EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IP0091

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali (2012/2066(INI))

ĠU C 36, 29.1.2016, p. 85–91 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.1.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 36/85


P7_TA(2013)0091

Il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-protezzjoni tas-saħħa pubblika mill-interferenti endokrinali (2012/2066(INI))

(2016/C 036/14)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (1) (“ir-Regolament REACH”),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (2),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (3),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (4),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (5) ('id-WFD'),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (6),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (7),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2000/60/KE u 2008/105/KE rigward sustanzi ta’ prijorità fil-qasam tal-politika dwar l-ilma,

wara li kkunsidra l-qafas kunċettwali tal-OECD għall-ittestjar u l-valutazzjoni tal-interferenti endokrinali,

wara li kkunsidra l-abbozz tad-dokument ta’ gwida dwar linji gwida standardizzati għat-test tal-evalwazzjoni ta’ sustanzi kimiċi għall-interferenti endokrinali (2011),

wara li kkunsidra l-abbozz tal-karta ta’ rieżami ddettaljat intitolat 'L-istat tax-xjenzi dwar l-iskrining il-ġdid in vitro u in vivo u l-metodi tal-ittestjar u l-punti tat-tmiem għall-evalwazzjoni tal-interferenti endokrinali',

wara li kkunsidra l-proposta li ġejja tal-Kummissjoni dwar ‘Blueprint għall-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa’,

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar 'L-implimentazzjoni ta' “L-istrateġija tal-Komunità għall-interferenti endokrinali” – firxa ta’ sustanzi ssuspettati li jiddisturbaw is-sistemi tal-ormoni tal-bnedmin u tal-fawna salvaġġa" (COM(1999)0706), (COM(2001)0262 u (SEC(2004)1372),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, 'Ir-Raba' Rapport dwar l-implimentazzjoni ta' “L-istrateġija tal-Komunità għall-interferenti endokrinali” – firxa ta’ sustanzi ssuspettati li jiddisturbaw is-sistemi tal-ormoni tal-bnedmin u tal-fawna salvaġġa' (COM(1999)0706), (SEC(2011)1001),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Ewropea għall-Ambjent u s-Saħħa u l-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar l-Ambjent u s-Saħħa (2004-2010), li, fost l-oħrajn, jirrikonoxxu l-ħtieġa li jitqies l-esponiment ikkombinat tas-sustanzi kimiċi fil-valutazzjonijiet tar-riskju,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill dwar il-prinċipju tal-prekawzjoni (COM(2000)0001),

wara li kkunsidra r-Rapport Tekniku taż-ŻEE Nru 2/2012 'L-impatti tal-interferenti endokrinali fuq il-fawna salvaġġa, il-bnedmin u l-ambjenti tagħhom',

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 1998 dwar il-kimiki li jinterferixxu mas-sistema endokrinali (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Mejju 2010 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata 'Azzjoni kontra l-kanċer: Sħubija Ewropea' (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali – Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar (10),

wara li kkunsidra d-dokument 'Study on the scientific evaluation of 12 substances in the context of the endocrine disruptor priority list of actions' (Studju dwar l-evalwazzjoni xjentifika ta' 12-il sustanza fil-kuntest ta' lista prijoritarja ta' azzjonijiet tal-interferenti endokrinali),

wara li kkunsidra d-dokument 'Study of DHI Water and Environment on enhancing the endocrine disrupter priority list with a focus on low-production-volume chemicals' (L-istudju imwettaq minn DHI Water and Environment dwar it-titjib tal-lista prijoritarja tal-interferenti endokrinali b'attenzjoni fuq il-kimiki prodotti fi kwantità żgħira,

wara li kkunsidra d-dokument 'State-of-the-art assessment of endocrine disrupters', (Valutazzjoni avvanzata tal-interferenti endokrinali), Numru tal-Kuntratt tal-Proġett 070307/2009/550687/SER/D3,

wara li kkunsidra r-rapport 'The impacts of endocrine disrupters on wildlife, people and their environments' (L-impatti tal-interferenti endokrinali fuq il-fawna salvaġġa, il-bnedmin u l-ambjenti tagħhom), ta' Weybridge+15 (1996–2011) (ISSN 1725-2237),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE)63/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi,

wara li kkunsidra d-definizzjoni tas-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali żviluppata mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Programm Internazzjonali dwar is-Sigurtà tas-Sustanzi Kimiċi (IPCS) (11),

