Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0539

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    /* COM/2013/0539 final - 2013/0260 (NLE) */

    52013PC0539

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea /* COM/2013/0539 final - 2013/0260 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    Fl-2003, l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa adottat il-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC), li għandha l-għan li tnaqqas b’mod komprensiv l-imwiet u l-mard relatati mat-tabakk madwar id-dinja. Sal-lum, l-FCTC ġiet ratifikata minn 176 Parti. L-UE kkonkludiet l-FCTC permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004([1]).

    Fl-Artikolu 15 tagħha l-FCTC tirrikonoxxi li l-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk inklużi l-kuntrabandu, il-manifattura illeċita u l-iffalsifikar, hija komponent essenzjali tal-kontroll fuq it-tabakk, u tobbliga lill-Partijiet sabiex jadottaw u jimplimentaw miżuri effettivi biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu. L-Artikolu 33 tal-FCTC jipprevedi l-possibbiltà sabiex fil-Konferenza tal-Partijiet jiġu adottati protokolli għall-Konvenzjoni. Fuq il-bażi ta’ dawn l-Artikoli, matul it-tieni sessjoni tagħha f’Ġunju-Lulju 2007, fil-Konferenza tal-Partijiet (COP) għall-FCTC ġie deċiż li jiġi stabbilit Korp Intergovernattiv għan-Negozjar (INB) biex jinnegozja u jabbozza protokoll għall-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk (iktar ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”).

    Fid-Deċiżjoni tiegħu tal-20 ta’ Diċembru 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni sabiex tinnegozja l-Protokoll f’isem l-UE. Din id-Deċiżjoni emendat id-Direttivi tan-negozjar għall-FCTC fir-rigward tal-Protokoll. Id-direttivi għall-FCTC ġew adottati mill-Kunsill fit-22 ta’ Ottubru 1999 u ssupplimentati fil-21 ta’ April 2001. Wara l-ħames sessjoni tiegħu, l-INB iddeċieda li jirrakkomanda li l-abbozz tal-Protokoll li dwaru ntlaħaq kunsens jiġi kkunsidrat matul il-ħames COP tal-FCTC. Għaldaqstant, il-Protokoll ġie adottat fit-12 ta’ Novembru 2012 matul il-ħames COP organizzata f’Seoul, ir-Repubblika tal-Korea.

    Skont l-Artikolu 43, il-Protokoll huwa miftuħ għall-iffirmar mill-Partijiet għall-FCTC fi New York sad-9 ta’ Jannar 2014. L-UE għandha tiffirma l-Protokoll malajr kemm jista’ jkun.

    Il-Protokoll jikkonsisti f’dispożizzjonijiet ewlenin dwar il-kontroll tal-katina tal-provvista ta’ prodotti tat-tabakk u tat-tagħmir tal-manifattura ta’ dawk il-prodotti (Parti III: Kontroll tal-Katina tal-Provvista). Il-Protokoll jeħtieġ l-introduzzjoni ta’ liċenzja, approvazzjoni ekwivalenti jew sistema ta’ kontroll minn awtorità kompetenti għal kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuti fil-manifattura u fl-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura (l-Artikolu 6 – Liċenzjar). Barra minn hekk, jeħtieġ li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tat-tabakk, il-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura, jaħdmu bid-diliġenza dovuta fir-rigward tal-konsumaturi tagħhom (l-Artikolu 7 – Diliġenza dovuta). Huwa jipprevedi l-istabbiliment ta’ skema globali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll, li tikkonsisti f’sistemi nazzjonali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni kkontrollati mill-Partijiet għall-prodotti kollha tat-tabakk manifatturati fit-territorju tagħhom jew importati fih (l-Artikolu 8 – Traċċar u Lokalizzazzjoni).

    Dawk l-Artikoli huma komplimentati mid-dispożizzjonijiet dwar iż-żamma ta’ rekords u miżuri ta’ sigurtà u miżuri preventivi, inklużi miżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u r-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi (l-Artikoli 9 u 10). Dispożizzjonijiet oħrajn jirrigwardaw il-bejgħ fuq l-Internet, it-telekomunikazzjoni jew kwalunkwe teknoloġija oħra li qed tevolvi (l-Artikolu 11), il-bejgħ ħieles mid-dazju ta’ prodotti tat-tabakk u l-obbligu li jiġu implimentati kontrolli effettivi fuq it-tabakk u l-prodotti tat-tabakk fiż-żoni ħielsa, inkluż in-nuqqas ta’ taħlit tal-prodotti tat-tabakk ma’ prodotti mhux tat-tabakk fiż-żmien li jitneħħew miż-żona ħielsa (l-Artikolu 12).

    Il-Parti IV tal-Protokoll tiddefinixxi l-imġiba li għandha tiġi stabbilita bħala illegali skont il-leġiżlazzjoni tal-Partijiet (l-Artikolu 14) u tobbliga lill-Partijiet jiżguraw li persuni fiżiċi u ġuridiċi jinżammu responsabbli għal tali mġiba illegali, inklużi reati kriminali (l-Artikoli 15 u 16). Dispożizzjonijiet ulterjuri jikkonċernaw ħlasijiet permezz ta’ sekwestru (l-Artikolu 17), l-immaniġġar tat-tabakk ikkonfiskat (l-Artikolu 18) u tekniki investigattivi speċjali (l-Artikolu 19). Il-Parti V tal-Protokoll tinkludi dispożizzjonijiet għall-iskambju ta’ informazzjoni relevanti bejn il-Partijiet (l-Artikoli20 sa 22), kooperazzjoni u assistenza reċiproka (kemm amministrattiva kif ukoll legali fir-rigward ta’ kwistjonijiet kriminali – l-Artikoli 23 u 24, u l-Artikoli27 sa 29), il-ġurisdizzjoni (l-Artikolu 26) u l-estradizzjoni (l-Artikoli 30 u 31).

    2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

    Il-koordinazzjoni mal-Istati Membri matul in-negozjati saret fil-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Unjoni Doganali u f’laqgħat lokali ta’ koordinazzjoni matul is-sessjonijiet tal-Korp Intergovernattiv għan-Negozjar u l-Gruppi ta’ Ħidma Intersessjonali.

    Il-Parlament Ewropew kien infurmat dwar l-eżitu tan-negozjati.

    3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

    Il-Protokoll jinkludi sett kumpless ta’ miżuri u regoli. L-għan ewlieni tal-Protokoll huwa li jikkontribwixxi għall-isforzi kumplessivi ta’ kontroll fuq it-tabakk billi jiġu miġġielda l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura. Dan l-għan huwa segwit permezz ta’ diversi settijiet ta’ miżuri li huma importanti ndaqs u komplimentarji ma’ xulxin. Dawn il-miżuri jaqgħu f’oqsma differenti ta’ attività tal-UE li jistgħu jerġgħu jitqassmu kif ġej:

    (a)        il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk,

    (b)        tassazzjoni armonizzata u regoli relatati,

    (c)        kontrolli doganali u kooperazzjoni anki permezz ta’ assistenza amministrattiva reċiproka fi kwistjonijiet doganali,

    (d)        approssimazzjoni tar-reati kriminali, kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali u kooperazzjoni tal-pulizija.

    Is-soltu, dispożizzjonijiet individwali jaqgħu taħt intestatura waħda, jew fi ftit każijiet, taħt iktar minn waħda. Konsegwentement, l-UE għandha kompetenza esterna biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet. F’xi każijiet din il-kompetenza hija ta’ natura esklużiva, b’konformità mal-Artikolu 3 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

    Rigward l-Intestatura (a), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE dwar monitoraġġ u lokalizzazzjoni u bejgħ fuq l-internet, telekomunikazzjonijiet u teknoloġija oħra li qed jevolvu.

    Rigward l-Intestatura (b), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar it-tassazzjoni indiretta, b’mod partikolari l-liċenzjar, iż-żamma ta’ rekords, il-bejgħ ħieles mid-dazju u l-kooperazzjoni amministrattiva bbażati fuq l-Artikolu 113 TFUE.

    Rigward l-Intestatura (c), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti minn leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE bbażata fuq l-Artikoli 33 u 207 TFUE dwar miżuri ta’ kontroll u verifika applikabbli għal tranżitu internazzjonali jew trasbord ta’ prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura, u dwar il-kooperazzjoni internazzjonali inkluża assistenza amministrattiva reċiproka.

    Il-Protokoll jinkludi wkoll ċerti dispożizzjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ mġiba llegali li tista’ tiġi stabbilita mill-Partijiet bħala reat mhux kriminali jew bħala reat kriminali. F’dak li għandu x’jaqsam mar-reati mhux kriminali, dawn jaqgħu taħt l-attività tal-UE fl-oqsma deskritti taħt l-Intestaturi(a) sa (c).

    Il-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq jaqgħu taħt it-Titoli II u VII tal-Parti IV u t-Titolu II tal-Parti V tat-TFUE. Għaldaqstant, sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu ma jaqgħux taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat, f’isem l-Unjoni, permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill separata, li huwa suġġett ta’ proposta separata.

    Rigward l-Intestatura (d), il-Protokoll fih dispożizzjonijiet li huma koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar l-approssimazzjoni ta’ reati kriminali, kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (rispettivament il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE). It-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE huwa rregolat minn skema speċjali peress li d-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jiħdux sehem f’miżuri taħt dak it-Titolu. Madankollu, ir-Renju Unit u l-Irlanda għandhom il-possibbiltà li jieħdu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-miżuri.

    Il-Protokoll fih dispożizzjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ kondotta illegali li tista' tiġi stabbilita mill-Partijiet bħala reat mhux kriminali jew kriminali, inkluż l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ persuni kemm fiżiċi kif ukoll legali. Fir-rigward ta’ reati kriminali, l-UE għandha l-kompetenza f’dan il-qasam fuq il-bażi tal-Artikolu 83 tat-TFUE. Il-lista ta' mġiba illegali tinkludi wkoll il-laundering minn rikavati ta' mġiba illegali stabbilita bħala reat kriminali. Skont id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/500/ĠAI[2] tas-26 ta’ Ġunju 2001 dwar il-ħasil tal-flus, l-identifikazzjoni, it-traċċar, l-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tal-mezzi u l-qligħ mill-kriminalità, l-Istati Membri jiżguraw li ċerti reati ta’ ħasil tal-flus jiġu sanzjonati b’pieni kriminali.

    Il-Protokoll fih miżuri li jikkonċernaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali (l-għajnuna legali reċiproka u l-estradizzjoni). L-UE għandha l-kompetenza f’dan il-qasam abbażi tal-Artikolu 82 (1) tat-TFUE. Skont id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI[3] tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, l-Istati Membri jistgħu joħorġu mandat ta’ arrest għal ċerti reati definiti fid-Deċiżjoni, bħal frodi u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, jekk jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2003/577/ĠAI tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar l-eżekuzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta' mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza[4] tistabbilixxi r-regoli li taħthom l-Istati Membri se jagħrfu u jeżegwixxu mandat fit-territorju tagħhom għall-iffriżar maħruġ minn awtorità ġudizzjarja ta’ Stat Membru ieħor fil-qafas ta’ proċedimenti kriminali biex jassiguraw evidenza jew konfiska sussegwenti ta’ proprjetà. Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2006/783/ĠAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska[5] tistabbilixxi r-regoli li taħthom l-Istati Membri jirrikonoxxu u jeżegwixxu ordni ta’ konfiska fit-territorju tagħhom maħruġ minn qorti kompetenti fi kwistjonijiet kriminali ta’ Stati Membri oħra. Il-Konvenzjoni stabbilita mill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea dwar Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea[6] tissupplimenta u tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ strumenti li diġà jeżistu deskritti fl-Artikolu 1 tagħha. L-assistenza reċiproka tista' tiġi pprovduta fi proċeduri miġjuba mill-awtoritajiet amministrattivi fir-rigward ta' atti li huma punibbli taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti jw mitlub, jew tat-tnejn, minħabba li jkunu ksur tar-regoli tal-liġi, u meta d-deċiżjoni tista' tagħti lok għal proċedimenti quddiem qorti li jkollha ġurisdizzjoni b'mod partikulari fi kwistjonijiet kriminali; L-assistenza reċiproka tista' tiġi pprovduta wkoll b’rabta ma’ proċedimenti kriminali u proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ reati jew ksur li persuna ġuridika tista’ tinżamm responsabbli għalih fl-Istat Membru rikjedenti.

    Il-Protokoll jipprevedi miżuri dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u doganali f’materji kriminali li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-UE abbażi tal-Artikolu 87(2) TFUE. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009[7] dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali hija l-bażi legali għat-twaqqif u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali li tgħin lill-Istati Membri fil-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kontravenzjonijiet serji tal-liġijiet nazzjonali. Skont l-Att tal-Kunsill 98/C 24/01 tat-18 ta’ Diċembru 1997 li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K3 tat-Trattat dwar l-Unoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar l-assistenza u l-kooperazzjoni reċiproka bejn l-amministrazzjonijiet tad-dwana[8], l-Istati Membri jipprovdu lil xulxin b’assistenza reċiproka u jikkooperaw ma’ xulxin permezz tal-amministrazzjonijiet doganali tagħhom, bil-għan li jipprevjenu u jsibu ksur tad-dispożizzjonijiet doganali nazzjonali, u jikkontestaw u jikkastigaw ksur tad-dispożizzjonijiet doganali nazzjonali u tal-Komunità. Il-kooperazzjoni transfruntiera hija permessa skont il-Konvenzjoni għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ksur fil-każ ta’ negozju illegali transfruntier kummerċjali ta' merkanzija taxxabbli biex tiġi evaża t-taxxa jew biex jinkisbu ħlasijiet mill-Istat li mhumiex awtorizzati ħlasijiet b’rabta mal-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti, meta l-limitu tan-negozju u r-riskju marbut ma’ taxxi u sussidji jkun tali li l-kost finanzjarju potenzjali għalll-baġit tal-Komunitajiet Ewropej jew l-Istati Membri jkun konsiderevoli (l-Artikolu 19).

    Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill[9] 2006/960/ĠAI tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-simplifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u intelligence bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea ("Inizjattiva Svediża") tistabbilixxi r-regoli li permezz tagħhom l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni u l-intelligence eżistenti rapidament u effettivament għall-fini li jitwettqu investigazzjonijiet kriminali jew operazzjonijiet ta' intelligence kriminali.

    Għaldaqstant, l-Artikoli 82(1), l-Artikolu 83 u l-Artikolu 87(2) jikkostitwixxu l-bażi legali taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-TFUE għall-UE biex jiffirmaw il-Protokoll.

    2013/0260 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk fil-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, meta jkunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu taħt it-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 82(1), l-Artikolu 83, u l-Artikolu 87(2), flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Fit-22 ta’ Ottubru 1999, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tinnegozja, fil-kuntest tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk (FCTC) u protokolli relatati. Din l-awtorizzazzjoni kienet emendata mill-Kunsill fil-21 ta’ April 2001 u fir-rigward tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu ta' Prodotti tat-Tabakk (iktar ’il quddiem imsejjaħ il-“Protokoll”) fl-20 ta’ Diċembru 2007. In-negozjati saru mill-Kummissjoni fid-direttivi ta' negozjati adottati mill-Kunsill u ġew iffinalizzati b’suċċess bl-adozzjoni tal-Protokoll waqt il-ħames Konferenza tal-Partijiet għall-FCTC tad-WHO fit-12 ta’ Novembru 2012, f’Seoul, ir-Repubblika tal-Korea.

    (2)       Il-konklużjoni tal-FCTC kienet approvata f’isem il-Komunità pemezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/513/KE tat-2 ta’ Ġunju 2004 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Kwadru tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk([10]), li hija kundizzjoni għall-Unjoni Ewropea biex issir Parti għall-Protokoll.

