Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0680

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) rigward id-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni u d-data tar-revoka ta' ċerti Direttivi

    /* COM/2013/0680 final - 2013/0327 (COD) */

    52013PC0680

    Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) rigward id-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni u d-data tar-revoka ta' ċerti Direttivi /* COM/2013/0680 final - 2013/0327 (COD) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           Il-KUNTEST TAL-PROPOSTA

    1.1.        Il-bażi tal-proposta u l-għanijiet tagħha

    Id-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II) tipprovdi sistema moderna bbażata fuq ir-riskju għas-superviżjoni tal-impriżi Ewropej tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni. Dawn ir-regoli l-ġodda huma essenzjali sabiex jiġi żgurat settur tal-assigurazzjoni sikur u solidu li jista' jipprovdi prodotti tal-assigurazzjoni sostenibbli u jappoġġa l-ekonomija reali permezz ta' investimenti fit-tul u stabbiltà addizzjonali.

    Id-Direttiva 2011/89/UE (Ficod1) temenda ċerti direttivi inkluża Solvenza II rigward is-superviżjoni supplimentari ta' entitajiet finanzjarji f'konglomerat finanzjarju.

    Fid-19 ta' Jannar 2011 il-Kummissjoni adottat proposta biex temenda d-Direttiva 2009/138/KE sabiex tikkunsidra l-arkitettura superviżorja ġdida għall-assigurazzjoni u l-aktar l-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) fl-1 ta' Jannar 2011 (COM(2011) 8, COD 2011/0006)(Omnibus II) u d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona li ħtieġ l-aġġustament tal-għoti ta' setgħat għall-Kummissjoni biex tadotta miżuri implimentattivi għall-għoti ta' setgħat għall-Kummissjoni biex tadatta atti ta' implimentazzjoni u atti ddelegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-proposta tinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex jiġu estiżi d-dati tat-traspożizzjoni, tar-revoka u tad-dati tal-applikazzjoni fid-Direttiva 2009/138/KE. Dawn ir-regoli huma importanti sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni mingħajr intoppi għar-reġim il-ġdid. Barra minn hekk u sabiex tkun kompletament operattiva, ir-reġim tas-Solvenza II jirrikjedi wkoll għadd kbir ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni mill-Kummissjoni, li jipprovdu dettalji importanti dwar kwistjonijiet tekniċi differenti. Ħafna minn dawn l-hekk imsejħa regoli "tat-2 livell" huma marbuta mill-qrib mal-Omnibus II u ma jistgħux jiġu ppreżentati mill-Kummissjoni qabel il-pubblikazzjoni ta' Omnibus II li se jiċċara wkoll l-ambitu ta' ħafna għoti ta' setgħat ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni.

    Il-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE għall-ewwel kien sal-31 ta' Ottubru 2012 u l-1 ta' Novembru 2012 rispettivament, iżda sakemm joħorġu r-riżultati tan-negozjati leġiżlattivi li għadhom għaddejjin dwar Omnibus II, id-Direttiva 2012/23/UE (Ta' Malajr) ipposponiet dawn id-dati għat-30 ta' Ġunju 2013 u l-1 ta' Jannar 2014 rispettivament.

    Id-Direttiva 2013/23/UE wkoll tipposponi d-data meta d-direttivi eżistenti tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (id-Direttivi 64/225/KEE, 73/239/KEE, 73/240/KEE, 76/580/KEE, 78/473/KEE, 84/641/KEE, 87/344/KEE, 88/357/KEE, 92/49/KEE, 98/78/KE, 2001/17/KE, 2002/83/KE u 2005/68/KE, kif emendati bl-atti elenkati fil-Parti A tal-Anness VI) li huma kollettivament imsemmija bħala Solvenza I se jiġu rrevokati. Minflok fl-1 ta' Novembru 2012, dawk id-direttivi issa se jiġu rrevokati b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.