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A7-0027/2013),

A.

billi l-problemi relatati mal-ormoni u l-mard fil-bnedmin żdiedu matul dawn l-aħħar għoxrin sena, inklużi l-kwalità mnaqqsa tal-isperma, il-bidu kmieni tal-pubertà, iż-żieda fl-inċidenza ta' organi sesswali deformati, iż-żieda fl-inċidenza ta' ċerti forom ta' kanċer u mard mataboliku; billi ċertu mard newroloġiku u newrodeġenerattiv, impatti fuq il-funzjonijiet tal-iżvilupp newroloġiku, is-sistema immunitarja jew l-epiġenetika, jistgħu jkunu marbuta mal-esponiment għas-sustanzi kimiċi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; billi jeħtieġ li ssir aktar riċerka biex inkunu nistgħu nifhmu aħjar il-kawżi ta' dan it-tip ta' mard;

B.

billi s-sustanzi kimiċi li qed jaġixxu bħala interferenti endokrinali jista' jkollhom effetti estroġeniċi jew antiestroġeniċi li jinterferixxu mal-funzjoni tas-sistema riproduttiva femminili, ibiddlu l-konċentrazzjonijiet tal-ormoni u ċ-ċikli mestrwali tan-nisa, kif ukoll il-fertilità tagħhom, jiffavorixxu l-iżvilupp tal-mard tal-utru, bħall-fibrojdi u l-endometrijosi, u jaffettwaw it-tkabbir tas-sider u l-produzzjoni tal-ħalib; billi dawn is-sustanzi ġew identifikati bħala fatturi ta’ riskju responsabbli għall-pubertà prematura fil-bniet, il-kanċer tas-sider, il-korriment u l-effett ħażin fuq il-fertilità jew l-infertilità;

C.

billi numru dejjem jiżdied ta’ studji xjentifiċi ssuġġerew li s-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, partikolarment b’mod kombinat, għandhom rwol kemm f’mard kroniku bħall-kanċers relatati mal-ormoni, l-obeżità, id-dijabete, il-mard kardjovaskulari kif ukoll fi problemi riproduttivi;

D.

billi issa hemm evidenza xjentifika sinifikanti li l-problemi relatati mal-ormoni f’organiżmi slavaġ – inklużi l-anormalitajiet riproduttivi, il-maskulinizzazzjoni ta' gastropodi, il-femminizzazzjoni ta’ ħut jew it-tnaqqis ta’ ħafna mill-popolazzjonijiet tal-molluski f'diversi partijiet tad-dinja – huma marbuta mal-impatt ta’ sustanzi kimiċi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;

E.

billi hemm ħafna kawżi possibbli għall-frekwenza li dejjem qed tikber ta' problemi relatati mal-ormoni fil-bnedmin; billi issa hemm evidenza xjentifika sinifikanti li dawn huma kkawżati parzjalment mill-impatt tal-kimiki bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;

F.

billi hemm diffikultajiet kbar biex tiġi ppruvata r-rabta każwali bejn l-esponiment għall-kimiki individwali u d-diżordni tal-bilanċ ormonali b'riskju ta' impatti fuq is-saħħa;

G.

billi, fil-każ tal-kimiki bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, id-diffikultajiet biex tiġi ppruvata r-rabta każwali huma miżjuda minħabba numru ta' fatturi, bħal pereżempju li:

ikun għadda żmien twil bejn l-esponiment u l-effetti epiġenetiċi, u l-interferenti endokrinali jista’ jkollhom effett detrimentali wara diversi ġenerazzjonijiet;

ir-riskju ta' impatt negattiv ivarja fil-kobor fl-istadji differenti tal-iżvilupp, u ż-żminijiet kritiċi, pereżempju matul l-iżvilupp fetali, jistgħu jkunu qosra ħafna;

matul ħajjithom, il-persuni huma esposti għal numru kbir ta' kimiki f'taħlitiet kumplessi;

l-interferenti endokrinali jistgħu jinteraġixxu ma' xulxin u mas-sistema endokrinali tal-ġisem stess;

l-interferenti endokrinali jistgħu jaġixxu f'konċentrazzjonijiet estremament baxxi u b'hekk jikkawżaw effetti negattivi anke jekk id-doża tkun baxxa; meta r-relazzjoni bejn id-doża u r-rispons ma tkunx monotonika, id-diffikultà tal-previżjoni tiżdied aktar;

l-għarfien tagħna tas-sistemi endokrinali tal-bnedmin u l-annimali għadu limitat ħafna;

