Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013IE6859

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ritorn tal-Industriji fl-UE fil-qafas tal-proċess ta' reindustrijalizzazzjoni”

    ĠU C 311, 12.9.2014, p. 15–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.9.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 311/15


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ritorn tal-Industriji fl-UE fil-qafas tal-proċess ta' reindustrijalizzazzjoni”

    2014/C 311/03

    Relatur: is-Sur Iozia

    Korrelatur: is-Sur LEIRIÃO

    Nhar id-19 ta’ Settembru 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Ritorn tal-Industriji fl-UE fil-qafas tal-proċess ta' reindustrijalizzazzjoni

    Il-Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-8 ta' April 2014.

    Matul l-498 sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-29 u t-30 ta' April 2014 (seduta tad-29 ta’ April), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’139 vot favur, l-ebda vot kontra u 4 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE huwa konvint li biex jieqaf it-tmaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-UE, hemm bżonn li l-industrija tiġi tirkupra, b'mod partikolari dik tal-manifattura, aspett li jagħti s-saħħa fl-istruttura produttiva. F'din l-Opinjoni jipproponi li jidentifika xi miżuri utli għall-appoġġ tal-inizjattiva tal-Kummissjoni, mmirata għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-rimpatriju tal-intrapriżi li trasferew l-attività tagħhom band'oħra. Anke l-Kummissjoni Ewropea nediet analiżi dwar is-suġġett tar-rimpatriju. Il-KESE huwa sodisfatt li fl-istess waqt li din l-Opinjoni kienet qed titfassal, il-Eurofound ġie inkarigat li jippreżenta sett ta' data meħtieġ biex jinftiehem d-daqs tal-fenomenu tar-rimpatriju u tas-soluzzjonijiet possibbli.

    1.2

    Il-KESE jappoġġja l-proġett propost mill-Viċi President tal-Kummissjoni Tajani, li tiġi żviluppata politika ta' reindustrijalizzazzjoni tal-UE, li ' ġġib lura l-livell tal-industrija fil-PDG Ewropew għal almenu 20 % mill-15,1 % fil-preżent u jipproponi li jwessa' l-proġett filwaqt li jsaħħu, bl-għan ta' “Patt soċjali Ewropew għal industrija ġdida, sostenibbli u kompetittiva”. Fil-Komunikazzjoni (1) reċenti tagħha, il-Kummissjoni ppreżentat xi prijoritajiet fosthom

    il-kompetittività industrijali tiġi integrata b'mod aktar profond b'attenzjoni partikolari għall-produttività fil-qasam tas-servizzi għall-intrapriżi biex tikber il-kompetittività industrijali u dik tal-ekonomija tal-Unjoni b'mod ġenerali;

    il-potenzjal tas-suq intern jiġi massimizzat bl-iżvilupp tal-infrastruttura meħtieġa, filwaqt li jingħata qafas regolatorju stabbli u sempliċi, kif ukoll

    implimentazzjoni deċiżiva tal-istrumenti tal-iżvilupp reġjonali flimkien mal-istrumenti nazzjonali u tal-Unjoni b'appoġġ għall-innovazzjoni, il-ħiliet u l-intraprenditorija.

    1.3

    Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu l-KESE jitlob lill-Unjoni Ewropea biex tistabbilixxi pjan ta' azzjoni Ewropew dwar dawn il-punti u jagħmel dawn ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi:

    fl-identifikazzjoni ta' politiki li jħaffu l-innovazzjoni u l-produttività biex jinħoloq vantaġġ kompetittiv;

    fl-identifikazzjoni ta' strumenti bankarji ġodda li jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament u jħaffu l-investimenti mitlubin;

    fil-promozzjoni ta' miżuri li jassiguraw il-parteċipazzjoni tal-industriji tal-manifattura Ewropea fil-fażijiet kollha tal-katina tal-valur;

    li r-reindustrijalizzazzjoni u r-rimpatriju għandhom jiddaħħlu f'politika industrijali Ewropea sostenibbli li tiffoka fuq l-investiment, it-teknoloġija, l-intraprenditorija, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni, ir-riċerka, il-prezzijiet tal-enerġija, l-infrastruttura, il-kummerċ, eċċ.;

    fil-ħtieġa ta' regolamentazzjoni koerenti, stabbli u sikura;

    fl-iżgurar tat-tħaddim effettiv tas-suq intern;

    f'leġislazzjoni ambjentali koerenti maċ-ċikli tal-kompetittività u l-investiment tal-industrija Ewropea;