    L-aktar kwistjoni kontroversjali fin-negozjati leġiżlattivi li għadhom għaddejjin bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni hija l-introduzzjoni ta' miżuri ta' trattament ta' prodotti tal-assigurazzjoni b'garanziji fit-tul skont ir-regim regolatorju tal-assigurazzjoni l-ġdid Solvenza II ("Pakkett ta' garanzija fit-tul" jew pakkett LGT). Minħabba li ebda arranġament fuq il-pakkett LTG ma seta' jinkiseb f'Settembru 2012, in-negozjati kienu sospiżi. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni taw mandat lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) biex twettaq valutazzjoni teknika tal-mizuri, sabiex tipprovdi bażi teknika għal ftehim politiku dwar Omnibus II.

    Fl-14 ta' Ġunju 2013, EIOPA ppubblikat is-sejbiet tekniċi tagħha fuq il-valutazzjoni tal-garanziji fit-tul. Dawn is-sejbiet tekniċi l-ewwel jikkonfermaw l-importanza tal-miżuri ta' garanzija fit-tul għal ħafna Stati Membri f'perjodi ta' tensjoni finanzjarja bħal dawk esperjenzati fl-2011 u it-tieni li pakkett ta' miżuri differenti huwa meħtieġ biex jaqdi l-prodotti ta' assigurazzjoni differenti offruti fl-Istati Membri. Is-sejbiet tal-EIOPA jipproponu numru ta' miżuri intiżi biex jiffaċilitaw id-dispożizzjoni ta' prodotti tal-assigurazzjoni b'garanziji fit-tul kontra l-volatilità artifiċjali fis-suq finanzjarju.

    Dawn is-sejbiet jikkostitwixxu l-parametri għal ftehim politiku fuq Omnibus II. Skont ir-rapport tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ġunju 2013, għandu jkun possibbli li jinstab kompromess fl-ambitu tal-miżuri li tirrakkomanda l-EIOPA. Minkejja li n-negozjati leġiżlattivi bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni reġgħu bdew fl-10 ta' Lulju 2013, huwa improbabbli ħafna li n-negozjati fuq Omnibus II jkunu konklużi fil-ħin biex id-Direttiva ta' Omnibus II tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċċjali qabel id-data ta' applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE kif emendat mid-Direttiva 2012/23/UE. Jekk dik id-data ma tinbidilx dan jirriżulta f’li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tranżitorji u l-adattamenti rilevanti pprovduti mill-proposta Omnibus II.

    Minħabba li n-negozjati fuq Omnibus II għadhom ma ġewx iffinalizzati, id-data ta' traspożizzjoni tat-30 ta' Ġunju 2013, li diġà għaddiet, għandha tiġi estiża għall-aħħar darba. Jekk id-data titħalla kif inhi, dan jimplika li Solvenza II tkun teħtieġ li tiġi implimentata mingħajr ir-regoli tranżitorji u adattamenti oħra importanti previsti f'Omibus II. Sabiex tiġi evitata l-inċertezza legali kontinwa u tiġi żgurata l-kontinwità legali tad-dispożizzjonijiet attwali ta' Solvenza (Solvenza I) sakemm il-pakkett kollu ta' Solvenza II ikun fis-seħħ, huwa propost li d-data ta' traspożizzjoni rilevanti fid-Direttiva 2009/138/KE tiġi estiża għall-31 ta' Jannar 2015.

    Huwa importanti li jitħalla ftit tal-ħin għas-superviżuri u għall-impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni biex jippreparaw għall-applikazzjoni tas-Solvenza II. Għalhekk huwa propost li tiġi estiża d-data tal-ewwel applikazzjoni ta' Solvenza II għall-aħħar darba sal-1 ta' Jannar 2016. Din se tagħmilha possibbli li l-proċeduri superviżorji ta' approvazzjoni jibdew, eżempju għall-mudelli interni u għat-twettiq ta' parametri speċifiċi. Il-partijiet għan-negozjati leġiżlattivi li għadhom għaddejjin qablu li ma għandux ikun hemm aktar tibdil kemm fit-traspożizzjoni kif ukoll fid-dati ta' applikazzjoni matul in-negozjati tal-Omnibus II sabiex tiġi żgurata ċarezza legali għall-awtoritajiet superviżorji ta' impriżi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni matul il-preparamenti tagħhom.

