EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0223

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2013 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien (2013/2611(RSP))

ĠU C 55, 12.2.2016, p. 84–89 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 55/84


P7_TA(2013)0223

Is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Mejju 2013 dwar is-sitwazzjoni tar-refuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien (2013/2611(RSP))

(2016/C 055/12)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, partikolarment dawk tas-16 ta' Frar 2012 (1) u tat-13 ta' Settembru 2012 (2), u dwar ir-rifuġjati li jaħarbu l-kunflitt armat,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar is-Sirja tat-23 ta’ Marzu, tat-23 ta’ April, tal-14 ta’ Mejju, tal-25 ta' Ġunju, tat-23 ta' Lulju, tal-15 ta' Ottubru, tad-19 ta' Novembru u tal-10 ta' Diċembru 2012, kif ukoll tat-23 ta' Jannar, tat-18 ta' Frar, tal-11 ta' Marzu u tat-22 ta' April 2013; wara li kkunsidra l-Kunsill tal-Ġustizzja u l-Intern ta' Ottubru 2012, li appoġġja t-twaqqif ta' programm ta' protezzjoni reġjonali mill-Kummissjoni; wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tat-2 ta' Marzu, tad-29 ta' Ġunju u tal-14 ta' Diċembru 2012 u tat-8 ta' Frar 2013,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Catherine Ashton, dwar ir-rifuġjati Sirjani, b'mod partikolari r-rimarki tagħha matul is-seduta plenarja tat-13 ta' Marzu 2013 fi Strasburgu u d-dikjarazzjoni tagħha tat-8 ta' Mejju 2013; wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżi, Kristalina Georgieva, dwar ir-rifuġjati Sirjani u r-rispons tal-UE, b'mod partikolari d-dikjarazzjoni tagħha tat-12 ta' Mejju 2013, u r-rapporti dwar is-sitwazzjoni u l-karti dwar il-fatti tal-ECHO (Għajnuna Umanitarja u Protezzjoni Ċivili) dwar is-Sirja,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 2059 tal-20 ta’ Lulju 2012, 2043 tal-21 ta’ April 2012 u 2042 tal-14 ta’ April 2012, kif ukoll ir-rapport aġġornat tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU tal-11 ta' Marzu 2013; wara li kkunsidra l-informazzjoni tal-Kunsill ta' Sigurtà dwar is-Sirja mis-Sotto Segretarju Ġenerali għall-Affarijiet Umanitarji u Koordinatur tas-Sokkors ta' Emerġenza Valerie Amos, b'mod partikolari dik tat-18 ta' April 2013,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u r-rimarki magħmula mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati, António Guterres, lill-Kunsill ta' Sigurtà, b'mod partikolari dwak tat-18 ta' April 2013; wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet dwar ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja tal-Kunsill dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' diċembru 2011 u tat-22 ta' Marzu 2013,

wara li kkunsidra l-laqgħa ta’ Marrakexx tal-Grupp ta' Ħbieb il-Poplu Sirjan u l-konferenza internazzjonali li saret f'Pariġi fit-28 ta' Jannar 2013,

wara li kkunsidra l-iktar Pjan ta' Rispons Reġjonali għas-Sirja (RRP) reċenti għall-perjodu minn Jannar sa Ġunju 2013, u l-RRPs kollha maħruġa mill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati sa mill-ewwel wieħed f'Marzu 2012,

