Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013PC0215

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI li tistabbilixxi pożizzjoni rigward Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja dwar ir-regoli ta' proċedura tiegħu

/* COM/2013/0215 final - 2013/0113 (NLE) */

52013PC0215

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI li tistabbilixxi pożizzjoni rigward Deċiżjoni tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja dwar ir-regoli ta' proċedura tiegħu /* COM/2013/0215 final - 2013/0113 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u s-Serbja, hu mistenni li jidħol fis-seħħ matul l-ewwel nofs tal-2013, wara li l-Istati Membri kollha jlestu r-ratifika tiegħu.

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 119 ta’ dan il-Ftehim jissorvelja l-implimentazzjoni tal-Ftehim u jeżamina kwalunkwe kwistjoni ewlenija li tirriżulta fi ħdan il-qafas tiegħu, u kwalunkwe kwistjoni bilaterali jew internazzjonali oħra ta’ interess komuni.

Kif stipulat fl-Artikolu 120 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu. Skont l-Artikolu 122 tal-Ftehim, dawn ir-regoli ta’ proċedura jiddeterminaw id-dmirijiet tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni li jgħinu lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fit-twettiq ta’ dmirijietu.

Kif stabbilit mill-Artikolu 3(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u l-Kummissjoni ta’……………..dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-pożizzjoni li trid tittieħed fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni se tkun stabbilita mid-deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta tal-Kummissjoni, jew, fejn xieraq, mill-Kummissjoni.

Għall-informazzjoni tal-Kunsill, ir-regoli ta’ proċedura għas-sottokumitati kif ukoll għall-gruppi speċjali relevanti huma previsti f’Anness separat.

Għalhekk, il-Kunsill hu mistieden biex japprova l-proposta mehmuża għal Deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea u l-Euratom fir-rigward ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjażżjoni bejn l-UE u s-Serbja dwar ir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

2013/0113 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL U TAL-KUMMISSJONI

li tistabbilixxi pożizzjoni rigward Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja dwar ir-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-paragrafu 9 tal-Artikolu 218,

Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom), u b’mod partikolari l-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidraw d-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni ta’ ……………..dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u r-Repubblika tas-Serbja (minn issa ’l quddiem “is-Serbja”) min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

L-Artikolu 119 tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistabbilixxi Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(1) L-Artikolu 120 tal-imsemmi Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(2) L-Artikolu 122 ta’ dan il-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun megħjun minn Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

(3) L-Artikolu 122 ta’ dan il-Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiddetermina d-dmirijiet tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddelega kwalunkwe setgħa minn dawk li għandu lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

(4) L-Artikolu 124 tal-imsemmi Ftehim jistipula li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni jista' jiddeċiedi li jwaqqaf xi kumitati jew korpi speċjali oħra li jistgħu jassistuh fit-twettiq tad-dmirijietu; Dan jipprevedi wkoll li l-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, jiddetermina l-konfigurazzjoni u d-dmirijiet ta’ tali kumitati u korpi, u kif jiffunzjonaw,

IDDEĊIDEW KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Il-pożizzjoni li trid tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea u l-Euratom, fi ħdan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni stabbilit mill-Artikolu 119 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u r-Repubblika tas-Serbja min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura ta’ dan il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u tad-delegazzjoni tas-setgħat tiegħu lill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni msemmi fl-Artikolu 122 ta’ dan il-Ftehim, tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, anness ma’ din id-Deċiżjoni. Emendi żgħar għal dan l-abbozz ta’ Deċiżjoni jistgħu jiġu aċċettati mingħajr ma jittieħdu deċiżjonijiet oħra mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kummissjoni || Għall-Kunsill

Il-President || Il-President

L-ANNESS

 tad-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tiġi adottata fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja dwar ir-regoli ta’ proċedura tiegħu

Id-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja ta’ [data] li biha jaddotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TA' STABILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom min-naħa, u r-Repubblika tas-Serbja (minn issa ’l quddiem “is-Serbja”), min-naħa l-oħra, u b’mod partikolari l-Artikoli 119 u 120 tiegħu,

Billi l-Ftehim daħal fis-seħħ fi ……………,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kunsill ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun ippresedut għal perijodi ta’ 12-il xahar li jalternaw bejn il-President tal-Kunsill għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u r-rappreżentant tal-Gvern tas-Serbja. L-ewwel perijodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiltaqa’ darba fis-sena fuq livell ministerjali. Sessjonijiet speċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jsiru bit-talba ta’ wieħed mill-Partijiet, jekk il-Partijiet jaqblu li jsir hekk. Sakemm ma jintlaħaqx ftehim mod ieħor mill-Partijiet, kull sessjoni tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ssir fil-post fejn is-soltu jsiru laqgħat tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fid-data li jaqblu dwarha ż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jissejħu b’mod konġunt mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bi qbil mal-President.