    fl-immodernizzar tal-infrastrutturi;

    fil-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-intrapriżi;

    fis-sostenn għall-politika tal-enerġija Ewropea;

    fil-garanzija ta' ħaddiema kwalifikati fis-suq Ewropew;

    fl-indirizzar tan-nuqqas ta' ħiliet u kompetenzi fl-industrija tal-manifattura;

    fl-iżvilupp ta' sistema għall-ġestjoni effettiva tar-riżorsi umani li tippromovi kemm l-attivitajiet kif ukoll il-kompetenzi professjonali u l-innovazzjoni, b'mod partikolari, li jsir użu tal-potenzjal kreattiv ta' entitajiet tas-soċjetà ċivili bħalma huma l-assoċjazzjonijiet nazzjonali u Ewropej tal-inġiniera u tar-riċerkaturi.

    Il-KESE jinsisti mal-Istati Membri dwar:

    il-bini ta' distretti industrijali u installazzjonijiet ġodda jew it-tiġdid ta' dawk li naqqsu l-attività tagħhom minħabba fid-delokalizzazzjoni 'l barra tal-industrija tal-manifattura;

    l-aġġornament jew tiġdid tal-istrumenti u l-proċessi ta' produzzjoni biex ikunu koerenti mar-rekwiżiti l-ġodda tal-politika ta' żvilupp sostenibbli;

    is-sistema ta' taxxi aktar ibbilanċjata u stabbli għall-promozzjoni tal-konsum domestiku u biex tiġbed l-investiment barrani dirett;

    l-organizzazzjoni ta' ċentri speċjali ta' informazzjoni għall-proċessi ta' delokalizzazzjoni u rimpatriju;

    1.4

    Il-KESE jqis li politika industrijali integrata b'għanijiet ċari fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali kapaċi li tiġbed l-investimenti fis-setturi kollha tal-manifattura (b'livelli ta' teknoloġija għolja jew baxxi) hija ta' importanza fundamentali. Dawn il-politiki għandhom jiffokaw fuq il-katina ta' valur globali u jinkludu l-attivitajiet ta' riċerka, innovazzjoni u żvilupp.

    1.5

    Il-KESE huwa konvint li huwa essenzjali li jiġu stabbiliti għanijiet ambizzjużi u fl-istess ħin realistiċi li għandhom jintlaħqu sal-2020, għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa. F'dan il-kuntest, politiki li jiffavorixxu r-rimpatriju ta' attivitajiet ta' produzzjoni li ġew trasferiti jistgħu jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet proposti.

    1.6

    Ir-raġunijiet ewlenin għar-rimpatriju miċ-Ċina għall-Punent jistgħu jinġabru f’dawn il-punti:

    l-ispejjeż biex taħdem off-shore huma aktar għoljin milli kien previst;

    żieda fil-produttività u tnaqqis fl-ispejjeż kif ukoll titjib fil-kapaċità li ħafna kumpaniji nazzjonali fil-Punent għamlu wara li segwew programmi ta' titjib kontinwu;

    xewqa li l-produzzjoni u d-disinn jiġu lokalizzati biex ikun hemm kollaborazzjoni aħjar fil-livell nazzjonali;

    kumplessità li qed tiżdied tal-prodotti u l-ħtieġa li jiġi modifikat l-imballaġġ biex jissodisfa l-preferenzi tal-klijenti;

    tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija fl-Istati Uniti;

    inizjattivi tat-tkabbir aktar b'saħħithom fl-Istati Uniti;

    ħtieġa ta' produzzjoni żejda biex jimtlew il-kontejners;

    dewmien biex jaslu l-prodotti minħabba inċertezzi tat-trasport, kwalità mhux konsistenti u prattiki doganali;

    żieda fil-prezzijiet tat-trasport minħabba vapuri nofshom vojta;

    ħażniet kbar biex jikkumpensaw għall-merkanzija fi tranżitu, iċ-ċikli, il-ħażna ta' sikurezza, in-nuqqas ta' inċertezza dwar kemm idumu biex jaslu l-affarijiet u l-kontrolli tal-kwalità;