H.

billi l-leġiżlazzjoni tal-UE għandha dispożizzjonijiet legali li jikkonċernaw l-interferenti endokrinali, iżda m’għandhiex il-kriterji biex tiddetermina jekk sustanza għandhiex titqies li għandha proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, u dan jimmina l-applikazzjoni xierqa tad-dispożizzjonijiet legali; billi għandha tiġi stabbilita skeda ta’ żmien sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni mgħaġġla tal-kriterji futuri;

I.

billi, fil-livell tal-UE, m’hemm l-ebda programm ta’ monitoraġġ koordinat jew kombinat iddedikat speċifikament għal interferenti endokrinali;

J.

billi hemm ftit, jew xejn, koordinazzjoni fir-rigward tal-mod kif tinġabar, tiġi mmaniġġjata, ivvalutata u rrapportata d-data fil-programmi differenti ta’ monitoraġġ;

K.

billi, attwalment, mhuwiex legalment possibbli li jitqiesu l-effetti ta' kombinament bejn l-interferenti endokrinali rrilaxxati minn prodotti rregolati minn settijiet differenti ta' regolamenti;

L.

billi r-rekwiżiti standard dwar id-data fil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-kimiki mhumiex biżżejjed biex jidentifikaw b’mod adegwat il-proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali;

M.

billi numru ta’ liġijiet tal-UE huma maħsuba biex jipproteġu liċ-ċittadini minn esponiment għal sustanzi kimiċi perikolużi; billi l-leġiżlazzjoni attwali tal-UE, madankollu, tivvaluta kull esponiment b’mod individwali u ma tipprevedix valutazzjoni integrata u komprensiva tal-effetti kumulattivi li tqis ir-rotot differenti ta’ esponiment jew it-tipi ta’ prodotti differenti;

1.

Iqis, abbażi ta' valutazzjoni ġenerali tal-għarfien attwali, li l-prinċipju ta' prekawzjoni, skont l-Artikolu 192(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), jirrikjedi lill-Kummissjoni u lil-leġiżlaturi jieħdu miżuri adegwati biex fejn ikun meħtieġ inaqqsu l-esponiment tal-bnedmin, fiż-żmien qasir u fit-tul, għall-interferenti endokrinali, filwaqt li jagħmlu ħafna aktar riċerka sabiex itejbu l-għarfien xjentifiku dwar l-impatt tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa tal-bniedem;

2.

Jirrimarka li l-prinċipju ta’ prekawzjoni japplika f’dinja ta’ inċertezza xjentifika, fejn riskju jista' jiġi karatterizzat biss abbażi ta' għarfien mhux perfett – li la jkun stabbilit u lanqas definittiv – iżda fejn huwa meħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu evitati jew jitnaqqsu l-konsegwenzi potenzjalment serji jew irriversibbli għas-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent;

3.

Huwa tal-fehma li meta effetti negattivi tas-sustanzi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jistgħu jiġu preżunti b'mod raġonevoli, għandhom jiġu implimentati miżuri li jipproteġu s-saħħa tal-bniedem; jenfasizza, barra minn hekk, minħabba l-potenzjal tas-sustanzi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali li jikkawżaw effetti dannużi jew irriversibbli, li n-nuqqas ta' għarfien preċiż, inkluża l-prova finali ta' rabtiet każwali, m'għandux jipprevjeni t-teħid ta' miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa skont il-prinċipju ta' prekawzjoni, b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju ta' proporzjonalità;

4.

