Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0441

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Kroazja u Ċipru ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

/* COM/2013/0441 final - 2013/0210 (COD) */

52013PC0441

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Kroazja u Ċipru ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill /* COM/2013/0441 final - 2013/0210 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-1 ta’ Lulju 2013, il-Kroazja se tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Għall-Kroazja, bħalma ġara għat-tkabbir preċedenti tal-2004 u l-2007, l-hekk imsejjaħ "proċess ta' implimentazzjoni f'żewġ stadji ta' Schengen" ġie segwit fi kwistjonijiet relatati mal-acquis ta' Schengen (l-Artikolu 4 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja u l-aġġustamenti lit-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem: l-Att ta’ Adeżjoni tal-2012)) Dan jimplika li l-Kroazja, bħall-pajjiżi ta’ adeżjoni preċedenti, għandha tapplika, mid-data tal-adeżjoni d-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) 539/2001[1] u għalhekk, li tissoġġetta ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi elenkati fl-Anness I għal ħtieġa ta’ viża.

Il-Kroazja, bħall-pajjiżi li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-2004 u l-2007, għandha dan l-obbligu anke jekk il-persuni kkonċernati jkollhom viża uniformi, viża għal soġġorn twil jew permess ta’ residenza maħruġ minn Stat Membru ta’ Schengen, billi fil-fatt, dispożizzjonijiet oħra ta’ Schengen mhux se japplikaw għall-Kroazja mid-data tal-adeżjoni tagħha, bħal:

-ir-regoli tar-rikonoxximent reċiproku ta' Schengen stabbiliti fl-Artikoli 18 u 21 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen[2] u fl-Artikolu 5(4)(a) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen)[3], skont liema aljeni li għandhom permessi ta’ residenza validi jew viża valida għal soġġorn fit-tul maħruġa minn wieħed mill-Istati Membri ta’ Schengen jistgħu jivvjaġġaw liberament għal soġġorni qosra fi ħdan it-territorji tal-Istati Membri l-oħra,

- id-dispożizzjonijiet dwar viżi uniformi maħruġa stabbiliti fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009 (Kodiċi dwar il-Viża)[4], skont liema viżi uniformi huma validi għat-territorju kollu tal-Istati Membri ta’ Schengen.

Barra minn hekk, il-viżi nazzjonali maħruġa minn Stati Membri oħra tal-UE, li għadhom mhumiex Stati Membri ta’ Schengen (Ċipru), ukoll mhumiex validi għat-territorju tal-Kroazja.

Sabiex tiġi evitata l-impożizzjoni ta' piżijiet amministrattivi żejda fuq pajjiżi li ssieħbu mal-Unjoni Ewropea fl-2004 u l-2007, permezz ta’ deroga mir-Regolament 539/2001, id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE[5] u Nru 582/2008/KE[6] awtorizzaw l-għażla fakultattiv tar-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri l-ġodda li għadhom mhumiex jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen ta’ viżi uniformi, viżi nazzjonali għal terminu twil u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri ta’ Schengen kif ukoll ta’ viżi għal soġġorn qasir, viżi nazzjonali għal terminu twil u permessi ta’ residenza maħruġa minn Stati Membri oħra li għadhom mhumiex jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen għall-għan ta’ tranżitu li ma jaqbiżx il-ħamest ijiem. Barra minn hekk, id-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE[7] awtorizzat lill-Istati Membri l-ġodda jirrikonoxxu l-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Isvizzera u mil-Liechtenstein li kienu għadhom mhumiex parti miż-żona ta’ Schengen mingħajr fruntieri interni għall-fini ta’ tranżitu li ma jaqbiżx il-ħamest ijiem.

