Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0621

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni

/* COM/2013/0621 final - 2013/0303 (COD) */

52013PC0621

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni /* COM/2013/0621 final - 2013/0303 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 tad-29 ta’ Marzu 1999 dwar il-politika ta’ kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni[1] introduċiet mekkaniżmu regolatorju tal-kapaċità tal-flotta permezz tar-regola “il-qadim għall-ġdid”, bil-għan li jiġi evitat aggravju fil-kapaċità żejda jew l-emerġenza ta' aktar kapaċità żejda tal-flotta fis-suq tal-passaġġi fuq l-ilma interni fl-UE. F’April 2003, ir-regola “il-qadim għall-ġdid” ġiet mibdula f’mekkaniżmu ta’ emerġenza li jiġi attivat f’każ ta’ tfixkil serju tas-suq tat-tip imsemmi fid-Direttiva 96/75/KE[2].

Skont il-politiki tagħhom tal-kapaċità tal-flotta, l-Istati Membri b’passaġġi fuq l-ilma interni, konnessi ma’ dawk ta’ Stat Membru ieħor u b’tunnellaġġ totali tal-flotta ta’ aktar minn 100 000 tunnellata stabbilixxew il-Fond għall-Passaġġi fuq l-Ilma Interni (“Fond ta' Riżerva”) fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999.

Il-Fondi ta’ Riżerva huma ffinanzjati mill-fondi żejda minn skemi ta’ titjib strutturali mmexxija sat-28 ta’ April 1999 u mill-kontribuzzjonijiet speċjali riċevuti skont ir-regola “il-qadim għall-ġdid”. Dawn jikkonsistu esklussivament minn kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-industrija tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-valur kumulattiv tagħhom attwalment jammonta għal madwar EUR 35 miljun.

Il-fondi huma amministrati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u bir-riżorsi amministrattivi tagħhom stess. L-organizzazzjonijiet nazzjonali li jirrappreżentaw it-trasportaturi bil-passaġġi fuq l-ilma interni huma involuti f’din l-amministrazzjoni skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 718/1999.

Skont l-Artikolu 3(4) u (5) tar-Regolament, il-fondi ta’ riżerva jistgħu jintużaw biss f’żewġ sitwazzjonijiet[3]:

A.        Fil-każ ta’ “tfixkil serju fis-suq” fis-suq tat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/75/KE, il-Kummissjoni tista’, wara talba ta’ Stat Membru, tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari miżuri maħsuba biex jimpedixxu kull żieda ġdida fil-kapaċità tat-trasport offruta fis-suq inkwistjoni.

Skont it-tifsira tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999, il-miżuri adattati għandhom jinftiehmu bħala l-attivazzjoni mill-ġdid tar-regola “il-qadim għall-ġdid”, għal perjodu limitat, possibbilment akkumpanjati minn miżuri ta' titjib strutturali, pereżempju l-ħruġ ta’ primjums tar-rimi ta’ bastimenti, imħallsa mill-fondi ta’ riżerva.

B.         Jekk ikun unanimament mitlub mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni. F’każ bħal dan, kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri kif imsemmi fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999.

B'rabta mal-immodernizzar u mar-ristrutturar tal-flotot tal-UE, il-miżuri disponibbli biex jinħoloq kuntest favorevoli għall-ambjent u għas-sikurezza huma dawn li ġejjin:

– l-iffaċilitar għat-trasportaturi bil-passaġġi fuq l-ilma interni li jkunu se jitilqu mill-industrija biex jiksbu pensjoni tal-irtirar kmieni jew biex imorru jaħdmu f'attività ekonomika oħra,

– l-organizzazzjoni ta' taħriġ vokazzjonali jew ta' skemi ta' taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema li jkunu se jitilqu mill-industrija;

– l-inkoraġġiment tas-sidien-operaturi privati biex jissieħbu f'assoċjazzjonijiet tas-sengħa;

– l-inkoraġġiment tal-adattament tal-bastimenti mal-progress tekniku bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u jiġu promossi r-rekwiżiti tekniċi tas-sikurezza; kif ukoll

– it-titjib tal-ħiliet tal-operaturi bil-għan li jitħarsu l-iżvilupp u l-ġejjieni tas-sengħa.