    żieda fl-ispejjeż straordinarji;

    id-difetti huma aktar meta mqabbla mas-sorsi lokali, spezzjonijiet addizzjonali tal-materjali u tat-tolleranza, klijenti inqas sodisfatti;

    tnaqqis fid-differenzi tal-ispejjeż bejn il-pajjiż ospitanti u dawk tal-pajjiż ta' oriġini (spejjeż tal-forza tax-xogħol u tat-trasport);

    elementi operattivi bħal: inqas flessibbiltà operattiva, ordni tal-akkwist, riġidità fil-post tar-rilaxx; penali għall-ordnijiet li jaslu tard;

    l-ordnijiet iridu jsiru almenu għal ammont minimu minħabba fid-daqs tal-kontejner;

    risposta li ma tlaħħaqx mad-domanda tal-klijenti minħabba fis-separazzjoni fiżika bejn il-post tal-produzzjoni u ċ-ċentru tal-iżvilupp;

    1.7

    L-industriji tal-manifattura għandhom bżonn ta' provvisti reżiljenti u flessibbli biex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq tal-lum. Ir-rimpatriju tal-produzzjoni huwa wieħed mit-toroq li jistgħu jieħdu l-intrapriżi biex jindirizzaw dawn il-ħtiġijiet. Għall-KESE, il-politiki ċentrali li jappoġġjaw l-industriji tal-manifattura li jagħżlu li jirritornaw u/jew jespandu n-negozju tagħhom fl-Ewropa jikkonsistu fil-ħolqien ta' ambjent adegwat għall-intrapriżi li jinvestu, il-kompetenzi professjonali, l-spejjeż tal-enerġija kompetittivi, l-aċċess għall-finanzjament u l-aċċess għas-swieq.

    1.8

    Il-Kummissjoni nnotat li bejn l-2008 u l-2012, fl-UE, il-prezzijiet bl-imnut tal-elettriku li l-industrija kellha tħallas żdiedu b'medja ta' 3,5 % kull sena u dawk tal-gass b'1 %. B'konsegwenza huwa stmat li l-prezzijiet tal-elettriku kkonsumat mill-industrija fl-UE huma d-doppji meta mqabbla ma' dawk fl-Istati Uniti u r-Russja u 20 % aktar minn dawk fiċ-Ċina skont id-data tal-Aġenzija internazzjonali għall-enerġija (2). Id-differenza fil-prezzijiet hija kbira ħafna fir-rigward tal-gass: il-gass fl-UE jiswa minn tlieta sa erba' darbiet aktar għall-industrija tal-UE milli għall-konkorrenti fl-Istati Uniti, ir-Russja u l-Indja, dan jiswa 12 % aktar meta mqabbel maċ-Ċina iżda huwa irħas milli fil-Ġappun. Madankollu, il-prezzijiet li fil-fatt jitħallsu mill-utenti industrijali jistgħu jvarjaw b'mod notevoli minn Stat Membru għall-ieħor". (3)

    1.9

    Il-KESE eżamina fil-fond il-kwistjoni tal-industriji b'użu intensiv tal-enerġija fl-Ewropa (4) u ppropona serje ta' miżuri u rakkomandazzjonijiet biex jippermettilhom ikomplu jipproduċu fl-Ewropa, u hawnhekk ukoll jerġa jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej ifasslu politika komuni għall-enerġija u jaffrontaw il-problema tal-kompetittività tal-fatturi kapitali u tal-enerġija. Jisiteden lill-partijiet soċjali jinfurżaw il-kooperazzjoni tagħhom fi ftehim għall-iżvilupp li jikkunsidra l-partikolarità u d-difiża tal-mudell soċjali Ewropew, li jiggarantixxi l-kisba tal-għanijiet tat-Trattat ta' Lisbona ta' ekonomija soċjali tas-suq.

    1.10

    Il-koerenza bejn il-politiki għandha implikazzjonijiet importanti. L-ewwel implikazzjoni hija li l-iżvilupp futur jinsab fit-tranżizzjoni lejn ekonomija b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju u dan l-orizzont jeħtieġ koerenza bejn ir-riċerka, il-liġijiet u l-programmi ta' appoġġ. It-tieni tirrigwarda l-iżvilupp soċjalment sostenibbi u b'hekk ir-rabta bejn il-kompetittività u x-xogħol, jiġifieri, xogħol kwalifikat u inklussiv għal kulħadd, li jkun kapaċi jiġġenera żvilupp ta' kwalità u b'hekk valur miżjud f'termini ta' kompetittività.

    1.11

    Il-KESE jqis li relazzjoni aħjar bejn l-intrapriżi u l-banek b'enfasi fuq l-ekonomija reali tista' toħloq sinerġiji li jagħtu r-riżultati, u tisfrutta l-vantaġġi kompetittivi marbutin mal-preżenza tagħhom fis-swieq barranin.