    Huwa evidenti mill-ordni kronoloġiku tal-ġrajjiet li d-dati posposti għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, japplika wkoll għall-emendi lill-Artikoli minn 212 sa 216, 219, 226, 231, 233, 235, minn 243 sa 247, 249, 256, 257, 258, 262 u 263 ta' dik id-Direttiva li saru mid-Direttiva 2011/89/KE.

    Id-data tar-revoka ta' Solvenza I għandha tkun emendata skont dan.

    Fid-dawl ta' dan kollu u minħabba li ftit li xejn baqa' żmien qabel l-1 ta' Jannar 2014, din id-Direttiva għandha tiġi adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill b'urġenza u tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

    Din id-Direttiva hija neċessarja sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' lakuna ġuridika wara l-1 ta' Jannar 2014.

    In-nuqqas ta' din id-Direttiva jirriżulta f'vojt bejn is-sistema legali tal-UE (Solvenza II) u dik tal-Istati Membri (fejn Solvenza I tibqa' fis-seħħ kif trasposta). Din twassal għal inċertezza legali għall-awtoritajiet ta' superviżjoni, għall-impriżi u għall-Istati Membri.

    1.2.        Id-Direttiva 2009/138/KE (Solvenza II)

    Din id-Direttiva tistabbilixxi skema ta' solvenza ġdida u moderna għal assiguraturi u riassiguraturi fl-Unjoni Ewropea. Tipprovdi għal approċċ ekonomiku bbażat fuq ir-riskju li jipprovdi inċentivi għall-impriżi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni biex ir-riskji tagħhom ikunu jistgħu jiġu kkalkolati u amministrati tajjeb.

    1.3.        Id-Direttiva 2011/89/KE (Ficod1)

    Din id-Direttiva temenda ċerti direttivi inkluża d-Direttiva 2009/138/KE rigward is-superviżjoni supplimentari ta' entitajiet finanzjarji f'konglomerat finanzjarju. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/89/KE jemenda l-Artikoli 212 - 216, 219, 226, 231, 233, 235, 243 - 247, 249, 256, 257, 258, 262 u 263 tad-Direttiva 2009/138/KE u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/89/KE tistabbilixxi li l-Istati Membri għandhom ikunu konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet ġodda mill-10 ta' Ġunju 2013.

    1.4.        Id-Direttiva 2012/23/UE (Ta' Malajr)

    Din id-Direttiva temenda d-Direttiva 2009/138/KE u tipposponi d-data għat-traspożizzjoni tagħha mill-31 ta' Ottubru 2012 sat-30 ta' Ġunju 2013, iddaħħal id-data tal-applikazzjoni tagħha mill-1 ta' Jannar 2014 u tipposponi d-data ta' revoka ta' Solvenza I mill-1 ta' Novembru 2012 għall-1 ta' Jannar 2014.

    1.5.        Il-proposta COM(2011) 8 (id-Direttiva Omnibus II)

    Din il-proposta għandha l-għan li temenda d-Direttiva 2009/138/KE sabiex tadatta s-Solvenza II għall-arkitettura l-ġdida ta' superviżjoni għall-assigurazzjoni u jiġifieri l-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX) fl-1 ta' Jannar 2011 (COM(2011) 8, COD 2011/0006). Tipproponi li tiġi posposta d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni ta' Solvenza II sal-31 ta' Diċembru 2012.

    2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

    2.1.        It-trażmissjoni ta' din il-proposta lill-parlamenti nazzjonali

    L-abbozzi tal-atti leġiżlattivi, inklużi proposti mingħand il-Kummissjoni, li ntbagħtu lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandhom jintbagħtu lill-parlamenti nazzjonali skont il-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, mehmuż mat-Trattati.

    Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll, għandhom jgħaddu tmien ġimgħat minn meta l-abbozz tal-att leġiżlattiv ikun sar disponibbli għall-parlamenti nazzjonali sad-data ta' meta jitqiegħed fuq aġenda provviżorja għall-Kunsill għall-adozzjoni tiegħu jew għall-adozzjoni ta' pożizzjoni skont proċedura leġiżlattiva.