Artikolu 3

Rappreżentanza

Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jiġu rrappreżentati f’każ li ma jkunux jistgħu jattendu. Jekk membru jixtieq li jiġi rrappreżentat b’dan il-mod, jeħtieġlu jinnotifika lill-President dwar l-isem tar-rappreżentant tiegħu qabel il-laqgħa li fiha se jiġi rrapreżentat b’dan il-mod. Ir-rappreżentant ta’ membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jeżerċita d-drittijiet kollha ta’ dak il-membru.

Artikolu 4

Delegazzjonijiet

Il-membri tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jistgħu jattendu fil-kumpanija ta’ uffiċjali. Qabel kull laqgħa, il-President ikun informat dwar il-konfigurazzjoni maħsuba għad-delegazzjoni ta’ kull Parti. Rappreżentant tal-Bank Ewropew tal-Investiment jattendi l-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bħala osservatur, meta fuq l-aġenda jidhru ħwejjeġ li jirrigwardaw lill-Bank. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistieden persuni li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari.

Artikolu 5

Segretarjat

Uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u uffiċjal tal-Missjoni tas-Serbja għall-Unjoni Ewropea flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 6

Korrispondenza

Il-korrispondenza indirizzata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni tintbagħat lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizz tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Iż-żewġ Segretarji jiżguraw li l-korrispondenza tiġi mgħoddija lill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u, fejn xieraq, tkun imqassma lil membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-korrispondenza li titqassam tintbagħat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni, lir-Rappreżentanti Permanenti tal-Istati Membri u lill-Missjoni tas-Serbja għall-Unjoni Ewropea.

Il-komunikazzjonijiet mill-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jintbagħtu miż-żewġ Segretarji lid-destinatarji u jitqassmu, fejn xieraq, lill-membri l-oħra tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fl-indirizzi indikati fit-tieni paragrafu.

Artikolu 7

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 8

Aġendi għal-laqgħat

1. Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda provviżorja tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex dawn jiżdiedu fl-aġenda mhux aktar tard minn 21 jum qabel tinbeda l-laqgħa, għalkemm l-ebda punt m’għandu jitniżżel fl-aġenda provviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. L-aġenda tiġi adottata mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2. Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta’ każ partikolari.

Artikolu 9

Minuti

L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa jitħejja miż-żewġ Segretarji. Il-minuti għandhom, bħala regola ġenerali, jindikaw fir-rigward ta’ kull punt fuq l-aġenda:

– id-dokumentazzjoni ppreżentata lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni,

– id-dikjarazzjonijiet li membru tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun talab li jiddaħħlu,

– id-deċiżjonijiet meħuda u r-rakkomandazzjonijiet magħmula, id-dikjarazzjonijiet li kien hemm qbil dwarhom u l-konklużjonijiet adottati.

L-abbozz tal-minuti jiġi ppreżentat lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni għall-approvazzjoni. Meta approvati, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u ż-żewġ Segretarji. Il-minuti jiġu ffajljati fl-arkivji tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, li se jservu ta’ depożitorju għad-dokumenti tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Kopja ċċertifikata tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6.

Artikolu 10

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

3. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, skont l-Artikolu 121 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, rispettivament jingħataw it-titli "Deċiżjoni" u "Rakkomandazzjoni" segwiti b’numru ta’ serje, bid-data ta’ meta ġew addottati u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet jiġu mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 6 ta’ hawn fuq. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni ta’ deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 11

Lingwi

Il-lingwi uffiċjali tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkunu l-lingwi uffiċjali taż-żewġ Partijiet. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor, il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jsejjes id-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumentazzjoni mfassla f’dawn il-lingwi.

