This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013PC0914
Recommendation for a COUNCIL RECOMMENDATION with a view to bringing an end to the situation of an excessive government deficit in Croatia
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Kroazja
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Kroazja
/* COM/2013/0914 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Kroazja /* COM/2013/0914 final - 2013/ () */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta'
defiċit eċċessiv tal-gvern fil-Kroazja IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra
t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu
126(7) tiegħu, Wara li kkunsidra
r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni; Billi: (1) Skont l-Artikolu 126
tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
l-Istati Membri għandhom jevitaw li jkollhom defiċits
eċċessivi tal-gvern. (2) Il-Patt ta’ Stabbiltà u
Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala
mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà
tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal
għall-ħolqien tal-impjiegi. (3) F'X Jannar 2014, il-Kunsill iddeċieda, skont
l-Artikolu 126(6) tat-TFUE, li hemm defiċit eċċessiv
fil-Kroazja. (4) Skont l-Artikolu 126(7)
tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97
dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni
tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE)[1], il-Kunsill huwa mitlub
jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat,
bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fi
żmien perjodu stabbilit. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi
żmien massimu ta' sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha
tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi
d-defiċit eċċessiv. Barra minn dan, f’rakkomandazzjoni biex
jiġi kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu
jitlob għall-kisba ta’ miri baġitarji annwali li, abbażi
tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, jkunu konsistenti ma’ titjib
minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ
aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u
miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0.5 % tal-PDG
bħala valur ta’ referenza. Minbarra dan, skont l-Artikolu 2
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 li jispeċifika
r-rekwiżit taħt il-kriterju tad-dejn, il-mira baġitarja
rakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta' korrezzjoni trid
tiżgura li t-tnaqqis meħtieġ fid-differenzjal bejn il-livell ta'
dejn u l-PDG u l-valur ta' referenza ta' 60 % tal-PDG fit-Trattat
iseħħ fi żmien is-sentejn li jsegwu l-korrezzjoni
tad-defiċit eċċessiv, abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni. (5) Skont it-tbassir
tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013, id-defiċit tal-amministrazzjoni
pubblika mistenni jibqa' ogħla mill-valur ta' referenza ta' 3% tal-PDG
fil-perjodu 2013-2015, u l-bilanċ strutturali mistenni jkompli jmur lura
matul il-perjodu ta' tbassir, minn madwar 4% tal-PDG fl-2013 għal
kważi 6% tal-PDG fl-2015. Dawn l-iżviluppi jirriżultaw l-aktar
minn żidiet fuq in-naħa tal-infiq bħal ma hu nfiq fuq
l-interessi flimkien ma’ tnaqqis fid-dħul. It-tbassir tal-ħarifa
tal-Kummissjoni tal-2013 ma nkludiex il-programm ta' konsolidazzjoni baġitarju
mħabbar f'Settembru 2013, mar-rilaxx tal-Linjigwida tal-Politika Ekonomika
u Fiskali, minħabba li l-informazzjoni dwar il-miżuri li huma
fil-bażi ta' dan il-pakkett ta' konsolidazzjoni mħabbar kienet
limitata ħafna. Il-miżuri ppreżentati fit-tieni reviżjoni
tal-baġit tal-2013 u l-abbozz tal-baġit 2014 adottat mill-gvern fl-14
ta’ Novembru 2013 u mibgħuta lill-Parlament ma għandhomx impatt
sostanzjali fuq ix-xejriet baġitarji. Tabilħaqq, it-tbassir