    Madankollu, skont l-Artikolu 4 għandu jkun possibbli li jsiru eċċezzjonijiet f'każijiet ta' urġenza, li r-raġunijiet għalihom għandhom jiġu ddikjarati fl-att jew fil-pożizzjoni tal-Kunsill. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jikkunsidraw din il-proposta bħala każ ta' urġenza assoluta għar-raġunijiet spjegati hawn fuq.

    2.2.        Valutazzjoni tal-impatt

    Din il-proposta mhijiex akkumpanjata minn Valutazzjoni tal-Impatt separata minħabba li valutazzjoni tal-impatt għad-Direttiva ta' Solvenza II diġà twettqet u din il-proposta għandha l-għan biss li tindirizza l-fatt li l-pubblikazzjoni ta' Omnibus II f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea se tkun aktar tard mid-data ta' applikazzjoni tal-1 ta' Jannar 2014.

    Jekk ma jsir xejn f'dan l-istadju, wara l-1 ta' Jannar 2014 se tinħoloq sitwazzjoni legali inċerta. Tkun teżisti lakuna bejn is-sistema legali tal-UE (Solvenza II) u dik tal-Istati Membri (fejn Solvenza I tibqa' fis-seħħ kif trasposta). Din twassal għal inċertezza legali għall-awtoritajiet ta' superviżjoni, għall-impriżi u għall-Istati Membri.

    Id-Direttiva Qafas tkun teħtieġ li tiġi implimentata mingħajr ir-regoli tranżitorji u adattamenti oħra importanti previsti f'Omnibus II. B'konsegwenza ta' hekk, awtoritajiet ta' superviżjoni, impriżi u Stati Membri jkollhom bżonn jipproċedu billi jimplimentaw reġim li jkun jeħtieġ jiġi rivedut għal darb'oħra fil-futur qrib, li ma jkunx effiċjenti.

    Il-bdil propost jaffettwa biss l-obbligazzjoni tal-Istati Membri li jittrasponu b'dik id-Direttiva sat-30 ta' Ġunju 2013, u jestenduha sal-31 ta' Diċembru 2014. Jipprevedi wkoll l-estensjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva ta' Solvenza II mill-1 ta' Jannar 2014 sal-1 ta' Jannar 2016 (u l-istess estensjoni għad-data ta' revoka ta' Solvenza I). Il-bdil ma jaffettwax lis-sustanza tad-Direttiva inkwistjoni u għalhekk ma jimponix xi obbligazzjonijiet addizzjonali fuq in-negozji.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    3.1.        Is-sommarju tal-miżuri proposti

    Il-proposta temenda l-Artikolu 309(1) tad-Direttiva 2009/138/KE billi tistabbilixxi dati aktar tard għat-traspożizzjoni tiegħu (il-31 ta' Jannar 2015) u l-applikazzjoni tiegħu (l-1 ta' Jannar 2016). Temenda wkoll l-Artikoli 310 u 311 kif inhu xieraq billi tistabbilixxi data ġdida għar-revoka ta' Solvenza I (l-1 ta' Jannar 2016).

    3.2.        Bażi legali

    L-Artikoli 53(1) u 62 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    3.3.        Prinċipju tas-sussidjarjetà

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika għaliex il-proposta tikkonċerna qasam li ma jaqax fil-kompetenza esklussiva tal-Unjoni Ewropea.

    L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu kif inhu xieraq mill-Istati Membri, peress li d-dispożizzjonijiet tad-direttivi ma jistgħux jiġu emendati jew imħassra fuq livell nazzjonali.

    L-għanijiet tal-proposta jistgħu jintlaħqu biss b'azzjoni tal-UE, peress li din il-proposta temenda att tal-liġi tal-UE li qiegħed fis-seħħ, u din ma tistax issir mill-Istati Membri nnifishom.

    Il-prinċipju tas-sussidjarjetà li huwa osservat f'dik il-proposta jemenda l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE.