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Rispons dwar l-Għajnuna Umanitarja lis-Sirja (SHARP) tad-19 ta' Diċembru 2012, imħejji mill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, f'koordinazzjoni mas-Sistema tan-NU,

wara li kkunsidra l-Forum Umanitarju Sirjan (Syrian Humanitarian Forum, SHF) li twaqqaf fir-rebbiegħa tal-2012, u l-aktar laqgħa reċenti tiegħu li saret fid-19 ta' Frar 2013,

wara li kkunsidra l-Bullettini Umanitarji dwar is-Sirja maħruġa mill-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar is-Sirja, b'mod partikolari r-Riżoluzzjoni 46/182 dwar “It-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-għajnuna umanitarja ta' emerġenza tan-Nazzjonijiet Uniti” u l-Prinċipji ta' Gwida annessi magħhom, u r-Riżoluzzjoni 67/183 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sirja,

wara li kkunsidra r-rapport fil-qosor tal-Konferenza Internazzjonali fuq Livell Għoli ta’ Impenji għas-Sirja, li saret fil-Kuwait fit-30 ta' Jannar 2013,

wara li kkunsidra l-Komunikat Finali tal-Grupp ta' Azzjoni għas-Sirja (“il-Komunikat ta' Ġinevra”) tat-30 ta' Ġunju 2012,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u l-Protokolli Anċillari tagħhom,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tagħha dwar l-Involviment tat-Tfal f'Kunflitti Armati, u l-Konvenzjoni dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tad-Delitt ta' Ġenoċidju, li s-Sirja hija firmatarja tagħhom,

wara li kkunsidra l-Artikolu 110(2) u l-Artikolu 110(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi sas-16 ta' Mejju 2013 l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR) kien irreġistra total ta' 1 523 626 rifuġjat Sirjan fil-pajjiżi ġirien u fl-Afrika ta' Fuq; billi huwa maħsub li n-numru totali ta' rifuġjati, inklużi dawn li mhumiex reġistrati, huwa ferm ogħla; billi skont l-UNHCR, hemm 7 miljun Sirjan li jiddependu mill-għajnuna, inkluż 3,1 miljun tifel u tifla, u n-numru ta' persuni spustjati internament (IDPs) fis-6 ta' Mejju 2013 kien ta' 4,25 miljun; billi skont l-istess sorsi, in-numru ta' rifuġjati (inklużi dawk li qed jistennew biex jiġu reġistrati) preżenti fil-pajjiżi riċevituri fis-16 ta' Mejju 2013 kien kif ġej: Turkija, 347 815; Libanu, 474 461; Ġordan, 474 405; Iraq, 148 028; Eġittu, 68 865; Marokk, Alġerija u Libja, 10 052 (reġistrati); billi eluf ta' Sirjani qed jaħarbu ta' kuljum lejn pajjiżi ġirien u l-UNHCR qed tipproġetta li se jkun hemm total ta' 3,5 miljun rifuġjat mis-Sirja sa tmiem l-2013;

B.

billi l-għadd ta’ rifuġjati Sirjani u l-persuni fi bżonn qed jikber drammatikament hekk kif is-sitwazzjoni politika u umanitarja teħżien ma’ kull jum li jkompli l-kunflitt armat; billi mhux biss persuni ċivili, imma wkoll bosta individwi li dari kienu mexxejja politiċi u militari tar-reġim, kif ukoll ambaxxaturi, telqu r-reġim u ħarbu f’pajjiżi ġirien u lilhinn minnhom; billi l-kunflitt armat fis-Sirja huwa theddida kbira għas-sigurtà u l-istabilità fraġli tar-reġjun kollu kemm hu; billi l-periklu li l-effetti sekondarji tal-kunflitt armat minn inċidentali jista' jsir strutturali; billi l-UE u l-komunità internazzjonali ma jistgħux jiffaċċjaw katastrofi addizzjonali; billi diżatru politiku, ta' sigurtà u umanitarju pan-reġjonali jista' jmur oltra l-kapaċità internazzjonali ta' rispons;

C.

billi eluf minn dawk li ħarbu mis-Sirja ddiżertaw mill-forzi armati biex ma jkollhomx iwettqu delitti tal-gwerra jew delitti kontra l-umanità, jew inkella qed jaħarbu mis-servizz militari għal raġunijiet simili;

D.

billi f'Mejju 2-13 in-NU qieset li mill-inqas 80 000 persuna, l-iktar ċivili, kienu mietu minħabba l-vjolenza fis-Sirja;