    (3)       Il-Protokoll jirrappreżenta kontribuzzjoni sinifikanti għall-isforzi internazzjonali biex jiġu eliminati l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk li tikkostitwixxi komponent essenzjali ta' kontroll fuq it-tabakk.

    (4)       [F’konformità mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni] JEW [Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit mhuwiex se jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhuwiex marbut biha jew soġġett għall-applikazzjoni tagħha].

    (5)       [F’konformità mal-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda nnotifikat ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni] JEW [Bla ħsara għall-Artikolu 4 tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, mehmuż mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Irlanda mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha].

    (6)       F'konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

    (7)       Safejn ikunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea.

    (8)       Safejn ikunu kkonċernati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-Protokoll għandu jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni Ewropea abbażi ta’ Deċiżjoni separata tal-Kunsill,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Bil-preżenti, l-iffirmar tal-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu ta' Prodotti tat-Tabakk għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk huwa approvat f’isem l-Unjoni Ewropea, soġġett għall-konklużjoni tal-Protokoll imsemmi.

    It-test tal-Protokoll li għandu jiġi ffirmat huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni tapplika meta d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll ma jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tal-Parti III tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 3

    Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jistabbilixxi l-istrument tas-setgħat sħaħ għall-iffirmar tal-Protokoll, soġġett għall-konklużjoni tiegħu, għall-persuna indikata min-negozjatur tal-Protokoll.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    Anness

    PROTOKOLL BIEX JIĠI ELIMINAT IL-KUMMERĊ ILLEĊITU FI PRODOTTI TAT-TABAKK

    Preambolu

    Il-Partijiet għal dan il-Protokoll,

    Filwaqt li jikkunsidraw li fil-21 ta’ Mejju 2003, fis-56 Assemblea Dinjija tas-Saħħa ġiet adottata b’kunsens il-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Frar 2005;

    Filwaqt li jirrikonoxxu li l-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk hija wieħed mill-iktar trattati tan-Nazzjonijiet Uniti rratifikati malajr u għodda fundamentali sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;

    Filwaqt li jfakkru l-Preambolu tal-Kostituzzjoni tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, li jiddikjara bħala dritt fundamentali ta’ kull persuna mingħajr distinzjoni ta’ razza, reliġjon, twemmin politiku, qagħda ekonomika u soċjali, it-tgawdija tal-ogħla standard tas-saħħa possibbli;

    Filwaqt li huma determinati wkoll li jagħtu prijorità lid-dritt tagħhom li jipproteġu s-saħħa pubblika;

    Filwaqt li jinsabu tassew imħassbin li l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk qed jikkontribwixxi sabiex tinxtered l-epidemija tat-tabakk, li hija problema dinjija b’konsegwenzi serji għas-saħħa pubblika li titlob li jkun hemm reazzjonijiet domestiċi u internazzjonali effettivi, xierqa u komprensivi;

    Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk ixekkel il-miżuri tal-prezzijiet u tat-taxxi mfasslin biex isaħħu l-kontroll fuq it-tabakk u b’hekk iżid l-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti tat-tabakk;

    Filwaqt li jinsabu tassew mħassbin dwar l-effetti avversi li ż-żieda fl-aċċessibbiltà u l-affordabbiltà tal-prodotti tat-tabakk ikkummerċjalizzati b’mod illeċitu għandha fuq is-saħħa pubblika u l-benesseri, b’mod partikolari taż-żgħażagħ, il-foqra u gruppi vulnerabbli oħrajn;

    Filwaqt li jinsabu tassew mħassbin dwar l-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali sproporzjonati tal-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk fuq il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-pajjiżi b’ekonomiji fi tranżizzjoni;

    Filwaqt li huma konxji tal-bżonn li tiġi żviluppata kapaċità xjentifika, teknika u istituzzjonali sabiex jiġu ppjanati u implimentati miżuri nazzjonali, reġjonali u internazzjonali xierqa bl-għan li jiġu eliminati l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk;

    Filwaqt li jirrikonoxxu li l-aċċess għar-riżorsi u t-teknoloġiji relevanti huwa ta’ importanza kbira għat-tisħiħ tal-ħila tal-Partijiet, b’mod partikolari fil-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u pajjiżi b’ekonomiji fi tranżizzjoni, sabiex jeliminaw il-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk;

    Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li għalkemm iż-żoni ħielsa huma stabbiliti biex jiffaċilitaw il-kummerċ legali, dawn intużaw sabiex jiffaċilitaw il-globalizzazzjoni tal-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk, kemm b’relazzjoni għat-tranżitu illeċitu ta’ prodotti tal-kuntrabandu kif ukoll il-manifattura ta’ prodotti illeċiti tat-tabakk;

    Filwaqt li jirrikonoxxu wkoll li l-kummerċ illeċitu ta’ prodotti tat-tabakk ixekkel l-ekonomiji tal-Partijiet u jaffettwa b’mod avvers l-istabbiltà u s-sigurtà tagħhom;

    Filwaqt li huma konxji wkoll li l-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk jiġġenera profitti finanzjarji li jintużaw wkoll għall-finanzjament ta’ attività kriminali transnazzjonali, li ttellef l-għanijiet tal-gvern;

    Filwaqt li jirrikonoxxu li l-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk ixekkel l-għanijiet tas-saħħa, jixħet iktar pressjoni fuq is-sistemi tas-saħħa u jikkawża telf ta’ dħul għall-ekonomiji tal-Partijiet;

    Filwaqt li huma konxji tal-Artikolu 5.3 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk li fih il-Partijiet jaqblu li meta jistabbilixxu u jimplimentaw il-politiki tagħhom dwar is-saħħa pubblika fir-rigward tal-kontroll fuq it-tabakk, il-Partijiet jieħdu azzjoni biex jipproteġu dawn il-politiki minn interessi kummerċjali u interessi oħrajn tal-industrija tat-tabakk b’konformità mal-liġi nazzjonali;

    Filwaqt li jenfasizzaw il-bżonn li jkunu pronti għal kwalunkwe sforz mill-industrija tat-tabakk biex ixxekkel jew tiżvija strateġiji għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk u l-bżonn li jkunu mgħarrfin dwar attivitajiet tal-industrija tat-tabakk li jħallu impatt negattiv fuq l-istrateġiji għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk;

    Filwaqt li jafu bl-Artikolu 6.2 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WTO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li jħeġġeġ lill-Partijiet sabiex jipprojbixxu jew jirrestrinġu, kif xieraq, il-bejgħ lil u/jew l-importazzjoni minn vjaġġaturi internazzjonali ta’ prodotti tat-tabakk ħilsin minn taxxa jew dazju;

    Filwaqt li, barra minn hekk, jirrikonoxxu li t-tabakk u l-prodotti tat-tabakk fi tranżitu jew trasbord internazzjonali jsibu kanal għall-kummerċ illeċitu;

    Filwaqt li jqisu li azzjoni effettiva għall-prevenzjoni u l-ġlieda ta’ kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk teħtieġ approċċ internazzjonali komprensiv għal u kooperazzjoni mill-qrib dwar l-aspetti kollha tal-kummerċ illeċitu, inkluż kif xieraq, il-kummerċ illeċitu tat-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura;

    Filwaqt li jfakkru u jenfasizzaw l-importanza ta’ ftehimiet internazzjonali relevanti oħrajn bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu fi Drogi Narkotiċi u Sustanzi Psikotropiċi u l-obbligu li l-Partijiet għal dawn il-Konvenzjonijiet japplikaw, kif xieraq, id-dispożizzjonijiet relevanti ta’ dawn il-Konvenzjonijiet għall-kummerċ illeċitu tat-tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura, u filwaqt li jħeġġu lil dawk il-Partijiet li għadhom ma sarux Partijiet għal dawn il-Ftehimiet biex jikkunsidraw li jagħmlu dan;

    Filwaqt li jirrikonoxxu l-bżonn li jibnu kooperazzjoni msaħħa bejn is-Segretarjat tal-Konvenzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Drogi u l-Kriminalità, l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali u korpi oħrajn kif xieraq;

    Filwaqt li jfakkru l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WTO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li fih il-Partijiet jirrikonoxxu li, fost l-oħrajn, l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk, inkluż il-kuntrabandu u l-manifattura illeċita, hija komponent essenzjali tal-kontroll fuq it-tabakk;

    Filwaqt li jqisu li dan il-Protokoll ma għandux l-għan li jindirizza kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; u

    Filwaqt li huma konvinti li s-supplimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk bi protokoll komprensiv se tkun mezz b’saħħtu u effettiv għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk u l-konsegwenzi serji tiegħu,

    Bil-preżenti jaqblu kif ġej:

    PARTI I: INTRODUZZJONI

    Artikolu 1

    Użu tat-termini

    1 “Senserija” tfisser azzjoni bħala aġent għal oħrajn, bħal f’kuntratti ta’ negozjar, xiri jew bejgħ bi ħlas ta’ tariffa jew kummissjoni.

    2. “Sigarett” tfisser romblu ta’ tabakk imqatta' għat-tipjip, mibrum f’karta tas-sigaretti. Dan jeskludi prodotti speċifiċi reġjonali bħall-bidis, ang hoon, u prodotti simili oħrajn li jistgħu jitgeżwru f’karta jew weraq. Għall-fini tal-Artikolu 8, “sigarett” jinkludi wkoll tabakk fin “għat-trembil” sabiex isir sigarett.

    3. “Konfiska”, li tinkludi sekwestru fejn applikabbli, tfisser it-tiċħid permanenti ta’ proprjetà b’ordni ta’ qorti jew awtorità kompetenti oħra.

    4. “Kunsinna kkontrollata” tfisser it-teknika li tippermetti kunsinni illeċiti jew suspettużi li joħorġu, jgħaddu jew jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew aktar, bl-għarfien u taħt is-superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti, bl-għan ta’ investigazzjoni ta’ reat u l-identifikazzjoni tal-persuni involuti fit-twettiq tar-reat.

    5. “Żona ħielsa” tfisser parti mit-territorju ta’ Parti fejn kwalunkwe prodott imdaħħal normalment jitqies, f’dak li għandu x’jaqsam mad-dazji tal-importazzjoni u t-taxxi kkonċernati, li jinsab barra mit-territorju Doganali.

    6. “Kummerċ illeċitu” tfisser kwalunkwe prattika jew imġiba pprojbita mil-liġi u li hija relatata mal-produzzjoni, it-trasport bil-baħar, ir-riċevuta, il-pussess, id-distribuzzjoni, il-bejgħ jew ix-xiri, inkluża kwalunkwe prattika jew imġiba maħsuba biex tiffaċilita t-tali attività.

    7. “Liċenzja” tfisser permess minn awtorità kompetenti wara s-sottomissjoni tal-applikazzjoni meħtieġa jew dokumentazzjoni oħra lill-awtorità kompetenti.

    8. (a) “Tagħmir tal-manifattura” tfisser makkinarju li huwa mfassal, jew adattat, sabiex jintuża biss għall-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk u huwa integrali għall-proċess ta’ manifattura.[11]

    (b) “Kwalunkwe parti minnu” fil-kuntest tat-tagħmir tal-manifattura tfisser kwalunkwe parti identifikabbli li hija unika għat-tagħmir tal-manifattura użat fil-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk.

    9. “Parti” tfisser Parti għal dan il-Protokoll, sakemm il-kuntest ma jindikax mod ieħor.

    10. “Dejta personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli.

    11. “Organizzazzjoni għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali” tfisser organizzazzjoni li hija msawra minn diversi stati sovrani, u li l-Istati Membri tagħha ttrasferewlha kompetenza fuq firxa ta’ kwistjonijiet, inkluża l-awtorità li tieħu d-deċiżjonijiet vinkolanti fuq l-Istati Membri tagħha fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet.[12]

    12. Il-“katina tal-provvista” tkopri l-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura, u l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura; u tista’ tiġi estiża, fejn relevanti, għal attività waħda jew iktar minn dawn li ġejjin meta dan jiġi deċiż minn Parti:

    (a) il-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk;

    (b) il-kultivazzjoni tat-tabakk, minbarra l-kultivaturi, il-bdiewa u l-produtturi tradizzjonali fuq skala żgħira;

    (c) it-trasportazzjoni ta’ kwantitajiet kummerċjali ta’ prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; kif ukoll

    (d) il-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija, il-ħżin jew id-distribuzzjoni tat-tabakk u tal-prodotti tat-tabakk jew tat-tagħmir tal-manifattura.

    13. “Prodotti tat-tabakk” tfisser prodotti magħmula kompletament jew parzjalment mill-werqa tat-tabakk bħala materja prima, li huma manifatturati għat-tipjip, għall-irdigħ, għall-magħda jew għan-niskata.

    14. “Traċċar u lokalizzazzjoni” tfisser monitoraġġ sistematiku u ħolqien mill-ġdid mill-awtoritajiet kompetenti jew kwalunkwe persuna oħra li taġixxi f’isimhom, tar-rotta jew tal-moviment li jkunu ħadu l-oġġetti permezz tal-katina tal-provvista, kif spjegat fl-Artikolu 8.

    Artikolu 2

    Relazzjoni bejn dan il-Protokoll u ftehimiet oħra u strumenti legali

    1. Id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk li japplikaw għall-protokolli tagħha, għandhom japplikaw għal dan il-Protokoll.

    2. Il-Partijiet li daħlu fit-tipi ta’ ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk jikkomunikaw it-tali ftehimiet lil-Laqgħat tal-Partijiet permezz tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

    3. Xejn f’dan il-Protokoll ma jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ xi Parti skont xi konvenzjoni internazzjonali, trattat jew ftehim internazzjonali oħrajn li hemm fis-seħħ għal dik il-Parti li jidhrilha li għandhom probabilità ogħla li jwasslu għall-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk.

    4. Xejn f’dan il-Protokoll ma jaffettwa d-drittijiet, l-obbligi jew ir-responsabbiltajiet oħrajn tal-Partijiet skont il-liġi internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali.

    Artikolu 3

    Għan

    L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jelimina l-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, b’konformità mat-termini tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WTO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    PARTI II: OBBLIGI ĠENERALI

    Artikolu 4

    Obbligi ġenerali

    1. Minbarra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WTO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, il-Partijiet:

    (a) jadottaw u jimplimentaw miżuri effettivi li jikkontrollaw jew jirregolaw il-katina tal-provvista tal-prodotti koperti minn dan il-Protokoll sabiex jipprevjenu, jevitaw, jaqbdu, jinvestigaw u jieħdu passi kontra l-kummerċ illeċitu tat-tali prodotti, u jikkooperaw flimkien għal dan l-għan;

    (b) jieħdu kwalunkwe miżura neċessarja b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom biex iżidu l-effettività tal-awtoritajiet kompetenti u s-servizzi tagħhom, inklużi d-dwana u l-pulizija responsabbli għall-prevenzjoni, l-evitar, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta’ kummerċ illeċitu tal-prodotti koperti minn dan il-Protokoll;

    (c) jadottaw miżuri effettivi għall-iffaċilitar jew il-kisba ta’ assistenza teknika jew appoġġ finanzjarju, il-bini ta’ kapaċità u l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll u jiżguraw id-disponibbiltà għall-awtoritajiet kompetenti u l-iskambju sigur magħhom ta’ informazzjoni li għandha tiġi skambjata skont dan il-Protokol;

    (d) jikkooperaw mill-qrib flimkien, b’mod konsistenti mas-sistemi legali u amministrattivi domestiċi rispettivi tagħhom, sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-azzjoni ta’ infurzar tal-liġi għall-ġlieda kontra l-imġiba llegali inklużi reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikol 14 ta’ dan il-Protokoll;

    (e) jikkooperaw u jikkomunikaw, kif xieraq, mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali relevanti fl-iskambju sigur[13] ta’ informazzjoni koperta minn dan il-Protokoll sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Protokoll; u

    (f) bil-mezzi u r-riżorsi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, jikkooperaw biex jiġbru riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan il-Protokoll permezz ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament bilaterali u multilaterali.

