Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0224

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni (2013/2612(RSP))

    ĠU C 55, 12.2.2016, p. 90–94 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.2.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 55/90


    P7_TA(2013)0224

    Irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni

    Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni (2013/2612(RSP))

    (2016/C 055/13)

    Il-Parlament Ewropew,

    wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u dwar l-Unjoni għall-Mediterran, b’mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu (1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 dwar “Il-Kummerċ għall-Bidla: strateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-revoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija” (2),

    wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Politiċi, is-Sigurtà u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran tat-12 ta' April 2013,

    wara li kkunsidra r-Regolament il-ġdid tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2012 dwar l-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv ġdid li jiffaċilita l-irkupru tal-assi fl-Eġittu u fit-Tuneżija,

    wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kopresidenti tat-Task Forces UE-Tuneżija u UE-Eġittu tat-28-29 ta’ Settembru 2011 u tal-14 ta’ Novembru 2012 rispettivament, u b’mod partikolari t-taqsimiet tagħhom li jirrigwardaw l-irkupru tal-assi,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 101/2011 tal-4 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Tuneżija u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1100/2012 li jemendah,

    wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 270/2011 tal-21 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Eġittu u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1099/2012 li jemendah,

    wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/137/PESK tat-28 ta' Frar 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2011/625/PESK u 2011/178/PESK li jemendawha, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 204/2011 tat-2 ta' Marzu 2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 965/2011 li jemendah, u r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 364/2013 u (UE) Nru 50/2013 li jimplimentaw l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 204/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja,

    wara li kkunsidra l-istrumenti ġuridiċi eżistenti tal-UE intiżi biex itejbu l-konfiska u l-irkupru tal-assi fil-qafas tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2001/500/ĠAI, 2003/577/ĠAI, 2005/212/ĠAI, 2006/783/ĠAI u 2007/845/ĠAI, kif ukoll il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Marzu 2012 dwar l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (COM(2012)0085),

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) tal-2005, b’mod partikolari l-Artikolu 43 tagħha dwar il-kooperazzjoni internazzjonali u l-Kapitolu V tagħha dwar l-irkupru tal-assi, li l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija huma partijiet kontraenti fiha u li ġiet approvata f’isem l-Unjoni Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/801/KE tal-25 ta' Settembru 2008,

    wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali (il-Konvenzjoni ta' Palermo) tas-sena 2000,

    wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 19/38 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-19 ta' April 2012 dwar l-impatt negattiv tan-nonripatrijazzjoni ta' fondi ta' oriġini illeċita lill-pajjiżi ta' oriġini fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, u l-importanza li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali,

    wara li kkunsidra l-inizjattiva tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tas-17 ta' Settembru 2007 dwar l-irkupru tal-assi misruqa,

    wara li kkunsidra l-Inizjattiva tal-Irkupru tal-Assi Misruqa (Stolen Asset Recovery, StAR), programm konġunt tal-Bank Dinji u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità,

    wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Irkupru tal-Assi tas-Sħubija tal-G8 ta' Deauville mal-Pajjiżi Għarab fi Tranżizzjoni tal-21 ta' Mejju 2012, li l-UE hija parti kontraenti fiha,

    wara li kkunsidra r-Rapport Finali tal-Forum Għarbi dwar l-Irkupru tal-Assi tat-13 ta' Settembru 2012,

    wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    A.

    billi, filwaqt li l-iffriżar tal-assi huwa kompetenza tal-UE, l-irkupru u r-ripatrijazzjoni tal-assi huma kompetenzi tal-Istati Membri u jeħtieġ li jsiru skont dispożizzjonijiet ġuridiċi nazzjonali; billi l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom rwol essenzjali biex jistimolaw u jiffaċilitaw dan il-proess;

    B.

    billi l-irkupru tal-assi mill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni huwa obbligu morali u kwistjoni politika eminenti fir-relazzjonijiet tal-UE mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħha; billi huwa wkoll kwistjoni ekonomika importanti għall-ġirien tan-Nofsinhar ikkonċernati, minħabba l-potenzjal li dawn l-assi, meta jintraddu u jintużaw b'mod trasparenti u effettiv, jikkontribwixxu għall-irkupru ekonomiku tagħhom; billi l-irkupru tal-assi jingħat messaġġ qawwi kontra l-impunità ta’ dawk involuti fil-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus,

    C.

    billi hemm qafas ġuridiku internazzjonali komprensiv li jirregola dan il-kamp, b’riferiment speċjali għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) tal-2003, li timponi obbligi ċari fuq l-Istati Kontraenti; billi l-Artikolu 51 tal-UNCAC jiddikjara r-ritorn tal-assi “huwa prinċipju fundamentali ta' din il-Konvenzjoni, u l-Istati Kontraenti għandhom jagħtu lil xulxin l-aktar kooperazzjoni u assistenza wiesgħa f'dan ir-rigward”;