Sal-lum, il-kapital fil-fondi ta’ riżerva għadu qatt ma ntuża. Fl-2009, il-Pajjiżi l-Baxxi għarrfu lill-Kummissjoni dwar allegazzjoni ta’ tfixkil serju tas-suq fis-suq tat-trasport tal-passaġġi fuq l-ilma interni tagħhom u talbuha tieħu l-miżuri adattati f’konformità mad-Direttiva 96/75/KE (sitwazzjoni A). Madankollu, mill-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonferma l-eżistenza ta’ tfixkil serju tas-suq skont it-tifsira tad-Direttiva.

Fl-2003, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi fil-livell tal-UE avviċinaw lill-Kummissjoni darba, biex jistaqsu dwar il-possibbiltajiet li jużaw il-fondi (sitwazzjoni B). Madankollu, il-miżuri previsti tqiesu li kienu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Fil-11 ta’ April 2013, il-Kummissjoni kkonsultat mal-organizzazzjonijiet rappreżentattivi dwar ir-raġunijiet għaliex il-fondi ta’ riżerva qatt ma ntużaw, anke jekk dan is-settur kien qed jesperjenza tnaqqis, u dwar soluzzjonijiet possibbli. Huma kkonfermaw li l-kamp ta' applikazzjoni limitat tal-Artikolu 8 kien ostaklu għall-użu tal-fondi. Huma indikaw li jkunu favur l-espansjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu sabiex il-miżuri eżistenti jiġu applikati għat-taħriġ vokazzjonali jew għal skemi tat-taħriġ mill-ġdid għall-membri kollha tal-ekwipaġġ li jkunu se jitilqu mis-settur. Il-kliem tad-dispożizzjoni attwali jeskludi l-operaturi-sidien, u b’hekk perċentwal imdaqqas tas-settur jirriżulta ineliġibbli għall-użu tal-fond għal dan l-iskop, filwaqt li l-ħtiġijiet tat-taħriġ għall-ħaddiema mhumiex differenti minn dawk ta’ membri oħra tal-ekwipapġġ. Partijiet interessati kkunsidraw ukoll illi għandhom jittieħdu miżuri sabiex jissaħħu l-assoċjazzjonijiet professjonali li jistgħu jgħinu biex itaffu l-frammentazzjoni tas-settur. Barra minn hekk, huma ħasbu li jkun utli li tiżdied miżura mmirata lejn l-innovazzjoni tal-bastimenti u l-adattament tagħhom mal-progress tekniku fir-rigward tal-ambjent, li jirrifletti r-realtà li qed jiffaċċja s-settur meta wieħed iqabbel l-prestazzjoni ambjentali tagħhom f'dak li għandu x’jaqsam mal-emissjonijiet ma’ mezzi oħrajn tat-trasport.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-miżuri msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 ikopru biss l-aspetti soċjali. Madankollu, dawn il-miżuri jistgħu jiġu estiżi b’mod partikolari sabiex jitwessa’ l-ambitu tal-iskemi ta’ taħriġ, biex tissaħħaħ l-organizzazzjoni tas-settur u biex jinħoloq kuntest favorevoli għall-innovazzjoni u għall-prestazzjoni ambjentali mtejba.

Huwa għalhekk propost li l-miżuri previsti fl-Artikolu 8 jiġu estiżi kif ġej:

· tingħata l-possibbiltà li jiġu organizzati skemi ta’ taħriġ professjonali jew ta’ taħriġ mill-ġdid għall-membri kollha tal-ekwipaġġ li jkunu se jitilqu mill-industrija, u mhux biss għall-impjegati (jew il-ħaddiema);

· jingħata appoġġ għat-tisħiħ tal-assoċjazzjonijiet professjonali fil-livell tal-Unjoni; u

· titħeġġeġ l-innovazzjoni tal-bastimenti flimkien mal-adattament tagħhom mal-progress tekniku fir-rigward tal-ambjent.

2013/0303 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 dwar il-politika ta' kapaċità tal-flotta tal-Komunità biex tippromwovi t-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew[4],

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni[5],

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura ordinarja leġiżlattiva,

Billi:

1.         Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 718/1999 jistabbilixxi l-politika tal-kapaċità tal-flotta tal-Unjoni għal bastimenti li jintużaw biex iġorru merkanzija fuq passaġġi fuq l-ilma interni fl-Istati Membri.