    2. Fl-implimentazzjoni tal-obbligazzjonijiet tagħhom skont dan il-Protokoll, il-Partijiet jiżguraw it-trasparenza massima possibbli fir-rigward ta’ kwalunkwe interazzjoni li jista’ jkollhom mal-industrija tat-tabakk.

    Artikolu 5

    Protezzjoni tad-dejta personali

    Meta jimplimentaw dan il-Protokoll, il-Partijiet jipproteġu d-dejta personali tal-individwi tkun xi tkun in-nazzjonalità jew ir-residenza, soġġetti għal-liġi nazzjonali u filwaqt li jikkunsidraw l-istandards internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta personali.

    PARTI III: KONTROLL TAL-KATINA TAL-PROVVISTA

    Artikolu 6

    Liċenzja, approvazzjoni ekwivalenti jew sistema ta’ kontroll

    1. Sabiex tilħaq l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u bl-għan li telimina l-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura, kull Parti tipprojbixxi t-twettiq ta’ kwalunkwe waħda minn dawn l-attivitajiet li ġejjin minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, ħlief fil-każ ta’ liċenzja jew approvazzjoni ekwivalenti (minn hawn ’il quddiem imsejħa “liċenzja”) maħruġa, jew sistema ta’ kontroll implimentata, minn awtorità kompetenti skont il-liġi nazzjonali:

    (a) il-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura; u

    (b) l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura.

    2. Kull Parti tagħmel kull sforz biex tilliċenzja, sa fejn ikun xieraq, u meta l-attivitajiet li ġejjin ma jkunux projbiti mil-liġi nazzjonali, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika involuta:

    (a) fil-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk;

    (b) fil-kultivazzjoni tat-tabakk, minbarra kultivaturi, bdiewa u produtturi tradizzjonali fuq skala żgħira;

    (c) fit-trasportazzjoni ta’ kwantitajiet kummerċjali ta’ prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; u

    (d) fil-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija, il-ħżin jew id-distribuzzjoni ta’ tabakk u prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura.

    3. Bl-għan li tiġi żgurata sistema effettiva ta’ liċenzjar, kull Parti:

    (a) tistabbilixxi jew taħtar awtorità jew awtoritajiet kompetenti biex joħorġu, iġeddu, jissospendu, jirrevokaw u/jew jikkanċellaw liċenzji, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, u b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, biex iwettqu l-attivitajiet speċifikati fil-paragrafu 1;

    (b) teħtieġ li kull applikazzjoni għal liċenzja jkun fiha l-informazzjoni meħtieġa kollha dwar l-applikant, li għandha tinkludi, fejn applikabbli:

    (i) meta l-applikant ikun persuna fiżika, informazzjoni dwar l-identità tiegħu, inklużi l-isem sħiħ, l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju (jekk ikun hemm), in-numri tar-reġistrazzjoni tat-taxxa applikabbli (jekk ikun hemm) u kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti li tiġi identifikata;

    (ii) meta l-applikant ikun persuna ġuridika, informazzjoni dwar l-identità tiegħu, inklużi l-isem legali sħiħ, l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju, id-data u l-post tal-inkorporazzjoni, il-post tal-kwartieri ġenerali tal-korporazzjoni u s-sede prinċipali tan-negozju, in-numri tar-reġistrazzjoni tat-taxxa applikabbli, il-kopji tal-artikoli ta' inkorporazzjoni jew dokumenti ekwivalenti, l-affiljati korporattivi tagħha, isem id-diretturi tagħha u ta’ kwalunkwe rappreżentant legali maħtur, inkluża kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti li tiġi identifikata;

    (iii) il-post preċiż tan-negozju tal-unità/ajiet tal-manifattura, il-post tal-imħażen u l-kapaċità tal-produzzjoni tan-negozju mmexxi mill-applikant;

    (iv) id-dettalji tal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura koperti mill-applikazzjoni, bħad-deskrizzjoni tal-prodott, l-isem, il-marka kummerċjali rreġistrata jekk ikun hemm, id-disinn, id-ditta, il-mudell jew l-għamla u n-numru tas-serje tat-tagħmir tal-manifattura;

    (v) deskrizzjoni ta’ fejn se jiġi installat u fejn se jintuża t-tagħmir tal-manifattura;

    (vi) id-dokumentazzjoni jew dikjarazzjoni rigward kwalunkwe rekord kriminali;

    (vii) identifikazzjoni sħiħa tal-kontijiet tal-bank li hemm il-ħsieb li jintużaw fit-tranżazzjonijiet relevanti u kwalunkwe dettalji relevanti oħra ta’ ħlas; u

    (viii) deskrizzjoni tas-suq tal-użu u tal-bejgħ intenzjonat għall-prodotti tat-tabakk, b’attenzjoni partikolari li jiġi żgurat li l-produzzjoni jew il-provvista tal-prodotti tat-tabakk tkun proporzjonata għal domanda raġonevolment antiċipata;

    (c) tissorvelja u tiġbor, fejn applikabbli, kwalunkwe tariffa tal-liċenzji li tista’ tkun imposta u tikkunsidra li tużahom fl-amministrazzjoni u l-infurzar effettivi tas-sistema tal-liċenzji jew għas-saħħa pubblika jew kwalunkwe attività relatata oħra b’konformità mal-liġi nazzjonali;

    (d) tieħu l-miżuri xierqa biex tipprevjeni, tidentifika u tinvestiga kwalunkwe prattika irregolari jew ta’ frodi fit-tħaddim tas-sistema tal-liċenzji;

    (e) tieħu miżuri bħal reviżjoni perjodika, tiġdid, spezzjoni jew awditjar tal-liċenzji fejn xieraq;

    (f) tistabbilixxi, fejn xieraq, perjodu ta’ żmien għall-iskadenza tal-liċenzji u l-applikazzjoni meħtieġa mill-ġdid jew l-aġġornament tal-informazzjoni tal-applikazzjoni;

    (g) tobbliga lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika lliċenzjata sabiex tgħarraf lill-awtorità kompetenti minn qabel dwar kwalunkwe bidla fil-post tan-negozju tagħha jew kwalunkwe bidla sinifikanti fl-informazzjoni relevanti għall-attivitajiet kif illiċenzjati;

    (h) tobbliga lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika lliċenzjata sabiex tgħarraf lill-awtorità kompetenti, għal azzjoni xierqa, dwar kwalunkwe akkwist jew ċessjoni ta’ tagħmir tal-manifattura; u

    (i) tiżgura li l-qerda ta’ kwalunkwe tagħmir tal-manifattura bħal dan jew parti minnu, issir taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti.

    4. Kull Parti tiżgura li ma tiġi assenjata u/jew trasferita l-ebda liċenzja jekk il-persuna lliċenzjata proposta ma tibgħatx l-informazzjoni xierqa li tinsab fil-paragrafu 3, u jekk ma jkunx hemm l-approvazzjoni minn qabel tal-awtorità kompetenti.

    5. Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, il-Laqgħa tal-Partijiet tiżgura fis-sessjoni li jmiss li ssir riċerka bbażata fuq evidenza biex jiġi żgurat jekk hemmx xi inputs ewlenin li huma essenzjali għall-manifattura tal-prodotti tat-tabakk, jekk dawn humiex identifikabbli u jistgħux ikunu soġġetti għall-mekkaniżmu ta’ kontroll effettiv. Fuq il-bażi tat-tali riċerka, il-Laqgħa tal-Partijiet tikkunsidra tiħux azzjoni xierqa.

    Artikolu 7

    Diliġenza dovuta

    1. B’konsistenza mal-liġi nazzjonali tagħha u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, kull Parti titlob li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tat-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura:

    (a) jaħdmu bid-diliġenza dovuta qabel il-bidu u matul ir-relazzjoni kummerċjali;

    (b) jissorveljaw il-bejgħ lill-klijenti tagħhom biex jaraw li l-kwantitajiet huma proporzjonati għad-domanda għat-tali prodotti fi ħdan is-suq tal-bejgħ jew l-użu intenzjonat; u

    (c) jirrapportaw għand l-awtoritajiet kompetenti kwalunkwe evidenza li l-klijent huwa involut f’attivitajiet li jiksru l-obbligi tagħhom li jirriżultaw minn dan il-Protokoll.

    2. Id-diliġenza dovuta skont il-paragrafu 1, kif xieraq u b’mod konsistenti mal-liġi nazzjonali u mal-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, tinkludi, fost l-oħrajn, rekwiżiti għall-identifikazzjoni tal-konsumatur, bħall-kisba u l-aġġornament ta’ informazzjoni relatata ma’ dan li ġej:

    (a) l-istabbiliment li l-persuna fiżika jew ġuridika għandha liċenzja b’konformità mal-Artikolu 6;

    (b) meta l-klijent ikun persuna fiżika, informazzjoni rigward l-identità tiegħu, inklużi l-isem sħiħ, l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju (jekk ikun hemm), in-numri tar-reġistrazzjoni tax-taxxa applikabbli (jekk ikun hemm) u verifikazzjoni tal-identifikazzjoni uffiċjali tiegħu;

    (c) meta l-klijent ikun persuna ġuridika, informazzjoni rigward l-identità tiegħu inkluż l-isem sħiħ, l-isem kummerċjali, in-numru tar-reġistrazzjoni tan-negozju, id-data u l-post tal-inkorporazzjoni, il-post tal-kwartieri ġenerali tal-korporazzjoni, is-sede prinċipali tan-negozju, in-numri tar-reġistrazzjoni tat-taxxa applikabbli, kopji tal-artikoli ta' inkorporazzjoni jew dokumenti ekwivalenti, l-affiljati korporattivi tagħha, isem id-diretturi tagħha u kwalunkwe rappreżentant ġuridiku magħżul, inkluż l-ismijiet tar-rappreżentanti u l-verifika tal-identifikazzjoni uffiċjali tagħhom;

    (d) deskrizzjoni tas-suq tal-użu u tal-bejgħ intenzjonat għat-tabakk, il-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura; u

    (e) deskrizzjoni tal-post fejn se jiġi installat u fejn se jintuża t-tagħmir tal-manifattura.

    3. Id-diliġenza dovuta skont il-paragrafu 1 tista’ tinkludi rekwiżiti għall-identifikazzjoni tal-klijent, bħall-kisba u l-aġġornament ta’ informazzjoni relatata ma’ dan li ġej:

    (a) id-dokumentazzjoni jew dikjarazzjoni dwar kwalunkwe rekord kriminali; u

    (b) l-identifikazzjoni tal-kontijiet tal-bank li hemm il-ħsieb li jintużaw fit-tranżazzjonijiet.

    4. Fuq il-bażi tal-informazzjoni rrapportata fil-paragrafu 1(c), kull Parti tieħu l-miżuri neċessarji kollha li jiżguraw konformità mal-obbligi li jirriżultaw mill-Protokoll, li jistgħu jinkludu l-għażla ta’ klijent fil-ġurisdizzjoni tal-Parti sabiex isir konsumatur imblukkat kif definit bil-liġi nazzjonali.

    Artikolu 8

    Traċċar u lokalizzazzjoni

    1. Għall-fini ta’ sigurtà ulterjuri tal-katina tal-provvista u sabiex tiġi assistita l-investigazzjoni tal-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, il-Partijiet jaqblu sabiex fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll jistabbilixxu skema globali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, li tinkludi sistemi nazzjonali u/jew reġjonali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, u punt fokali globali għall-kondiviżjoni ta’ informazzjoni li jkun jinsab fis-Segretarjat tal-Konvenzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk u li jkun aċċessibbli għall-Partijiet kollha sabiex jippermetti lill-Partijiet jagħmlu domandi u jirċievu informazzjoni relevanti.

    2. B’konformità ma’ dan l-Artikolu, kull Parti tistabbilixxi sistema ta’ traċċar u lokalizzazzjoni kkontrollata mill-Parti għall-prodotti kollha tat-tabakk li huma manifatturati jew importatati fit-territorju tagħha li tqis il-bżonnijiet nazzjonali jew reġjonali speċifiċi tagħha jew il-bżonnijiet speċifiċi reġjonali u l-aħjar prattika disponibbli.

    3. Bl-għan li tippermetti traċċar u lokalizzazzjoni effettivi, kull Parti titlob li jkun hemm marki tal-identifikazzjoni uniċi, siguri u li ma jinqalgħux (minn hawn ’il quddiem imsejħa marki tal-identifikazzjoni uniċi), bħal kodiċijiet jew timbri li jitwaħħlu ma’ jew li jiffurmaw parti mill-pakketti u l-imballaġġi kollha u kwalunkwe ppakkjar fuq in-naħa ta’ barra tas-sigaretti fi żmien ħames snin u għal prodotti oħra tat-tabakk fi żmien għaxar snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għal dik il-Parti.

    4.1 Għall-fini tal-paragrafu 3, u bħala parti mir-reġim globali ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, kull Parti teħtieġ li tqiegħed għad-dispożizzjoni l-informazzjoni li ġejja, jew direttament jew aċċessibbli permezz ta’ link, li tassisti lill-Partijiet fid-determinazzjoni tal-oriġini tal-prodotti tat-tabakk, il-punt ta’ diverżjoni, fejn applikabbli, u s-sorveljanza u -kontroll tal-moviment ta’ prodotti tat-tabakk u l-istatus legali tagħhom:

    (a) id-data u l-post ta’ manifattura;

    (b) il-faċilità tal-manifattura;

    (c) il-magna użata għall-manifattura tal-prodotti tat-tabakk;

    (d) ix-xift tal-produzzjoni jew il-ħin tal-manifattura;

    (e) l-isem, il-fattura, in-numru tal-ordni u r-rekords tal-ħlasijiet tal-ewwel konsumatur li mhuwiex affiljat mal-manifattur;

    (f) is-suq intenzjonat tal-bejgħ bl-imnut;

    (g) id-deskrizzjoni tal-prodott;

    (h) kwalunkwe ħażna jew trasport bil-baħar

    (i) l-identità ta’ kwalunkwe xerrej sussegwenti magħruf; u

    (j) ir-rotta intenzjonata tal-vjeġġ, id-data tal-vjeġġ, id-destinazzjoni tal-vjeġġ, il-punt ta’ tluq u d-destinatarju.

    4.2 L-informazzjoni fis-sottoparagrafi (a), (b), (g) u fejn disponibbli (f), hija parti mill-marki ta’ identifikazzjoni uniċi.

    4.3 Meta l-informazzjoni fis-sottoparagrafu (f) ma tkunx disponibbli fiż-żmien tal-immarkar, il-Partijiet jitolbu l-inklużjoni tat-tali informazzjoni b’konformità mal-Artikolu 15.2(a) tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    5. Fi ħdan il-limiti ta’ żmien speċifikati f’dan l-Artikolu, kull Parti titlob sabiex l-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 4 tkun irreġistrata fiż-żmien tal-produzzjoni jew fiż-żmien tal-ewwel vjeġġ minn kwalunkwe manifattur jew fiż-żmien tal-importazzjoni fit-territorju tagħha.

    6. Kull Parti tiżgura li l-informazzjoni rreġistrata skont il-paragrafu 5 tkun aċċessibbli minn dik il-Parti permezz ta’ link bil-marki tal-identifikazzjoni uniċi meħtieġa skont il-paragrafi 3 u 4.

    7. Kull Parti tiżgura li l-informazzjoni rreġistrata skont il-paragrafu 5, kif ukoll il-marki ta’ identifikazzjoni uniċi li jrendu t-tali informazzjoni aċċessibbli skont il-paragrafu 6, tiddaħħal f’format stabbilit jew awtorizzat mill-Parti u l-awtoritajiet kompetenti tagħha.