Il-persuni li għandhom dawn id-dokumenti diġà għaddew minn proċess strett ta’ eżamijiet bir-reqqa min-naħa tal-Istat ta’ Schengen li jkun ħareġ din il-viża u ma jitqisux bħala theddida għall-politika pubblika jew riskju f’termini ta’ immigrazzjoni illegali minn dak l-Istat. Dan ir-reġim ta’ rikonoxximent unilaterali ma jaffettwax l-obbligu ta' pajjiżi aderenti li jirrifjutaw id-dħul ta’ persuna li nħarġitilha twissija bil-bażi ta' dejta nazzjonali tagħha għal skopijiet ta’ rifjut ta’ dħul skont l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

Bl-istess mod, permezz ta’ deroga mir-Regolament 539/2001, din il-proposta għandha l-għan li tintroduċi reġim fakultattiv ibbażat fuq regoli komuni li jawtorizza l-Kroazja fuq bażi tranżizzjonali sakemm issir l-applikazzjoni sħiħa minnha tal-acquis ta’ Schengen biex tirrikonoxxi b’mod unilaterali bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħha, il-viżi uniformi, viżi nazzjonali għal terminu twil u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri ta’ Schengen, kif ukoll dokumenti simili maħruġa mill-Istati Membri li għadhom mhumiex jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen (Ċipru). Madankollu din l-awtorizzazzjoni mhijiex limitata għall-fini ta’ tranżitu ma jaqbiżx il-ħamest ijiem skont id-Deċiżjonijiet 895/2006 u 582/2008, iżda hija valida kemm għal tranżitu kif ukoll għal soġġorn fit-territorju tagħha li ma taqbiżx id-90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum. Fil-fatt, fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Deċiżjonijiet imsemmija hawn fuq l-istruzzjonijiet konsulari komuni applikabbli dakinhar dwar il-viżi għall-missjonijiet diplomatiċi u postijiet konsulari kienu għadhom jipprevedu d-distinzjoni bejn “viżi ta’ tranżitu” u viżi għal “żjajjar qosra”. Din id-distinzjoni ġiet abolita bir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi), hekk li l-imsemmi perjodu ta’ limitazzjoni ma għadux xieraq.

Id-deċiżjonijiet ta' tranżitu preċedenti msemmija hawn fuq deċiżjonijiet adottati fl-okkażjoni ta’ dawn l-aħħar żewġ proċessi ta’ tkabbir tal-UE ttrattaw biss ma’ viżi uniformi ta’ Schengen, jiġifieri viża li tippermetti ċ-ċirkolazzjoni fiż-żona ta’ Schengen. Il-viżi b’validità territorjali limitata (LTV s) kienu esklużi mill-ambitu ta’ dawn id-deċiżjonijiet preċedenti. Madankollu, bħalissa l-kwistjoni tal-Kosovo * (kif definita mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244 tal- 10.06.1999.) li mhix rikonoxxuta mill-Istati kollha ta’ Schengen għandha tiġi indirizzata.

Hemm differenza essenzjali bejn viżi b’validità territorjali limitata li fil-prinċipju huma validi biss fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru li joħroġhom, u tali viżi maħruġa għaċ-ċittadini tal-Kosovo (skont l-Artikolu 25(3) l-ewwel sentenza tal-Kodiċi dwar il-Viżi) li jippermettu ċirkolazzjoni fl-Istati Membri kollha ta’Schengen ħlief dawk il-ftit Stati Membri li ma jirrikonoxxux lill-Kosovo. Din il-karatteristika speċifika tiġġustifika t-twassil ta' dawn l-LTVs fi ħdan l-applikazzjoni tar-reġim ta’ rikonoxximent unilaterali, ukoll minħabba li f’dan il-każ ma hemm l-ebda theddida reali ta’ migrazzjoni irregolari jew riskji għas-sigurtà għaż-żona ta’ Schengen.

L-estensjoni tar-regim ta’ rikonoxximent unilaterali permezz ta’ strument tal-Unjoni ma timponi l-ebda obbligu ġdid għall-Kroazja minbarra dawk elenkati fl-Att ta’ Adeżjoni tal-2012. B’hekk ma tikkostitwixxix deroga minn dan it-Trattat ta’ Adeżjoni. Ir-reġim propost għandu jiġi implimentat fuq bażi fakultattiva: Il-Kroazja jkollha l-possibbiltà jew li timplimenta r-reġim propost jew li tkompl toħroġ viżi nazzjonali kif inhu meħtieġ mit-Trattati ta’ Adeżjoni. Jekk il-Kroazja tagħżel l-implimentazzjoni tar-reġim komuni, il-Kroazja se jkollha taċċetta d-dokumenti kollha maħruġa mill-Istati Membri ta’ Schengen, biex b’hekk jiġi evitat kwalunkwe distinzjoni rigward l-Istat Membru li joħroġhom.