E.

billi l-qirda ta' infrastruttura essenzjali – inklużi skejjel u sptarijiet, l-iżvalutar tal-munita, iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel, tal-fjuwil u l-qtugħ tad-dawl u n-nuqqas ta' ilma, ikel u mediċini – kellhom impatt fuq il-maġġoranza tas-Sirjani; billi l-aċċess fiżiku għal persuni fi bżonn ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja għadu ferm ristrett u jiddependi mill-kooperazzjoni tal-gvern ta' Assad;

F.

billi l-aġenziji tan-NU irrappurtaw progress fl-organizzazzjoni ta' konvojs ta' għajnuna minn bosta aġenziji, li jaqbżu l-linji tal-kunflitt lejn żoni kontrollati jew ikkontestati mill-gvern jew mill-oppożizzjoni; billi l-ostakli burokratiċi u l-punti ta' verifika madwar il-pajjiż (kemm ikkontrollati mill-gvern kif ukoll mill-oppożizzjoni) qed jostakolaw rispons umanitarju effettiv fiż-żoni kollha tas-Sirja;

G.

billi r-reġistrazzjoni għadha l-mekkaniżmu ewlieni li permezz tiegħu jiġu identifikati, protetti u megħjuna persuni ta' tħassib, partikolarment nies li għadhom kemm waslu bi bżonnijiet speċjali, inklużi persuni b'diżabilità, anzjani, minorenni mhux akkumpanjati u tfal separati minn familthom, sabiex tiġi pprovduta għajnuna prijoritizzata;

H.

bili l-pajjiżi ospitanti żammew politika ta’ bibien miftuħa tul il-kunflitt armat, imma għażlu metodi ta’ lqugħ differenti; billi l-abbiltà u l-kapaċità tagħhom li jassorbu u jagħtu kenn lix-xmara dejjem tikber ta’ rifuġjati qed jaslu għal-limiti tagħhom, hekk kif hemm it-tendenza li l-“inċidenti” jseħħu regolarment tul il-fruntieri; billi l-Libanu għażel politika ta’ “xejn kampijiet” u r-rifuġjati fil-parti l-kbira assorbiehom f’komunitajiet lokali; billi madwar tliet kwarti tar-rifuġjati Sirjani fil-pajjiżi ġirien qed jgħixu barra kampijiet f'postijiet urbani; billi madwar 350 000 Sirjan qed jgħixu fi 23 kamp tar-rifuġjati fit-Turkija, il-Ġordan u l-Iraq;

I.

billi l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna bħalissa qed iwieġbu għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati Sirjani fil-Ġordan, il-Libanu u l-Iraq, billi jiffukaw primarjament fuq in-nisa u t-tfal bi bżonnijiet speċjali, iżda spiss mhumiex meqjuda biżżejjed f'komunitajiet urbani tar-rifuġjati; billi t-tqassim rurali tal-popolazzjoni tar-rifuġjati titlob programm kumpless ta' reġistrazzjoni urbana;

J.

billi l-pajjiżi li qed jirċievu r-rifuġjati qed jiffaċċjaw sfidi domestiċi tremendi, inkluża instabbiltà ekonomika, inflazzjoni u qgħad, bil-Libanu u l-Ġordan ikunu partikolarment vulnerabbli;

K.

billi qed issir problema dejjem tikber li r-rifuġjati Sirjani ma jifilħux iħallsu kera, hekk kif l-ammont ta' nies u l-kompetizzjoni għar-rifuġju jiżdiedu u jiżdiedu b'hekk il-prezzijiet; billi r-rifuġjati qed jiffaċċjaw diverġenzi sinifikanti fid-dħul finanzjarju, opportunitajiet limitati ta' xogħol, tmiem il-flejjes imfaddla u livelli dejjem ogħla ta' dejn; billi l-kompetizzjoni għall-impjiegi u l-prezzijiet dejjem ogħla tal-ikel huma fatturi li qed jippeġġoraw it-tensjonijiet bejn il-popolazzjonijiet lokali u dawk tar-rifuġjati, partikolarment fil-Libanu u fil-Ġordan, li bejniethom qed jospitaw 'il fuq minn miljun rifuġjat;