Iqis li l-protezzjoni tan-nisa minn riskji potenzjali ta’ interferenti endokrinali għas-saħħa riproduttiva tagħhom hija ta’ importanza kbira; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-finanzjament għar-riċerka għall-istudju tal-effetti tal-interferenti endokrinali fuq is-saħħa tan-nisa, u tappoġġja l-istudji fit-tul li jimmonitorjaw is-saħħa tan-nisa fuq perjodi twal tal-ħajja tagħhom biex b'hekk tkun tista’ issir valutazzjoni bbażata fuq l-evidenza tal-effetti fit-tul u li jgħaddu minn ġenerazzjoni għall-oħra tal-esponiment għall-interferenti endokrinali;

5.

Għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni tissottometti, malajr kemm jista' jkun, proposti għal kriterji globali bbażati fuq id-definizzjoni tal-interferenti endokrinali żviluppata mill-Programm Internazzjonali dwar is-Sigurtà tas-Sustanzi Kimiċi tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO/IPCS), flimkien ma' rekwiżiti ta' ttestjar u informazzjoni għall-kimiki fis-suq kummerjċali, u jitlob li l-leġiżlazzjoni tal-UE tkun ċara dwar dak li hu meqjus bħala sustanza bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; huwa favur l-introduzzjoni ta' “interferent endokrinali” bħala klassi regolatorju, b’kategoriji differenti bbażati fuq il-qawwa tal-evidenza;

6.

Jenfasizza li huwa essenzjali li l-kriterji għad-determinazzjoni tal-proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jkunu bbażati fuq valutazzjoni komprensiva tal-periklu mwettqa abbażi ta' xjenza avvanzata, b'kunsiderazzjoni tal-effetti ta' kombinament potenzjali kif ukoll l-effetti fit-tul u l-effetti matul fażijiet kritiċi ta' żvilupp; il-valutazzjoni tal-periklu għandha mbagħad tintuża fil-valutazzjoni tar-riskju u fil-proċeduri tal-ġestjoni tar-riskju kif preskritt f'diversi leġiżlazzjonijiet rilevanti;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni tieħu aktar azzjoni fil-qasam tal-politika dwar is-sustanzi kimiċi u tintensifika r-riċerka li tipprevedi kemm il-valutazzjoni tal-potenzjal ta’ interferenza mas-sistema endokrinali ta’ sustanzi kimiċi individwali kif ukoll il-possibbiltà li jiġi vvalutat l-impatt kumulattiv ta’ kombinamenti identifikati ta’ sustanzi fuq is-sistema endokrinali;

8.

Huwa tal-fehma li l-kriterji għad-definizzjoni tal-interferenti endokrinali għandhom ikunu bbażati fuq kriterji li jiddefinixxu 'effett negattiv' u 'mod ta' azzjoni endokrinali'; id-definizzjoni tad-WHO/IPCS hija l-bażi xierqa għal dak l-għan; iqis li kemm l-'effett negattiv' kif ukoll il-'mod ta' azzjoni endokrinali' jridu jiġu eżaminati u kkunsidrati b'mod parallel f'valutazzjoni komprensiva; iqis li l-effetti osservati għandhom jitqiesu bħala dannużi jekk ikun hemm data xjentifika li tindika dan; jenfasizza li għandu jitqies kull effett possibbli ta' kombinament, bħall-effetti ta’ taħlitiet jew l-effetti “cocktail”;

9.

Jenfasizza li l-kriterji li jiddeterminaw x'jikkostitwixxi interferent endokrinali jridu jkunu bbażati fuq ix-xjenza u orizzontali; iqis li għandu jintuża approċċ ibbażat fuq l-evidenza u li l-ebda kriterju uniku m'għandu jitqies bħala punt ta' limitu jew deċiżiv għall-identifikazzjoni ta' interferent endokrinali; iqis li mbagħad għandha titwettaq valutazzjoni soċjoekonomika skont il-leġiżlazzjoni rilevanti;

10.