    8. Kull Parti tiżgura li l-informazzjoni rreġistrata skont il-paragrafu 5 tkun aċċessibbli għall-punt fokali globali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni meta ssir talba, soġġetta għall-paragrafu 9, permezz ta’ interfaċċa elettronika standard sigura mal-punt ċentrali nazzjonali u/jew reġjonali. Il-punt fokali globali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni jikkompila lista tal-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet u jagħmel il-lista disponibbli għall-Partijiet kollha.

    9. Kull Parti jew l-awtorità kompetenti:

    (a) ikollha aċċess għall-informazzjoni deskritta fil-paragrafu 4 fil-ħin billi tressaq talba lill-punt fokali globali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni;

    (b) titlob tali informazzjoni biss meta jkun hemm bżonnha għall-finijiet ta’ kxif jew investigazzjoni ta’ kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk;

    (c) ma żżommx informazzjoni mingħajr raġuni;

    (d) twieġeb it-talbiet għal informazzjoni fir-rigward tal-paragrafu 4, b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha; u

    (e) tipproteġi u tittratta bħala kunfidenzjali, kif maqbul b’mod reċiproku, kwalunkwe informazzjoni skambjata.

    10.Kull Parti tirrikjedi l-iżvilupp ulterjuri u l-espansjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema applikabbli tat-traċċar u l-lokalizzazzjoni sakemm kull dazju, taxxa relevanti u fejn xieraq kull obbligu ieħor, ikunu ġew approvati fil-punt tal-manifattura, l-importazzjoni jew ir-rilaxx mid-dwani jew mill-kontroll tas-sisa.

    11. Il-Partijiet jikkooperaw flimkien u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti, kif maqbul b’mod reċiproku, fil-kondiviżjoni u l-iżvilupp tal-aħjar prattiki għas-sistemi ta’ traċċar u lokalizzazzjoni inklużi:

    (a) l-iffaċilitar tal-iżvilupp, it-trasferiment u l-akkwist ta’ teknoloġija mtejba għat-traċċar u l-lokalizzazzjoni, inklużi l-għarfien, il-ħiliet, il-kapaċità u l-kompetenza;

    (b) l-appoġġ għat-taħriġ u għall-programmi għall-bini ta’ kapaċità għall-Partijiet li jesprimu t-tali bżonn; u

    (c) l-iżvilupp ulterjuri tat-teknoloġija għall-immarkar u l-iskenjar ta’ pakketti ta’ unitajiet u imballaġġi ta’ prodotti tat-tabakk sabiex jagħmlu aċċessibbli l-informazzjoni elenkata fil-paragrafu 4.

    12. L-obbligi assenjati lil Parti ma jitwettqux mill-industrija tat-tabakk jew jiġu delegati lilha.

    13. Kull Parti tiżgura li l-awtoritajiet kompetenti tagħha, meta jieħdu sehem fl-iskema ta’ traċċar u lokalizzazzjoni, jinteraġixxu mal-industrija tat-tabakk u dawk li jirrappreżentaw l-interessi tal-industrija tat-tabakk safejn hu strettament neċessarju biss fl-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

    14. Kull Parti tista’ teħtieġ li l-industrija tat-tabakk iġġarrab kwalunkwe nefqa assoċjata mal-obbligi ta’ dik il-Parti skont dan l-Artikolu.

    Artikolu 9

    Żamma ta’ rekords

    1. Kull Parti teħtieġ, kif xieraq, li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha involuti fil-katina tal-provvista tat-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk u tat-tagħmir tal-manifattura, iżommu rekords kompluti u preċiżi tat-tranżazzjonijiet kollha relevanti. It-tali rekords iridu jippermettu kontabbiltà sħiħa tal-materjali użati fil-produzzjoni tal-prodotti tat-tabakk tagħhom.

    2. Kull Parti, kif xieraq, teħtieġ li l-persuni lliċenzjati b’konformità mal-Artikolu 6, jipprovdu, wara li ssirilhom talba, l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti:

    (a) informazzjoni ġenerali dwar il-volumi tas-suq, ix-xejriet, il-previżjonijiet u informazzjoni oħra relevanti;

    u

    (b) il-kwantitajiet ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura fil-pussess tad-detentur tal-liċenzja, f’kustodja jew kontroll fl-istokk, f’imħażen tat-taxxa u tad-dwana skont l-iskema ta’ tranżitu jew trasbord jew sospenzjoni tad-dazju mid-data li fiha ssir it-talba.

    3. Fir-rigward tal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura mibjugħin jew manifatturati fit-territorju tal-Parti għall-esportazzjoni, jew soġġetti għal ċaqliq bid-dazju sospiż fit-tranżitu jew it-trasbord fit-territorju tal-Parti, kull Parti, kif xieraq, teħtieġ li l-persuni liċenzjati b’konformità mal-Artikolu 6, jipprovdu, wara li ssirilhom talba, lill-awtoritajiet kompetenti fil-pajjiż tat-tluq (b’mod elettroniku, fejn teżisti l-infrastruttura) fil-ħin tat-tluq mill-kontroll tagħhom bl-informazzjoni li ġejja:

    (a) id-data tal-vjeġġ mill-aħħar punt ta’ kuntatt fiżiku tal-prodotti;

    (b) id-dettalji dwar il-prodotti trasportati (inklużi d-ditta, l-ammont, il-maħżen);

    (c) ir-rotot intenzjonati u d-destinazzjoni tal-vjeġġ;

    (d) l-identità tal-persuna/i fiżiċi jew ġuridiċi li lilhom qed jiġu trasportati l-prodotti;

    (e) il-mezz ta’ trasportazzjoni, inkluża l-identità tat-trasportatur;

    (f) id-data mistennija tal-wasla tal-kunsinna fid-destinazzjoni intenzjonata tal-vjeġġ; u

    (g) is-suq tal-użu jew tal-bejgħ bl-imnut intenzjonat.

    4. Jekk dan ikun fattibbli, kull Parti teħtieġ li l-bejjiegħa bl-imnut u l-kultivaturi tat-tabakk, minbarra kultivaturi tradizzjonali li jaħdmu fuq bażi mhux kummerċjali, iżommu rekords sħaħ u preċiżi tat-tranżazzjonijiet kollha relevanti li jkunu involuti fihom, b’konformità mal-liġi nazzjonali tagħha.

    5. Għall-fini tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, kull Parti tadotta miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi jew oħrajn effettivi li jeħtieġu li r-rekords kollha:

    (a) jinżammu għal perjodu ta’ mill-inqas erba’ snin;

    (b) jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti; u

    (c) jinżammu f’format, kif meħtieġ mill-awtoritajiet kompetenti.

    6. Kull Parti, kif xieraq u soġġetta għal-liġi nazzjonali, tistabbilixxi sistema sabiex taqsam id-dettalji li jinsabu fir-rekords kollha miżmuma skont dan l-Artikolu ma’ Partijiet oħra.

    7. Il-Partijiet jagħmlu kull sforz biex jikkooperaw ma’ xulxin u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti fil-kondiviżjoni u l-iżvilupp progressivi ta’ sistemi mtejba għaż-żamma ta’ rekords.

    Artikolu 10

    Sigurtà u miżuri preventivi

    1. Kull Parti, fejn xieraq u b’konsistenza mal-liġi nazzjonali tagħha u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, teħtieġ li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha soġġetti għall-Artikolu 6 jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu l-moviment tal-prodotti tat-tabakk lejn kanali kummerċjali illeċiti, inklużi, fost l-oħrajn:

    (a) ir-rapportar mal-awtoritajiet kompetenti:

    (i) it-trasferiment transfruntier ta’ flus f’ammonti stipulati fil-liġi nazzjonali jew ta’ pagamenti in natura transfruntiera; u

    (ii) kull “tranżazzjoni suspettuża”; u

    (b) il-forniment ta’ prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura biss f’ammonti proporzjonati għad-domanda għat-tali prodotti fis-suq tal-użu jew tal-bejgħ bl-imnut intenzjonat.

    2. Kull Parti, kif xieraq u b’mod konsistenti mal-liġi nazzjonali tagħha u l-għanijiet tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, teħtieġ li ħlasijiet għal tranżazzjonijiet imwettqa minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għall-Artikolu 6, isiru biss fil-munita u bl-istess ammont tal-fattura, u biss permezz ta’ modi legali ta’ ħlas minn istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tas-suq intenzjonat u ma jkunux operati permezz ta’ xi sistema alternattiva oħra ta’ rimessa.

    3. Parti tista’ teħtieġ li ħlasijiet li jsiru minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi soġġetti għall-Artikolu 6 għal materjali użati għall-manifattura ta’ prodotti tat-tabakk fil-ġurisdizzjoni tagħha jsiru biss fil-munita u bl-istess ammont tal-fattura, u jsiru biss permezz ta’ modi legali ta’ ħlas minn istituzzjonijiet finanzjarji li jinsabu fit-territorju tas-suq intenzjonat u ma jkunux operati permezz ta’ xi sistema alternattiva oħra ta’ rimessa.

    4. Kull Parti tiżgura li kwalunkwe kontravenzjoni tar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu tkun soġġetta għal proċeduri kriminali, ċivili jew amministrattivi xierqa u għal sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u disważivi inklużi, kif xieraq, sospensjoni jew kanċellament ta’ liċenzja.

    Artikolu 11

    Bejgħ fuq l-Internet, telekomunikazzjonijiet jew kwalunkwe teknoloġija oħra li qed tevolvi

    1. Kull Parti teħtieġ li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha involuti fi kwalunkwe tranżazzjoni fir-rigward ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ modi ta’ bejgħ ibbażati fuq l-Internet, it-telekomunikazzjonijiet jew kwalunkwe teknoloġija oħra li qed tevolvi, jikkonformaw mal-obbligi relevanti kollha koperti minn dan il-Protokoll.

    2. Kull Parti tikkunsidra l-probizzjoni tal-bejgħ bl-imnut ta’ prodotti tat-tabakk permezz ta’ modi ta’ bejgħ ibbażati fuq l-Internet, telekomunikazzjonijiet, jew kwalunkwe teknoloġija oħra li qed tevolvi.

    Artikolu 12

    Żoni ħielsa u tranżitu internazzjonali

    1. Kull Parti, fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għal dik il-Parti, timplimenta kontrolli effettivi fuq kull manifattura ta’ tabakk u prodotti tat-tabakk u tranżazzjonijiet fihom, f’żoni ħielsa, bl-użu tal-miżuri kollha relevanti kif previst f’dan il-Protokoll.

    2. Barra minn hekk, it-taħlit ta’ prodotti tat-tabakk ma’ prodotti mhux tat-tabakk f’kontenitur uniku jew kwalunkwe unità ta’ trasportazzjoni simili oħra fi żmien it-tneħħija miż-żoni ħielsa, huwa pprojbit.

    3. Kull Parti, b’konformità mal-liġi nazzjonali, tadotta u tapplika miżuri ta’ kontroll u verifika għat-tranżitu u t-trasbord internazzjonali, fi ħdan it-territorju tagħha, ta’ prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll sabiex tipprevjeni l-kummerċ illeċitu tat-tali prodotti.

    Artikolu 13

    Bejgħ ħieles mid-dazju

    1. Kull Parti timplimenta miżuri effettivi sabiex il-bejgħ ħieles mid-dazju jiġi soġġett għad-dispożizzjonijiet relevanti kollha ta’ dan il-Protokoll, b’kunsiderazzjoni għall-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    2. Mhux iktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll, il-Laqgħa tal-Partijiet tiżgura, waqt is-sessjoni li jmiss tagħha, li ssir riċerka bbażata fuq evidenza biex tara kemm hu estiż il-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk relatat mal-bejgħ ħieles mid-dazju tat-tali prodotti. Fuq il-bażi ta’ din ir-riċerka, il-Laqgħa tal-Partijiet tikkunsidra li tieħu azzjoni ulterjuri xierqa.

    PARTI IV: REATI

    Artikolu 14

    Imġiba illegali inklużi reati kriminali

    1. Kull Parti, soġġetta għall-prinċipji bażiċi tal-liġi domestika tagħha, tadotta miżuri leġiżlattivi u oħrajn bħal dawn, skont kif ikun neċessarju, sabiex l-imġiba li ġejja tiġi stabbilita bħala illegali skont il-liġi domestika tagħha:

    (a) il-manifattura, il-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija, il-bejgħ, it-trasportar, id-distribuzzjoni, il-ħżin, il-vjeġġ, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew it-tagħmir tal-manifattura li jmorru kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll;

    (b)     (i) il-manifattura, il-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija, il-bejgħ, it-trasportar, id-distribuzzjoni, il-ħżin, il-vjeġġ, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew it-tagħmir tal-manifattura mingħajr ma jitħallsu d-dazji, it-taxxi jew imposti oħra applikabbli jew mingħajr ma jkollhom it-timbri fiskali, il-marki ta’ identifikazzjoni uniċi jew xi marka jew tabella oħra meħtieġa;

    (ii) kwalunkwe att ieħor ta’ kuntrabandu jew attentat ta’ kuntrabandu tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura mhux kopert bil-paragrafu (b)(i);

    (c)      (i) kwalunkwe forma oħra ta’ manifattura illeċita ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura, jew pakketti tat-tabakk li jkollhom timbri fiskali, marki tal-identifikazzjoni uniċi jew kwalunkwe marka jew tabella oħra meħtieġa li jkunu foloz;

    (ii) il-bejgħ bl-ingrossa, is-senserija, il-bejgħ, it-trasportar, id-distribuzzjoni, il-ħżin, il-vjeġġ, l-importazzjoni jew l-esportazzjoni ta’ tabakk, manifatturat illegalment, prodotti tat-tabakk illeċiti, prodotti li jkollhom timbri fiskali u/jew marki jew tabelli meħtieġa li jkunu foloz, jew tagħmir illeċitu għall-manifattura;

    (d) it-taħlit ta’ prodotti tat-tabkk ma’ prodotti mhux tat-tabakk matul il-progressjoni permezz tal-katina tal-provvista, għall-fini ta’ ħabi jew simulazzjoni ta’ prodotti tat-tabakk;

    (e) it-taħlit ta’ prodotti tat-tabakk ma’ prodotti mhux tat-tabakk bi ksur tal-Artikolu 12.2 ta’ dan il-Protokoll;

    (f) l-użu ta’ modi ta’ bejgħ ibbażati fuq l-użu tal-Internet, it-telekomunikazzjoni jew kwalunkwe teknoloġija oħra li qed tevolvi bi ksur ta’ dan il-Protokoll;

    (g) il-kisba minn persuna liċenzjata skont l-Artikolu 6, ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura minn persuna li għandha tkun iżda li mhijiex liċenzjata skont l-Artikolu 6;

    (h) it-tfixkil ta’ uffiċjal pubbliku jew uffiċjal awtorizzat fit-twettiq ta’ dmirijietu relatati mal-prevenzjoni, l-evitar, l-investigazzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura;

    (i) (    i) li wieħed jagħmel dikjarazzjonijiet materjali li huma foloz, qarrierqa jew mhux sħaħ, jew li wieħed jonqos milli jipprovdi xi informazzjoni meħtieġa lil xi uffiċjal pubbliku jew uffiċjal awtorizzat fit-twettiq ta’ dmirijietu relatati mal-prevenzjoni, l-evitar, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir għall-produzzjoni u meta dan ma jmurx kontra d-dritt kontra l-awtoinkriminazzjoni;

    (ii) dikjarazzjonijiet żbaljati fuq formoli uffiċjali dwar id-deskrizzjoni, il-kwantità jew il-valur tat-tabakk, il-prodotti tat-tabakk jew it-tagħmir tal-manifattura jew kwalunkwe informazzjoni speċifikata oħra fil-protokoll għall-finijiet ta’:

    (a) evażjoni tal-ħlas ta’ dazji, taxxi u imposti oħra applikabbli, jew

    (b) preġudizzju ta’ xi miżura ta’ kontroll għall-prevenzjoni, l-evitar, l-identifikazzjoni, l-investigazzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ kummerċ illeċitu tat-tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura;

    (iii) in-nuqqas ta’ ħolqien jew żamma ta’ rekords koperti minn dan il-protokoll jew iż-żamma ta’ rekords foloz; kif ukoll

    (j) il-laundering ta' rikavati minn imġiba illegali stabbilita bħala reat kriminali skont il-paragrafu 2.