Artikolu 12

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll is-Serbja, kull wieħed iħallas għall-ispejjeż li jagħmel biex jipparteċipa fil-laqgħat tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta’ posta u ta’ telekomunikazzjoni. In-nefqa relatata ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, ta’ traduzzjoni u ta’ riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa relatata mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa Serba, li jitħallsu mis-Serbja. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 13

Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

1. B’dan ġie stabbilit Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jgħin lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-qadi ta’ dmirijietu. Dan jiġi ffurmat minn rappreżentanti tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea min-naħa, u rappreżentanti tal-Gvern tas-Serbja min-naħa l-oħra, normalment fil-livell ta’ impjegati taċ-ċivil f’kariga għolja.

2. Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jħejji l-laqgħat u d-deliberazzjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fejn meħtieġ u, inġenerali, jiżgura l-kontinwità fir-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni kif ukoll it-tħaddim xieraq tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Iqis kwalunkwe kwistjoni li tiġi referuta lilu mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni kif ukoll kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ fl-andament tat-twettiq ta’ kuljum tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Jippreżenta proposti jew kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjonijiet/rakkomandazzjonijiet għall-adozzjoni lill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

3. F’każijiet fejn il-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jirriferi għal obbligu li jikkonsulta jew il-possibilità ta’ konsultazzjoni, din it-tip ta’ konsultazzjoni tista’ sseħħ fi ħdan il-Kumitat ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni. Il-konsultazzjoni tista’ tissokta fil-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

4. Ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni huma annessi ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 14

Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

1. B'dan qiegħed jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, bil-kompitu li jassisti lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-għan li ssir promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, fl-Unjoni Ewropea u fis-Serbja. It-tali djalogu u kooperazzjoni jinkludu l-aspetti relevanti kollha tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u s-Serbja, hekk kif dawn jitfaċċaw fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. It-tali djalogu u kooperazzjoni b’mod partikolari jiffukaw biex:

a) Iħejju msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għall-ħidma fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

b) Jitħejjew imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew wara l-adeżjoni tas-Serbja;

c) Isir skambju ta' informazzjoni dwar kwistjonijiet ta' interess reċiproku, partikolarment dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta' adeżjoni kif ukoll dwar it-tħejjija tal-partijiet soċjali u ta’ organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja għal dan il-proċess;

d) Jinkoraġġixxu skambji ta' esperjenza, prattiki tajbin u djalogu strutturat bejn a) l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja u b) l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mill-Istati Membri, fosthom permezz ta' netwerking f'oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni jistgħu jkunu l-aktar mezz effettiv biex tinstab soluzzjoni għal problemi partikolari;

e) Jiddiskutu kull kwistjoni oħra relevanti proposta minn kwalunkwe naħa, li tista’ titfaċċa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-qafas ta' qabel l-adeżjoni.

2. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun magħmul minn sitt rappreżentanti tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u sitt rappreżentanti minn imsieħba soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja. Il-parteċipazzjoni hija miftuħa wkoll għal osservaturi.

3. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iwettaq il-kompiti tiegħu abbażi ta' konsultazzjoni mal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b'rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn ċrieki ekonomiċi u soċjali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

4. Il-membri jintgħażlu biex jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt flimkien mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ikun xbieha kemm jista' jkun perfetta tad-diversi msieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili, kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fis-Serbja. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Serbi jsiru mill-gvern tas-Serbja abbażi ta' proposti mis-sħab soċjali u minn organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta’ għażla inklużivi u trasparenti fost l-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili.

5. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jkun kopresedut minn membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew flimkien ma’ rappreżentant minn fost l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet oħrajn tas-soċjetà ċivili mis-Serbja.

6. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

7. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, fuq naħa waħda, u l-Gvern Serb, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu kull wieħed għall-ispejjeż li jintefqu b'rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt u tal-gruppi ta' ħidma tiegħu fir-rigward tal-persunal, tal-ispejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza.

8. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-parti li tospita l-laqgħat.

Artikolu 15

Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea

1. B'dan qiegħed jitwaqqaf Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, bil-kompitu li jassisti l-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bil-għan li jkun hemm promozzjoni tad-djalogu u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u dawk fis-Serbja. It-tali djalogu u kooperazzjoni b’mod partikolari jiffukaw biex:

a) Iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għall-ħidma fil-qafas tal-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea li se sseħħ fil-ġejjieni;

b) Iħejju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għall-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kumitat tar-Reġjuni wara l-adeżjoni tas-Serbja;