għad-dħul u l-infiq tal-gvern u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika
fit-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni tal-2013 aġġornat biex
jirrifletti t-tagħrif ġdid li sar disponibbli wara l--pubblikazzjoni,
juri bidliet żgħar ħafna. Il-previżjonijiet riveduti
jikkostitwixxu l-linja bażi l-ġdida tal-Kummissjoni. (6) Dwar l-iżviluppi
tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, skont ir-reviżjoni tal-baġit
tal-2013 u l-abbozz tal-baġit tal-2014, il-proporzjon tad-dejn
għall-PDG tal-amministrazzjoni pubblika ppjanat fit-tmiem tal-2014 huwa
mistenni li jilħaq it-62 % u jkompli jiżdied għal madwar
64 % u 64¾% fl-2015 u l-2016. It-tbassir tal-ħarifa tal-Kummissjoni
tal-2013 jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern se jaqbeż
il-valur ta’ referenza tat-Trattat fl-2014, u jilħaq qrib il-65 %, u
jkompli jiżdied matul il-previżjoni. Aġġornament
tat-tbassir tal-Ħarifa tal-2013, li għandu jinkorpora informazzjoni
addizzjonali li saret disponibbli wara l-ħruġ tal-previżjoni,
l-aktar il-ħruġ il-ġdid tal-bonds fid-denominazzjoni USD
f’Novembru 2013, iġib il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika
ogħla mil-limitu ta’ 60 % tal-PDG diġà fl-2013. (7) Fl-isfond ta' inċertezzi
kbar rigward l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira
baġitarja irrakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta'
korrezzjoni għandha tkun stabbilita f'livell biċ-ċar taħt
il-valur referenzjarju, sabiex tkun garantita konformità mal-punt ta’
riferiment għat-tnaqqis tad-dejn fl-aħħar sena tal-perjodu PDE. (8) Skont
ir-Regolament 1467/97, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv,
għandha titlesta fis-sena ta' wara l-identifikazzjoni tiegħu sakemm
ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali. Sabiex tikkoreġi
d-defiċit eċċessiv sal-iskadenza tal-2015 konsistenti ma’ dan
l-approċċ u tiżgura konformità konġunta mal-valur ta’
referenza għat-tnaqqis tad-dejn, l-isforz strutturali meħtieġa
jammonta għal mill-anqas 1.3 % tal-PDG kemm fl-2014 kif ukoll
fl-2015. Dan jirriżulta f’telf ta’ produzzjoni sinifikanti u jiggrava
riċessjoni fonda li diġà ħadet fit-tul. Jistgħu jiġu
stabbiliti skadenzi itwal, b’mod partikolari fil-każ ta’ proċeduri
ta’ defiċit eċċessiv ibbażati fuq il-kriterju tad-dejn,
meta d-defiċit tal-gvern mitlub li jikkonforma mal-kriterju tad-dejn ikun
ferm inqas minn 3 % tal-PDG. (9) Fid-dawl ta’ dan,
l-istabbiliment tad-data ta’ skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit
eċċessiv sal-2016 huwa ġġustifikat. B’mod partikolari, pjan
ta' aġġustament kredibbli u sostenibbli taħt dan il-limitu ta’
żmien estiż se jirrikjedi li l-Kroazja tilħaq il-mira ewlenija
għall-amministrazzjoni pubblika ta’ 4.6 % tal-PDG għall-2014,
3.5 % tal-PDG fl-2015 u 2.7 % tal-PDG fl-2016, li huwa konsistenti
ma’ titjib annwali fil-bilanċ strutturali ta’ 0.5 % tal-PDG fl-2014,
0.9 % tal-PDG fl-2015 u 0.7 % tal-PDG fl-2016, fuq il-bażi
tar-rrapurtar tax-xenarju tal-PDE. Ix-xenarju għall-pjan ta’
aġġustament inbena fuq it-tbassir tal-Ħarifa tal-Kummissjoni
tal-2013 aġġornat biex jirrifletti informazzjoni ġdida,
inkluż mir-reviżjoni tal-baġit tal-2013 u l-abbozz
tal-baġit 2014, u estiż sal-2018 billi jiddependi fuq
suppożizzjonijiet standard dwar l-għeluq tad-differenza
fil-produzzjoni u s-sensittività tal-baġit għaċ-ċiklu. Dan
il-pjan ta' aġġustament għandu jippermetti lid-defiċit
nominali tal-gvern biex jinżel għal inqas mill-valur ta' referenza
ta' 3 % tal-PDG sal-2016 filwaqt li fl-istess ħin jiżgura li
l-proporzjon tad-dejn mal-PDG javviċina l-valur ta' referenza ta' 60 %
b'pass sodisfaċenti; u għalhekk jikkonforma mal-kriterju tad-dejn
tal-gvern. Fuq il-bażi tax-xenarju tal-PDE, biex jintlaħqu l-miri