    D.

    billi l-proċess ġudizzjarju għall-irkupru tal-assi huwa kumpless u jieħu fit-tul; billi r-rekwiżiti ġuridiċi tal-istati rikjesti ma jistgħux jiġu evitati u l-partijiet terzi leġittimi ma jistgħux jiċċaħħdu mid-drittijiet legali tagħhom f'dan il-proċess; billi n-nuqqas ta' għarfien legali espert adegwat u kapaċità istituzzjonali limitata fl-istati rikjedenti huma ostakoli addizzjonali għas-suċċess ta’ inizjattivi f'dan il-qasam; billi hemm nuqqas ta’ kooperazzjoni effiċjenti bejn stati rikjedenti u stati rikjesti;

    E.

    billi wara r-revoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija fl-Eġittu u fit-Tuneżija, l-UE minnufih iffriżat l-assi tad-dittaturi ta’ dari, tal-familji tagħhom u ta' bosta persuni oħrajn assoċjati mar-reġimi tagħhom; billi, fil-każ tal-Libja, kienet adottata deċiżjoni simili tal-UE, bi qbil mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-NU 1970 (2011);

    F.

    billi l-qafas leġiżlattiv il-ġdid adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2012 jippermetti li l-Istati Membri tal-UE jirrilaxxaw lill-awtoritajiet Eġizzjani u Tuneżini assi ffriżati abbażi ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji rikonoxxuti fi Stati Membri tal-UE u jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri tal-UE u l-awtoritajiet relevanti;

    G.

    billi sew it-Task Force UE-Eġittu kif ukoll dik UE-Tuneżija t-tnejn issottolinjaw l-importanza tar-ritorn ta’ assi miksuba b’mod illeċitu li għadhom iffriżati f’għadd ta’ pajjiżi terzi; billi t-Task Forces qablu li jiffinalizzaw pjan direzzjonali li jista’ jinkludi l-istabbiliment ta’ grupp għall-irkupru tal-assi kkoordinat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għal kull pajjiż;

    H.

    billi l-G8 qed jappoġġja pajjiżi fid-dinja Għarbija li għaddejjin minn tranżizzjoni lejn “soċjetajiet ħielsa, demokratiċi u tolleranti” permezz tas-Sħubija ta’ Deauville ta’ Mejju 2011; billi l-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu maħruġ fil-21 ta' Mejju 2012 jirrikonoxxi li, wara r-Rebbiegħa Għarbija, l-irkupru tal-assi sar qasam ta’ attenzjoni aktar urġenti fir-reġjun u fil-komunità internazzjonali;

    I.

    billi l-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija għamlu sforzi konsiderevoli biex jiżguraw li l-assi miżapproprjati misruqa mid-dittaturi ta’ dari u mir-reġimi tagħhom jiġu ripatrijati lil dawk il-pajjiżi, inkluż il-ħolqien ta' kummissjonijiet investigattivi nazzjonali speċifiċi bil-kompitu li jintraċċaw, jidentifikaw u jirkupraw dawn l-assi, u l-ftuħ ta' kawżi fil-qrati ta' Stati Membri tal-UE; billi bosta atturi internazzjonali ewlenin – inklużi l-UE, il-membri tal-G8 u l-Isvizzera – irrispondew b'mod pożittiv għal dawk l-isforzi; billi, madankollu, s'issa nkisbu biss ftit riżultati konkreti f'dan il-qasam; billi dan ikkawża frustrament li qed jitqawwa fost il-gvernijiet u sosċjetajiet ċivili tal-pajjiżi rikjedenti;

    J.

    billi l-komunikazzjoni għandha rwol ewlieni fl-isforzi ta' rkupru tal-assi sabiex tixtered l-aħjar prattika u jinħolqu inċentivi billi jiġu ppubbliċizzati l-istejjer ta' suċċess; billi dan jevita dikjarazzjonijiet żvijanti dwar il-kwantità ta' assi li għandhom jiġu rkuprati;

    K.

    billi l-irkupru tal-assi jista’ jitwettaq permezz ta’ mekkaniżmi ġudizzjarji bilaterali u b’kooperazzjoni multilaterali; billi operazzjonijiet tal-irkupru tal-assi għandhom jiġu varati sew fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali;

    L.

    billi f'April 2013 l-awtoritajiet Lebaniżi raddew lill-awtoritajiet Tuneżini qrib USD 30 miljun li kienu ġew depożitati b'mod illeċitu fil-kontijiet tal-bank tal-mexxej Tuneżin preċedenti;

    1.