F’dan il-kuntest, għandu jiġi mfakkar li sad-data tal-adeżjoni, abbażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, il-Kroazja taċċetta viżi Schengen validi, viżi għal soġġorn twila u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati ta’ Schengen għal dħul u soġġorn jew tranżitu mit-territorju tagħha.

Il-proposta attwali tħassar Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE. Fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li lilhom dawn id-Deċiżjonijiet ġew indirizzati li saru sadanittant Stati Membri ta’ Schengen dawn id-deċiżjonijiet skadew (kollha minbarra Ċipru)[8]. igward Ċipru, li timplimenta bis-sħiħ ir-reġim komuni stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE mill-10 ta’ Lulju 2006 u dak stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE mit-18 ta’ Lulju 2008, il-proposta attwali tipprevedi li dan ir-reġim għandu jiġi sostitwit b’sistema li tawtorizza lil Ċipru, bħall-Kroazja, biex tirrikonoxxi b’mod unilaterali viżi għal perjodu qasir, viżi nazzjonali għal terminu twil u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri ta’ Schengen kif ukoll ta’ viżi nazzjonali għal perjodu qasir, viżi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri li għadhom mhumiex jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen (il-Kroazja) għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbiżx id-90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum[9]. Il-proposta attwali tipprevedi li Ċipru, bħall-Kroazja, huwa awtorizzat biex jirrikonoxxi l-viżi u l-permessi ta’ residenza mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

Din is-sistema se tkun applikabbli sa tmiem il-perjodu tranżitorju u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-Istati Membri kkonċernati fiż-żona mingħajr fruntieri interni, data minn meta r-rikonoxximent reċiproku ta’ dokumenti bħal dawn isir obbligatorju taħt l-Artikoli 18 u 21 tal-Konvenzjoni li Timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, l-Artikolu 5 (2) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-Kodiċi dwar il-Viżi.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju

L-elementi ewlenin ta' din il-proposta jistgħu jingħataw fil-qosor kif ġej:

-           regoli komuni li jawtorizzaw il-Kroazja u Ċipru fuq bażi tranżizzjonali jistgħu jirrikonoxxu unilateralment il-viżi uniformi, viżi għal soġġorn twil, viżi b’validità territorjali limitata maħruġa liċ-ċittadini tal-Kosovo f’konformità mal-Artikolu 25 (3) l-ewwel sentenza tal-Kodiċi dwar il-Viżi u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Istati Membri ta’ Schengen kif ukoll dokumenti simili maħruġa minn kwalunkwe wieħed minnhom bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tiegħu għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorju tiegħu li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum;

-           Ir-reġim ta' rikonoxximent unilaterali introdott mill-proposta attwali għandu jkun limitat għal dokumenti li l-validità tagħhom tkun tkopri t-tul kollu tas-soġġorn qasir fil-Kroazja u Ċipru. F’dan il-kuntest u filwaqt li jżommu f’moħħhom il-problemi ffaċati fil-passat (Deċiżjonijiet 895/2006 u 582/2008) minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, id-detenturi ta’ viża uniformi waħda meta jivvjaġġaw lura minn waqfien fiż-żona Schengen b’viża li ma kinitx valida aktar, il-proposta attwali għandha tillimita r-reġim ta' rikonoxximent unilaterali għal viżi uniformi li jawtorizza tnejn jew iktar entrati fiż-żona Schengen.

-           Stati Membri indirizzati b’din id-Deċiżjoni jridu jikkomunikaw id-deċiżjoni tagħhom rigward l-użu tal-awtorizzazzjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se tippubblika din l-informazzjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u b’dan il-mod se tiżgura li s-sistema kollha tkun trasparenti.

-           revoka tad-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE.

* Dan l-isem huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet dwar status, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u mal-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni ta’ indipendenza mill-Kosovo"

Bażi legali

Id-Deċiżjoni proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 77 (2) (a) u (b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif din tikkostitwixxi miżura dwar il-politika komuni dwar viżi u permessi oħra ta’ residenza għal soġġorn qasira kif ukoll il-kontrolli li għalihom il-persuni li jaqsmu l-fruntieri esterni huma soġġetti. Dan l-istrument se jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Sakemm id-Deċiżjoni proposta għandha tiġi indirizzata lill-Kroazja, din il-proposta hija bla ħsara għad-dħul fis-seħħ tat-Trattat bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kroazja dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea[10].