strutturali msemmija hawn fuq, il-Kroazja tkun teħtieġ li tadotta
miżuri ta’ konsolidament ta’ 2.3 % tal-PDG fl-2014, 1 % tal-PDG
fl-2015 u l-2016. Dawn il-miri jikkunsidraw il-ħtieġa li jkun hemm
kumpens għal effetti sekondarji negattivi ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq
il-finanzi pubbliċi, permezz tal-impatt tagħha fuq l-attività
ekonomika. (10) Il-miżuri ta’
konsolidament tal-baġit għandhom iwasslu għal titjib durabbli
fil-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika, filwaqt li jkunu mmirati lejn
it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi. B’mod partikolari, miżuri
biex jipprijoritizzaw in-nefqa li ttejjeb it-tkabbir u investimenti inkluż
permezz tal-użu tal-fondi ta' koeżjoni u tal-fondi strutturali
tal-UE, it-titjib tal-konformità fiskali, u t-tisħiħ tal-qafas
fiskali jkunu ta’ appoġġ f’dan ir-rigward. (11) Sabiex jiġi żgurat
riżultat li l-aktar iwassal l-aktar għal prosperità ekonomika fuq
perjodu ta’ żmien medju kif ukoll għat-tul, il-korrezzjoni
tad-defiċit eċċessiv għandha tibbenefika minn riformi
makrostrutturali ta’ akkumpanjament. Dawn il-miżuri għandu jkollhom
l-għan li jissaħħu l-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija billi
joħolqu suq tax-xogħol aktar flessibbli, itejbu l-kwalità tal-ambjent
tan-negozju u jżidu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika, ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI: (1)
Il-Kroazja għandha ġġib fi tmiemha
l-qagħda preżenti ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar
tard mill-2016. (2)
Il-Kroazja għandha tilħaq il-miri
nominali ta’ defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 4.6 % tal-PDG
għall-2014, 3.5 % tal-PDG fl-2015 u 2.7 % tal-PDG fl-2016, li
huwa konsistenti ma’ titjib annwali fil-bilanċ strutturali ta’ 0.5 %
tal-PDG fl-2014, 0.9 % tal-PDG fl-2015 u 0.7 % tal-PDG fl-2016. (3)
Il-Kroazja għandha tispeċifika u
timplimenta b'mod rigoruż il-miżuri li huma meħtieġa biex
tinkiseb il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2016, u
tuża kull qligħ mhux mistenni għal tnaqqis tad-defiċit. (4)
Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tat-30 ta'
April 2014 għall-Kroazja biex tieħu azzjoni effettiva u, skont
l-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex
tirrapporta b'mod dettaljat l-istrateġija ta' konsolidament maħsuba
sabiex tilħaq il-miri, u minn hawn 'il quddiem l-awtoritajiet
għandhom jirrappurtaw dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta'
dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-inqas kull sitt xhur, sakemm tkun
seħħet il-korrezzjoni sħiħa tad-defiċit
eċċessiv.
Barra minn dan, il-Kunsill jistieden lill-awtoritajiet
Kroati biex (i) iwettqu reviżjoni tal-infiq bir-reqqa bil-għan li
jirrazzjonalizzaw il-pagi, s-sigurtà soċjali u l-infiq f'sussidji u biex
jipprovdu biżżejjed spazju fiskali għall-implimentazzjoni ta'
nefqa li ttejjeb it-tkabbir inkluż kofinanzjament ta’ proġetti
ffinanzjati mill-UE; (ii) ikomplu jtejbu l-konformità fiskali u jżidu
l-effiċjenza tal-amministrazzjoni tat-taxxa u (iii) itejbu l-qafas
istituzzjonali tal-finanzi pubbliċi, inkluż permezz tat-titjib
l-ipprogrammar baġitarju pluriennali, li jsaħħaħ ir-rwol u
l-indipendenza tal-Kumitat tal-Politika Fiskali, u li jiżgura l-konformità
ma’ regoli fiskali. Barra minn hekk, il-Kunsill jistieden lill-awtoritajiet
Kroati biex jimplimentaw riformi strutturali, l-aktar fir-rigward
tal-indirizzar tar-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol u ambjent ta’
negozju negattiv u biex itejbu l-kwalità tal-amministrazzjoni pubblika,
bil-għan li jgħollu l-potenzjal għat-tkabbir tal-PDG. Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata
lir-Repubblika tal-Kroazja. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.