Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0663

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar miżuri ta' tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    /* COM/2013/0663 final - 2013/0319 (NLE) */

    52013PC0663

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar miżuri ta' tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp /* COM/2013/0663 final - 2013/0319 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    Skont l-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Intern għall-10 FEŻ, il-fondi tal-10 FEŻ ma għandhomx ikunu impenjati wara l-31 ta’ Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    Il-Ftehim Intern li jistabbilixxi l-ħdax-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (11-il FEŻ) ġie ffirmat mill-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, f'Ġunju 2013. Dan il-Ftehim Intern jidħol biss fis-seħħ wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha. Dan il-proċess probabbilment mhux se jiġi konkluż qabel Jannar 2014.

    Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi miżuri ta' tranżizzjoni ("Faċilità ta' Tranżizzjoni") sabiex tiżgura d-disponibbiltà tal-fondi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u mal-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej, bejn Jannar 2014 u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Intern li jistabbilixxi l-11-il FEŻ. Din il-faċilità tiġi iffinanzjata mill-bilanċi u l-fondi diżimpenjati tal-10 FEŻ u dawk preċedenti.

    Huwa propost ukoll li fondi impenjati taħt din il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni jitqiesu taħt il-11-il FEŻ, li jfisser li huma ma jikkostitwixxux riżorsi addizzjonali fil-11-il-FEŻ, u li l-miżuri meħtieġa jiġu adottati mill-aktar fis possibbli għall-ġestjoni finanzjarja u operattiva ta’ din il-Faċilità ta' Tranżizzjoni.

    Il-Kummissjoni għalhekk tissuġġerixxi li l-Kunsill jadotta d-deċiżjoni mehmuża.

    2013/0319 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar miżuri ta' tranżizzjoni tal-ġestjoni tal-FEŻ mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000[1],

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea ("Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar")[2],

    Wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fil-Kunsill, dwar il-finanzjament tal-għajnuna Komunitarja taħt il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2008 sal-2013 b'konformità mal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji Extra-Ewropej li għalihom tapplika l-Parti Erbgħa tat-Trattat tal-KE[3] (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ l-“Għaxar Ftehim Intern tal-FEŻ”), u b'mod partikolari l-Artikolu 1(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       L-Artikolu 1(5) tal-Ftehim Intern għall-10 FEŻ, jistipula li l-fondi tal-10 FEŻ ma għandhomx ikunu impenjati wara l-31 ta’ Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (2)       Il-Paragrafu 5 tal-Anness Ib[4] (Qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu mill-2008 sal-2013) tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE jistipula li l-fondi tal-10 FEŻ, għajr l-ammonti allokati għall-Faċilità tal-Investiment, bl-esklużjoni tas-sussidji relatati tar-rati tal-imgħax, ma għandhomx ikunu impenjati wara l-31 ta' Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma jiddeċidix mod ieħor b'mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni.

    (3)       L-Artikolu 1(2) tal-Anness IIAa tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2001 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea jistipula li l-fondi tal-10 FEŻ ma għandhomx ikunu impenjati wara l-31 ta’ Diċembru 2013, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix mod ieħor b’mod unanimu, fuq proposta mill-Kummissjoni[5].

    (4)       L-Artikolu 13(3) tal-Ftehim Intern għall-10 FEŻ jipprevedi li huwa konkluż għall-istess tul ta’ żmien bħall-qafas finanzjarju pluriennali tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE, u li jibqa’ fis-seħħ sakemm ikun meħtieġ sabiex l-operazzjonijiet kollha ffinanzjati taħt il-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE u d-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni u l-imsemmi qafas finanzjarju pluriennali jiġu eżegwiti b’mod sħiħ.

    (5)       L-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna huma deskritti fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE.

    (6)       Id-dħul fis-seħħ tal-11-il FEŻ jista’ jiġi ttardjat sa wara l-1 ta’ Jannar 2014. Għalhekk, huwa xieraq li jiġu previsti miżuri ta' tranżizzjoni ("Faċilità ta' Tranżizzjoni") sabiex tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-fondi għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku u mal-Pajjiżi u t-Territorji extra-Ewropej, bejn Jannar 2014 u d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim Intern, li għandhom jiġu ffinanzjati mill-bilanċi u l-fondi diżimpenjati tal-10 FEŻ u dawk ta' qablu.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Sakemm jidħol fis-seħħ il-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ miżuri ta' tranżizzjoni fil-forma ta' programmi ta' azzjoni, miżuri individwali, miżuri speċjali għas-sħab tal-AKP, deċiżjonijiet ta' finanzjament f'appoġġ għall-OCTs, u programmi ta' azzjoni speċifiċi għas-sostenn tan-nefqa jiġu ffinanzjati minn Faċilità ta' Tranżizzjoni għall-11-il FEŻ, magħmula minn bilanċi mill-FEŻ preċedent u minn fondi diżimpenjati minn proġetti ta' dawn il-FEŻ. Din il-Faċilità ta' Tranżizzjoni tista’ wkoll tkopri l-għotjiet biex ikunu ffinzanzjati s-sussidji fuq ir-rati tal-imgħax u assistenza teknika marbuta ma’ proġetti allokati lill-Bank Ewropew tal-Investiment kif stipulat fl-Artikoli 1, 2 u 4 tal-Anness II tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE u fid-Deċiżjoni tal-Assoċjazzjoni extra-Ewropea l-ġdida. Dawn il-miżuri tranżizzjonali ta' finanzjament għandu jkollhom l-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta’ programmazzjoni, u li jwieġbu għar-rekwiżiti tal-għajnuna ta’ emerġenza.

    Fondi impenjati skont il-Faċilità ta’ Tranżizzjoni jkunu kkontabilizzati taħt il-11-il FEŻ. Is-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri ddikjarat fl-Artikolu 1(2)(a) tal-Ftehimiet Interni tad-9 u l-10 FEŻ jitnaqqsu skont dan.

    Artikolu 2

    Minkejja l-istat tal-proċess ta’ ratifika nazzjonali tal-Ftehim Intern mill-Istati Membri, il-Kunsill jadotta mill-aktar fis possibbli r-regolamenti dwar l-implimentazzjoni tal-11-il-FEŻ, li jinkludu l-miżuri għall-ġestjoni operattiva u finanzjarja ta’ din il-Faċilità ta' Tranżizzjoni. Sal-adozzjoni ta’ dawn ir-regolamenti, għall-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Tranżizzjoni, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 617/2007 tal-14 ta’ Mejju 2007 dwar l-implimentazzjoni tal-10 FEŻ u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 215/2008 tat-18 ta’ Frar 2008 dwar ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-10 FEŻ ikomplu japplikaw.

    Artikolu 3

    L-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni tkun skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/427/UE, li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014 sad-dħul fis-seħħ il-Ftehim Intern tal-11-il FEŻ.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 317, 15,12.2000, p. 3. Il-Ftehim kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).

    [2]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2001, 2001/822/KE, ĠU L 314, 30.11.2001, ;p. 1, emendata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/249/KE tad-19 ta’ Marzu 2007, ĠU L 109, 26/04/2007, p. 33.

    [3]               ĠU L 247, 9,9.2006, p. 32.

    [4]               L-Anness Ib kif inkluż fl-Anness tad-Deċiżjoni Nru 1/2006 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-KE (ĠU L 247, tad-9.9.2006, p. 22).

    [5]               ĠU L 314, tat-30.11.2001 p. 1, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2007 (ĠU L 109, 26.4.2007, p. 37)

    Top