This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52014AB0084
Opinion of the European Central Bank of 5 December 2014 on a proposal for a regulation of the European Parliament and of the Council amending Regulation (EC) No 184/2005 on Community statistics concerning balance of payments, international trade in services and foreign direct investment as regards conferring of delegated and implementing powers upon the Commission for the adoption of certain measures (CON/2014/84)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta’ Diċembru 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri (CON/2014/84)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal- 5 ta’ Diċembru 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri (CON/2014/84)
ĠU C 31, 30.1.2015, p. 3–5
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
30.1.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 31/3 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-5 ta’ Diċembru 2014
dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri
(CON/2014/84)
(2015/C 31/04)
Introduzzjoni u bażi legali
Fil-15 ta’ Lulju 2014, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 184/2005 dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ tal-pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani fejn jidħol l-għoti ta’ setgħat delegati u ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta ċerti miżuri (1) (minn hawn “ir-regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress li r-regolament propost jittratta l-istatistika dwar il-ġbir tal-bilanċ tal-pagamenti (BOP) li huwa kompitu tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ) b’mod konformi mal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 (2). B’mod konformi mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
1. Osservazzjonijiet ġenerali
1.1. |
L-istatistika Ewropea hija żviluppata, prodotta u mxerrda kemm mill-isħubija tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika (ESS) kif ukoll mis-SEBĊ u t-tnejn joperaw taħt oqfsa legali separati li jirriflettu l-istrutturi ta’ governanza rispettivi tagħhom (3). |
1.2. |
L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 2533/98 jalloka lill-BĊE, assistit mill-banek ċentrali nazzjonali (BĊN), il-kompitu li jiġbor informazzjoni dwar, fost affarijiet oħrajn, l-istatistika tal-BOP u tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali (IIP), mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew direttament mill-aġenti ekonomiċi. Ir-rekwiżiti inizjali tal-istatistika tar-rappurtar tal-BĊE fil-qasam tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP ġew speċifikati mill-Kunsill Governattiv tal-BĊE fil-Linja Gwida BĊE/1998/17 (4) u rriformulati fid-9 ta’ Diċembru 2011 mil-Linja Gwida BĊE/2011/23. |
1.3. |
L-istatistika tal-BOP u tal-IIP huma settijiet ta’ dejta kruċjali biex jappoġġjaw lis-SEBĊ fil-ħidmiet tagħha biex tiddefinixxi u timplimenta l-politika monetarja unika, twettaq potenzjalment operazzjonijiet ta’ kambju barrani u żżomm u tamministra r-riservi uffiċjali. Huma jappoġġjaw ukoll il-valutazzjoni tal-vulnerabilitajiet esterni u l-interkonnettività għal finijiet ta’ stabbiltà finanzjarja, it-tabella operattiva tar-riskji tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) (5) kif ukoll it- tabella ta’ valutazzjoni tal-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi (6). L-istatistika tal-BOP u tal-IIP hija parti mill-“Istandard Speċjali ta’ Tixrid tad-Dejta” u l-“Istandard Plus Speċjali ta’ Tixrid tad-Dejta” tal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) (7) u li huma meħtieġa għall-“konsultazzjonijiet tal-Artikolu IV” tal-FMI taż-żona tal-euro u l-Istati Membri. Il-BĊE u l-BĊN jippubblikaw statistika tal-BOP u tal-IIP fuq bażi ta’ kull xahar u trimestrali. |
1.4. |
Fit-12 ta’ Jannar 2005, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 (8) dwar l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani. Il-Kumitat tal-Bilanċ tal-Pagamenti (minn hawn ‘il quddiem il-“Kumitat BOP”) stabbilit permezz tal-istess Regolament (9), li fuqu l-Istati Membri huma rrappreżentati prinċipalment mill-BĊN, jiżgura allinjament qawwi tar-rekwiżiti ta’ rappurtar, metodoloġija u proċessi tal-assigurazzjoni tal-kwalità relatati mal-istatistika tal-BOP u tal-IIP. |
1.5. |