L.

billi l-isforzi kontinwi biex jiżdied l-appoġġ għall-komunitajiet ospitanti huwa meħtieġ sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu iżommu l-fruntiera tagħhom miftuħa, jgħinu lir-rifuġjati u jipprovdu l-infrastruttura meħtieġa, u biex jonqsu t-tensjonijiet u jonqos il-piż fuq dawn il-komunitajiet;

M.

billi r-restrizzjonijiet ta' finanzjament għadhom qed jimpedixxu l-provvista f'waqtha u effiċjenti ta' għajnuna umanitarja bażika; billi x-SHARP tirrikjedi USD 563 miljun f'finanzjamenti biex tindirizza l-bżonnijiet tal-persuni fis-Sirja; billi fis-6 t' Mejju 2013, kien biss 61 % tal-pjan ta' rispons li ġie iffinanzjat;

N.

billi l-Pjan ta' Rispons Reġjonali tan-NU (RRP 4) ġie rivedut għall-perjodu sa Diċembru 2013; billi n-NU se tniedi appell ġdid għal finanzjament fis-7 ta' Ġunju 2013, li se jirrifletti n-numru dejjem jikber ta' rifuġjati li jaħarbu mis-Sirja, u l-bżonnijiet kontinwi tagħhom, kif ukoll jinkludi appoġġ ikbar għall-gvernijiet u l-komunitajiet ospitanti, u huwa probabbli li dan jammonta għal USD 3 biljuni;

O.

billi r-rapporti tal-organizzazzjonijiet ta' għajnuna jgħidu li s'issa ġew ipprovduti biss bejn 30 % u 40 % tal-fondi totali imwiegħda mill-komunità internazzjonali;

P.

billi l-livell ta' għajnuna umanitarja jinsab f'periklu li jsir insostenibbli; billi l-protagonisti umanitarji kollha involuti jeħtieġu livelli ta' appoġġ finanzjarju sproporzjonati bil-baġits umanitarji stabbiliti tad-donaturi tradizzjonali; billi għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmi straordinarji ta' finanzjament sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet bażiċi dovuti għall-kriżi Sirjana;

Q.

billi l-UE hija l-akbar donatur; billi fit-22 ta' April 2013, l-ammont total ta' għajnuna umanitarja impenjat mill-UE bħala rispons għall-kriżi Sirjana kien kważi €473 miljun, inklużi €200 miljun mill-UE nnifisha u kważi €273 miljun mill-Istati Membri; billi fit-12 ta' Mejju 2013, il-Kummissjoni ħabbret iffinanzjar addizzjonali ta' €65 miljun;

R.

billi madwar 400 000 rifuġjat Palestinjan ġew affettwati fis-Sirja; billi l-Palestinjani fil-parti l-kbira baqgħu newtrali fil-kunflitt; billi kważi 50 000 Palestinjan ġew irreġistrati mill-Aġenzija ta' Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libanu, u kważi 5 000 fil-Ġordan; billi l-Ġordan għalaq il-fruntiera tiegħu għal Palestinjani li qed jaħarbu l-kunflitt fis-Sirja, u billi dawn fil-parti l-kbira ma jitħallewx jaħdmu fil-Libanu; billi r-rifuġjati Iraqini, Afgani, Somali u Sudaniżi fis-Sirja wkoll qed jiffaċċjaw spustament mill-ġdid;

S.