c) Isir skambju ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet attwali ta’ interess reċiproku, b’mod partikolari dwar il-qagħda attwali tal-proċess ta’ adeżjoni u dawk l-oqsma tal-politika fejn it-Trattati jipprevedu li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkonsultat, kif ukoll it-tħejjija tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi għal dawn il-politiki;

d) Jinkoraġġixxu djalogu strutturat multilaterali bejn a) l-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u b) l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri, fosthom permezz ta' netwerking f'oqsma speċifiċi fejn il-kuntatti diretti u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri jistgħu jkunu l-aktar mod effettiv li jindirizza s-suġġetti speċifiċi ta' interess reċiproku;

e) Jipprovdu skambju ta' informazzjoni regolari dwar il-kooperazzjoni interreġjonali bejn awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u l-awtoritajiet lokali u reġjonali mill-Istati Membri;

f) Jinkoraġġixxu l-iskambju tal-esperjenzi u tal-għarfien fl-oqsma ta’ politika fejn it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li l-Kumitat tar-Reġjuni jiġi kkonsultat, a) mill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi u b) mill-awtoritajiet lokali u reġjonali tal-Istati Membri, f’kompetenzi u tekniki partikolari li jirrigwardaw it-tħejjija ta’ pjanijiet jew strateġiji ta’ żvilupp lokali u reġjonali kif ukoll l-aktar użu effiċjenti tal-Fondi Strutturali u dawk ta’ qabel l-adeżjoni;

g) Jgħinu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Serbi permezz ta' skambju ta' informazzjoni b’mod partikolari dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' sussidjarjetà fl-aspetti kollha tal-ħajja fuq livell lokali u reġjonali;

h) Jiddiskutu kwalunkwe kwistjoni relevanti oħra proposta minn kwalunkwe naħa, hekk kif tista’ titfaċċa fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u fil-qafas tat-taħditiet ta' Qabel l-Adeżjoni.

2. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea huwa magħmul, fuq naħa, minn [seba'] rappreżentanti tal-Kumitat tar-Reġjuni, u fuq in-naħa l-oħra minn [seba'] rappreżentanti eletti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tas-Serbja. L-istess għadd ta’ membri sostituti jiġu maħtura.

3. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jwettaq l-attivitajiet tiegħu abbażi ta' konsultazzjoni mal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jew, b'rabta mal-promozzjoni tad-djalogu bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fuq inizjattiva tiegħu stess.

4. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jista' jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

5. Il-membri jintgħażlu b'tali mod li jiġi żgurat li l-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni jkun xbieha perfetta tad-diversi livelli ta' awtoritajiet lokali u reġjonali kemm fl-Unjoni Ewropea u kif ukoll fis-Serbja. Il-ħatriet uffiċjali tal-membri Serbi jsiru mill-gvern tas-Serbja abbażi ta’ proposti minn organizzazzjonijiet li jirrapreżentaw l-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Serbja. Dawn il-proposti jissejsu fuq proċeduri ta’ għażla inklużivi u trasparenti fost ir-rappreżentanti b’mandati elettorali fuq livell lokali jew reġjonali.

6. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu stess.

7. Il-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea jkun ikkopresedut minn membru tal-Kumitat tar-Reġjuni u minn rappreżentant tal-awtoritajiet lokali u reġjonali tas-Serbja.

8. Il-Kumitat tar-Reġjuni, fuq naħa waħda, u l-Gvern tas-Serbja, fuq in-naħa l-oħra, iħallsu għall-ispejjeż li jintefqu b'rabta mal-parteċipazzjoni tad-delegati u tal-persunal ta' appoġġ tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konsultattiv Konġunt mal-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż ta' vjaġġar u ta' sussistenza.

9. Spejjeż oħrajn relatati mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat jitħallsu mill-parti li tospita l-laqgħat.

Magħmul fi

                                                                       Għall-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

                                                                       Il-President

ANNESS

mad-

Deċiżjoni Nru 1 tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja ta’ [id-data]

Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Artikolu 1

Presidenza

Il-Kumitat ta’ Stabilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun ippresedut b’mod li jalterna għal perijodi ta’ 12-il xahar minn rappreżentant tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u minn rappreżentant tal-Gvern tas-Serbja. L-ewwel perijodu jibda fid-data tal-ewwel laqgħa tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Artikolu 2

Laqgħat

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiltaqa’ skont kif jitolbu ċ-ċirkostanzi, bil-ftehim taż-żewġ Partijiet. Kull laqgħa tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ssir fi żmien u f’post miftiehma miż-żewġ Partijiet. Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jissejħu mill-President.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

Qabel kull laqgħa, il-President ikun infurmat dwar il-konfigurazzjoni tad-delegazzjoni prevista għal kull Parti.