    2. Kull Parti, soġġetta għall-prinċipji bażiċi tal-liġi domestika tagħha, tiddetermina liema mġiba illegali stabbilita fil-paragrafu 1 jew kwalunkwe mġiba oħra relatata ma’ kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, hija reat kriminali u tadotta miżuri leġiżlattivi u oħrajn skont kif ikun hemm bżonn biex jagħtu effett għal din id-determinazzjoni.

    3. Kull Parti tinnotifika lis-Segretarjat ta’ dan il-Protokoll liema mill-imġiba illegali stabbilita fil-paragrafi 1 u 2, dik il-Parti ddeterminat li hija reat kriminali b’konformità mal-paragrafu 2, u tipprovdi lis-Segretarjat b’kopji tal-liġijiet tagħha, jew deskrizzjoni tagħhom, li jagħtu effett lill-paragrafu 2, kif ukoll dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fit-tali liġijiet.

    4. Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra r-reati kriminali relatati mat-tabakk, mal-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura, il-Partijiet huma mħeġġa jirrevedu l-liġijiet nazzjonali tagħhom rigward il-ħasil tal-flus, l-assistenza legali reċiproka u l-estradizzzjoni, b’kunsiderazzjoni għall-konvenzjonijiet internazzjonali relevanti li huma Partijiet għaliha, biex jiżguraw li huma effettivi fl-infurzar tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

    Artikolu 15

    Responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

    1. Kull Parti tadotta tali miżuri skont kif neċessarju, b’mod konsistenti mal-prinċipji legali tagħha, biex tistabbilixxi r-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi għal imġiba illegali inklużi reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan il-Protokoll.

    2. Skont il-prinċipji ġuridiċi ta’ kull Parti, ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi tista’ tkun kriminali, ċivili jew amministrattiva.

    3. It-tali responsabbiltà hija mingħajr ħsara għar-responsabbiltà tal-persuni fiżiċi li jkunu involuti fl-imġiba illegali jew li jkunu wettqu r-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali u l-Artikolu 14 ta’ dan il-Protokoll.

    Artikolu 16

    Prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet

    1. Kull Parti tadotta t-tali miżuri skont kif ikun hemm bżonn, b’konformità mal-liġi nazzjonali, biex ikun żgurat li l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi miżmuma responsabbli għal imġiba illegali inklużi reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 ikunu soġġetti għal sanzjonijiet kriminali u mhux kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi, inklużi sanzjonijiet monetarji.

    2. Kull Parti tagħmel kull sforz biex tiżgura li kwalunkwe setgħat ġuridiċi diskrezzjonarji skont il-liġi domestika relatati mal-prosekuzzjoni ta’ persuni għall-imġiba illegali, inklużi reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14, huma eżerċitati biex jimmassimizzaw l-effettività tal-miżuri tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tat-tali mġiba illegali inklużi reati kriminali, u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-bżonn li jiġi evitat it-twettiq tat-tali mġiba illegali inklużi reati.

    3. Ma hemm xejn inkluż f’dan il-Protokoll li jaffettwa l-prinċipju li d-deskrizzjoni ta’ imġiba illegali inklużi reati kriminali stabbilita b’konformità ma’ dan il-Protokoll u tad-difiżi legali applikabbli jew prinċipji legali oħra li jikkontrollaw il-legalità tal-imġiba hija riżervata għal-liġi domestika tal-Parti u li tali mġiba illegali inklużi reati kriminali tittieħed azzjoni kontrihom u jiġu sanzjonati b’konformità ma’ dik il-liġi.

    Artikolu 17

    Ħlasijiet permezz ta’ sekwestru

    B’konformità mal-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet għandhom jikkunsidraw l-adozzjoni tat-tali miżuri leġiżlattivi u oħrajn skont kif ikun hemm bżonn biex jawtorizzaw lill-awtoritajiet kompetenti biex jitolbu ammont proporzjonat għat-taxxi u d-dazji mitlufin mill-produttur, il-manifattur, id-distributur, l-importatur jew l-esportatur ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u/jew tagħmir tal-manifattura sekwestrati.

    Artikolu 18

    Rimi jew qerda

    It-tabakk, il-prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura kollha kkonfiskati jinqerdu billi jintużaw metodi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent kemm jista’ jkun, jew jintremew b’konformità mal-liġi nazzjonali.

    Artikolu 19

    Tekniki investigattivi speċjali

    1. Jekk il-prinċipji bażiċi tas-sistema ġuridika domestika tagħha jippermettulha, kull Parti, skont il-possibbiltajiet tagħha u skont il-kundizzjonijiet preskritti mil-liġi domestika tagħha, tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tippermetti l-użu xieraq ta’ kunsinna kkontrollata u, meta tqis li huwa xieraq, l-użu ta’ tekniki investigattivi speċjali, bħal forom ta’ sorveljanza elettroniċi u oħrajn u operazzjonijiet pajżana mill-awtoritajiet kompetenti fit-territorju tagħha għall-fini tal-ġlieda effettiva kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk, prodotti tat-tabakk u t-tagħmir tal-manifattura.

    2. Għall-fini ta’ investigazzjoni tar-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14, il-Partijiet huma mħeġġa jikkonkludu, meta jkun hemm bżonn, ftehimiet bilaterali u multilaterali xierqa jew arranġamenti għall-użu tat-tekniki msemmija fil-paragrafu 1 fil-kuntest tal-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali.

    3.Fin-nuqqas ta’ ftehim jew arrangement kif stabbilit fil-paragrafu 2, deċiżjonijiet sabiex jintużaw it-tali tekniki investigattivi speċjali fil-livell internazzjonali jittieħdu fuq bażi ta’ każ b’każ u, meta jkun hemm bżonn, jistgħu jqisu l-arranġamenti finanzjarji u l-ftehimiet fir-rigward tal-eżerċitar tal-ġurisdizzjoni mill-Partijiet ikkonċernati.

    4. Il-Partijiet jirrikonoxxu l-importanza u l-bżonn tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-assistenza f’dan il-qasam u jikkooperaw flimkien u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan l-Artikolu.

    PARTI V: KOOPERAZZJONI INTERNAZZJONALI

    Artikolu 20

    Kondiviżjoni ta’ informazzjoni ġenerali

    1. Sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll, il-Partijiet jirrapportaw, bħala parti mill-istrument tar-rapportar tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, informazzjoni, soġġetta għal-liġi domestika, u fejn xieraq, fost l-oħrajn, dwar kwistjonijiet bħal:

    (a) f’forma aggregata, id-dettalji dwar sekwestri ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura, il-kwantità, il-valur tas-sekwestri, id-deskrizzjonijiet tal-prodotti, id-dati u l-postijiet tal-manifattura u t-taxxi evażi;

    (b) l-importazzjoni, l-esportazzjoni, it-tranżitu, it-taxxa mħallsa, il-bejgħ ħieles mid-dazju, u l-kwantità jew il-valur tal-produzzjoni tat-tabakk, tal-prodotti tat-tabakk jew tat-tagħmir tal-manifattura;

    (c) ix-xejriet, il-metodi ta’ ħabi u l-modi operandi użati fil-kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; u

    (d) kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti, kif miftiehem mill-Partijiet.

    2. Il-Partijiet jikkooperaw ma’ xulxin u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali kompetenti biex jibnu l-kapaċità tal-Partijiet għall-ġbir u l-iskambju ta’ informazzjoni.

    3. Il-Partijiet iqisu din l-informazzjoni bħala kunfidenzjali u għall-użu tal-Partijiet biss, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor mill-Parti emittenti.

    Artikolu 21

    Kondiviżjoni ta’ informazzjoni dwar l-infurzar

    1. Il-Partijiet, soġġetti għal-liġi domestika jew għal xi trattat internazzjonali applikabbli, jiskambjaw, fuq inizjattiva tagħhom stess jew meta ssir talba minn Parti li tipprovdi ġustifikazzjoni xierqa li t-tali informazzjoni hija meħtieġa għall-fini ta’ qbid jew investigazzjoni ta’ kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura, l-informazzjoni li ġejja:

    (a) rekords tal-liċenzji għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati;

    (b) informazzjoni għall-identifikazzjoni, il-monitoraġġ u l-prosekuzzjoni ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi involuti fil-kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura;

    (c) rekords tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet;

    (d) rekords tal-ħlas għal importazzjonijiet, esportazzjonijiet jew bejgħ ħieles mid-dazju ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura; u

    (e) dettalji tas-sekwestri ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura (inklużi informazzjoni ta’ referenza għal każ fejn xieraq, il-kwantità, il-valur tas-sekwestru, id-deskrizzjoni tal-prodott, l-entitajiet involuti, id-data u l-post tal-manifattura) u l-modi operandi (inklużi l-mezzi ta’ trasport, ħabi, rotta u detezzjoni).

    2. L-informazzjoni li tasal mill-Partijiet skont dan l-Artikolu tintuża esklużivament sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll. Il-Partijiet jistgħu jispeċifikaw li t-tali informazzjoni ma tiġix kondiviża mingħajr il-qbil tal-Parti li tkun ipprovdiet l-informazzjoni.

    Artikolu 22

    Kondiviżjoni tal-informazzjoni:kunfidenzjalità u protezzjoni tal-informazzjoni

    1. Kull Parti taħtar l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li lilhom tiġi pprovduta d-dejta msemmija fl-Artikoli 20, 21 u 24 u tinnotifika lill-Partijiet bit-tali ħatra permezz tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni.

    2. L-iskambju tal-informazzjoni skont dan il-Protokoll hija soġġetta għal-liġi domestika rigward il-kunfidenzjalità u l-privatezza. Il-Partijiet jipproteġu, kif miftiehem b’mod reċiproku, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li tiġi skambjata.

    Artikolu 23

    Assistenza u kooperazzjoni: taħriġ, assistenza teknika u kooperazzjoni f’oqsma xjentifiċi, tekniċi u teknoloġiċi

    1. Il-Partijiet jikkooperaw flimkien u/jew permezz ta’ organizzazzjonijiet kompetenti internazzjonali u reġjonali fil-forniment ta’ taħriġ, assistenza teknika u kooperazzjoni f’oqsma xjentifiċi, tekniċi u teknoloġiċi, sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll kif miftiehem b’mod reċiproku. Din l-assistenza tista’ tinkludi t-trasferiment ta’ kompetenza jew teknoloġija xierqa fl-oqsma tal-ġbir ta’ informazzjoni, l-infurzar tal-liġi, it-traċċar u l-lokalizzazzjoni,l-immaniġġjar tal-informazzjoni, il-protezzjoni ta’ dejta personali, l-interdizzjoni, is-sorveljanza elettronika, l-analiżi forensika, l-assistenza legali reċiproka u l-estradizzjoni.

    2. Il-Partijiet jistgħu, kif xieraq, jidħlu fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali, multilaterali jew kwalunkwe ftehim jew arranġament ieħor biex jippromwovu t-taħriġ, l-assistenza teknika u l-kooperazzjoni f’oqsma xjentifiċi, tekniċi u teknoloġiċi filwaqt li jqisu l-bżonnijiet ta’ Partijiet li huma Pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni.

    3. Il-Partijiet jikkooperaw, kif xieraq, biex jiżviluppaw u jirriċerkaw il-possibbiltajiet tal-identifikazzjoni tal-oriġini ġeografika eżatta tat-tabakk jew tal-prodotti tat-tabakk sekwestrati.

    Artikolu 24

    Assistenza u kooperazzjoni: investigazzjoni u prosekuzzjoni ta’ reati

    1. Il-Partijiet, b’konformità mal-liġi domestika tagħhom, jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha, fejn xieraq, biex isaħħu l-kooperazzjoni permezz ta’ arranġamenti multilaterali, reġjonali jew bilaterali għall-prevenzjoni, il-qbid, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ikkastigar ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti f’kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura.

    2. Kull Parti tiżgura li l-awtoritajiet amministrattivi, regolatorji, tal-infurzar tal-liġi u oħrajn iddedikati għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura (minbarra, fejn permess, mil-liġi domestika, l-awtoritajiet ġudizzjarji) jikkooperaw u jiskambjaw informazzjoni relevanti fil-livelli nazzjonali u internazzjonali skont il-kundizzjonijiet preskritti fil-liġi domestika tagħha.

    Artikolu 25

    Protezzjoni tas-sovranità

    1. Il-Partijiet iwettqu l-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll b’mod konsistenti mal-prinċipji ta’ ugwaljanza sovrana u integrità territorjali tal-Istati u dak ta’ nuqqas ta’ intervent fl-affarijiet domestiċi ta’ Stati oħra.

    2. Xejn f’dan il-Protokoll ma jintitola lil Parti biex teżerċita ġurisdizzjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u biex twettaq funzjonijiet li huma riservati esklużivament għall-awtoritajiet ta’ dak l-Istat mil-liġi domestika tiegħu.

    Artikolu 26

    Ġurisdizzjoni

    1. Kull Parti tadotta tali miżuri skont kif ikun hemm bżonn biex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 meta:

    (a) ir-reat jitwettaq fit-territorju ta’ dik il-Parti; jew

    (b) ir-reat jitwettaq abbord bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ dik il-Parti jew inġenju tal-ajru li huwa rreġistrat skont il-liġijiet ta’ dik il-Parti fiż-żmien meta jkun twettaq ir-reat.

    2. Soġġetta għall-Artikolu 25, Parti tista’ tistabbilixxi wkoll il-ġurisdizzjoni tagħha fuq kwalunkwe reat kriminali bħal dan meta:

    (a) ir-reat jitwettaq kontra dik il-Parti;

    (b) ir-reat jitwettaq minn ċittadin ta’ dik il-Parti jew minn persuna apolidi li għandha r-residenza abitwali tagħha fit-territorju tagħha; jew

    (c) ir-reat huwa wieħed minn dawk stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 u jitwettaq barra mit-territorju tagħha bl-għan ta’ twettiq ta’ reat stabbilit b’konformità mal-Artikolu 14 fit-territorju tagħha.

    3. Għall-fini tal-Artikolu 30, kull Parti tadotta miżuri bħal dawn skont kif jeħtieġ biex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 meta l-allegat trasgressur ikun jinsab fit-territorju tagħha u ma testradixxix lit-tali persuna fuq l-unika bażi li hija ċittadin tagħha.

    4. Kull Parti tista’ tadotta wkoll miżuri bħal dawn skont kif jeħtieġ biex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tagħha fuq ir-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 meta l-allegat trasgessur ikun jinsab fit-territorju tagħha u ma testradixxihx.

    5. Jekk Parti li teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha skont il-paragrafu 1 jew 2 tkun ġiet notifikata jew tkun saret taf b’xi mod ieħor li Parti waħda jew iktar qed iwettqu investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura ġudizzjarja fir-rigward tal-istess imġiba, l-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin kif xieraq, bl-għan li jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom.

    6. Mingħajr ħsara għan-normi tal-liġi internazzjonali ġenerali, dan il-Protokoll ma jeskludix l-eżerċitar ta’ kwalunkwe ġurisdizzjoni kriminali stabbilita minn Parti b’konformità mal-liġi domestika tagħha.