billi s-sikurezza u s-sigurtà fil-Kamp ta' Zaatari fil-Ġordan iddeġeneraw, u hemm serq u nirien; billi Zaatari saret ir-raba' l-ikbar belt fil-Ġordan, b'iktar minn 170 000 persuna; billi l-ġlied u l-protesti vjolenti fil-kampijiet tar-rifuġjati huma motivati mill-kundizzjonijiet ħżiena ta' għajxien u mid-dewmien fil-wasla tal-għajnuna; billi n-nuqqas ġenerali ta' sigurtà għadha qed tipperikola l-ħajjiet fil-kampijiet, u taffettwa lill-ħaddiema umanitarji; billi l-ħaddiema umanitarji ġew attakkati, imqiegħda fi sptarijiet u saħansitra maqtula matul it-tqassim ta' għajnuna, u billi kien hemm każijiet ta' swat lill-ġurnalisti;

T.

billi, skont organizzazzjonijiet internazzjonali, in-nisa u l-bniet fil-kampjiet tar-rifuġjati dejjem aktar qed jisfaw vittmi ta’ vjolenza sesswali, bl-istupru jintuża bħala arma tal-gwerra; billi m’hemm l-ebda soluzzjoni vijabbli għar-rifuġjati Sirjani li jkunu sfaw vittmi tal-vjolenza sesswali; billi numru sproporzjonat ta' tfajliet u nisa fil-kampijiet tar-rifuġjati qed jiżżewġu; billi, skont bosta sorsi, fil-kampijiet tar-rifuġjati Sirjani qed iseħħu “żwiġijiet tal-pjaċir” temporanji Mutah;

U.

billi f'Marzu 2013, in-NU nediet investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet tal-użu possibbli ta' armi kimiċi fis-Sirja; billi dawn l-allegazzjonijiet setgħu kkontribwixxew għall-ispustjar tal-massa tal-persuni; billi r-reġim Sirjan irrifjuta li jippermetti lit-tim investigattiv tan-NU milli jidħol fil-pajjiż;

1.

Jesprimi tħassib serju fir-rigward tal-kriżi umanitarja li għadha għaddejja fis-Sirja, u xi jfisser dan għall-ġirien tagħha; jesprimi tħassib li l-esodu ta' rifuġjati mis-Sirja qed jibqa' jiżdied; ifakkar li l-gvern ta' Assad huwa r-responsabbli ewlieni mill-kura tal-benessri tal-popolu tiegħu;

2.

Jerġa' jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-brutalità u l-atroċitajiet imwettqa mir-reġim Sirjan kontra l-popolazzjoni tiegħu; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-gravità tal-ksur mifrux u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem u d-delitti possibbli kontra l-umanità awtorizzati u/jew imwettqa mill-awtoritajiet Sirjani, l-armata Sirjana, il-forzi tas-sigurtà u l-milizji affiljati; jikkundanna l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji sommarji u kull forma oħra ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn gruppi u forzi li jopponu r-reġim tal-President Assad; itenni l-appell tiegħu lill-President Bashar al-Assad u lir-reġim tiegħu biex jirriżenjaw minnufih, sabiex jippermettu li fil-pajjiż isseħħ tranżizzjoni demokratika, paċifika u inklużiva mmexxija mis-Sirjani;

3.

Jistieden lill-atturi armati kollha biex itemmu minnufih il-vjolenza fis-Sirja; jenfasizza għal darb’ oħra li d-dritt internazzjonali umanitarju, li l-għan ewlieni tiegħu huwa li jipproteġi lin-nies ċivili, jeħtieġ li jkun irrispettat mill-atturi kollha fil-kriżi; jissottolinja li dawk responsabbli għall-ksur mifrux, sistemiku u gravi tad-drittijiet tal-bniedem li twettaq fis-Sirja matul dawn l-aħħar 24 xahar jeħtieġ li jwieġbu ta’ għemilhom u jinġiebu quddiem il-qrati; f'dan il-kuntest, jappoġġja bis-sħiħ l-appelli li għamlet il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferita quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

4.

