Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013JC0026

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    /* JOIN/2013/026 final - 2013/0330 (NLE) */

    52013JC0026

    Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja /* JOIN/2013/026 final - 2013/0330 (NLE) */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja jimponi projbizzjoni ġenerali fuq l-għoti ta’ pariri tekniċi, assistenza, taħriġ, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

    2. Fl-24 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2111 (2013) u b’hekk jemenda l-kamp ta' applikazzjoni tal-embargo tal-armi billi jipprovdi għal deroga mill-projbizzjoni tal-assistenza relatata ma armamenti u tagħmir militari intiż għas-sostenn jew l-użu tal-Missjoni ta’ Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOM) u l-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fis-Somalja (EUTM).

    3. Il-Kunsill daqt se jadotta deċiżjoni li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK sabiex jipprovdi għal tali derogi.

    4. Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati dawn il-miżuri.

    5. Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea jipproponu li jemendaw ir-Regolament (KE) Nru 147/2003 skont dan.

    2013/0330 (NLE)

    Proposta Konġunta għal

    REGOLAMENT TAL-KUNSILL

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

    Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/231/PESK tas-26 ta’ April 2010 dwar miżuri restrittivi kontra s-Somalja u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2009/138/PESK[1],

    Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 dwar ċerti miżuri restrittivi fil-każ tas-Somalja[2] jimponi projbizzjoni ġenerali fuq l-għoti ta’ pariri tekniċi, assistenza, taħriġ, finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma’ attivitajiet militari, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fis-Somalja.

    (2)       Fl-24 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2111 (2013) u b’hekk emenda l-embargo fuq l-armi impost mill-paragrafu 5 tar-Riżoluzzjoni tal-KSNU 733 (1992) u elabora aktar fuq il-paragrafi 1 u 2 tar-Riżoluzzjoni 1425 (2002) u mmodifikat mill-paragrafi 33 sa 38 tar-Riżoluzzjoni 2093 (2013) u b’hekk jipprovdi għal deroga mill-projbizzjoni tal-assistenza relatata ma armamenti u tagħmir militari intiż għas-sostenn ta’ jew l-użu mis-suċċessur tal-Missjoni għall-Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis-Somalja (UNSOM) u l-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fis-Somalja (EUTM).

    (3)       Fil-... ta’ Ottubru 2013 il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/.../PESK[3], li temenda d-Deċiżjoni 2010/231/PESK u tipprovdi għal tali derogi.

    (4)       Dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, sabiex jiġu implimentati, hemm bżonn ta' azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni, partikolarment bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

    (5)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 147/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fir-Regolament (KE) Nru 147/2003, l-Artikolu 2a jinbidel b'dan li ġej:

    'Artikolu 2a

    B’deroga mill-Artikolu 1, l-awtorità kompetenti, kif indikata fil-websajts stabbiliti fl-Anness I, fl-Istat Membru fejn il-fornitur tas-servizz huwa stabbilit, tista’ tawtorizza, taħt dawk il-kundizzjonijiet li hija tikkunsidra xierqa:

    (a) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, jekk tkun iddeterminat li dan it-tip ta’ finanzjament, pariri, assistenza jew taħriġ ikunu maħsuba unikament għas-sostenn jew l-użu tal-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) imsemmija fil-paragrafu 10(b) tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2111 (2013);

    (b) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, jekk ikun iddeterminat li dan it-tip ta’ finanzjament, pariri, assistenza jew taħriġ ikun maħsub unikament għas-sostenn tas-sħab strateġiċi tal-AMISOM, jew għall-użu minnhom li joperaw biss taħt il-Kunċett Strateġiku tal-Unjoni Afrikana tal-5 ta’ Jannar 2012, u f’kooperazzjoni u koordinazzjoni ma’ AMISOM kif stipulat fil-paragrafu 10 tal-UNSCR 2111 (2013);

    (c) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, jekk ikun iddeterminat li dan it-tip ta’ finanzjament, pariri, assistenza jew taħriġ ikun maħsub unikament għas-sostenn jew l-użu tal-persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, inkluża l-Missjoni ta' Assistenza tan-Nazzjonijiet Uniti fis Somalja kif stipulat fil-paragrafu 10(a) tal-UNSCR 2111 (2013);

    (d) l-għoti ta’ pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i) l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li tali pariri, assistenza jew taħriġ huma maħsuba biss għall-fini li jgħinu biex jiżviluppaw l-istituzzjonijet tas-settur tas-sigurtà, b’mod konsistenti mal-proċess politiku stabbilit fil-paragrafi 1, 2 u 3 tal-UNSCR 1744 (2007); u

    (ii) l-Istat Membru kkonċernat innotifika lill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 751 (1992) bid-determinazzjoni li tali pariri, assistenza jew taħriġ ikunu maħsuba biss għall-fini li jgħinu biex jiżviluppaw l-istituzzjonijet tas-settur tas-sigurtà, b’mod konsistenti mal-proċess politiku stabbilit fil-paragrafi 1, 2 u 3 tar-Riżoluzzjoni UNSCR 1744 (2007) u bl-intenzjoni tal-awtorità kompetenti tiegħu li tagħti awtorizzazzjoni, u l-Kumitat ma jkunx oġġezzjona għal dak il-perkors ta’ azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika;

    (e) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, ħlief f’dak li għandu x’jaqsam mal-punti stipulati fl-Anness III, jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i) l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li tali pariri, assistenza jew taħriġ huma maħsuba biss għall-iżvilupp tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja, u biex jipprovdu s-sigurtà għall-poplu tas-Somalja; u

    (ii) issir notifika lill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 751 (1992) mill-inqas ħamest ijiem qabel kwalunkwe għoti ta’ pariri, assistenza jew taħriġ maħsuba biss għall-iżvilupp tal-forzi tas-sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja, u biex jipprovdu s-sigurtà għall-poplu tas-Somalja, jipprovdu kull informazzjoni rilevanti skont il-paragrafu 16 tal-UNSCR 2111 (2013); u, jekk ikun xieraq,

    (iii) l-Istat Membru kkonċernat, wara li jkun ikkonsulta mal-Gvern Federali tas-Somalja bl-intenzjoni tiegħu li jagħmel hekk, ikun innotifika lill-Kumitat stabbilit bil-paragrafu 11 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 751 (1992), mill-inqas ħamest ijiem bil-quddiem, bid-determinazzjoni li tali pariri, assistenza jew taħriġ ikunu maħsuba biss għall-iżvilupp tal-Forzi tas-Sigurtà tal-Gvern Federali tas-Somalja, u li jipprovdu s-sigurtà għall-poplu tas-Somalja, u bl-intenzjoni tal-Awtorità Kompetenti tiegħu li tagħti awtorizzazzjoni, inkluż l-informazzjoni rilevanti kollha skont il-paragrafu 16 tal-UNSCR 2111 (2013);

    (f) l-għoti ta’ finanzjament, assistenza finanzjarja, pariri tekniċi, assistenza jew taħriġ relatati ma’ attivitajiet militari, jekk ikun iddeterminat li dan it-tip ta’ finanzjament, pariri, assistenza jew taħriġ ikunu maħsuba unikament għas-sostenn jew l-użu tal-Missjoni ta' Taħriġ tal-Unjoni Ewropea fis-Somalja (EUTM).

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 105, 27.04.2010, p. 17.

    [2]               ĠU L 24, 29.01.2003, p. 2.

    [3]               ĠU L …

    Top