Artikolu 4

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea flimkien ma’ uffiċjal tal-Gvern tas-Serbja, flimkien iservu bħala Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Il-komunikazzjonijiet kollha lil, u mingħand, il-President tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, previsti f’din id-Deċiżjoni jiġu mgħoddija lis-Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjażżjoni, kif ukoll lis-Segretarji u l-President tal-Kunsill ta’ Stabbilizzazjoni u Assoċjazzjoni.

Artikolu 5

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni ma jkunux pubbliċi.

Artikolu 6

Aġendi għal-laqgħat

1. Il-President, għal kull laqgħa jfassal aġenda proviżorja. Din tiġi mgħoddija mis-Segretarji tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel il-bidu tal-laqgħa. L-aġenda provviżorja tkun tinkludi l-punti li fuqhom il-President ikun irċieva talba sabiex jiżdiedu fuq l-aġenda sa mhux aktar tard minn 21 jum qabel il-bidu tal-laqgħa, għalkemm l-ebda punt ma jitniżżel fl-aġenda proviżorja sakemm ma tkunx intbagħtet id-dokumentazzjoni ta’ sostenn lis-Segretarji sa mhux aktar tard mid-data li fiha tintbagħat l-aġenda. Il-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistieden esperti li mhumiex membri sabiex jattendu l-laqgħat tiegħu sabiex jipprovdu informazzjoni fuq suġġetti partikolari. Fil-bidu ta’ kull laqgħa, l-aġenda tiġi adottata mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni. Punt apparti dawk li jidhru fl-aġenda provviżorja jista’ jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

2. Il-President jista’, bi ftehim maż-żewġ Partijiet, iqassar l-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-ħtiġiet ta’ każ partikolari.

Artikolu 7

Minuti

Għal kull laqgħa jittieħdu l-minuti, u jkunu msejsa fuq is-sommarju tal-konklużjonijiet mill-President, li l-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jkun wasal għalihom. Meta jiġu approvati mill-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, il-minuti jiġu ffirmati mill-President u mis-Segretarji, u jiġu ffajljati miż-żewġ Partijiet. Kopja tal-minuti tiġi mgħoddija lil kull wieħed mid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4.

Artikolu 8

Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet

Fil-każijiet speċifiċi fejn il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jingħata s-setgħa mill-Kunsill ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni skont l-Artikolu 122 tal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni sabiex jieħu deċiżjonijiet/jagħmel rakkomandazzjonijiet, dawn l-atti jkunu intitolati rispettivament "Deċiżjoni" u "Rakkomandazzjoni", segwiti b’numru ta’ serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom. Deċiżjonijiet u rakkomandazzjonijiet isiru bi qbil bejn il-Partijiet. Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bi proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jiġu ffirmati mill-President u awtentikati miż-żewġ Segretarji, u jiġu mgħoddija lid-destinatarji msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan l-Anness. Kull Parti tista’ tiddeċiedi fuq il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ dan il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

Artikolu 9

Spejjeż

Kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll is-Serbja, kull wieħed iħallsu għall-ispejjeż li jagħmlu biex jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-spejjeż ta’ vjaġġar u ta’ sussistenza, kif ukoll tal-ispejjeż ta’ posta u ta’ telekomunikazzjoni. In-nefqa relatata ma’ servizzi ta’ interpretazzjoni fil-laqgħat, ta’ traduzzjoni u ta’ riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tan-nefqa relatata mas-servizzi ta’ interpretazzjoni jew traduzzjoni għal jew mill-lingwa Serba, li jitħallsu mis-Serbja. Infiq ieħor relatat mal-organizzazzjoni tal-laqgħat jitħallas mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħat.