Iwassal il-kondoljanzi tiegħu mal-familji tal-vittmi; ifaħħar il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-poplu Sirjan u jtenni s-solidarjetà tiegħu miegħu għall-ġlieda tiegħu għal-libertà, id-dinjità u d-demokrazija;

5.

Jemmen li l-muftieħ għas-soluzzjoni tal-kunflitt jinsab f’mekkaniżmi politiċi li jiffaċilitaw proċessi politiċi mmexxija mis-Sirjani li jippromwovu soluzzjoni politika veloċi, kredibbli u effikaċi flimkien ma' dawk li ġenwinament huma kommessi b’mod ġenwin favur it-tranżizzjoni, filwaqt li jiġi żgurat rispett sħiħ tal-valuri universali tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, f'attenzjoni partikolari lid-drittijiet tal-minoranzi etniċi, kulturali u reliġjużi u tan-nisa; Jerġa’ jsostni li hija prijorita li l-lat umanitarju jinżamm separat minn dak politiku, ħalli l-aċċess għan-nies fil-bżonn jiġi ffaċilitat; jitlob li l-UE u s-SEAE jiżviluppaw pjan direzzjonali għall-governanza politika fiż-żoni meħlusa, inkluża l-possibbiltà tat-tneħħija tas-sanzjonijiet;

6.

Jirrimarka li d-diżerturi mis-Sirja lkoll huma intitolati jirċievu aktar protezzjoni, minħabba li huma fir-riskju għal raġunijiet għajr dawk imniżżla fil-paragrafu 26 tal-linji gwida tal-UNHCR, jiġifieri kastigi “eċċessivi jew sproporzjonatament ħarxa”, li possibbilment jammontaw għal tortura jew trattament inuman jew degradanti, jew saħansitra għal eżekuzzjoni arbitrarja;

7.

jistieden lill-membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU KSNU), b'mod partikolari lir-Russja u ċ-Ċina, biex jonoraw ir-responsabbiltà tagħhom biex jintemmu l-vjolenza u r-ripressjoni kontra l-poplu Sirjan, inkluż bl-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-KSNU bbażata fuq l-istqarrija għall-istampa tal-KSNU tat-18 ta' April 2013, u biex joħroġ mandat għall-provvisti tal-għajnuna umanitarja fiż-żoni kollha tas-Sirja; jistieden lill-VP/RGħ tagħmel ħilitha biex tiżgura l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni tal-KSNU, li teżerċita pressjoni diplomatika effikaċi kemm fuq ir-Russja kif ukoll fuq iċ-Ċina; jistieden lill-UE biex tkompli tesplora fil-KSNU l-possibilitajiet kollha fil-qafas tar-Responsabilità għall-Protezzjoni (R2P), f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Uniti, it-Turkija u l-Lega tal-Istati Għarab sabiex jgħinu lill-poplu Sirjan u jwaqqfu t-tixrid tad-demm; jappoġġja bil-qawwa l-ħidma tal-Kummissjoni ta’ Inkjesta Indipendenti dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja u jilqa’ r-rapport aġġornat;

8.

Jappoġġja s-sejħa konġunta magħmula mis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov biex iniedu, kemm jista' jkun malajr, konferenza tal-paċi internazzjonali dwar is-Sirja bħala segwitu għall-Konferenza ta' Ġinevra ta' Ġunju 2912;

9.

Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu dwar militarizzazzjoni ulterjuri tal-kunflitt u l-vjolenza settarja; jinnota r-rwol ta' atturi reġjonali differenti, inkluż il-forniment ta' armi, u huwa preokkupat dwar l-effetti sekondarji tal-kunflitt Sirjan fil-pajjiżi tal-viċinat f'termini ta' kriżi umanitarja, sigurtà u stabilità; jikkundanna bis-saħħa l-attakki bil-karozzi bomba tal-11 ta' Mejju 2013, li qatlu u darrbu għexieren ta' persuni viċin il-bażi ta' rifuġjati Sirjani fil-belt ta' Reyhanli, fil-provinċja ta' Hatay fix-Xlokk tat-Turkija, kif ukoll każijiet ta' bumbardamenti u sparar mill-forzi armati Sirjani fil-pajjiżi ġirien; jappoġġja l-kundanna espressa mill-VP/RGħ għal kull tip ta’ attakk terroristiku;

10.