    Artikolu 27

    Kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi

    1. Kull Parti tadotta, b’mod konsistenti mas-sistemi ġuridiċi u amministrattivi domestiċi rispettivi tagħha, miżuri effettivi biex:

    (a) issaħħaħ u, fejn hemm bżonn, tistabbilixxi kanali ta’ komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-aġenziji u s-servizzi sabiex tiffaċilita l-iskambju sigur u mgħaġġel tal-informazzjoni dwar l-aspetti kollha tar-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14;

    (b) tiżgura kooperazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet kompetenti, l-aġenziji, id-dwana, il-pulizija u aġenziji oħrajn tal-infurzar tal-liġi;

    (c) tikkoopera ma’ Partijiet oħra fit-twettiq ta’ inkjesti f’każijiet speċifiċi fir-rigward tar-reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 dwar:

    (i) l-identità, il-movimenti u l-attivitajiet tal-persuni ssuspettati li kienu involuti fit-tali reati jew il-lokalità ta’ persuni oħra kkonċernati;

    (ii) iċ-ċaqliq tar-rikavati minn kriminalità jew proprjetà li ġejjin mit-twettiq tat-tali reati; u

    (iii) iċ-ċaqliq ta’ proprjetà, tagħmir jew strumentalitajiet oħrajn użati jew li huma maħsubin sabiex jintużaw fit-twettiq tat-tali reati;

    (d) tipprovdi, meta dan ikun xieraq, oġġetti jew kwantitajiet ta’ sustanzi neċessarji għal fini analitiċi jew investigattivi;

    (e) tiffaċilita koordinazzjoni effettiva fost l-awtoritajiet kompetenti tagħha, l-aġenziji u s-servizzi u tippromwovi l-iskambju ta’ persunal u esperti oħra inklużi, soġġetta għal ftehimiet jew arranġamenti bilaterali bejn il-Partijiet ikkonċernati, il-kariga ta’ uffiċjal ta’ kollegament;

    (f) taqsam informazzjoni relevanti ma’ Partijiet oħrajn dwar mezzi u metodi speċifiċi użati minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi fit-twettiq tat-tali reati, inklużi fejn applikabbli, rotot u trasferimenti u l-użu ta’ identitajiet foloz, dokumenti mbagħbsin jew foloz jew mezzi oħra ta’ ħabi tal-attivitajiet tagħhom; u

    (g) taqsam informazzjoni relevanti u tikkoordina miżuri amministrattivi u oħrajn kif xieraq għall-fini ta’ identifikazzjoni bikrija tar-reati kriminali stabbiliti skont l-Artikolu 14.

    2. Bl-għan li jagħtu effett lil dan il-Protokoll, il-Partijiet jikkunsidraw li jidħlu fi ftehimiet jew arranġamenti bilaterali u multilaterali dwar kooperazzjoni diretta bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi tagħhom u, meta diġà jkunu jeżistu t-tali ftehimiet jew arranġamenti, jemendawhom kif xieraq. Fin-nuqqas tat-tali ftehimiet jew arranġamenti bejn il-Partijiet ikkonċernati, il-Partijiet jistgħu jikkunsidraw dan il-Protokoll bħala l-bażi għal kooperazzjoni reċiproka fl-infurzar tal-liġi fir-rigward tar-reati koperti minn dan il-Protokoll. Meta jkun xieraq, il-Partijiet jagħmlu użu sħiħ mill-ftehimiet jew l-arranġamenti, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali, biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi.

    3. Il-Partijiet jagħmlu kull sforz biex jikkooperaw bil-mezzi li għandhom biex jirreaġixxu għall-kummerċ illeċitu transnazzjonali ta’ prodotti tat-tabakk imwettaq bl-użu ta’ teknoloġija moderna.

    Artikolu 28

    Assistenza amministrattiva reċiproka

    B’mod konsistenti mas-sistemi ġuridiċi u amministrattivi domestiċi rispettivi tagħhom, il-Partijiet jipprovdu lil xulxin, jew wara li ssir talba jew fuq inizjattiva tagħhom stess, b’informazzjoni biex jiżguraw applikazzjoni xierqa tal-liġijiet tad-dwana u liġijiet relevanti oħra fil-prevenzjoni, il-qbid, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk jew tagħmir tal-manifattura. Il-Partijiet jittrattaw l-informazzjoni msemmija bħala kunfidenzjali u għal użu ristrett, sakemm ma jkunx iddikjarat mod ieħor mill-Parti emittenti. It-tali informazzjoni tista’ tinkludi:

    (a) tekniki doganali ġodda u tekniki oħrajn ta’ infurzar b’effettività pprovata;

    (b) tendenzi, mezzi u metodi ġodda ta’ involvement f’kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura;

    (c) oġġetti magħrufa li huma suġġetti għal kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura kif ukoll dettalji ta’ deskrizzjoni, ippakkjar, trasportar u ħżin u metodi użati fir-rigward ta’ dawk l-oġġetti;

    (d) persuni fiżiċi jew ġuridiċi magħrufa li jkunu wettqu reat jew ikunu parti minn reat stabbilit b’konformità mal-Artikolu 14; u

    (e) kwalunkwe dejta oħra li tkun tassisti lil aġenziji speċifikati fil-valutazzjoni tar-riskji għal fini ta’ kontroll u ta’ infurzar oħra.

    Artikolu 29

    Assistenza legali reċiproka

    1. Il-Partijiet jipprovdu lil xulxin b’kemm jista’ jkun assistenza legali reċiproka fl-investigazzjonijiet, il-prosekuzzjonijiet u l-proċeduri ġudizzjarji fir-rigward ta’ reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan il-Protokoll.

    2. Assistenza legali reċiproka tingħata kemm jista’ jkun skont il-liġijiet, il-ftehimiet u l-arranġamenti relevanti tal-Parti mitluba fir-rigward ta’ investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u proċedimenti ġudizzjarji relatati mar-reati li għalihom jistgħu jinżammu responsabbli l-persuni ġuridiċi b’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dan il-Protokoll fil-Parti rikjedenti.

    3. L-assistenza legali reċiproka li għandha tingħata b’konformità ma’ dan l-Artikolu tista’ tintalab għal kwalunkwe waħda minn dawn ir-raġunijiet:

    (a) sabiex jinġabru evidenza jew dikjarazzjonijiet minn persuni;

    (b) sabiex jingħata servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji;

    (c) sabiex isiru tfittxijiet u sekwestri, u ffriżar;

    (d) sabiex issir eżaminazzjoni ta’ oġġetti u siti;

    (e) sabiex tiġi pprovduta informazzjoni, oġġetti ta’ evidenza u evalwazzjonijiet tal-esperti;

    (f) sabiex jiġu pprovduti kopji oriġinali jew iċċertifikati ta’ dokumenti jew rekords relevanti, inklużi rekords tal-gvern, tal-banek, finanzjarji, korporattivi jew kummerċjali;

    (g) sabiex jiġi identifikat jew traċċat rikavat minn reat, proprjetà, strumentalitajiet jew affarijiet oħra għall-fini ta’ evidenza;

    (h) sabiex tiġi faċilitata d-dehra volontarja ta’ persuni fil-Parti rikjedenti; u

    (i) għal kwalunkwe tip ta’ assistenza li ma tmurx kontra l-liġi domestika tal-Parti rikjedenti.

    4. Dan l-Artikolu ma jaffettwax l-obbligi skont xi trattat bilaterali jew multilaterali li jirregola jew li se jirregola kompletament jew parzjalment l-assistenza legali reċiproka.

    5. Fuq il-bażi tar-reċiproċità, il-paragrafi 6 sa 24 japplikaw għal talbiet li jsiru b’konformità ma’ dan l-Artikolu jekk il-Partijiet inkwistjoni ma jkunux marbuta bi trattat jew ftehim intergovernattiv ta’ assistenza legali reċiproka. Jekk il-Partijiet ikunu marbuta minn tali trattat jew ftehim intergovernattiv, japplikaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dak it-trattat jew ftehim intergovernattiv sakemm il-Partijiet ma jaqblux li japplikaw il-paragrafi 6 sa 24 minflokhom. Il-Partijiet huma ferm imħeġġa biex japplikaw dawn il-paragrafi jekk jiffaċilitaw il-kooperazzjoni.

    6. Il-Partijiet jaħtru awtorità ċentrali li jkollha r-responsabbiltà u s-setgħa li tirċievi talbiet għal assistenza legali reċiproka u teżegwixxi t-talbiet jew tibgħathom lill-awtoritajiet kompententi rispettivi tagħhom għall-eżekuzzjoni. Meta Parti jkollha reġjun jew territorju speċjali b’sistema separata ta’ assistenza legali reċiproka, tista’ taħtar awtorità ċentrali separata li jkollha l-istess funzjoni għal dak ir-reġjun jew territorju. L-awtoritajiet ċentrali jiżguraw eżekuzzjoni mgħaġġla u xierqa jew trażmissjoni tat-talbiet li jkunu waslu. Meta l-awtorità ċentrali tittrażmetti t-talba lil awtorità kompetenti għal eżekuzzjoni, hija tħeġġeġ l-eżekuzzjoni mgħaġġla u tajba tat-talba mill-awtorità kompetenti. Kull Parti tinnotifika lill-Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni fi żmien l-adeżjoni, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni, il-konferma formali jew ir-ratifika ta’ dan il-Protokoll dwar l-awtorità ċentrali magħżula għal dan l-għan. It-trażmissjoni tat-talbiet għal assistenza legali reċiproka u kwalunkwe komunikazzjoni relatata magħha ssir bejn l-awtoritajiet ċentrali maħturin mill-Partijiet. Dan ir-rekwiżit ikun mingħajr ħsara għad-dritt li Parti teħtieġ li t-tali talbiet u komunikazzjonijiet jiġu indirizzati lilha permezz tal-kanal diplomatiku u, f’ċirkustanzi urġenti, meta l-Partijiet jaqblu hekk, permezz tal-organizzazzjonijiet internazzjonali xierqa, jekk dan ikun possibbli.

    7. It-talbiet isiru bil-miktub jew, fejn possibbli, b’mezz li kapaċi jipproduċi rekord bil-miktub, b’lingwa aċċettabbli għall-Parti mitluba skont kundizzjonijiet li jippermettu lil Parti tistabbilixxi awtentiċità. Il-lingwa jew lingwi aċċettabbli għal kull Parti jiġu nnotifikati lil Kap tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni fi żmien l-adeżjoni, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni, il-konferma formali jew ir-ratifika ta’ dan il-Protokoll. F’ċirkustanzi urġenti, u fejn dan ikun maqbul bejn il-Partijiet, it-talbiet jistgħu jsiru b’mod orali, iżda wara dawn għandhom jiġu kkonfermati bil-miktub.

    8. Talba għal assistenza legali reċiproka tinkludi:

    (a) l-identità tal-awtorità li tagħmel it-talba;

    (b) is-suġġett u n-natura tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni jew il-proċedura ġudizzjarja li magħhom hija relatata t-talba, u l-isem u l-funzjonijiet tal-awtorità li twettaq it-tali investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura ġudizzjarja;

    (c) sommarju tal-fatti relevanti, minbarra fir-rigward ta’ talbiet għall-fini ta’ servizz ta’ dokumenti ġudizzjarji;

    (d) deskrizzjoni tal-assistenza mitluba u d-dettalji dwar kwalunkwe proċedura partikolari li l-Parti rikjedenti tixtieq li tiġi segwita;

    (e) fejn possibbli, l-identità, il-lokalità u n-nazzjonalità ta’ kwalunkwe persuna kkonċernata;

    (f) l-għan li għalih qed tintalab l-evidenza, l-informazzjoni jew l-azzjoni; u

    (g) id-dispożizzjonijiet tal-liġi domestika li huma relevanti għar-reat kriminali u l-kastig tiegħu.

    9. Il-Parti mitluba tista’ titlob informazzjoni addizzjonali meta dan jidhrilha neċessarju għall-eżekuzzjoni tat-talba b’konformità mal-liġi domestika tagħha jew meta tista’ tiffaċilita tali eżekuzzjoni.

    10. Talba tiġi eżegwita b’konformità mal-liġi domestika tal-Parti mitluba u, safejn dan ma jkunx jikser il-liġi domestika tal-Parti mitluba u fejn ikun possibbli, b’konformità mal-proċeduri speċifikati fit-talba.

    11. Il-Parti rikjedenti ma tibgħatx u ma tużax informazzjoni jew evidenza pprovduta mill-Parti mitluba għal investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet jew proċedimenti ġudizzjarji minbarra dawk dikjarati fit-talba mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tal-Parti mitluba. Xejn f’dan il-paragrafu ma jżomm lill-Parti rikjedenti milli tiddivulga fil-proċedimenti tagħha informazzjoni jew evidenza li tiskaġuna persuna akkużata. Fil-każ tal-aħħar, il-Parti rikjedenti tinnotifika lill-Parti mitluba qabel ma ssir id-divulgazzjoni u, jekk tintalab hekk, tikkonsulta lill-Parti mitluba. Jekk, f’każ eċċezzjonali, ma jkunx possibbli li jingħata avviż minn qabel, il-Parti rikjedenti tgħarraf bla dewmien lill-Parti mitluba dwar id-divulgazzjoni.

    12. Il-Parti rikjedenti tista’ teħtieġ li l-Parti mitluba żżomm kunfidenzjali l-fatt u s-sustanza tat-talba, minbarra safejn hu neċessarju biex teżegwixxi t-talba. Jekk il-Parti mitluba ma tikkonformax mar-rekwiżit ta’ kunfidenzjalità, għandha tgħarraf fil-pront lill-Parti rikjedenti.

    13. Kull meta dan ikun possibbli u konsistenti mal-prinċipji fundamentali tal-liġi domestika, meta individwu jkun fit-territorju ta’ Parti u jkun se jinstema’ bħala xhud jew espert mill-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Parti oħra, l-ewwel Parti tista’, wara li ssirilha talba mill-Parti l-oħra, tippermetti li s-seduta ssir pemezz ta’ konferenza bil-vidjo jekk ma jkunx possibbli jew mixtieq mill-persuna inkwistjoni li tidher personalment fit-territorju tal-Parti rikjedenti. Il-Partijiet jistgħu jaqblu li s-seduta ssir mill-awtorità ġudizzjarja tal-Parti rikjedenti u li matulha tattendi l-awtorità ġudizzjarja tal-Parti mitluba.

    14. Assistenza legali reċiproka tista’ tiġi rifjutata:

    (a) jekk it-talba ma ssirx b’konformità ma’ dan l-Artikolu;

    (b) jekk il-Parti mitluba tqis li l-eżekuzzjoni tat-talba aktarx tippreġudika s-sovranità, is-sigurtà, l-ordni pubblika tagħha jew interessi essenzjali oħra;

    (c) jekk l-awtoritajiet tal-Parti mitluba jkunu pprojbiti mil-liġi domestika tagħha milli jwettqu l-azzjoni mitluba fir-rigward ta’ kwalunkwe reat simili, li kieku kien soġġett għal investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura ġudizzjarja fil-ġurisdizzjoni tagħhom stess;

    (d) meta t-talba tinvolvi reat li l-penali massima għalih fit-territorju tal-Parti mitluba tkun inqas minn sentejn ħabs jew forom oħra ta’ ċaħda tal-libertà jew, fil-fehma tal-Parti mitluba, l-għoti tal-assistenza jimponi piż fuq ir-riżorsi tagħha li jkun sproporzjonat għall-gravità tar-reat; jew

    (e) jekk tkun tmur kontra s-sistema legali tal-Parti mitluba fir-rigward tal-assistenza legali reċiproka sabiex tintlaqa’ t-talba.

    15. Jingħataw raġunijiet għal kwalunkwe ċaħda ta’ assistenza legali reċiproka.

    16. Parti ma tirrifjutax milli tagħti assistenza legali reċiproka skont dan l-Artikolu fuq il-bażi ta’ segretezza bankarja.

    17. Il-partijiet ma jistgħux jirrifjutaw talba għal assistenza legali reċiproka fuq l-unika bażi li r-reat huwa meqjus li jinvolvi kwistjonijiet fiskali wkoll.