2.         B'rabta mal-immodernizzar u mar-ristrutturar tal-flotot għandhom jiġu previsti miżuri soċjali biex jgħinu lill-ħaddiema li jixtiequ jitilqu mill-industrija tal-passaġġi fuq l-ilma interni jew li jitħarrġu mill-ġdid f'xogħol f'settur ieħor, flimkien ma' miżuri li jħeġġu l-istabbiliment ta' gruppi ta' impriżi, it-titjib fil-ħiliet tal-operaturi u l-promozzjoni tal-adattament tal-bastimenti mal-progress teknoloġiku,

3.         Għal dan l-għan, il-fond ta’ riżerva stabbilit f’kull Stat Membru li l-passaġġi fuq l-ilma interni tiegħu huma konnessi ma’ dawk ta’ Stat Membru ieħor u li t-tunnellaġġ tal-flotta tiegħu huwa aktar minn 100 000 tunnellata jista' jintuża jekk dan ikun unanimament mitlub mill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni.

4.         Il-fondi ta’ riżerva, li jikkonsistu esklussivament minn kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-industrija, qatt ma ntużaw.

5.         Il-miżuri marbutin mal-modernizzazzjoni tal-flotta tal-UE msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 jikkonċernaw biss kwistjonijiet soċjali. Tipi oħra ta’ miżura ta’ appoġġ għall-ħolqien ta’ kuntest favorevoli għall-innovazzjoni u għall-ambjent mhumiex previsti.

6.         Il-miżuri tal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 dwar it-taħriġ vokazzjonali jew dwar l-iskemi tat-taħriġ mill-ġdid huma rilevanti għall-membri kollha tal-ekwipaġġ li jkunu se jitilqu mis-settur, inklużi l-operaturi-sidien u mhux biss għal dawk li huma kkwalifikati bħala ħaddiema.

7.         L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 jistipula miżuri li jinkoraġġixxu l-operaturi-sidien biex jissieħbu f'assoċjazzjonijiet tas-sengħa, iżda ma jistipulax miżuri li jsaħħu l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li organizzazzjonijiet aktar b’saħħithom fl-Unjoni kollha jistgħu jgħinu sabiex tittaffa l-frammentazzjoni fis-settur.

8.         L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 għandu għalhekk jiġi sssupplimentat minn miżuri mmirati biex jistabbilixxu skemi ta’ taħriġ jew ta' taħriġ mill-ġdid tal-ekwipaġġ minbarra dawk li jikkwalifikaw bħala “ħaddiema” li se jitilqu mill-industrija, biex jinkoraġġixxu lill-operaturi biex jissieħbu f'assoċjazzjonijiet tas-sengħa, biex jissaħħu l-assoċjazzjonijiet professjonali u biex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni ta’ bastimenti u l-adattament tagħhom mal-progress tekniku fir-rigward tal-ambjent, u jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 718/1999 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 8

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(5), kwalunkwe Stat Membru jista' jieħu miżuri, b'mod partikolari sabiex:

– ikun iktar faċli għat-trasportaturi bil-passaġġi fuq l-ilma interni li jkunu se jitilqu mill-industrija li jiksbu pensjoni tal-irtirar kmieni jew li jmorru jaħdmu f'attività ekonomika oħra,

– issir organizzazzjoni ta' taħriġ vokazzjonali jew ta' skemi ta' taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema li jkunu se jitilqu l-industrija,

– jittejbu l-ħiliet tal-operaturi bil-għan li jitħarsu l-iżvilupp u l-ġejjieni tas-sengħa,

– jitħeġġu l-operatur-sidien biex jissieħbu f’assoċjazzjonijiet tas-sengħa u sabiex jissaħħu l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw it-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-livell tal-Unjoni,

– jitħeġġeġ l-adattattament tal-bastimenti mal-progress tekniku bil-għan li jittejbu l-kondizzjonijiet tax-xogħol u tiġi promossa s-sikurezza,

– titħeġġeġ l-innovazzjoni ta’ bastimenti flimkien mal-adattament tagħhom mal-progress tekniku fir-rigward tal-ambjent.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU L 90, 2.4.1999 p. 1–5

[2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 96/75/KE tad-19 ta' Novembru 1996 dwar is-sistema ta' kiri u prezzar fit-trasport nazzjonali u internazzjonali bil-passaġġi fuq l-ilma interni fil-Komunità (ĠU L 304, 27.11.1996, p. 12).

[3]               Fil-Ġermanja u fil-Pajjiżi l-Baxxi, id-dħul mill-fondi madankollu jintuża b’appoġġ għat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni, b’mod partikolari biex jappoġġja l-innovazzjoni (NL) jew biex jipprovdi taħriġ professjonali għall-ħaddiema tan-navigazzjoni interna fuq bastiment tat-taħriġ (DE). Madankollu, il-fond ta' riżerva nnifisu qatt ma ntuża.

[4]               ĠU C , , p. .

[5]               ĠU C , , p. .

Top