Jenfasizza li l-UE għandha responsabilità partikolari għall-istabilità u s-sigurtà fil-viċinat tagħha u jitlob lill-VP/RGħ u lill-Kummissarju għat-Tkabbir u l-Politika Ewropea tal-Viċinat biex jiżguraw li l-Ue jkollha rwol minn ta' quddiem fil-prevenzjoni tal-kunflitt armat fis-Sirja, biex dan ma jimxix lejn il-pajjiżi ġirien tagħha;

11.

Jagħti ġieħ lill-komunitajiet ospitanti u lill-pajjiżi ġirien tas-Sirja, b’mod partikolari lill-Ġordan, il-Libanu, it-Turkija u l-Iraq, għas-soluzzjonijiet inġenjużi li sabu biex jipprovdu kenn u għajnuna umanitarja għall-familji li ħarbu mill-kunflitt armat fis-Sirja, imma huwa mħasseb serjament dwar il-fatt li dawk il-pajjiżi qed joqorbu lejn saturazzjoni perikoluża minħabba l-influss ta' rifuġjati Sirjani, li jista' jwassal għal instabilità reġjonali mingħajr preċedenti;

12.

Jappoġġja u jilqa' l-kontribut konsiderevoli magħmul mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-programmi internazzjonali ta' għajnuna umanitarja, u t-tmexxija politika murija mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali, l-Għajnuna Umanitarja u r-Rispons għall-Kriżi; jilqa' d-diversifikazzjoni mill-Kummissjoni tas-sħab umanitarji fis-Sirja sabiex tipprovdi għajnuna aktar effiċjenti u mifruxa, partikolarment fir-reġjuni barra l-kontroll tal-gvern; jitlob lill-atturi tal-UE u lill-Istati Membri jikkoordinaw b'mod imtejjeb l-azzjonijiet u l-assistenza tagħhom ġewwa u barra s-Sirja;

13.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta pakkett komprensiv ta' għajnuna, li jservi ta' eżempju għal donaturi ewlenin oħra, biex tiġi indirizzata l-kriżi umanitarja fis-Sirja u fil-pajjiżi ġirien tagħha, abbażi ta' tliet pilastri; (i) żieda fl-għajnuna umanitarja (permezz tal-ECHO), (ii) appoġġ b'għajnuna lill-pajjiżi ospitanti biex dawn isaħħu l-komunitajiet lokali u jżidu l-kapaċità u l-infrastruttura (permezz ta' DEVCO) u (iii) l-introduzzjoni veloċi ta' pakketti ta' għajnuna makrofinanzjarja għal-Libanu u l-Ġordan;

14.

Jissottolinja l-importanza li l-fruntieri internazzjonali jinżammu miftuħa, u jħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tkun ġeneruża fis-sostenn tagħha għal-Libanu u l-Ġordan huma u jimmaniġġjaw il-fluss dejjem jikbar ta’ rifuġjati; iħeġġeġ lil-gvernijiet reġjonali ospitanti kollha u lil protagonisti oħra biex jirrispetta l-prinċipji tan-non-refoulement u tat-trattament ugwali tar-rifuġjati;

15.

Jitlob li l-Ue tieħu miżuri adegwati u responsabbli fir-rigward tal-influss possibbli ta' rifuġjati lejn l-Istati Membri tagħha;

16.

Jistieden lill-Istati Membri biex b'mod immedjat itemmu l-użu rapportat tagħhom ta' perjodi ta' detenzjoni estiżi u l-prattika tar-refoulement, li jmorru direttament kontra d-dritt internazzjonali u dak tal-UE;

17.