    18. Il-partijiet jistgħu jirrifjutaw milli jagħtu assistenza legali reċiproka skont dan l-Artikolu fuq il-bażi ta’ kriminalità doppja. Madankollu, il-Parti mitluba, meta tqis li dan huwa xieraq, tista’tipprovdi assistenza, sal-punt li hija tiddeċiedi bid-diskrezzjoni tagħha, irrispettivament minn jekk l-imġiba tikkostitwixxix reat skont il-liġi domestika tal-Parti mitluba.

    19. Il-Parti mitluba teżeġwixxi t-talba għal assistenza legali reċiproka malajr kemm jista’ jkun u tikkunsidra kemm jista’ jkun kwalunkwe skadenza ssuġġerita mill-Parti rikjedenti u li għaliha jingħataw raġunijiet, idealment fit-talba. Il-Parti mitluba għandha twieġeb għal talbiet raġonevoli mill-Parti rikjedenti rigward il-progress fl-indirizzar tagħha tat-talba. Il-Parti rikjedenti tgħarraf fil-pront lill-Parti mitluba meta l-assistenza mitluba ma tibqax meħtieġa.

    20. L-assistenza legali reċiproka tista’ tiġi posposta mill-Parti mitluba għaliex ixxekkel investigazzjoni, prosekuzzjoni jew proċedura ġudizzjarja li tkun għaddejja.

    21. Qabel ma tirrifjuta talba skont il-paragrafu 14 jew qabel tipposponi l-eżekuzzjoni tagħha skont il-paragrafu 20, il-Parti mitluba tikkonsulta mal-Parti rikjedenti biex tikkunsidra jekk l-assistenza tistax tingħata billi tkun soġġetta għat-tali termini u kundizzjonijiet skont kif tqis li huwa neċessarju. Jekk il-Parti rikjedenti taċċetta l-assistenza soġġetta għal dawk il-kundizzjonijiet, din tikkonforma mal-kundizzjonijiet.

    22. L-ispejjeż ordinarji għall-eżekuzzjoni ta’ talba jiġġarrbu mill-Parti mitluba, sakemm ma jiġix miftiehem mod ieħor bejn il-Partijiet ikkonċernati. Jekk huma meħtieġa jew se jkunu meħtieġa spejjeż ta’ natura sostanzjali jew straordinarja sabiex tiġi ssodisfata t-talba, il-Partijiet jikkonsultaw lil xulxin biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet li skonthom se tiġi eżegwita t-talba kif ukoll il-mod li bih se jiġġarrbu l-ispejjeż.

    23. Fil-każ ta’ talba, li Parti mitluba:

    (a) tipprovdi lill-Parti rikjedenti kopji tar-rekords tal-gvern, dokumenti jew informazzjoni fil-pussess tagħha li skont il-liġi domestika tagħha huma disponibbli għall-pubbliku ġenerali; u

    (b) tista’, bid-diskrezzjoni tagħha, tipprovdi lill-Parti rikjedenti, bis-sħiħ, b’mod parzjali jew soġġetta għat-tali kundizzjonijiet kif tqis li huwa xieraq, b’kopji ta’ kwalunkwe rekord, dokument jew informazzjoni tal-gvern fil-pussess tagħha li skont il-liġi domestika tagħha mhumiex disponibbli għall-pubbliku ġenerali.

    24. Il-Partijiet iqisu, skont kif ikun hemm bżonn, il-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali jew multilaterali li jservu sabiex jagħtu effett prattiku lid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jew isaħħuhom.

    Artikolu 30

    Estradizzjoni

    1.         Dan l-Artikolu japplika għal reati kriminali stabbiliti b’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan il-Protokoll meta:

    (a) il-persuna li hija s-suġġett tat-talba għal estradizzjoni tinsab fit-territorju tal-Parti mitluba;

    (b) ir-reat kriminali li għalih qed tintalab l-estradizzjoni huwa punibbli kemm skont il-liġi domestika tal-Parti rikjedenti kif ukoll dik tal-Parti mitluba; u

    (c) ir-reat huwa punibbli b’perjodu massimu ta’ priġunerija jew forom oħra ta’ ċaħda tal-libertà ta’ mill-inqas erba’ snin jew b’penali iktar severi jew b’tali perjodu iqsar kif maqbul bejn il-Partijiet ikkonċernati skont trattati bilaterali u multilaterali jew ftehimiet internazzjonali oħrajn.

    2. Kull wieħed mir-reati kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu jitqies inkluż bħala reat li jista’ jwassal għal estradizzjoni fi kwalunkwe trattat dwar l-estradizzjoni bejn il-Partijiet. Il-Partijiet jieħdu l-impenn li jinkludu dawn ir-reati bħala reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni f’kull trattat dwar l-estradizzjoni li jiġi konkluż bejniethom.

    3. Jekk Parti li tagħmel l-estradizzjoni kondizzjonali għall-eżistenza ta’ trattat tirċievi talba għal estradizzjoni minn Parti oħra li ma għandha ebda trattat ta’ estradizzjoni magħha, din tista’ tqis dan il-Protokoll bħala l-bażi legali għall-estradizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe reat kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu.

    4. Bejniethom, il-Partijiet li ma jagħmlux l-estradizzjoni kondizzjonali fuq l-eżistenza ta’ trattat jirrikonoxxu r-reati kriminali li għalihom japplika dan l-Artikolu bħala reati li jistgħu jwasslu għal estradizzjoni.

    5. L-estradizzjoni tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet previsti fil-liġi domestika tal-Parti mitluba jew minn trattati dwar l-estradizzjoni applikabbli, inklużi fost l-oħrajn, kundizzjonijiet relatati mar-rekwiżit ta’ penali minima għall-estradizzjoni u l-motivi li fuqhom il-Parti mitluba tista’ tiċħad l-estradizzjoni.

    6. Soġġetti għal-liġi domestika tagħhom, il-Partijiet jieħdu impenn li jħaffu l-proċeduri ta’ estradizzjoni u jissimplifikaw ir-rekwiżiti ta’ evidenza relatati magħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe reat kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu.

    7. Jekk parti li l-persuna li allegatment wettqet ir-reat tinsab fit-territorju tagħha ma testradixxix lit-tali persuna fir-rigward ta’ reat kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu għall-unika raġuni li l-persuna hija waħda miċ-ċittadini tagħha, din tkun obbligata, wara li ssir talba mill-Parti li qed titlob l-estradizzjoni, tissottometti l-każ mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetenti tagħha għall-fini ta’ prosekuzzjoni. Dawk l-awtoritajiet jieħdu d-deċiżjoni tagħhom u jwettqu l-proċeduri tagħhom bl-istess mod bħal fil-każ ta’ kwalunkwe reat ieħor ta’ natura simili skont il-liġi domestika ta’ dik il-Parti. Il-Partijiet ikkonċernati jikkooperaw flimkien, b’mod partikolari dwar aspetti proċedurali u ta’ evidenza, biex jiżguraw l-effiċjenza tat-tali prosekuzzjoni.

    8. Kull meta Parti tkun awtorizzata skont il-liġi domestika tagħha biex testradixxi jew inkella ċċedi wieħed miċ-ċittadini tagħha bl-unika kundizzjoni li l-persuna tiġi rritornata lil dik il-Parti biex tiskonta s-sentenza imposta b’konsegwenza tal-proċess jew tal-proċedimenti li għalihom intalbet l-estradizzjoni jew iċ-ċediment tal-persuna u dik il-Parti u l-Parti li titlob l-estradizzjoni tal-persuna jaqblu ma’ din l-għażla u ma’ termini oħra meqjusin xierqa, it-tali estradizzjoni jew ċediment kundizzjonali jkunu biżżejjed sabiex l-obbligu stabbilit fil-paragrafu 7 jitqies issodisfat.

    9. Jekk estradizzjoni, mitluba għall-fini ta’ infurzar ta’ sentenza, tiġi rifjutata minħabba li l-persuna mfittxija hija ċittadin tal-Parti mitluba, din tal-aħħar, jekk il-liġi domestika tippermettilha u b’konformità mar-rekwiżiti tat-tali liġi, wara li ssir applikazzjoni mill-Parti rikjedenti, tikkunsidra l-infurzar tas-sentenza imposta skont il-liġi domestika tal-Parti rikjedenti jew il-bqija tagħha.

    10. Kwalunkwe persuna li fil-konfront tagħha jkunu għaddejjin proċedimenti b’rabta ma’ xi wieħed mir-reati kriminali li għalih japplika dan l-Artikolu, hija ggarantita trattament ġust fl-istadji kollha tal-proċedimenti, inkluż l-użu tad-drittijiet u l-garanziji kollha previsti fil-liġi domestika tal-Parti li dik il-persuna tinsab fit-territorju tagħha.

    11. Xejn f’dan il-Protokoll ma jiġi interpretat li jimponi obbligu ta’ estradizzjoni jekk il-Parti mitluba għandha motivi sostanzjali biex temmen li t-talba saret għall-fini ta’ prosekuzzjoni jew kastig ta’ persuna minħabba s-sess, ir-razza, ir-reliġjon, in-nazzjonalità, l-oriġini etnika jew l-opinjonijiet politiċi tagħha jew li konformità ma’ dik it-talba tikkawża ħsara għall-pożizzjoni ta’ dik il-persuna għal xi waħda minn dawn ir-raġunijiet.

    12. Il-Partijiet ma jistgħux jirrifjutaw talba għal estradizzjoni għall-unika raġuni li dak ir-reat jitqies ukoll li jinvolvi kwistjonijiet fiskali.

    13. Qabel tiċħad estradizzjoni, il-Parti mitluba tikkonsulta, fejn xieraq, mal-Parti rikjedenti biex tipprovdilha opportunità raġonevoli biex tippreżenta l-opinjonijiet tagħha u biex tipprovdi informazzjoni dwar l-allegazzjoni tagħha.

    14. Il-Partijiet ifittxu li jikkonkludu ftehimiet jew arranġamenti bilaterali u multilaterali sabiex iwettqu l-estradizzjoni jew isaħħu l-effettività tagħha. Meta l-Partijiet ikunu marbutin minn trattat eżistenti jew arranġament intergovernattiv, japplikaw id-dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ dak it-trattat jew arranġament intergovernattiv, sakemm il-Partijiet ma jaqblux li japplikaw il-paragrafi 1 sa 13 minflokhom.

    Artikolu 31

    Miżuri li jiżguraw estradizzjoni

    1. Soġġetta għal-liġi domestika tagħha u t-trattati tagħha dwar l-estradizzjoni, il-Parti mitluba, malli tkun issodisfata li ċ-ċirkostanzi jitolbu hekk u huma urġenti, u wara li ssir talba mill-Parti rikjedenti, tista’ tieħu taħt kustodja lill-persuna li tkun qed tintalab l-estradizzjoni tagħha u li tkun preżenti fit-territorju tagħha jew tieħu miżuri xierqa oħra biex tiżgura l-preżenza tal-persuna fil-proċedimenti ta’ estradizzjoni.

    2. Miżuri meħuda b’konformità mal-paragrafu 1 jiġu nnotifikati b’konformità mal-liġi nazzjonali, kif xieraq u mingħajr dewmien, lill-Parti rikjedenti.

    3. Kwalunkwe persuna li dwarha jittieħdu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 1, hija intitolata li:

    (a) tikkomunika bla dewmien mal-eqreb rappreżentant xieraq tal-Istat li dik il-persuna hija ċittadin tiegħu jew, jekk il-persuna hija apolidi, l-Istat tat-territorju li dik il-persuna tirrisjedi fih b’mod abitwali; u

    (b) issirilha żjara minn rappreżentant ta’ dak l-Istat.

    PARTI VI: RAPPORTAR

    Artikolu 32

    Rapportar u skambju ta’ informazzjoni

    1. Kull Parti tissottometti lil-Laqgħa tal-Partijiet, permezz tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni, rapporti perjodiċi dwar l-implimentazzjoni tagħha ta’ dan il-Protokoll.

    2. Il-format u l-kontenut tat-tali rapport jiġu determinati mil-Laqgħa tal-Partijiet. Dawn ir-rapporti ikunu parti mill-istrument ta’ rapportar tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    3. Il-kontenut tar-rapporti perjodiċi msemmija fil-paragrafu 1 jiġi determinat b’kunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, għal dan li ġej:

    (a) informazzjoni dwar miżuri leġiżlattivi, eżekuttivi, amministrattivi u oħrajn meħuda biex jiġi implimentat dan il-Protokoll;

    (b) informazzjoni, kif xieraq, dwar kwalunkwe limitazzjoni jew xkiel misjub fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll u dwar il-miżuri meħudin biex jingħeleb dan ix-xkiel;

    (c) informazzjoni, kif xieraq, dwar assistenza finanzjarja u teknika pprovduta, riċevuta jew mitluba għal attivitajiet relatati mal-eliminazzjoni tal-kummerċ illeċitu fi prodotti tat-tabakk; u

    (d) l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 20.

    F’dawk il-każijiet kollha, meta d-dejta relevanti diġà tkun qed tinġabar bħala parti mill-mekkaniżmu ta’ rapportar tal-Konferenza tal-Partijiet, il-Laqgħa tal-Partijiet ma għandhiex tirrepeti dan b’tali mod li tkun qed tagħmel xogħol doppju.

    4. Il-Laqgħa tal-Partijiet, skont l-Artikoli 33 u 36, għandha tikkunsidra l-arranġamenti biex tassisti lil Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni, wara li jagħmlu talba, sabiex jilħqu l-obbligi tagħhom skont dan l-Artikolu.

    5. Ir-rapportar ta’ informazjoni skont dawk l-Artikoli jkun soġġett għal-liġi nazzjonali dwar il-kunfidenzjalità u l-privatezza. Il-Partijiet jipproteġu, kif miftiehem b’mod reċiproku, kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li hija rapportata jew skambjata.

    PARTI VII: ARRANĠAMENTI ISTITUZZJONALI U RIŻORSI FINANZJARJI

    Artikolu 33

    Laqgħa tal-Partijiet

    1. Bil-preżenti hija stabbilita Laqgħa tal-Partijiet. L-ewwel sessjoni tal-Laqgħa tal-Partijiet tiġi organizzata mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni eżatt qabel jew eżatt wara s-sessjoni regolari li jkun imiss tal-Konferenza tal-Partijiet wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll.

    2. Wara, is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jorganizza sessjonijiet regolari tal-Laqgħa tal-Partijiet, eżatt qabel jew eżatt wara s-sessjonijiet regolari tal-Konferenza tal-Partijiet.

    3. Is-sessjonijiet straordinarji tal-Laqgħa tal-Partijiet jiġu organizzati kull meta jkunu meqjusin neċessarji mil-Laqgħa jew wara li ssir talba bil-miktub minn kwalunkwe Parti, diment li, fi żmien sitt xhur mill-komunikazzjoni tat-talba lilhom mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni, din tkun appoġġjata minn tal-inqas terz tal-Partijiet.

    4. Ir-Regoli ta’ Proċedura u r-Regoli Finanzjarji tal-Konferenza għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk japplikaw, mutatis mutandis, għal-Laqgħa tal-Partijiet sakemm il-Laqgħa tal-Partijiet ma tiddeċidix mod ieħor.

    5. Il-Laqgħa tal-Partijiet tirrevedi regolarment l-implimentazzjoni tal-Protokoll u tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji biex tippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tiegħu.

    6. Il-Laqgħa tal-Partijiet tiddeċiedi dwar l-iskala u l-mekkaniżmu tal-kontribuzzjonijiet ivvalutati b’mod volontarju mill-Partijiet għall-Protokoll għat-tħaddim ta’ dan il-Protokoll kif ukoll riżorsi possibbli oħrajn għall-implimentazzjoni tiegħu.