Il-prinċipju ta' sussidjarjetà

L-Artikolu 5 (3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jiddikjara li, f’oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklussiva tagħha, l-Unjoni għandha taġixxi biss jekk u sa fejn l-għanijiet tal-azzjoni proposta ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Billi l-objettiv imfittex minn din il-proposta jeħtieġ deroga mil-liġi attwali tal-Unjoni jista’ jinkiseb biss permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni.

Il-prinċipju ta' proporzjonalità

L-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jgħid li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-Unjoni m'għandhomx jeċċedu dak li jkun meħtieġ sabiex jitwettqu l-objettivi tat-Trattati. Il-forma magħżula għal din l-azzjoni trid tkun tippermetti li l-proposta tilħaq l-għan tagħha u li tiġi implimentata bl-iktar mod effettiv possibbli. Fir-rigward tal-kontenut, din l-inizjattiva tawtorizza temporanjament lill-Istati Membri kkonċernati biex jidderogaw mill-obbligi tagħhom taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 billi unilateralment jirrikonoxxu l-viżi u l-permessi ta’ residenza maħruġa minn Stati li qed jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, matul il-perjodu ta’ validità tagħhom, għat-tranżitu minn jew soġġornt intiżi fit-territorju tiegħu li ma jaqbżux id-90 jum f’kull perjodu ta’ 180 jum. Id-dħul u s-soġġorn fit-territorji tal-Istati Membri kkonċernati ta’ persuni li jkollhom viżi jew permessi ta’ residenza maħruġa minn Stati li qed jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen jew mill-Kroazja jew Ċipru, ma jirrappreżentaw l-ebda riskju kif kienu soġġetti għal kontrolli applikabbli lill-Istat li jkun ħareġ il-viża jew il-permess ta’ residenza. Id-derolga unilaterali proposta mir-Regolament (KE) Nru 539/2001 hija għalhekk ġustifikata sabiex ikun evitat li jiġu imposti piżijiet amministrattivi żejda fuq l-Istati Membri kkonċernati. Barra minn hekk, dan japplika biss matul perjodu tranżitorju sad-data tal-integrazzjoni sħiħa tal-Istati Membri kkonċernati fiż-żona komuni mingħajr fruntieri interni, data minn meta r-reġim ta' rikonoxximent reċiproku issir obbligatorja. Aktar minn hekk, id-deroga hija fakultattiva, biex b’hekk ma jiġix impost fuq l-Istati Membri kkonċernati kwalunkwe obbligu addizzjonali minbarra dawk stabbiliti bl-Att ta' Adeżjoni  applikabbli. Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Din tieħu l-forma ta’ Deċiżjoni, bl-istess mod bħal strumenti simili addottati għall-Istati Membri li daħlu fl-UE fl-2004 u l-2007.

5.           KONSEGWENZI TAD-DIVERSI PROTOKOLLI ANNESSI MAT-TRATTATI U TAL-FTEHIMIET TA’ ASSOĊJAZZJONI KONKLUŻI MA’ PAJJIŻI TERZI

Il-bażi legali għal din il-proposta tinsab fit-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, bir-riżultat li s-sistema ta’ "ġeometrija varjabbli", prevista fil-Protokoll dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, il-Protokoll dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, u l-Protokoll dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, japplika. Minn dan isegwi li d-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhux se jieħdu sehem fl-adozzjoni tiegħu, u mhumiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Dan tal-aħħar ġej mill-fatt li d-Deċiżjoni proposta hija indirizzata esklussivament lill-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen li għadhom ma japplikawhx.

Minħabba li d-Deċiżjoni proposta hija indirizzata esklussivament lill-Istati Membri li huma marbuta bl-acquis ta’ Schengen mingħajr madankollu japplikawha, din il-proposta ma tikkostitwixxi żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal ftehimet ta’ assoċjazzjoni rispettiv man-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u l-Liechtenstein. Għalhekk ma jorbotx il-pajjiżi hawn fuq imsemmija. Madankollu, għall-koerenza u l-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ Schengen, din id-Deċiżjoni tkopri anki l-viżi u l-permessi ta’ residenza maħruġa mill-pajjiżi assoċjati ma’ l-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen.