    3.4.        Prinċipju tal-proporzjonalità

    Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għal dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

    Din ma tibdilx is-sustanza tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE: hija ristretta għal posponiment tad-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE għall-31 ta' Jannar 2015; sabiex tkun evitata inċertezza legali kontinwa issa li d-data attwali ta' skadenza għat-traspożizzjoni (it-30 ta' Ġunju 2013) skadiet. Hija tipprovdi wkoll għal data ġdida ta' applikazzjoni li qiegħdha aktar tard għas-Solvenza II u r-revoka konsegwenti ta' Solvenza I (l-1 ta' Jannar 2016).

    3.5.        Għażla tal-istrumenti

    L-istrument(i) propost(i): id-direttiva.

    L-ebda strument ieħor ma kien ikun xieraq. Peress li din hija direttiva emendata, l-uniku mezz xieraq huwa li tiġi adottata direttiva oħra.

    4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

    5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

    · Simplifikazzjoni

    Il-proposta l-ġdida bħala tali ma fiha l-ebda elementi ta' simplifikazzjoni. Din għandha l-għan biss li tipposponi d-data ta' traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE għall-31 ta' Jannar 2015 u li tipprovdi għal data ġdida tal-applikazzjoni tal-1 ta' Jannar 2016.

    · Tħassir tal-leġiżlzzjoni eżistenti

    L-adozzjoni tal-proposta minnha nnfisha ma tfissirx li għandha tiġi rrevokata l-leġiżlazzjoni eżistenti; hija sempliċement tbiddel id-data tar-revoka diġà prevista fid-Direttiva 2009/138/KE.

    · Żona Ekonomika Ewropea

    L-istrument abbozz għandu x'jaqsam ma' suġġett kopert fil-Ftehim taż-ŻEE u għalhekk għandu jiġi estiż sabiex ikopri ż-Żona Ekonomika Ewropea.

    · Spjegazzjoni dettaljata tal-proposta skont il-kapitlu jew skont l-artikolu

    Din il-proposta tipposponi d-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE għall-31 ta' Jannar 2015.

    L-Artikolu 1(1) tal-proposta jemenda l-Artikolu 309(1) tad-Direttiva 2009/138/KE skont dan. Huwa jipprovdi wkoll għal data ġdida ta' applikazzjoni u li qiegħda aktar tard għas-Solvenza II (l-1 ta' Jannar 2016).

    L-Artikolu 1(2) jemenda d-data tar-revoka ta' Solvenza I (mill-1 ta' Jannar 2016) fl-Artikolu 310 u l-Artikolu 1(3) u jipprovdi għall-istess data bħad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' Solvenza I imfassla mill-ġdid minn Solvenza II fl-Artikolu 311.

    2013/0327 (COD)

    Proposta għal

    DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    li temenda d-Direttiva 2009/138/KE dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) rigward id-dati tat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni u d-data tar-revoka ta' ċerti Direttivi

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 53(1) u 62 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġizlattiva ordinarja,

    Billi:

    (1)       Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [1] tipprovdi sistema moderna bbażata fuq ir-riskju għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-impriżi Ewropej tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni. Dawn ir-regoli l-ġodda huma essenzjali sabiex jiġi żgurat settur tal-assigurazzjoni sikur u solidu li jista' jipprovdi prodotti tal-assigurazzjoni sostenibbli u jappoġġa l-ekonomija reali permezz ta' investimenti fit-tul u stabbiltà addizzjonali.

    (2)       Id-Direttiva 2011/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[2] tintroduċi xi bidliet fl-Artikoli minn 212 sa 61 tad-Direttiva 2009/138/KE li għandhom jiġu introdotti mill-10 ta' Ġunju 2013.

    (3)       Id-Direttiva 2012/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[3] tipposponi d-data għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE mill-31 ta' Ottubru 2012 għat-30 ta' Ġunju 2013, id-data ta' applikazzjoni mill-1 ta' Novembru 2012 għall-1 ta' Jannar 2014 u d-data ta' revoka tad-Direttivi ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni eżistenti, jiġifieri d-Direttiva tal-Kunsill 64/225/KEE[4], L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE[5], id-Direttiva tal-Kunsill 73/240/KEE[6], id-Direttiva tal-Kunsill 76/580/KEE[7], id-Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE[8], id-Direttiva tal-Kunsill 84/641/KEE[9], id-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE[10], It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE[11], id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE[12], id-Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[13], id-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14], id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[15] u d-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill [16] (imsejħa kollettivament "Solvenza I") mill-1 ta' Novembru 2012 sal-1 ta' Jannar 2014.