Jappella biex dawk kollha fil-bżonn fis-Sirja, speċjalment il-feruti, ir-refuġjati, il-persuni spustati internament, in-nisa u t-tfal, jingħataw assistenza umanitarja immedjata; ifaħħar l-isforzi tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tal-UNRWA f'dan ir-rigward; jesiġi li l-gvern ta' Assad jippermetti lill-organizzazzjonijet umanitarji jkollhom aċċess sħiħ għall-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kooperazzjoni fost l-atturi diversi li joperaw fil-post, bħalma huma l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-NGOs, inkluża l-kooperazzjoni fil-fruntiera; iqis li protokolli ta’ assistenza u monitoraġġ fil-fruntiera jħallu valur miżjud;

18.

Jistieden lill-UE biex tappoġġja t-twaqqif ta' postijiet ta' kenn mal-fruntiera tat-Turkija u s-Sirja, u possibilment fis-Sirja, kif ukoll biex jinħolqu kurituri umanitarji mill-komunità internazzjonali;

19.

Jilqa' l-operazzjoni enormi ta' għajnuna umanitarja, li għaliha qed jikkontribwixxu organizzazzjonijiet internazzjonali u lokali taħt l-awspiċi tal-OCHA u tal-UNHCR, u jfaħħar lill-ħaddiema kollha tal-għajnuna umanitarja u tal-kura tas-saħħa, internazzjonali u lokali, għall-kuraġġ u d-determinazzjoni tagħhom; jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex iqawwu l-protezzjoni tan-nies ċivili, inklużi l-ħaddiema umanitarji u l-persunal mediku; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex issib soluzzjoni għan-nuqqas kontinwu ta’ sigurtà u għall-problemi legali u ta’ ordni pubbliku fil-kampjiet tar-rifuġjati, fost l-oħrajn billi tistabbilixxi inizjattiva ta’ sigurtà ġdida fil-kampijiet; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt biex jirrispettaw id-dritt internazzjonali umanitarju u jiffaċilitaw l-aċċess umanitarju biex il-ħaddiema umanitarji ġewwa u barra l-pajjiż ikunu jistgħu jaqdu l-ħtiġijiet li qed jikbru;

20.

Jitlob lill-pajjiżi kollha, u b'mod partikolari lill-Istati Membri tal-UE, biex jissodisfaw mill-iktar fis il-wegħdiet li għamlu matul il-konferenza ta' donaturi fil-Kuwait tat-30 ta' Jannar 2013; jitlob lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ responsabbiltà ħalli jiżguraw li l-fondi impenjati jaslu realment f’idejn dawk li għalihom ikunu intiżi;

21.

Jiddenunċja l-prassi ta' vjolenza sesswali fil-kunflitt armat fis-Sirja, li tintuża wkoll bħala arma tal-gwerra u b'hekk tikkostitwixxi reat tal-gwerra, iħeġġeġ lill-UE u lill-komunità internazzjonali biex jallokaw riżorsi speċifiċi biex tintemm il-vjolenza sesswali, u jitlob lill-komunitajiet ospitanti biex jipprovdu trattament mediku adattat lil dawk li sfaw vittmi ta' vjolenza sesswali;

22.

Jitlob lid-donaturi, fid-dawl tal-ħtiġijiet dejjem jikbru tal-popolazzjoni ta’rifuġjati Palestinjani fis-Sirja u f’pajjiżi ġirien, biex jiffinanzjaw lill-UNRWA b'mod adegwat, u jitlob lill-UNRWA biex tappoġġja b'mod ġeneruż l-isforzi kontinwi ħalli ssaħħaħ ir-reżiljenza ta' dawk ir-rifuġjati u timminimizzalhom it-tbatija u l-ispostament;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.


(1)  Testi adottati, P7_TA(2012)0057.

(2)  Testi adottati, P7_TA(2012)0351.


Top