Artikolu 10

Is-Sottokumitati u l-gruppi speċjali

Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi speċjali sabiex jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni, u jagħmlulu rapport wara kull laqgħa li jagħmlu. Il-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni jista’ jiddeċiedi li jtemm kwalukwe sottokumitat jew grupp eżistenti, jistipula jew ibiddel it-termini ta’ referenza tagħhom jew jistabbilixxi sottokumitati jew gruppi oħra sabiex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu. Dawn is-sottokumitati u gruppi ma għandhom ikollhom l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

ANNESS

għall-informazzjoni tal-Kunsill biss

ABBOZZ

tad-Deċiżjoni Nru 1/2013

tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u s-Serbja

ta’ [jum xahar] 2013

għall-ħolqien ta’ sottokumitati u ta’ gruppi speċjali

IL-kumitat ta’ stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u l-Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha minn naħa u r-Repubblika tas-Serbja min-naħa l-oħra, u b'mod partikolari l-Artikolu 123 tiegħu,

Wara li kkunsidra r-regoli ta’ proċedura tiegħu, u b’mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

Is-sottokumitati u l-gruppi speċjali mniżżla fl-Anness I huma hawnhekk maħluqa. It-termini ta’ referenza tagħhom huma stipulati fl-Anness II.

Magħmul fi …………., fil-jum ta’ xahar 2013.

Għall-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni

Il-President

ANNESS I

FTEHIM TA’ STABBILIZZAZZJONI U ASSOĊJAZZJONI BEJN L-UE U S-SERBJA

L-Istruttura tas-Sottokumitati Multidixxiplinari

Titolu || Kwistjonijiet || L-Artikolu tal-FSA

1. Kummerċ, Industrija, Dwana u Tassazzjoni || Moviment Liberu tal-Merkanzija || Art. 18

Prodotti Industrijali || Art. 19-23

Kwistjonijiet kummerċjali || Art. 34-48

Standardizzazzjoni, metroloġija, akkreditazzjoni, ċertifikazzjoni, analiżi tal-konformità u sorveljanza tas-suq || Art. 77

Kooperazzjoni Industrijali || Art. 94

SMEs || Art. 95

Turiżmu || Art. 96

Dwana || Art. 99

Tassazzjoni || Art. 100

Regoli ta’ oriġini || Protokoll 3

Assistenza amministrattiva fi kwistjonijiet doganali || Protokoll 6

2. L-Agrikoltura u s-Sajd || Prodotti agrikoli sensu lato || Art. 24, 26(1) (4), 27(1), 31, 32 u 35

Prodotti agrikoli sensu stricto || Art. 26(2)(3) u 27(2)

Prodotti tas-Sajd || Art. 29 u 30

Prodotti agrikoli pproċessati || Art. 25, Protokoll 1

Inbid || Art. 28, Protokoll 2

Il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti agrikoli u prodotti tas-sajd, u għall-prodotti tal-ikel li mhumiex inbid u spirti || Art. 33

Is-settur agrikolu u agroindustrijali, materji veterinarji u fitosanitarji || Art. 97

Kooperazzjoni fis-sajd || Art. 98

Sikurezza tal-ikel ||

3. Is-Suq Intern u l-Kompetizzjoni || Dritt ta’ stabbiliment || Art. 52-58

Provvista ta' servizzi || Art. 59-61

Mistoqsijiet oħrajn relatati mat-Titolu V tal-FSA || Art. 65-71

Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-infurzar tal-liġi || Art. 72

Kompetizzjoni || Art. 73-74, Protokoll 5

Il-proprjetà intelletwali, industrijali u kummerċjali || Art. 75

Akkwist pubbliku || Art. 76

Servizzi bankarji, tal-assigurazzjoni u servizzi finanzjarji oħra || Art. 91

Ħarsien il-konsumatur || Art. 78

Saħħa pubblika ||

4. Kwistjonijiet u statistiċi ekonomiċi u finanzjarji || Ċaqliq ta’ kapital u pagamenti || Art. 62-64

Politika Ekonomika || Art. 89

Kooperazzjoni fl-istatistika || Art. 90

Promozzjoni u protezzjoni tal-Investiment || Art. 93

Kooperazzjoni finanzjarja || Art. 115-118

L-awditjar u l-kontroll finanzjarju || Art. 92

5. Ġustizzja, libertà u sigurtà || Il-Ġudikatura u d-drittijiet fundamentali ||

Kooperazzjoni ġuridika u bejn il-pulizija ||

Stat tad-dritt || Art. 80

Protezzjoni tad-dejta || Art. 81

Il-viżi, l-kontroll tal-fruntieri, l-ażil u l-migrazzjoni || Art. 82

Immigrazzjoni illegali u riammissjoni || Art. 83

Ħasil il-flus || Art. 84

Drogi || Art. 85

Il-Ġlieda kontra t-terroriżmu || Art. 87

Kriminalità u attivitajiet illegali oħrajn || Art. 86

6. Ir-riċerka u l-innovazzjoni, is-soċjetà tal-informazzjoni u l-politika soċjali || Moviment tal-ħaddiema || Art. 49-51

Kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet indaqs || Art. 79

Kooperazzjoni Soċjali || Art. 101

L-edukazzjoni u t-taħriġ || Art. 102

Kooperazzjoni Kulturali || Art. 103

L-informazzjoni u l-komunikazzjoni || Art. 107

Kooperazzjoni fil-qasam awdjoviżiv || Art. 104

In-networks u s-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika || Art. 106