    (4)       Fid-19 ta' Jannar 2011 il-Kummissjoni adottat proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2003/71/KE u 2009/138/KE (minn hawn ’il quddiem imsejħa "il-proposta Omnibus II")[17] sabiex tikkunsidra l-arkitettura ta' superviżjoni l-ġdida għall-assigurazzjoni u l-aktar it-twaqqif tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA). Il-proposta Omnibus II isservi wkoll bħala mezz biex id-Direttiva 2009/138/KE tiġi adattata għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi jiġi aġġustat l-għoti ta' setgħat għall-Kummissjoni biex tadotta miżuri ta' implimentazzjoni għall-għoti ta' setgħat għall-Kummissjoni biex tadotta atti ta' implimentazzjoni u ddelegati.

    (5)       Hemm riskju ċar li m'hemmx biżżejjed ħin biex il-proposta Omnibus II tiġi adottata u ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel l-Artikoli rilevanti tad-Direttiva 2009/138/KE jiġu applikati. Jekk id-dati għat-traspożizzjoni, applikazzjoni u revoka ma jinbidlux dan jirriżulta f’li d-Direttiva 2009/138/KE tiġi implimentata qabel id-dħul fis-seħħ tar-regoli tranżitorji u l-adattamenti rilevanti, inkluż aktar kjarifika ta' għoti ta' setgħat ta' atti ddelegati u ta' implimentazzjoni, pprovduti mill-proposta Omnibus II.

    (6)       Sabiex jiġu evitati obbligi leġiżlattivi ta' piż żejjed għall-Istati Membri skont id-Direttiva 2009/138/KE u aktar tard skont il-qafas ġdid maħsub mill-proposta Omnibus II, huwa xieraq li d-dati għat-traspożzzjoni u applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE jiġu posposti u s-superviżuri u n-negozji ta' assigurazzjoni u riassigurazzjoni jingħataw biżżejjed ħin għall-introduzzjoni tal-arkitettura l-ġdida.

    (7)       Huwa evidenti mill-ordni kronoloġiku tal-ġrajjiet li d-dati posposti għat-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE, japplika wkoll għall-emendi lill-Artikoli minn 212 sa 216, 219, 226, 231, 233, 235, minn 243 sa 247, 249, 256, 257, 258, 262 u 263 ta' dik id-Direttiva li saru mid-Direttiva 2011/89/KE.

    (8)       Għal raġunijiet ta' ċertezza legali, id-data tar-revoka tad-Direttivi 64/225/KEE, 73/239/KEE, 73/240/KEE, 76/580/KEE, 78/473/KEE, 84/641/KEE, 87/344/KEE, 88/357/KEE, 92/49/KEE, 98/78/KE, 2001/17/KE, 2002/83/KE u 2005/68/KE għandha tiġi posposta skont dan.

    (9)       Minħabba l-perjodu qasir ħafna ta' żmien li fadal qabel ma jagħlqu d-dati ta' skadenza stabbiliti fid-Direttiva 2009/138/KE, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ mingħajr dewmien.

    (10)     Konsegwentement, huwa wkoll iġġustifikat li tiġi applikata l-eċċezzjoni għal każijiet urġenti pprovduti fl-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 1) dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea f'dan il-każ fir-rigward tat-trażmissjoni lill-Parlamenti nazzjonali tal-proposta għal din id-Direttiva,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    Artikolu 1

    Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

    1.           l-Artiklu 309(1) huwa emendat kif ġej:

    2.           (a)      fl-ewwel subparagrafu, id-data tat-"30 ta' Ġunju 2013” tinbidel b'dik tal-"31 ta' Jannar 2015"

    (b)     fit-tieni subparagrafu, id-data tal-"1 ta' Jannar 2014” tinbidel b'dik tal-"1 ta' Jannar 2016".