2013/0210 (COD)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li tintroduċi reġim semplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Kroazja u Ċipru ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum  u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 895/2006/KE u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) u (b) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 4(1) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012, il-Kroazja li ssieħbet fl-Unjoni fl-1 ta’ Lulju 2013 hija meħtieġa minn dik id-data biex tinfurza l-obbligu ta’ viża fuq iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma elenkati fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa[11].

(2)       Skont l-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012, id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen dwar il-kundizzjonijiet u l-kriterji sabiex jinħarġu viżi uniformi għal terminu qasir, kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-viżi u dwar l-ekwivalenza bejn il-permessi ta’ residenza u l-viżi japplikaw fil-Kroazja biss skont deċiżjoni tal-Kunsill għal dan il-għan. Madankollu, dawn jorbtu lil dak l-Istat Membru mid-data tal-adeżjoni.

(3)       Il-Kroazja hija, għalhekk, meħtieġa li toħroġ viżi nazzjonali, għad-dħul fit-territorju tagħha jew għat-tranżitu mit-territorju tagħha, lil dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkollhom viża uniformi jew viża għal perjodu twil jew inkella permess ta' residenza maħruġ minn Stat Membru li jimplementa b'mod sħiħ l-acquis ta' Schengen, jew dokumenti simili maħruġa minn Ċipru.

(4)       Id-detenturi tad-dokumenti maħruġa minn dawk l-Istati Membri kif ukoll id-dokumenti maħruġa minn Ċipru, ma jirrappreżentaw l-ebda riskju għall-Kroazja peress li dawn ġew suġġetti għall-kontrolli kollha meħtieġa minn dawk l-Istati. Sabiex ikun evitat li jiġu imposti piżijiet amministrattivi żejda li ma jkunux ġustifikati fuq il-Kroazja, għandhom jiġu adottati regoli komuni li jawtorizzaw lill-Kroazja biex tirrikonoxxi unilateralment dawk id-dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħha, u sabiex tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta' persuni fuq il-fruntieri esterni fuq il-bażi ta' dik l-ekwivalenza unilaterali.

(5)       Ir-regoli komuni introdotti bid-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE u bid-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE għandha tiġi revokata. Rigward Ċipru, li jimplimenta r-reġim komuni stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE mill-10 ta’ Lulju 2006 u dak stabbilit bid-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE mit-18 ta’ Lulju 2008, għandhom jiġu adottati regoli komuni li jawtorizzaw lil Ċipru, bħall-Kroazja, sabiex tirrikonoxxi b’mod unilaterali ċerti dokumenti maħruġa mill-Istati Membri li jimplementaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen kif ukoll dokumenti simili maħruġa mill-Kroazja, bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom, u sabiex tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni fuq il-bażi ta’ dik l-ekwivalenza unilaterali.

(6)       Ir-reġim komuni simplifikat stipulat f'din id-Deċiżjoni għandu japplika għal perjodu tranżitorju, sakemm tiġi determinata d-data f’deċiżjoni tal-Kunsill kif jissemma fl-ewwel sottoparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 fir-rigward ta' Ċipru u l-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 fir-rigward tal-Kroazja.

(7)       Il-parteċipazzjoni fis-sistema komuni għandha tkun fakultattiva, mingħajr ma jiġu imposti fuq l-Istati Membri obbligi addizzjonali għal dawk imposti mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u mill-Att ta’ Adeżjoni tal-2012.

(8)       Ir-regoli komuni għandhom japplikaw għall-viżi uniformi għal perjodu qasir, viżi uniformi għal perjodu twil u għall-permessi ta’ residenza li jinħarġu mill-Istati Membri li jimplementaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, il-viżi b’validità territorjali limitata maħruġa skont l-Artikolu 25 (3) l-ewwel sentenza tal-Kodiċi dwar il-Viżi u mill-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen kif ukoll għal viżi għal perjodu qasir, viżi għal perjodu twil u permessi ta’ residenza maħruġa mill-Kroazja u Ċipru. Ir-rikonoxximent ta’ dokument għandu jkun limitat għall-perjodu ta’ validità tad-dokument.

