EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013JC0012

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-Mjanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008

/* JOIN/2013/012 final - 2013/0144 (NLE) */

52013JC0012

Proposta Konġunta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-Mjanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 /* JOIN/2013/012 final - 2013/0144 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 jipprevedi li jittieħdu ċerti miżuri dwar il-Mjanmar/Burma, inklużi restrizzjonijiet fuq ċerti esportazzjonijiet mill-Mjanmar/Burma u l-iffriżar tal-assi ta’ ċerti individwi u entitajiet.

(2) Il-Kunsill iddeċieda, bħala mezz biex titħeġġeġ it-tkomplija tal-bidliet pożittivi, li jneħħi l-miżuri restrittivi kollha ħlief l-embargo fuq l-armi u l-embargo fuq it-tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna.

(3) Għalhekk, ir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni jipproponu li jinżammu dawk il-miżuri restrittivi f'din il-proposta għal Regolament u jitħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008. 2013/0144 (NLE)

Proposta Konġunta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

dwar il-miżuri restrittivi fir-rigward tal-Mjanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184/PESK dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK,

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 jipprevedi li jittieħdu ċerti miżuri dwar il-Mjanmar/Burma, inklużi restrizzjonijiet fuq ċerti esportazzjonijiet mill-Mjanmar/Burma u l-iffriżar tal-assi ta’ ċerti individwi u entitajiet.

(2)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/184PESK, il-Kunsill iddeċieda, bħala mezz biex titħeġġeġ it-tkomplija tal-bidliet pożittivi, li l-miżuri restrittivi kollha għandhom jitneħħew ħlief l-embargo fuq l-armi u l-embargo fuq it-tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna.

(3)       Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 194/2008 għandu jitħassar.

(4)       Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ dakinhar tal-pubblikazzjoni tiegħu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għall-għanjiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)     "importazzjoni" tfisser kull dħul ta’ oġġetti fit-territorju doganali tal-Komunità jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 299 tiegħu. Dan jinkludi, fit-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat- 12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità[1], it-tqegħid f’żona ħielsa, jew maħżen ħieles, it-tqegħid fi proċedura ta’ sospensjoni u r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, iżda jeskludi t-transitu u l-ħżin temporanju;

(b)     "esportazzjoni" tfisser kull tluq ta’ oġġetti mit-territorju doganali tal-Komunità jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 299 tiegħu. Dan jinkludi, fit-tifsira tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92, it-tluq ta’ oġġetti li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali u t-tluq ta’ oġġetti wara l-ħażna tagħhom f’żona ħielsa tat-tip ta’ kontroll I jew f’maħżen ħieles, iżda jeskludi t-transitu;

(c)     "esportatur" tfisser persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha ssir dikjarazzjoni dwar esportazzjoni, jiġifieri l-persuna li, fil-ħin meta d-dikjarazzjoni tiġi aċċettata, għandha kuntratt mad-destinatarju fil-pajjiż terz u għandha s-setgħa li tiddetermina l-esportazzjoni tal-oġġett ‘l barra mit-territorju doganali tal-Komunità jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat;

(d)     "assistenza teknika" tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, assemblaġġ, ittestjar, manutenzjoni, jew kull servizz tekniku ieħor, u tista’ tieħu forom bħal tagħlim, konsulenza, taħriġ, trażmissjoni ta’ konoxxenza tax-xogħol jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; l-assistenza teknika għandha tinkludi forom verbali ta’ assistenza;

(e)     "territorju tal-Unjoni" tfisser it-territorji li għalihom japplika t-Trattat, taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat.

Artikolu 2

Restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni

1.           Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness II, sew jekk joriġina fl-Unjoni jew le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma.

2.           Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-ilbies protettiv, inklużi ġkieket tal-flak u elmi, esportati temporanjament lejn il-Mjanmar/Burma minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni Ewropea, tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-medja u ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 3

1.           Għandu jiġi pprojbit:

(a)     li tkun ipprovduta assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet tal-bdil għal dawn imsemmija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(b)     li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esprtazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma.

2.           Għandu jiġi pprojbit:

(a)     l-għoti ta’ assistenza teknika relatata mat-tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, direttament jew indirettament lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(b)     l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mat-tagħmir elenkat fl-Anness I, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, direttament jew indirettament lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma.

3.           Għandha tiġi pprojbita l-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-projbizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.           Il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 1(b) u 2(b) ma għandhom iwasslu għal ebda xorta ta’ responsabbiltà fuq il-parti tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet ikkonċernati, jekk ma kienux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom kienu se jiksru dawn il-projbizzjonijiet.

Artikolu 4

1.           B’deroga mill-Artikolu 2(1) u 3(2), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fil-websajts elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawn il-kundizzjonijiet kif iqisu xieraq:

(a)     il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Komunità, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ta’ maniġġar ta’ kriżijiet;

(b)     il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir għat-tneħħija tal-mini u materjal għal użu fil-ħidma għat-tneħħija tal-mini; u

(c)     l-għoti ta’ finanzjamenti jew ta’ assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatata ma’ tagħmir, materjal, programmi u operazzjonijiet imsemmija fis-subparagrafi (a) u (b).

2.           B’deroga mill-Artikolu 3(1), l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawn il-kundizzjonijiet kif iqisu xieraq, l-għoti ta' ffinanzjar u assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatata ma':

(a)     tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u tal-Unjoni Ewropea;

(b)     materjal maħsub għall-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

Artikolu 5

L-awtorizzazzjonijiet imsemmija f’dan il-Kapitolu ma għandhomx jingħataw għal attivitajiet li diġà twettqu.