    3.           Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 310, id-data tal-“1 ta’ Jannar 2014” tinbidel b'dik tal-“1 ta’ Jannar 2016”.

    4.           Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 311, id-data l-"1 ta' Jannar 2014" tinbidel b'dik tal-"1 ta' Jannar 2016".

    Artikolu 2

    Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell,

    Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

    Il-President                                                    Il-President

    [1]               Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1.)

    [2]               Id-Direttiva 2011/89/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li temenda d-Direttivi 98/78/KE, 2002/87/KE, 2006/48/KE u 2009/138/KE fir-rigward tas-superviżjoni supplimentari tal-entitajiet finanzjarji f’konglomerat finanzjarju (ĠU L 326, 8.12.2011, p. 113).

    [3]               Id-Direttiva 2012/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2012 li temenda d-Direttiva 2009/138/KE rigward id-data tat-traspożizzjoni tagħha u d-data tal-applikazzjoni tagħha, u d-data tat-tħassir ta’ ċerti Direttivi (ĠU L 249, 14.9.2012, p. 1).

    [4]               Id-Direttiva tal-Kunsill 64/225 tal-25 ta’ Frar 1964 dwar it-tneħħija ta’ restrizzjonijiet fuq il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jkunu pprovduti servizzi fir-rigward tar-riassigurazzjoni u tar-retroċessjoni (ĠU 56, 4.4.1964, p. 878/64).

    [5]               L-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi marbuta mal-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju ta’ assikurazzjoni diretta ħlief għal assikurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3).

    [6]               Id-Direttiva tal-Kunsill 73/240 /KEE tal-24 ta' Lulju 1973 li tabolixxi r-restizzjonijiet fuq il-libertà tal-istabbiliment fin-negozju tal-assigurazzjoni diretta ħlief fl-assigurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 228, 16.8.1973, p. 20).

    [7]               Id-Direttiva tal-Kunsill 76/580/KEE tad-29 ta' Ġunju 1976 li temenda d-Direttiva 73/239/KEE (ĠU L 189, 13.7.1976, p. 13).

    [8]               Id-Direttiva tal-Kunsill 78/473/KEE tat-30 ta’ Mejju 1978 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ koassigurazzjoni Komunitarja (ĠU L 151, 7.6.1987, p. 25.).

    [9]               Id-Direttiva tal-Kunsill 84/641/KEE tal-10 ta' Diċembru 1984 li temenda, partikolarment fir-rigward tal-assistenza lit-turisti, l-Ewwel Direttiva (73/239/KEE) (ĠU L 339, 27.12.1984, p. 21).

    [10]             Id-Direttiva tal-Kunsill 87/344/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1987 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-assigurazzjoni għall-ispejjeż legali (ĠU L 185, 4.7.1978, p. 77).

    [11]             It-Tieni Direttiva tal-Kunsill 88/357/KEE tat-22 ta’ Ġunju 1988 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta ta’ xorta oħra minn assigurazzjoni tal-ħajja u li jistipulaw id-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-eżerċizzju effettiv tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi (ĠU L 172, 4.7.1988, p. 1).

    [12]             Id-Direttiva tal-Kunsill 92/49/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni diretta barra minn assigurazzjoni tal-ħajja (it-tielet Direttiva dwar assigurazzjoni mhux tal-ħajja) (ĠU L 228, 11.8.1992, p. 1).

    [13]             Id-Direttiva 98/78/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1998 dwar is-superviżjoni supplimentari ta’ intrapriżi ta’ l-assikurazzjoni fi grupp tal-assikurazzjoni (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 1).

    [14]             Id-Direttiva 2001/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2001 dwar ir-riorganizzazzjoni u l-għeluq tal-impriżi tal-assigurazzjoni (ĠU L 110, 20.4.2001, p. 28).

    [15]             Id-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Novembru 2002 rigward l-assikurazzjoni fuq il-ħajja (ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1).

    [16]             Id-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni (ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1.)

    [17]             COM(2011) 8.

    Top