EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0435

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Irlanda

/* COM/2013/0435 final - 2013/0206 (NLE) */

52013PC0435

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Irlanda /* COM/2013/0435 final - 2013/0206 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Fuq talba tal-Irlanda, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lill-Irlanda fis-7 ta’ Diċembru 2010 (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE). L-għajnuna finanzjarja ġiet mogħtija b’appoġġ għal programm qawwi ta’ riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja sabiex l-ekonomija tkun tista’ tirritorna għal tkabbir sostenibbli, u tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Irlanda, fiż-żona euro u fl-UE.

F'konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-FMI u f'koordinazzjoni mal-BĊE, wettqet l-għaxar eżami tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula.

Filwaqt li qieset l-informazzjoni li waslet sadanittant, permezz tal-proposta [insert reference] il-Kummissjoni pproponiet li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2011/77/UE.

Deċiżjoni addizzjonali hija meħtieġa wara d-dħul fis-seħħ tat-“two pack” (speċifikament, ir-Regolament (UE) Nru 472/2013) li wkoll jiddixxiplina kif il-kundizzjonalità tal-politika li ssostni l-programm ta’ aġġustament ekonomiku għandha tiġi modifikata. Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal programmi eżistenti ta’ aġġustament makroekonomiku li qegħdin fis-seħħ mid-dħul fis-seħħ tiegħu, li, bħala konsegwenza, jirrikjedu li l-aġġustamenti jsiru skont il-proċedura tal-Artikolu 7(5).

2013/0206 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tapprova l-aġġornament tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tal-Irlanda

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom, u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 japplika għal Stati Membri li diġà qed jirċievu assistenza finanzjarja, inklużi dawk mill-mekkaniżmu Ewropew ta’ stabilizzazzjoni finanzjarja (EFSM) u/jew (il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF), fil-waqt tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

(2)       Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 jistabbilixxi regoli għall-approvazzjoni ta’ programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Istati Membri li jirċievu din l-għajnuna finanzjarja, li jeħtieġu li jkunu artikolati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 407/2010 li jistabbilixxi l-EFSM meta l-Istat Membru kkonċernat jirċievi l-assistenza kemm mill-EFSM kif ukoll minn sorsi oħra.

(3)       L-Irlanda kienet mogħtija assistenza finanzjarja kemm mill-EFSM permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda u mill-EFSF.

(4)       Għal raġunijiet ta’ konsistenza l-approvazzjoni tal-aġġornament għall-programm ta’ aġġustament makroekonomiku għall-Irlanda skont ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 għandha ssir b’referenza għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE.

(5)       F’konformità mal-Artikolu 3(9) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE, il-Kummissjoni, flimkien mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u f’kooperazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), wettqet l-għaxar eżami tal-progress tal-awtoritajiet Irlandiżi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri maqbula kif ukoll dwar l-effettività u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri maqbula. Bħala konsegwenza ta’ dan l-eżami, jenħtieġ li jsiru xi tibdiliet għall-programm eżistenti ta’ aġġustament makroekonomiku.

(6)       Dawn il-bidliet jinsabu fid-Deċiżjoni [insert reference] li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-miżuri speċifikati fl-Artikolu 3(10) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/77/UE li għandhom jittieħdu mill-Irlanda matul l-2013 bħala parti mill-programm ta’ aġġustament makroekonomiku tagħha huma b’dan approvati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

Top