Huwa tal-opinjoni li għandhom jitqiesu d-data u l-informazzjoni xjentifika kollha evalwata bejn il-pari, inkluż rieżami tal-letteratura xjentifika u l-istudji mhux GLP, skont is-setgħat u d-dgħufijiet tagħhom, meta ssir il-valutazzjoni dwar jekk sustanza għandhiex proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali jew le; iqis ukoll li huwa importanti li jitqiesu l-metodi moderni u r-riċerka aġġornata;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-UE rekwiżiti tal-ittestjar xierqa għall-identifikazzjoni tas-sustanzi bi proprjetajiet li jinterferixxu mas-sistema endokrinali; iqis li l-metodi ta' ttestjar l-aktar ivvalidati riċentament u rikonoxxuti internazzjonalment – bħal dawk żviluppati mill-OECD, il-Laboratorju ta' Referenza għall-Alternattivi għall-Ittestjar fuq l-Annimali tal-Unjoni Ewropea (EURL ECVAM) jew il-Programm tal-Iskrining tal-Interferenti Endokrinali tal-Aġenzija għall-Protezzjoni Ambjentali tal-Istati Uniti (EPA) – iridu jiġu implimentati; jinnota li l-programm tal-OECD tal-metodi tal-ittestjar ikopri l-ormoni tas-sess u l-ormoni tat-tirojde kif ukoll l-isterojdoġenesi; jindika, min-naħa l-oħra, li m'hemm l-ebda test għal ħafna oqsma oħra tas-sistema endokrinali, pereżempju, l-insulina u l-ormoni tat-tkabbir; iqis li għandhom jiġu żviluppati metodi tal-ittestjar u dokumenti ta' gwida sabiex jikkunsidraw aħjar l-interferenti endokrinali, effetti possibbli ta' doża baxxa, effetti ta' kombinament u relazzjonijiet mhux monotoniċi bejn id-doża u r-rispons, b’mod partikolari fir-rigward ta’ fażijiet kritiċi ta’ esponiment matul l-iżvilupp;

12.

L-iżvilupp tal-metodi tal-ittestjar li ma jsirx fuq l-annimali għandu jkun promoss biex tiġi prodotta data ta’ sikurezza rilevanti għall-bniedem u biex jiġu sostitwiti l-istudji fuq l-annimali użati attwalment.

13.

Jemmen li l-użu ta’ metodi tal-ittestjar li ma jsirx fuq l-annimali u strateġiji oħrajn tal-valutazzjoni tar-riskju għandhom jiġu promossi, u li l-ittestjar fuq l-annimali għandu jitnaqqas u t-testijiet fuq il-vertebrati għandhom isiru biss meta ma jkunx hemm għażla oħra; ifakkar li, skont id-Direttiva 2010/63/UE, it-testijiet fuq annimali vertebrati jridu jiġu sostitwiti, ristretti jew irfinuti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tistabbilixxi regoli sabiex jiġi evitat l-ittestjar doppju u d-duplikazzjoni tat-testijiet u l-istudji fuq il-vertebrati għandhom jiġu pprojbiti;

14.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw reġistri ta’ problemi fis-saħħa riproduttiva sabiex jimlew il-lakuna eżistenti fid-data fil-livell tal-UE;

15.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw data affidabbli dwar l-impatti soċjoekonomiċi ta’ problemi u mard relatati mal-ormoni;

16.

Iqis li għandu jkun possibbli għall-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet biex jindirizzaw sustanzi b’mekkaniżmi ta’ azzjoni u proprjetajiet identiċi fuq bażi ta’ grupp meta tkun disponibbli biżżejjed data, filwaqt li meta ma tkunx disponibbli biżżejjed data jista' jkun utli li s-sustanzi jiġu raggruppati abbażi ta' similarità strutturali, pereżempju bl-għan li jiġu stabbiliti prijoritajiet għall-ittestjar addizzjonali, il-pubbliku jiġu pprovdut malajr kemm jista’ jkun bil-protezzjoni mill-effetti ta' esponiment għall-interferenti endokrinali u n-numru tal-esperimenti fuq l-annimali jiġi ristrett; huwa tal-fehma li r-raggruppament tal-kimiki b'similarità strutturali għandu jiġi applikat jekk il-manifattur jew l-importatur ma jkunx jista' jagħti prova tas-sikurezza ta' kimika li tkun sodisfaċenti għall-korpi rilevanti li jieħdu d-deċiżjonijiet; jirrimarka li, f'dawn il-każijiet, dawn il-korpi jistgħu jużaw informazzjoni minn kimiki li għandhom struttura simili biex jikkumplimentaw id-data disponibbli dwar kimika partikolari li qed tiġi kkunsidrata mill-korpi sabiex jaslu għall-konklużjonijiet dwar liema passi sussegwenti jeħtieġu jieħdu;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-istrateġija tagħha tal-UE dwar l-interferenti endokrinali sabiex twassal protezzjoni effettiva tas-saħħa tal-bniedem billi tpoġġi enfasi akbar fuq il-prinċipju ta' prekawzjoni, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta' proporzjonalità, u tnaqqas l-esponiment tal-bniedem għall-interferenti endokrinali fejn ikun meħtieġ;