(9)       Il-kundizzjonijiet tad-dħul stabbiliti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)[12] għandhom jiġu sodisfatti, ħlief għall-kondizzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(b) tiegħu, sa fejn din id-Deċiżjoni tistabbilixxi reġim ta' rikonoxximent unilaterali mill-Kroazja u Ċipru ta' ċerti dokumenti maħruġa minn Stati Membri li jimplementaw b'mod sħiħ l-acquis ta' Schengen kif ukoll ta' dokumenti simili maħruġa mill-Kroazja u Ċipru għall-finijiet ta' tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta' 180 jum.

(10)     Billi l-għan ta' din id-Deċiżjoni, jiġifieri t-twaqqif ta' qafas komuni għal reġim ta' rikonoxximent komuni mill-Kroazja u Ċipru ta' ċerti dokumenti maħruġa minn Stati oħra, ma jistax jinkiseb sew mill-Istati Membri u jista' għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stipulat ukoll f'dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(11)     Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u mir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen,[13] minħabba li hija indirizzata biss lill-Kroazja u Ċipru, li għadhom mhux qed jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen.

(12)     Fir-rigward tal-Isvizzera, din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, u mir-Repubblika tal-Islanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn tal-aħħar mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen,[14] minħabba li hija indirizzata biss lill-Kroazja u Ċipru, li għadhom mhux qed jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen.

(13)     Fir-rigward tal-Liechtenstein, din id-Deċiżjoni ma tikkostitwixxix żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein fil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen,[15] minħabba li hija indirizzata biss lill-Kroazja u Ċipru, li għadhom mhux qed jimplimentaw bis-sħiħ l-acquis ta' Schengen.

(14)     Madankollu, għall-koerenza u għall-funzjonament xieraq tas-sistema ta’ Schengen, din id-Deċiżjoni tkopri anki l-viżi u l-permessi ta’ residenza maħruġa mill-pajjiżi terzi assoċjati mal-implimentazzjoni, mal-applikazzjoni u mal-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u li qed jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, bħall-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera.

(15)     Konformement mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, id-Danimarka mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni,

(16)     Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq biex jieħdu parti f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen[16]; għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni tagħha u mhuwiex marbut biha jew suġġett għall-applikazzjoni tagħha.

(17)     Din id-Deċiżjoni hija żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tiħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[17]; għalhekk l-Irlanda mhijiex se tieħu sehem fl-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Din id-Deċiżjoni tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni fejn il-Kroazja u Ċipru jistgħu jirrikonoxxu b’mod unilaterali bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 2 (1) u dak imsemmija fl-Artikolu 3 maħruġa mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen u li jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen u minn Ċipru u l-Kroazja liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għal obbligu ta’ viża skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni m'għandhiex taffetwa l-kontrolli fuq persuni fil-fruntieri esterni skont l-Artikoli 5 sa 13 u l-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006.

Artikolu 2

1. Il-Kroazja u Ċipru jistgħu jikkunsidraw bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom, għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, id-dokumenti li ġejjin maħruġa mill-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati li jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, irrispettivament min-nazzjonalità tad-detenturi:

(i) “viża uniformi” kif definit fl-Artikolu 2 (3) tar-Regolament (KE) Nru 810/2009, valida għal sentejn jew entrati multipli;

(ii) “viża għal perjodu twil” kif imsemmi fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni li timplementa t-Trattat ta' Schengen;

(iii) “permess ta’ residenza” kif definit fl-Artikolu 2(15) tar-Regolament (KE) 562/2006.

2. Il-Kroazja u Ċipru jistgħu ukoll jikkunsidraw bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom, għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum viżi maħruġa b’validità territorjali limitata skont l-Artikolu 25(3) l-ewwel sentenza tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

3. Jekk il-Kroazja jew Ċipru jiddeċiedu li japplikaw din id-Deċiżjoni, dawn għandhom jirrikonoxxu d-dokumenti kollha msemmija fil-paragrafu 1 u 2, irrispettivament mill-Istat li ħareġ id-dokument.

