l-karattru innovattiv tagħhom; filwaqt li brevetti għal kunċetti astratti ta' apparenza u sensazzjoni (look and feel) indipendetement minn kif tinħoloq din l-apparenza jmur kontra l-prinċipji ta' brevetti għall-invenzjoni li huwa bbażat biss fuq il-mod kif jinkiseb ir-riżultat. Din is-sitwazzjoni twassal għal abbuż li jħalli lill-intrapriżi Ewropej f'pożizzjoni żvantaġġata.

    4.17

    Problema oħra hija li s-sanzjonijiet mhux dejjem ikunu adegwati, proporzjonali u dissważivi biex jikkastigaw il-ksur tal-istandards tekniċi nazzjonali jew Ewropej.

    Is-sanzjonijiet amministrattivi jew kriminali u l-kontroll tas-suq intern huma kompetenza tal-Istati Membri; id-diversità ta' bejniethom tista' twassal għal forum shopping meta jiġu introdotti prodotti ġodda fuq is-suq Ewropew. Il-blue guide, ir-RAPEX, il-proċedura SOLVIT jew miżuri oħra għandhom għalhekk iħeġġu iktar uniformità fis-sanzjonijiet u l-livelli u t-teknikalità komparabbli fis-superviżjoni tas-suq u d-distribuzzjoni tal-prodotti u s-servizzi sabiex tiżdied il-konsistenza fl-Ewropa. Il-Kummissjoni li bdiet il-proċess leġislattiv u timmonitorja l-implimentazzjoni permezz ta' superviżjoni tal-attivitajiet tal-Istati Membri tista' tressaq proċeduri quddiem il-qrati tal-UE fil-każ ta' nuqqas ta' konformità. Fl-aħħar mill-aħħar iridu jkunu l-qrati Ewropej li jiggarantixxu konsistenza Ewropea fil-leġislazzjoni tal-Istati Membri u l-monitoraġġ tas-swieq, il-prodotti u s-servizzi.

    4.18

    Il-KESE jixtieq jara tisħiħ tas-suq tas-sorveljanza.

    4.18.1

    Sabiex tiġġieled kontra l-possibbiltà ta' użu ħażin tat-tikkettar tal-KE minn produtturi li mhumiex infurmati biżżejjed jew li m'għandhomx skrupli, ikun utli li jitjiebu l-kontrolli doganali marbuta mad-dħul fis-suq tal-prodotti u li jiġi żgurat li l-aġenti, l-importaturi u d-distributuri kkonċernati jirrispettaw l-obbligi tal-konformità tal-prodotti skont il-leġislazzjoni komunitarja fis-seħħ. L-inklużjoni ta' numru ta' referenza tar-rappreżentanti legali ta' prodott fit-tikketta tal-KE tista' tintuża biex jinstabu l-identità legali u d-dokument ta' konformità elettroniku tiegħu, u dan jista' jikkontribwixxi fil-proċess tal-verifika tal-konformità, inkluż meta l-konsumaturi jaġixxu ta' informaturi fejn jaraw nuqqas ta' konformità (punt 4.8).

    4.18.2

    Fil-kuntest ta' awsterità baġitarja, il-KESE jiġbed l-attenzjoni lejn il-bżonn li l-awtoritajiet responsabbli mill-monitoraġġ tas-suq jingħataw ir-riżorsi li għandhom bżonn biex iwettqu xogħolhom u jiffukaw l-attivitajiet tagħhom fuq postijiet fejn huma kkonċentrati t-tentattivi ta' frodi (portijiet, distribuzzoni fil-forma ta' hard discount, kummerċjanti li jimxu minn post għal ieħor) filwaqt li fl-istess ħin tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva b'mod partikolari fejn tidħol il-ġlieda kontra l-falsifikazzjoni. L-attività tal-informaturi msemmija f'punt 4.8 tista' tittejjeb fuq spiża baxxa mill-finanzi pubbliċi.

    4.18.3

    Il-KESE jinkwieta li xi operaturi industrijali ekonomiċi tant jista' jkollhom impatt fuq l-attività ekonomika jew l-impjieg fl-Istati Membri li t-theddida tar-rilokazzjoni tagħhom toħloq ir-riskju li l-amministrazzjoni nazzjonali telimina s-sanzjonijiet u b'hekk il-konsumaturi jisfaw f'periklu u l-kompetizzjoni ma tkunx ġusta għall-intrapriżi u l-impjegati fl-UE.

    4.19

    Fil-fehma tal-Kumitat huwa possibbli li jintużaw l-obbligi regolari ta' rappurtaġġ u riċerka tal-post sabiex isir kontroll mill-qrib tal-iżvilupp tal-prodott. L-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u tal-ħaddiema huma f'pożizzjoni tajba li jaġixxu ta' informaturi fir-rigward ta' kwistjonijiet tas-saħħa u s-sigurtà u għandhom ikunu involuti bħala partijiet interessati fil-livelli kollha tal-abbozzar u l-implimentazzjoni tal-istandards.

    Brussell, 4 ta' Ġunju 2014.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.

    (2)  Dan l-effett intwera minn G. Akerlof, premju Nobel għall-ekonomija fl-1970 fl-artiklu tiegħu dwar il-karozzi użati (Akerlof, George A. (1970). “The Market for 'Lemons': Quality Uncertainty and the Market Mechanism”. Quarterly Journal of Economics (The MIT Press) 84 (3): 488–500. doi:10.2307/1879431).

    (3)  ĠU C 376, 22.12.2011, p. 51.


    Top