18.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw iktar il-fatt li l-konsumaturi jeħtieġ ikollhom informazzjoni affidabbli – ippreżentata b'mod xieraq u b'lingwa li jistgħu jifhmu – dwar il-perikli tal-interferenti endokrinali, l-effetti tagħhom, u modi possibbli ta' kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq skeda ta’ żmien konkreta għall-applikazzjoni tal-kriterji futuri u r-rekwiżiti tal-ittestjar immodifikati għal interferenti endokrinali fil-leġiżlazzjoni rilevanti, inklużi rieżamijiet tal-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi użati fil-pestiċidi u l-bijoċidi, u pjan direzzjonali b’azzjonijiet u miri speċifiċi biex jitnaqqas l-esponiment għal interferenti endokrinali;

20.

Iqis li l-bażi tad-data dwar is-sustanzi attivi ormonali, żviluppata bħala parti mill-istrateġija attwali, għandha tiġi kontinwament aġġornata;

21.

Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mir-rieżami attwali tagħha tal-Istrateġija tal-Komunità tal-1999 dwar l-interferenti endokrinali, twettaq eżami sistematiku tal-leġiżlazzjoni attwali rilevanti u, fejn neċessarju mhux aktar tard mill-1 ta' Ġunju 2015, temenda l-leġiżlazzjoni eżistenti jew tressaq proposti leġiżlattivi ġodda, inklużi valutazzjonijiet tal-periklu u tar-riskju, sabiex tnaqqas l-esponiment tal-bniedem – b'mod partikolari gruppi vulnerabbli bħal nisa tqal, trabi, tfal u żgħażagħ – għall-interferenti endokrinali kif xieraq;

22.

Jistieden lill-Kummissjoni, meta twettaq ir-rieżami futur tagħha tal-istrateġija tal-UE dwar l-interferenti endokrinali, tistabbilixxi skeda preċiża, li tispeċifika stadji intermedji, għall-iskop ta':

applikazzjoni tal-kriterji futuri għall-identifikazzjoni ta’ prodotti kimiċi li jkunu potenzjalment interferenti endokrinali;

rieżami tal-leġiżlazzjonijiet rilevanti msemmija fil-paragrafu 22;

pubblikazzjoni ta’ lista aġġornata b'mod regolari b’interferenti endokrinali ta’ prijorità, li l-ewwel verżjoni tagħha għandha tiġi ppubblikata sal-20 ta’ Diċembru 2014;

azzjonijiet kollha meħtieġa biex jitnaqqas l-esponiment tal-popolazzjoni u l-ambjent tal-UE għall-interferenti endokrinali.

23.

Huwa tal-opinjoni li l-interferenti endokrinali għandhom jitqiesu bħala Sustanzi ta' Tħassib Kbir Ħafna fi ħdan it-tifsira tar-Regolament Reach, jew l-ekwivalenti skont leġiżlazzjoni oħra;

24.

Jenfasizza li x-xjenza attwali ma tipprovdix biżżejjed bażi għall-istabbiliment ta' valur ta' limitu li taħtu ma jseħħux effetti negattivi, u għalhekk l-interferenti endokrinali għandhom jitqiesu bħala sustanzi 'li m'għandhomx limitu minimu', u li kull esponiment għal tali sustanzi jista' jinvolvi riskju, sakemm il-manifattur ma jagħtix prova xjentifika li jista' jiġi identifikat limitu, b'kunsiderazzjoni ta' sensittivitajiet li jiżdiedu matul fażijiet kritiċi tal-iżvilupp, u l-effetti ta' taħlitiet;