Artikolu 3

1.         Jekk il-Kroazja jew Ċipru jiddeċiedu li japplikaw l-Artikolu 2, jistgħu, barra minn hekk, jirrikonoxxu bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew soġġorni intiżi fit-territorju tagħhom li ma jaqbiżx id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum:

(i) permessi ta’ residenza maħruġa minn Ċipru jew mill-Kroazja skont il-format uniformi stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95[18];

(ii) permessi ta’ residenza maħruġa minn Ċipru jew mill-Kroazja skont il-format uniformi stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1030/2002[19].

2.         Dokumenti maħruġa mill-Kroazja li jistgħu jiġu rikonoxxuti ġew elenkati fl-Anness I.

Dokumenti maħruġa minn Ċipru li jistgħu jiġu rikonoxxuti ġew elenkati fl-Anness II.

Artikolu 4

Il-perjodu tal-validità tad-dokumenti msemmija fl-Artikoli 2 u 3 għandu jkopri t-tul ta' żmien tat-tranżitu jew soġġorn.

Artikolu 5

Jekk jiddeċiedu li japplikaw din id-Deċiżjoni, il-Kroazja u Ċipru għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni, fi żmien 10 ijiem ta’ ħidma mid-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni kkomunikata minn dawn l-Istati Membri f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 6

Id-Deċiżjoni Nru 895/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni Nru 582/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill huma mħassra.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandha tapplika sad-data stabbilita minn deċiżjoni tal-Kunsill adottata skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 fir-rigward ta' Ċipru u skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2012 fir-rigward tal-Kroazja, data meta għall-Istat Membru konċernat jiġu applikati d-dispożizzjonijiet kollha tal-acquis ta' Schengen fil-qasam tal-politika komuni rigward il-viża u l-moviment ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-Istati Membri.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kroazja u lil Ċipru.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

ANNESS I Lista ta’ dokumenti maħruġa mill-Kroazja

V i ż i

– Kratkotrajna viza (C) — viża għal soġġorn qasir (C)

P e r m e s s i t a' r e s i d e n z a

– Odobrenje boravka – Approvazzjoni ta' Soġġorn

– Osobna iskaznica za stranca – Karta tal-Identità għal-Ċittadini Barranin

ANNESS II Lista ta' dokumenti maħruġa minn ĊIPRU

Θ ε ω ρ ή σ ε ι ς ( V i s a s )

— Θεώρηση διέλευσης — Κατηγορία Β (visa ta' tranżitu — tip B)

— Θεώρηση για παραμονή βραχείας διάρκειας — Κατηγορία Γ (visa għal soġġorn qasir — tip C)

— Ομαδική θεώρηση — Κατηγορίες Β και Γ (visa ta' grupp — tip B u C)

Ά δ ε ι ε ς π α ρ α μ ο ν ή ς ( P e r m e s s i t a' r e s i d e n z a )

— Προσωρινή άδεια παραμονής (απασχόληση, επισκέπτης, φοιτητής) Permess ta' residenza temporanja (impjieg, viżitatur, student)

— Άδεια εισόδου (απασχόληση, φοιτητής) Permess ta' dħul (impjieg, student)

— Άδεια μετανάστευσης (μόνιμη άδεια) Permess ta' immigrazzjoni (permess permanenti)

[1]               ĠU L 81, 21,3.2001, p.1.

[2]               ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

[3]               ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

[4]               ĠU L 243, 15,9.2009, p.1.

[5]               ĠU L 167, 20.6.2006, p. 1.

[6]               ĠU L 161, 20,6.2008, p. 30.

[7]               ĠU L 167, 20,6.2006, p.8.

[8]               Meta tippreżenta din il-proposta, il-Kummissjoni tibda mill-fehma li sal-1 ta’ Lulju 2013, il-Bulgarija u r-Rumanija se japplikaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen.

[9]               Skont l-Artikolu 5 tagħha, id-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE sar inapplikabbli mill-adeżjoni tal-Isvizzera u l-Liechtenstein ma' Schengen.

[10]             ĠU L 112, 24.4.2012, p. 10.

[11]             ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[12]             ĠU L 105, 13.4.2006, p. 1.

[13]             ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

[14]             ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1.

[15]             ĠU L 83, 26.3.2008, p. 5.

[16]             ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43.

[17]             ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

[18]             ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1.

[19]             ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

Top