Il-BĊN, bħala membri tas-SEBĊ, jippruduċu statistika Ewropea skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Istatut tas-SEBĊ, kif implimentata b’mod ulterjuri fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, u ma jipparteċipawx fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 (10). Għalhekk, wara ftehim bejn il-BĊN u l-Kummissjoni (Eurostat), dejta prodotta mill-BĊN tista’ tintuża direttament jew indirettament mill-Kummissjoni (Eurostat) għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. |
1.6. |
Billi r-Regolament (KE) Nru 2533/98 alloka l-ġbir ta’ informazzjoni dwar l-istatistika tal-BOP u tal-IIP lill-BĊE, bl-assistenza tal-BĊN, u sabiex jimminimizza l-piż tar-rappurtar u biex jiggarantixxi l-koerenza neċessarja biex jipproduċi l-istatistika Ewropea, il-Kummissjoni hija mistiedna tagħmel użu xieraq mill-istatistika tal-BOP u tal-IIP pprovduta mis-SEBĊ. |
2. Osservazzjonijiet speċifiċi
2.1. Implimentazzjoni ta’ sistema ġdida dwar l-adozzjoni ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni fil-qasam tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP
2.1.1. |
Ir-regolament propost jimplimenta sistema ġdida għall-adozzjoni ta’ atti ddelegati u ta’ implimentazzjoni, skont l-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat, fil-qasam tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP. L-Artikolu 1(1) tar-regolament propost jimmira li jagħti setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti ddelegati li jemendaw ir-rekwiżiti tad-dejta għall-BOP u l-IIP, inkluża r-reviżjoni, l-estensjoni u l-eliminazzjoni ta’ flussi tad-dejta, u skadenzi ta’ sottomissjoni. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(2) jipproponi li l-Kummissjoni tingħata setgħat implimentattivi biex tadotta l-istandards ta’ kwalità u l-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti ta’ kwalità għall-istatistika tal-BOP u tal-IIP. |
2.1.2. |
Ir-rekwiżiti tad-dejta, l-iskadenzi ta’ sottomissjoni u l-istandards tal-assigurazzjoni tal-kwalità huma elementi essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 184/2005 u għandhom impatt dirett fuq il-piż tar-rappurtar fuq il-kompilaturi tad-dejta u l-aġenti ta’ rappurtar. Peress li s-SEBĊ ġiet allokata l-kompitu, mill-Kunsill, tal-ġbir tal-istatistika tal-BOP u tal-IIP mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew direttament mingħand aġenti ekonomiċi mill-1998, għandha tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib bejn is-SEBĊ u s-SSE fid-definizzjoni, l-emendar jew l-aġġornament ta’ dik l-istatistika. Inkella, l-istatistika Ewropea tal-BOP u tal-IIP prodotta mis-SSE u s-SEBĊ tista’ tkun diverġenti mingħajr bżonn jew tkun inkonsistenti. |
2.1.3. |
Ir-rekwiżiti tar-rapportar tal-istatistika tal-BOP diverġenti jew inkonsistenti mhux biss iżidu l-piż tar-rappurtar għal konvenuti bħal intrapriżi żgħar u medji, iżda jistgħu wkoll jirriżultaw fi statistika differenti tal-BOP skont l-iskop tad-dejta użata. Tali differenzi ma jkunux konformi mal-prinċipju tar-rilevanza tad-dejta, il-kosteffikaċja u l-minimizzazzjoni tal-piż ta’ rappurtar stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 u r-Regolament (KE) Nru 2533/98. |
2.1.4. |
Għalhekk, il-BĊE ma jappoġġjax il-proposta fl-Artikolu 1(1) tar-regolament propost li jiddelega setgħat lill-Kummissjoni biex temenda r-rekwiżiti tad-dejta għall-BOP u l-IIP, inklużi dawk relatati mal-iskadenzi ta’ sottomissjoni, reviżjonijiet, estensjonijiet u l-eliminazzjonijiet ta’ flussi tad-dejta. L-Artikoli 1(1) u 1(3) tar-regolament propost għandhom jiġu mħassra skont dan. |
2.2. Ir-rwol tal-Kumitat dwar Statistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti
2.2.1. |
Ir-regolament propost jabolixxi l-Kumitat tal-BOP u jittrasferixxi l-poteri kollha tal-komitoloġija lill-Kumitat tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika, li fuqu mhumiex rappreżentati membri tas-SEBĊ (11). Barra minn hekk, il-BĊN, bħala membri tas-SEBĊ, jipproduċu statistika Ewropea skont l-Artikoli 3 u 5 tal-Istatut tas-SEBĊ, kif implimentata b’mod ulterjuri fir-Regolament (KE) Nru 2533/98, u ma jipparteċipawx fil-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-Regolament (KE) Nru 223/2009. |
2.2.2. |
Sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni mill-qrib kontinwa f’dan il-qasam, il-Kumitat dwar l-Istatistika Monetarja, Finanzjarja u tal-Bilanċ tal-Pagamenti (CMFB) (12) għandu jkun fiċ-ċentru tal-kooperazzjoni reċiproka dwar BOP u statistika relatata (eż. kummerċ internazzjonali f’oġġetti, kummerċ internazzjonali f’servizzi, investiment dirett barrani, statistika ta’ affiljati barranin) u jeħtieġ li jiġi kkonsultat dwar proposti għal atti legali ġodda, inkluża l-emenda ta’ atti legali, dwar BOP u statistika relatata. |
2.2.3. |
Għalhekk, għandu jiddaħħal kliem xieraq fl-Artikoli 1(2) u 1(4) tar-regolament propost li jobbliga lill-Kummissjoni titlob l-opinjoni tas-CMFB qabel ma tipproponi emendi għall-elementi essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 184/2005. B’mod partikolari, dan għandu japplika għal emendi relatati ma’: (a) ir-rekwiżiti tad-dejta, inkluż skadenzi għas-sottomissjoni kif ukoll reviżjonijiet, estensjonijiet u eliminazzjonijiet ta’ flussi tad-dejta; (B) aġġornament tad-definizzjonijiet stipulati fl-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 184/2005; u (c) l-istandards tal-kwalità komuni kif ukoll il-kontenut u l-perjodiċità tar-rapporti ta’ kwalità. |
2.3. Konsultazzjoni tal-BĊE
L-atti ta’ implimentazzjoni atti tal-Kummissjoni jikkwalifikaw bħala atti proposti tal-Unjoni skont it-tifsira tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat (13). Għalhekk, il-BĊE għandu jiġi kkonsultat, separatament mis-CMFB, dwar kwalunkwe abbozz ta’ atti ta’ implimentazzjoni li jaqgħu fl-oqsma ta’ kompetenza tiegħu. Dan il-proċess ta’ konsultazzjoni se jippermetti lill-BĊE jikkontribwixxi bil-benefiċċju sħiħ tal-esperjenza twila tiegħu u l-kompetenza fl-istatistika tal-BOP.
Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Diċembru 2014.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) COM(2014) 379 final.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8); ara wkoll ir-Rakkomandazzjoni BĊE/2003/8 tat-2 ta’ Mejju 2003 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-bilanċ tal-pagamenti u l-istatistika tal-pożizzjoni tal-investiment internazzjonali, u l-mudell tar-riservi internazzjonali (ĠU C 126, 28.5.2003, p. 7) u l-Linja Gwida BĊE/2011/23 tad-9 ta’ Diċembru 2011 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-istatistika esterna (ĠU L 65, 3.3.2012, p. 1).
(3) Ara l-Artikolu 338(1) tat-Trattat, l-Artikolu 5 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (minn hawn ‘il quddiem “l-Istatut tas-SEBĊ”) u l-premessa 8 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 dwar l-Istatistika Komunitarja, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewrope (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).
(4) Linja Gwida BĊE/1998/17 tal-1 ta’ Diċembru 1998 dwar ir-rekwiżiti tar-rappurtar tal-istatistika tal-Bank Ċentrali Ewropew fil-qasam tal-bilanċ tal-pagamenti u l-istatistika tal-pożizzjoni ta’ investiment internazzjonali (ĠU L 115, 4.5.1999, p. 47).
(5) Indirizzat f’att legali separat.
(6) Ara l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).
(7) Ara d-Dokumenti ta’ Politika tal-FMI, “Revisions to the Special Data Dissemination Standard and Establishment of the Special Data Dissemination Standard Plus—Proposed Decisions”, l-4 ta’ Ottubru 2012, u “Modifications to the Special Data Dissemination Standard Plus”, id-19 ta’ Marzu 2014, disponibbli fuq is-sit web tal-FMI fuq www.imf.org
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 184/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 dwa l-istatistika tal-Komunità fuq il-bilanċ ta’ pagamenti, kummerċ internazzjonali f’servizzi u investiment dirett barrani (ĠU L 35, 8.2.2005, p. 23).
(9) Ara l-Artikolu 11(1) tar-Regolament (KE) Nru 184/2005.
(10) Ara l-premessa 9 tiegħu.
(11) Ara l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009.
(12) Ara l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Is-CMFB ġie stabbilit mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/856/KE tat-13 ta’ Novembru 2006 li tistabbilixxi Kumitat dwar l-istatistika monetarja, finanzjarja u tal-bilanċ tal-pagamenti (ĠU L 332, 30.11.2006, p. 21).
(13) L-ewwel inċiż tal-Artikolu 127(4) tat-Trattat jipprovdi li l-BĊE għandu jiġi kkonsultat rigward “dwar kull att propost mill-Unjoni fl-oqsma tal-kompetanza tiegħu”. L-Artikolu 282(5) tat-Trattat jipprovdi li: “Fl-oqsma tal-kompetenzi tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jiġi kkonsultat fuq l-atti kollha proposti tal-Unjoni”.