25.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja proġetti ta' riċerka mmirati għal sustanzi li x'aktarx jaffettwaw is-sistema endokrinali u tagħmel enfasi dwar l-effetti negattivi b’doża baxxa jew permezz ta’ esponiment kombinat, inkluż l-iżvilupp ta' metodi ġodda ta' ttestjar u analiżi, kif ukoll tappoġġa l-bidla ġdida bbażata fuq mogħdijiet tat-tossiċità/mogħdijiet ta’ riżultati negattivi; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-interferenti endokrinali, l-effetti ta' kombinament tagħhom, u suġġetti relatati fil-prijoritajiet tal-programm qafas għar-riċerka u l-iżvilupp;

26.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġiji in vitro u in silico sabiex jiġi mminimizzat l-ittestjar fuq l-annimali għall-iskrining tal-interferenti endokrinali;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni tesiġi li l-prodotti kollha impurtati minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni Ewropea attwali u tal-futur dwar l-interferenti endokrinali;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi lill-partijiet rilevanti kollha fl-isforzi ta' kooperazzjoni biex jintroduċu bidliet leġiżlattivi neċessarji, sabiex itejbu l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem mis-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali, u jippjanaw kampanji ta’ informazzjoni;

29.

Jistieden lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li jiġi stabbilit ċentru ta’ riċerka għall-interferenti endokrinali li għandu jwettaq riċerka u jikkoordina l-għarfien dwar l-interferenti endokrinali fil-livell tal-UE;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-leġiżlazzjoni attwali u futura rilevanti kollha tapplika b'mod orizzontali l-kriterji għall-identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali magħrufa, probabbli u potenzjali sabiex jinkiseb livell għoli ta' protezzjoni;

31.

Jenfasizza li filwaqt li din ir-riżoluzzjoni hija limitata għall-indirizzar tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem minn interferenti endokrinali, huwa daqstant importanti li tittieħed azzjoni deċiżiva dwar l-interferenti endokrinali għall-ħarsien tal-organiżmi slavaġ u l-ambjent;

32.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi u tiffinanzja programmi għall-informazzjoni pubblika dwar ir-riskji fuq is-saħħa ta’ interferenti endokrinali, sabiex tippermetti lill-konsumaturi, b’għarfien sħiħ dwar il-fatti, li jadattaw l-imġiba u l-istil ta’ ħajja tagħhom; dawn il-programmi ta’ informazzjoni għandhom, b'mod partikolari, jiffukaw fuq il-gruppi l-iktar vulnerabbli (nisa tqal u tfal), sabiex ikunu jistgħu jittieħdu miżuri ta’ prekawzjoni f’ħin tajjeb;

33.

Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-programmi ta’ taħriġ għall-professjonisti tas-saħħa f’dan il-qasam;

34.

Jilqa’ l-inklużjoni tas-sustanzi kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali (EDCs) fost il-kwistjonijiet ta’ politika emerġenti ġestiti fil-qafas politiku tal-Approċċ Strateġiku għall-Ġestjoni Internazzjonali tas-Sustanzi Kimiċi (SAICM); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw dawn l-attivitajiet tas-SAICM, u jippromwovu politiki attivi sabiex jitnaqqas l-esponiment tal-bniedem u tal-ambjent għall-EDCs fil-forums internazzjonali rilevanti kollha, inklużi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) u l-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP).

35.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.

(4)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

(5)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(6)  ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.

(7)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59.

(8)  ĠU C 341, 9.11.1998, p. 37.

(9)  ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 95.

(10)  Testi adottati, P7_TA(2012)0147.

(11)  Definizzjoni mir-rapport tal-WHO/IPCS (2002): “Interferent endokrinali huwa sustanza jew taħlita eżoġena li tbiddel il-funzjoni(ijiet) tas-sistema endokrinali u konsegwentement tikkawża effetti ħżiena fuq is-saħħa f’organiżmu intatt, jew fil-wild tiegħu, jew f’(sub)popolazzjonijiet.” Interferent endokrinali potenzjali huwa “sustanza jew taħlita eżoġena li tipposjedi proprjetajiet li jistgħu jkunu mistennija li jwasslu għal interferenza endokrinali f’organiżmu intatt, jew fil-wild tiegħu, jew f’(sub)popolazzjonijiet.” (http://www.who.int/ipcs/publications/en/ch1.pdf)


Top