    7. F’kull sessjoni ordinarja, il-Laqgħa tal-Partijiet tadotta b’kunsens baġit u pjan ta’ ħidma għall-perjodu finanzjarju sas-sessjoni ordinarja li jmiss, li jkunu separati mill-baġit u l-pjan ta’ ħidma tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    Artikolu 34

    Is-Segretarjat

    1. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jkun is-Segretarjat ta’ dan il-Protokoll

    2. Il-funzjonijiet tas-Segretarjat tal-Konvenzjoni fir-rigward tar-rwol tiegħu bħala s-segretarjat ta’ dan il-Protokoll ikunu li:

    (a) jagħmel arranġamenti għal sessjonijiet tal-Laqgħa tal-Partijiet u kwalunkwe korp sussidjarju kif ukoll gruppi ta’ ħidma u korpi oħrajn stabbiliti mil-Laqgħa tal-Partijiet u jipprovdilhom is-servizzi kif meħtieġa;

    (b) jirċievi, janalizza, jibgħat u jipprovdi rispons lill-Partijiet ikkonċernati skont il-bżonn u lil-Laqgħa tal-Partijiet dwar rapporti li jkunu waslulu skont dan il-Protokoll u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Partijiet;

    (c) jipprovdi appoġġ lill-Partijiet, b’mod partikolari lill-Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jew Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni, wara li ssir talba, fil-ġbir, il-komunikazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġa b’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll, u assistenza fl-identifikazzjoni tar-riżorsi disponibbli biex tiġi faċilitata l-implimentazzjoni tal-obbligi skont dan il-Protokoll;

    (d) iħejji rapport dwar l-attivitajiet tiegħu skont dan il-Protokoll bil-gwida tal-Laqgħa tal-Partijiet u għas-sottomissjoni tagħha;

    (e) jiżgura, bil-gwida tal-Laqgħa tal-Partijiet, il-koordinazzjoni neċessarja mal-organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali kompetenti u korpi oħrajn;

    (f) jidħol, bil-gwida tal-Laqgħa tal-Partijiet, f’tali arranġamenti amministrattivi jew kuntrattwali skont kif ikun hemm bżonn għar-rilaxx effettiv tal-funzjonijiet tiegħu bħala segretarjat għal dan il-Protokoll;

    (g) jirċievi u janalizza applikazzjonijiet minn organizzazzjonijiet intergovernattivi u mhux governattivi li jixtiequ jkun akkreditati bħala osservaturi waqt il-laqgħa tal-Partijiet, filwaqt li jiżgura li mhumiex affiljati mal-industrija tat-tabakk, u jippreżenta l-applikazzjonijiet analizzati lil-Laqgħa tal-Partijiet għall-kunsiderazzjoni tagħha; u

    (h) iwettaq funzjonijiet segretarjali oħrajn speċifikati minn dan il-Protokoll u funzjonijiet oħra bħal dawn determinati mil-Laqgħa tal-Partijiet.

    Artikolu 35

    Relazzjonijiet bejn il-Laqgħa tal-Partijiet u organizzazzjonijiet intergovernattivi

    Sabiex tiġi pprovduta kooperazzjoni teknika u finanzjarja ħalli jintlaħaq l-għan ta’ dan il-Protokoll, il-Laqgħat tal-Partijiet jistgħu jitolbu l-kooperazzjoni ta’ organizzazzjonijiet intergovernattivi internazzjonali u reġjonali kompetenti, inklużi istituzzjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp.

    Artikolu 36

    Riżorsi Finanzjarji

    1. Il-Partijiet jirrikonoxxu r-rwol importanti li r-riżorsi finanzjarji għandhom fl-ilħuq tal-għan ta’ dan il-Protokoll, u jirrikonoxxu l-importanza tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk għall-ilħuq tal-għanijiet tal-Konvenzjoni.

    2. Kull Parti tipprovdi appoġġ finanzjarju fir-rigward tal-attivitajiet nazzjonali tagħha intiżi biex jilħqu l-għan ta’ dan il-Protokoll, b’konformità mal-pjanijiet, il-prijoritajiet u l-programmi nazzjonali.

    3. Il-Partijiet jippromwovu kif xieraq, l-użu ta’ kanali bilaterali, reġjonali, sottoreġjonali u kanali multilaterali oħrajn biex jipprovdu finanzjament għat-tisħiħ tal-kapaċità ta’ Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni sabiex jilħqu l-għanijiet ta’ dan il-Protokoll.

    4. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 18, il-Partijiet huma mħeġġa, soġġetti għal-liġijiet u l-politiki nazzjonali u fejn dan ikun xieraq, sabiex jużaw ir-rikavat konfiskat minn delitt li ġej minn kummerċ illeċitu ta’ tabakk, prodotti tat-tabakk u tagħmir tal-manifattura biex jilħqu l-għanijiet stabbiliti f’dan il-Protokoll.

    5. Il-Partijiet rappreżentati f’organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali relevanti u istituzzjonijiet finanzjarji u tal-iżvilupp iħeġġu lil dawn l-entitajiet sabiex jipprovdu assistenza finanzjarja għal Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni biex jassistuhom fl-ilħuq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll, mingħajr limitazzjoni fuq id-drittijiet tal-parteċipazzjoni f’dawn l-organizzazzjonijiet.

    6. Il-Partijiet jaqblu li:

    (a) jassistu lill-Partijiet fl-ilħuq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll, ir-riżorsi potenzjali u eżistenti relevanti kollha disponibbli għal attivitajiet relatati mal-għan ta’ dan il-Protokoll għandhom jiġu mmobilizzati u użati għall-benefiċċju tal-Partijiet kollha, speċjalment il-Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jew Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni; u

    (b) is-Segretarjat tal-Konvenzjoni, meta jintalab, jagħti pariri lill-Partijiet li huma pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u lil Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni, dwar sorsi disponibbli għall-finanzjament sabiex titħaffef l-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll.

    7. Il-Partijiet jistgħu jitolbu li l-industrija tat-tabakk iġġarrab l-ispejjeż assoċjati mal-obbligi tal-Parti biex jilħqu l-għanijiet tal-Protokoll, b’konformità mal-Artikolu 5.3 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    8. Il-Partijiet, soġġetti għal-liġi domestika tagħhom, jagħmlu kull sforz biex jiksbu awtofinanzjament tal-implimentazzjoni tal-Protokoll, inkluż permezz tal-impożizzjoni ta’ taxxi u forom oħra ta’ tariffi fuq prodotti tat-tabakk.

    PARTI VIII: SOLUZZJONI TA’ TILWIM

    Artikolu 37

    Soluzzjoni ta’ tilwim

    Is-soluzzjoni ta’ tilwim bejn il-Partijiet dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Protokoll hija rregolata mill-Artikolu 27 tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    PARTI IX: ŻVILUPP TAL-PROTOKOLL

    Artikolu 38

    Emendi għal dan il-Protokoll

    1. Kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emendi għal dan il-Protokoll.

    2. L-emendi għal dan il-Protokoll jiġu kkunsidrati u adottati mil-Laqgħa tal-Partijiet. It-test ta’ kwalunkwe emenda proposta għal dan il-Protokoll jiġi kkomunikat lill-Partijiet mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni tal-inqas sitt xhur qabel is-sessjoni li matulha jiġi propost għall-adozzjoni. Is-Segretarjat tal-Konvenzjoni jikkomunika wkoll emendi proposti għall-firmatarji ta’ dan il-Protokoll u, għall-fini ta’ informazzjoni, għad-Depożitarju.

    3. Il-Partijiet jagħmlu kull sforz biex jaslu għal ftehim permezz ta’ kunsens dwar kwalunkwe emenda proposta għal dan il-Protokoll. Jekk ikunu saru l-isforzi kollha biex jintlaħaq kunsens u ma jintlaħaq ebda ftehim, l-emenda, bħala l-aħħar alternattiva disponibbli, tiġi adottata b’maġġoranza ta’ voti ta’ tliet kwarti tal-Partijiet preżenti u li jivvutaw waqt is-sessjoni. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, il-“Partijiet preżenti u li jivvutaw” tfisser il-Partijiet li jkunu preżenti u li jixħtu l-vot ta’ qbil jew le tagħhom. Kwalunkwe emenda adottata tiġi kkomunikata mis-Segretarjat tal-Konvenzjoni lid-Depożitarju, li jgħaddiha lill-Partijiet kollha għal aċċettazzjoni.

    4. L-istrumenti ta’ aċċettazzjoni fir-rigward ta’ emenda jiġu depożitati mad-Depożitarju. Emenda adottata b’konformità mal-paragrafu 3 tidħol fis-seħħ għal dawk il-Partijiet li jkunu aċċettawha fid-90 jum wara d-data tal-wasla għand id-Depożitarju ta’ strument ta’ aċċettazzjoni b’tal-inqas żewġ terzi tal-Partijiet.

    5. L-emenda tidħol fis-seħħ għal kwalunkwe Parti oħra fid-90 jum wara d-data li fiha l-Parti tiddepożita mad-Depożitarju l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħha tal-emenda msemmija.

    Artikolu 39

    Adozzjoni u emenda tal-annessi ta’ dan il-Protokoll

    1. Kwalunkwe Parti tista’ tagħmel proposti għal anness ta’ dan il-Protokoll u tista’ tipproponi emendi għal annessi ta’ dan il-Protokoll.

    2. L-annessi jiġu ristretti għal listi, formoli u kwalunkwe materjal deskrittiv ieħor relatat ma’ kwistjonijiet proċedurali, xjentifiċi, tekniċi jew amministrattivi.

    3. L-annessi għal dan il-Protokoll u l-emendi għalihom jiġu proposti, adottati u jidħlu fis-seħħ b’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 38.

    PARTI X: DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 40

    Riżervazzjonijiet

    Ma tista’ ssir ebda riżerva għal dan il-Protokoll.

    Artikolu 41

    Irtirar

    1. Fi kwalunkwe waqt wara sentejn mid-data ta’ dħul fis-seħħ ta’ dan il-Protokoll għal Parti, dik il-Parti tista’ tirtira mill-Protokoll billi tibgħat avviż bil-miktub lid-Depożitarju.

    2. Kwalunkwe rtirar bħal dan jidħol fis-seħħ wara li tgħaddi sena mid-data tal-wasla għand id-Depożitarju tal-avviż tal-irtirar jew f’data iktar tard li tiġi speċifikata fl-avviż tal-irtirar.

    3. Kwalunkwe Parti li tirtira mill-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk titqies li rtirat minn dan il-Protokoll ukoll, b’effett mid-data tal-irtirar tagħha mill-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk.

    Artikolu 42

    Dritt għal vot

    1. Kull Parti għal dan il-Protokoll jkollha vot wieħed, ħlief kif previst fil-paragrafu 2.

    2. Organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika, f’oqsma li jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw b’għadd ta’ voti daqs l-għadd tal-Istati Membri tagħhom li huma Partijiet għal dan il-Protokoll. Tali organizzazzjoni ma teżerċitax id-dritt tagħha li tivvota jekk kwalunkwe Stat Membru tagħha jeżerċita d-dritt tiegħu, u viċi versa.

    Artikolu 43

    Firma

    Il-Protokoll huwa miftuħ sabiex jiġi ffirmat mill-Partijiet kollha tal-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk fil-Kwartieri Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa f’Ġinevra bejn l-10 u l-11 ta’ Jannar 2013, u wara fil-Kwartieri Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York sad-9 ta’ Jannar 2014.

    Artikolu 44

    Ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni, konferma formali jew adeżjoni

    1. Dan il-Protokoll ikun soġġett għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni mill-Istati u għall-konferma formali jew l-adeżjoni mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li huma Parti għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk. Huwa jkun miftuħ għall-adeżjoni mill-jum wara d-data li fiha l-Protokoll jingħalaq għall-firem. L-istrumenti ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni, konferma formali jew adeżjoni jiġu depożitati mad-Depożitarju.

    2. Kwalunkwe organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika li ssir Parti li ma jkollha ebda mill-Istati Membri tagħha li huma Parti tkun marbuta bl-obbligi kollha skont dan il-Protokoll. Fil-każ ta’ organizzazzjoni waħda jew iktar li l-Istat Membru tagħha huwa Parti, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri tagħha jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għat-twettiq tal-obbligi tagħhom skont dan il-Protokoll. F’dawn il-każijiet, l-organizzazzjoni u l-Istati Membri ma jkunux intitolati jeżerċitaw id-drittijiet skont dan il-Protokoll fl-istess ħin.

    3. Fl-istrumenti tagħhom relatati mal-konferma formali jew fl-istrumenti tagħhom għall-adeżjoni, l-organizzazzjonijiet reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika jiddikjaraw il-limitu tal-kompetenza tagħhom fir-rigward ta’ oqsma rregolati minn dan il-Protokoll. Dawn l-organizzazzjonijiet jgħarrfu wkoll lid-Depożitarju, li min-naħa tiegħu jgħarraf lill-Partijiet, dwar kwalunkwe modifika sostanzjali fil-limitu tal-kompetenza tagħhom.

    Artikolu 45

    Dħul fis-seħħ

    1. Dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ fid-90 jum wara d-data tad-depożitu tal-40 strument għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni, il-konferma formali jew l-adeżjoni mad-Depożitarju.

    2. Għal kull Parti għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li tirratifika, taċċetta, tapprova jew formalment tikkonferma dan il-Protokoll, jew taderixxi miegħu wara li tissodisfa l-kundizzjonijiet għad-dħul fis-seħħ stabbiliti fil-paragrafu 1, dan il-Protokoll jidħol fis-seħħ fid-disgħin jum wara d-data tad-depożitu tal-istrument ta’ ratifika, aċċettazzjoni, approvazzjoni, adeżjoni jew konferma formali tagħha.

    3. Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, kwalunkwe strument iddepożitat minn organizzazzjoni reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika ma jkunx jgħodd bħala addizzjonali mal-istrumenti ddepożitati mill-Istati Membri ta’ dik l-organizzazzjoni.

    Artikolu 46

    Depożitarju

    Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jkun id-Depożitarju ta’ dan il-Protokoll.

    Artikolu 47

    Testi awtentiċi

    L-oriġinal ta’ dan il-Protokoll, li t-testi tiegħu bl-Għarbi, iċ-Ċiniż, l-Ingliż, il-Franċiż, ir-Russu u l-Ispanjol huma awtentiċi ndaqs, jiġi ddepożitat mas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

    [1]               ĠU L 312, 15.6.2004, p. 8.

    [2]               ĠU L 362, 5.7.2001, p. 1.

    [3]               ĠU L 190, 18.7.2002, p. 1.

    [4]               ĠU L 196, 2.8.2003, p. 1.

    [5]               ĠU L 328, 2.11.2006, p. 1.

    [6]               L-Att tal-Kunsill 2000/C 197/01 tad-29 ta' Mejju 2000 li jistabbilixxi, skont l-Artikolu 34 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar l-Assistenza Reċiproka f'Materji Kriminali bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, ĠU C 197, 12.7.2000, p. 1.

    [7]               ĠU L 323, 10.7.2009, p. 1.

    [8]               ĠU C 24, 23.01.1998, p. 1.

    [9]               ĠU L 386, 29.12.2006, p. 1.

    [10]             ĠU L 312, 15.6.2004, p. 8.

    [11]             Il-Partijiet jistgħu jinkludu referenza għas-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali għal dan l-għan, kull fejn applikabbli.

    [12]             Fejn xieraq, nazzjonali jew domestiċi se jirreferu bl-istess mod għal organizzazzjonijiet ta’ integrazzjoni ekonomika reġjonali.

    [13]             Skambju sigur ta’ informazzjoni bejn il-partijiet huwa reżistenti għall-interċettazzjoni jew it-tbagħbis (falsifikazzjoni). Fi kliem ieħor, l-informazzjoni skambjata bejn iż-żewġ partijiet ma tistax tinqara jew tiġi mmodifikata minn parti terza.

    Top