Artikolu 6

Dispożizzjonijiet ġenerali u finali

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom immedjatament jinformaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u għandhom jipprovdu lil xulxin bi kwalunkwe informazzjoni oħra relevanti konnessa ma’ dan ir-Regolament li hija għad-disposizzjoni tagħhom, partikolarment informazzjoni dwar problemi ta’ ksur u ta’ infurzar u sentenzi mgħotija mill-qrati nazzjonali.

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II fuq il-bażi tal-informazzjoni provduta mill-Istati Membri.

Artikolu 8

1.           L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.           L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 9

1.           L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fi, jew permezz, tal-websajts elenkati fl-Anness II.

2.           L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinfurmawha b’kull tibdil sussegwenti.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a)          fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b)          abbord inġenji tal-ajru jew bastimenti li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c)          għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni li hija ċittadin ta’ Stat Membru;

(d)          għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e)          għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, ġewwa l-Unjoni.

Artikolu 11

Ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 huwa b'dan imħassar.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

ANNESS I

Lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna kif imsemmi fl-Artikoli 4, 5 u 9

1. || Armi tan-nar, ammunizzjon u aċċessorji relatati għalhekk, kif ġej: 1.1. || Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-UE[2];

1.2. || Munizzjon iddiżinjat speċjalment għall-armi tan-nar elenkati f’1.1 u komponenti ddiżinjati speċjalment għalhekk;

1.3. || Siti tal-armamenti (weapon-sights) mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE.

2. || Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE.

3. || Vetturi kif ġej: 3.1. || Vetturi mgħammra b’kanun tal-ilma, diżinjat jew modifikat speċjalment bl-iskop tal-kontroll ta’ rewwixta;

3.2. || Vetturi ddiżinjati jew modifikati speċjalment biex ikunu elettrifikati biex jirripellaw barrieri;

3.3. || Vetturi ddiżinjati jew modifikati speċjalment biex ineħħu barrikadi, inkluż tagħmir ta’ bini bi protezzjoni ballistika;

3.4. || Vetturi ddiżinjati speċjalment għat-trasport u t-trasferiment ta’ priġunieri u/jew persuni arrestati;

3.5. || Vetturi ddiżinjati speċjalment biex jiskjeraw barrieri mobbli;

3.6. || Komponenti għall-vetturi speċifikati fi 3.1 sa 3.5 diżinjati speċjalment bl-iskop ta’ kontroll ta’ rewwixta. Nota 1: Dan il-punt ma jikkontrollax vetturi mfassla apposta għall-finijiet ta’ tifi tan-nar. Nota 2: Għall-finijiet tal-punt 3.5 it-terminu "vetturi" jinkludi l-karrijiet.

4. || Sustanzi esplussivi u tagħmir relatat kif ġej: 4.1. || Tagħmir u apparat mfassal apposta biex jagħti bidu lil splużjonijiet b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi inklużi settijiet tal-isparar, detonaturi, igniters, boosters u fil detonatur u komponenti mfasslin apposta għalihom; dawk mfasslin apposta għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operat b’mezzi esplussivi ta’ tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom m’hijiex il-ħolqien ta’ splużjonijiet (per eżempju, neffieħa tal-air-bags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f’daqqa tal-elettriku ta’ attivaturi ta’ bexxiexa għat-tifi tan-nar);

4.2. || Kargi splussivi tat-tip linear cutting mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE;

4.3. || Splussivi oħrajn mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE u sustanzi relatati kif ġej: (a) amatol; (b) nitroċelluloża (li fih aktar minn 12,5 % nitroġenu); (c) nitroglikcol; (d) tetranitrat tal-penteritritol (PETN); (e) klorur tal-pikril; (f) 2,4,6-trinitrotoluwen (TNT).

5. || Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat minn ML 13 tal-Lista Militari Komuni tal-UE kif ġej: 5.1. || Korazzi tal-persuna li jipprovdi protezzjoni ballistika u/jew ta’ feriment;

5.2. || Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew frammentarja, elmi għal kontra l-irvell, tarki għal kontra l-irvell u tarki ballistiċi. Nota: Dan l-artiklu ma jikkontrollax: —tagħmir imfassal apposta għal attivitajiet sportivi; —tagħmir imfassal apposta għall-ħtiġijiet tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

6. || Simulaturi, għajr dawk ikkontrollati minn ML 14 tal-Lista Militari Komuni tal-UE, għat-taħriġ tal-użu ta’ armi tan-nar, u software diżinjat speċjalment għalhekk.

7. || Tagħmir ta’ viżjoni ta’ bil-lejl u tal-ħolqien ta’ immaġni termali u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE.

8. || Fildiferru tal-ingiegeż li jaqta’.

9. || Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b’xafra itwal minn 10 ċm.

10. || Tagħmir ta’ produzzjoni diżinjat speċjalment għall-oġġetti speċifikati f’din il-lista.

11. || Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu tal-oġġetti speċifikati f’din il-lista.

ANNESS II

Websajts għal informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl- Artikoli 4, 7 u 8 u l-indirizz għan-notifiki lil Kummissjoni Ewropea

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/sankcie_eu-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

www.fco.gov.uk/competentauthorities

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu

[1]               ĠU L 302, 19.10.1992, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament Nru 1791/2006 (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 1).

[2]               Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (adottata mill-Kunsill fid-19 ta’ Marzu 2007) (tagħmir kopert mill-Kodiċi ta’ Kondotta tal-Unjoni Ewropea għall-Esportazzjoni tal-Armi) (li taġġorna u tissostitwixxi Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea adottata mill-Kunsill fis-27 ta’ Frar 2006) (ĠU L 88, 29.3.2007, p. 58).

Top