Is-soċjetà tal-informazzjoni || Art. 105

Ir-riċerka u l-innovazzjoni || Art. 112

7. Trasport, enerġija, ambjent, azzjoni klimatika u żvilupp reġjunali[1] || Trasport || Art. 52, 55, 61, 108 u Protokoll 4

Enerġija || Art. 109

Sikurezza nukleari || Art. 110

Ambjent || Art. 111

Azzjoni klimatika || Art. 109 u 111

Żvilupp reġjonali u lokali || Art. 113

L-istruttura tal-gruppi speċjali

Titolu || Kwistjonijiet || L-Artikolu tal-FSA

Grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika || Ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika || Titolu VI L-approssimazzjoni legali u l-infurzar tal-liġi, Art. 72 u Titolu VII Il-Ġustizzja u l-Intern

ANNESS II

It-termini ta’ Referenza tas-Sottokumitati u tal-Grupp Speċjali UE - is-Serbja

Il-konfigurazzjoni u l-President

Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika (il-grupp speċjali għar-RAP) jkunu magħmulin minn rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u rappreżentanti tal-gvern tas-Serbja. Huma jkunu kkopreseduti flimkien miż-żewġ partijiet. L-Istati Membri jkunu infurmati u jiġu mistiedna għal-laqgħat tas-sottokumitati u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Segretarjat

Uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-gvern tas-Serbja flimkien iservu bħala segretarji ta’ kull sottokumitat u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Il-komunikazzjonijiet kollha dwar is-sottokumitati jkunu mressqa lis-segretarji tas-sottokumitat rilevanti u tal-grupp speċjali għar-RAP.

Laqgħat

Is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-Rap jiltaqgħu kull meta jkun hemm bżonn, bi qbil bejn iż-żewġ partijiet. Kull laqgħa ta’ sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP tinżamm f’ħin u post li jaqblu dwarhom iż-żewġ partijiet.

Jekk iż-żewġ Partijiet jiftiehmu, is-sottokumitati u l-grupp speċjali għar-RAP jistgħu jistiednu esperti fil-laqgħat tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni speċifika mitluba.

Suġġetti

Is-sottokumitati jiddiskutu kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oqsma tal-FSA mniżżla fl-istruttura tas-sottokumitat multidixxiplinarju. Il-progress rigward l-allinjament, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE kif ukoll il-kwistjonijiet ewlenin relatati mal-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-proġetti tal-IPA relevanti jiġu vvalutati fis-suġġetti kollha. Is-sottokumitati jeżaminaw kull problema li tista' titfaċċa fl-oqsma relevanti tagħhom u jissuġġerixxu l-passi possibbli li għandhom jittieħdu.

Is-sottokumitati jservu wkoll bħala postijiet fejn jiġi ċċarat aktar l-acquis, kif ukoll jiġi mistħarreġ kemm is-Serbja hija konformi mal-acquis skont l-impenji li ħadet fl-FSA.

Il-grupp speċjali għar-RAP jiddiskuti kwistjonijiet relatati mar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u jissuġġerixxi l-passi li jistgħu jittieħdu.

Minuti

Għal kull laqgħa jittieħdu l-minuti u wara jkun hemm qbil dwarhom. Kopja tal-minuti tiġi mgħoddija mis-segretarju tas-sottokumitat jew tal-grupp speċjali għar-RAP, lis-Segretarju tal-Kumitat ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.

Pubbliċità

Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor, il-laqgħat tas-sottokumitati u tal-grupp speċjali għar-RAP ma jkunux pubbliċi.

[1]               Sabiex jiġi implimentat ir-raba’ Protokoll tal-FSA, dan is-sottokumitat jaġixxi bħala s-sottokumitat speċjali imsemmi fl-Artikolu 21 ta’ dan il-Protokoll.

Top