    Jenfasizza li, apparti s-sinifikat ekonomiku tiegħu, ir-radd tal-assi miżapproprjati misruqa mid-dittaturi ta’ dari u mir-reġimi tagħhom lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fi tranżizzjoni huwa obbligu morali u ġuridiku u kwistjoni politika taħraq, minħabba dak li jimplika rigward ir-ristawr tal-ġustizzja u tar-responsabilità ta’ rendikont fl-ispirtu tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, kif ukoll rigward l-impenn politiku u l-kredibbiltà tal-UE, u għalhekk jikkostitwixxi dimensjoni ewlenija tas-sħubija tal-Unjoni mal-viċinat tan-Nofsinhar tagħha, speċjalment mal-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija;

    2.

    Jirrikonoxxi li, għall-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija, l-irkupru tal-assi misruqa għandu wkoll importanza ekonomika u soċjali, minħabba li jeħtieġu l-fondi għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomiji u l-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir f’dawk il-pajjiżi, li qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi ekonomiċi serji;

    3.

    Jinnota li, minkejja l-isforzi konsiderevoli magħmula mill-awtoritajiet Eġizzjani, Libjani u Tuneżini, u minkejja r-rieda politika qawwija tal-partijiet kollha, dawk involuti fl-irkupru tal-assi miżapproprjati ftit li xejn kellhom suċċess, l-iktar minħabba d-diversità u l-kumplessità tad-dispożizzjonijiet u proċeduri relevanti fis-sistemi ġuridiċi nazzjonali differenti, riġidità ġuridika, nuqqas ta' għarfien espert min-naħa tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija kkonċernati rigward proċeduri ġuridiċi, finanzjarji u amministrattivi f'ġurisdizzjonijiet Ewropej u oħrajn u n-nuqqas ta' riżorsi disponibbli għalihom;

    4.

    Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħmlu aktar sforzi sinifikanti bil-għan li jiffaċilitaw ir-radd lill-popli tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija ta’ assi miżapproprjati misruqa mir-reġimi preċedenti fi żmien raġonevoli; iħeġġeġ lill-Uffiċċji Nazzjonali għall-Irkupru tal-Assi fl-Istati Membri kollha biex jaħdmu flimkien mill-qrib u jiżviluppaw ir-relazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet relevanti fil-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija bil-għan li jgħinuhom fil-proċeduri ġuridiċi kumplessi involuti; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jieħu rwol proattiv ta' mexxej, l-aktar fil-koordinazzjoni tal-isforzi tal-Istati Membri, billi jipprovdi bini ta' kapaċità u jħeġġeġ il-kooperazzjoni fost l-istati kollha kkonċernati;

    5.

    Jenfasizza li l-irkupru tal-assi jifforma parti essenzjali mis-sostenn tal-Unjoni għal tranżizzjoni demokratika u għall-irkupru ekonomiku f'dawn il-pajjiżi u jista' jsaħħaħ il-fiduċja reċiproka fuq iż-żewġ naħat fi spirtu ta' sħubija mas-soċjetajiet, li hija element essenzjali tal-Politika Ewropea għall-Viċinat riveduta;

    6.

    Jilqa’, f'dan il-kuntest, l-inizjattiva tal-Kanada, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit, il-Ġappun, l-Isvizzera u l-Istati Uniti tal-Amerika li joħorġu gwida li fiha deskrizzjoni komprensiva tas-sistemi ġuridiċi nazzjonali tagħhom rigward l-irkupru tal-assi, biex il-pajjiżi rikjedenti jkunu jistgħu jifhmu aħjar x’inhuwa ġuridikament possibbli, it-tip ta’ informazzjoni disponibbli, it-tipi ta’ investigazzjoni li jistgħu jsiru, u kif għandhom jimxu biex jiksbu rkupru effettiv tal-assi permezz tal-għoti ta' assistenza ġuridika reċiproka; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jagħmlu l-istess u jistabbilixxu sett komuni ta' prinċipji tal-UE;

    7.

    Jilqa’ l-inizjattiva tal-G8 tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Sħubija ta' Deauville dwar l-Irkupru tal-Assi, li jidentifika miżuri konkreti għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni, l-assistenza fil-każijiet, l-isforzi tal-bini tal-kapaċità u l-għajnuna teknika, u jissuġġerixxi inizjattiva reġjonali kollaborattiva, il-Forum Għarbi dwar l-Irkupru tal-Assi, għal diskussjoni u kooperazzjoni fi sforzi kontinwi;

    8.

    Jilqa' l-qafas leġiżlattiv il-ġdid adottat mill-Kunsill fis-26 ta' Novembru 2012, li jiffaċilita r-ritorn ta' fondi miżapproprjati lill-Eġittu u t-Tuneżija billi jawtorizza lill-Istati Membri li jirrilaxxaw l-assi ffriżati abbażi ta' deċiżjonijiet ġudizzjarji rikonoxxuti u billi jħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet relevanti mill-Istati Membri minn naħa u l-Eġittu u t-Tuneżija mill-oħra; jenfasizza, madankollu, il-bżonn li jinkisbu riżultati konkreti u li l-Libja tkun inkluża bis-sħiħ f'dan il-proċess;

    9.

    Jilqa' l-kooperazzjoni stretta bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u atturi ewlenin internazzjonali oħrajn fl-irkupru tal-assi min-naħa tal-Eġittu, il-Libja u t-Tuneżija, b'attenzjoni speċjali għall-Inizjattiva għall-Irkupru tal-Assi Misruqa (StAR) tal-Bank Dinji u tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità; jenfasizza l-importanza li jsir użu sħiħ tal-mekkaniżmi attwali, kemm fil-livell nazzjonali kemm f'dak internazzjonali, flimkien mal-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida meħtieġa u l-aġġustament tal-leġiżlazzjoni eżistenti fi ħdan is-sistemi ġurdiċi f'dan il-qasam;

    10.

    Jistieden lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran biex tqajjem il-kwistjoni mal-parlamenti nazzjonali, b’tali mod li d-deputati miż-żewġt ixtut ikunu jistgħu jiġu persważi jippromwovu miżuri ġuridiċi b’mod attiv ħalli jiżguraw kooperazzjoni aktar stretta bejn l-awtoritajiet tal-pulizija u ġudizzjarji involuti;

    11.

    Jitlob li, mingħajr dewmien, jinħoloq mekkaniżmu tal-UE magħmul minn tim ta' investigaturi, prosekuturi, avukati u esperti oħrajn nazzjonali u internazzjonali, bil-għan li jagħti konsulenza u assistenza ġurdika u teknika lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-proċess tal-irkupru tal-assi; jitlob li dan il-mekkaniżmu jiġi ffinanzjat debitament mill-istrument finanzjarju relevanti fi ħdan il-qasam tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jenfasizza, fil-kuntest ta' proċeduri ġudizzjarji kumplessi, sensittivi u li jieħdu fit-tul, l-importanza li dan il-mekkaniżmu tal-UE jkun sostenibbli; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jisiltu t-tagħlimiet minn din l-esperjenza, u jibnu fuqha; jinnota wkoll il-possibilità ta' finanzjament addizzjonali għal dan il-mekkaniżmu, fi stadju ulterjuri, permezz ta' ftehimiet ta' kofinanzjament mal-istati rikjedenti;

    12.

    Iħeġġeġ lil-Lega Għarbija biex tiddefinixxi, tadotta u timplimenta bil-ħeffa mekkaniżmi ta' kooperazzjoni dwar l-irkupru tal-assi, u jistieden partikolarment lill-pajjiżi tal-Golf biex isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom u joffru l-assistenza ġuridika tagħhom lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija huma u jindirizzaw il-proċess tal-irkupru tal-assi;

    13.

    Jirrikonoxxi u jappoġġja bis-sħiħ il-kontribut tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kemm fil-pajjiżi rikjedenti u kemm f'dawk rikjesti, għall-proċess tal-irkupru tal-assi, b'mod partikolari billi jipprovdu informazzjoni lill-awtoritajiet relevanti, iħeġġu l-kooperazzjoni fost l-atturi nazzjonali u internazzjonali ewlenin, jimmonitorjaw ir-ritorn tal-assi u jiżguraw li l-assi ritornati jintużaw b'mod trasparenti u effikaċi fl-istati rikjedenti;

    14.

    Itenni l-impenn tiegħu li jappoġġja tranżizzjoni demokratika tal-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija u jwiegħed li jappoġġja u jassisti lill-pajjiżi tar-Rebbiegħa Għarbija fil-ħolqien ta' demokraziji b'saħħithom u stabbli li fihom ikunu rrispettati l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inklużi –drittijiet tan-nisa u l-liberta tal-espressjoni, u fejn l-elezzjonijiet isiru skont standards internazzjonali; jenfasizza li huwa tal-akbar importanza li l-UE turi l-impenn konkret u ġenwin tagħha favur dan il-proċess;

    15.

    Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà/Viċi President tal-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Parlament u lill-Gvern tal-Isvizzera, lill-Kungress u lill-President tal-Istati Uniti tal-Amerika, lill-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Eġittu, tal-Libja u tat-Tuneżija.


    (1)  Testi adottati, P7_TA(2013)0095.

    (2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0201.


    Top