    1.12

    L-intrapriżi Ewropej għandhom jinvestu l-ewwel fl-innovazzjoni, il-kwalità, l-affidabbiltà, ir-riżultati u l-funzjonalità tal-prodotti tagħhom, għandhom jikkwalifikaw l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u fl-aħħar ikunu ta' eżempju fir-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-proċessi produttivi tagħhom. Madankollu, sabiex tiġi żgurata l-kompetittività tal-intrapriżi, huwa daqstant ieħor meħtieġ li l-ispejjeż – b'mod partikolari l-ispejjeż tal-pagi u l-enerġija – jitrażżnu u li għaldaqstant jittieħdu l-miżuri neċessarji.

    1.13

    It-tranżizzjoni tas-sistemi produttivi tagħna, l-infrastruttura u l-ekonomiji lejn is-sostenibbiltà u t-tibdil demografiku, it-taħriġ tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda u l-adattar tal-forza tax-xogħol Ewropea għad-diviżjoni internazzjonali tax-xogħol, teħtieġ investimenti kbar, biex issir b'mod koerenti u koordinat fuq skala Ewropea.

    1.14

    Huwa importanti li tinżamm bażi ta' manifattura vasta u diversifikata fl-Ewropa biex jinżammu ħajjin il-kompetenzi li meta jintilfu, diffiċli li jerġgħu jiġu żviluppati. F'kuntest aktar wiesgħa, kompetenzi speċifiċi tal-manifattura, f'industriji partikolari jistgħu jkunu kontribut importanti biex jiġu żviluppati prodotti ġodda.

    1.15

    Hemm bżonn li l-ħila tal-Ewropa fir-riċerka u l-innovazzjoni tissaħħaħ u tinżamm b'mod li tagħti garanzija ta' żvilupp sostenibbli, stabbli u dejjiemi. Għal dan il-għan hemm bżonn ta' liġijiet intelliġenti, effiċjenti u effikaċi li jippromovu l-aħjar kundizzjonijiet, jiggwidaw pożizzjoni teknoloġika dominanti, joħolqu impjiegi ta' kwalità fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-manifattura, kif ukoll jippromovu s-sikurezza u s-sostenibbiltà (5).

    L-intrapriżi li jikkunsidraw li jiddelokalizzaw għandhom ikunu jafu x'inhuma jfittxu u kif jistgħu jiksbuh ġewwa l-UE. Huma għandhom bżonn tal-aċċess għal data affidabbli, informazzjoni u pariri biex ikunu jistgħu jipprevedu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi fosthom l-ispejjeż reali. Ir-rappreżentanzi tal-UE u tal-Istati Membri fil-pajjiżi importanti għandhom isaħħu l-assistenza li joffru l-istess bħalma għandhom jagħmlu l-awtoritajiet reġjonali u lokali. Dan kollu biex jiġi verifikat jekk l-istess għan jistgħax jintlaħaq fi ħdan l-Unjoni.

    1.16

    Ir-raġunijiet ewlenin li jwasslu għar-rimpatriju huma ppreżentati fil-punt 1.6

    1.17

    Il-KESE huwa sodisfatt li l-Kummissjoni Ewropea qed tinkludi l-proċess tar-rimpatriju fl-aġenda industrijali bħala element li jippromovi l-attività industrijali, il-ħolqien ta' impjiegi ġodda u li jwassal biex il-manifattura tkun il-mutur tal-ġejjieni tal-Ewropa. Il-ftehim li ntlaħaq reċentement mal-Eurofound huwa pass żgħir fid-direzzjoni t-tajba.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    “Ma nistgħux inkomplu nħallu l-industrija tagħna titlaq mill-Ewropea. L-indikaturi tagħna huma ċari: l-industrija Ewropea tista' tiżviluppa t-tkabbir u toħloq ix-xogħol. Illum ħloqna l-kundizzjonijiet għar-reindustrijalizzazzjoni sostenibbli tal-Ewropa, biex jiġu żviluppati l-investimenti meħtieġa fit-teknoloġiji l-ġodda u biex terġa' tinbena klima ta' fiduċja u ta' intraprenditorija. Nistgħu nġibu l-industrija lura fl-Ewropa billi naħdmu flimkien u nsaħħu l-fiduċja” (6).

    2.2

    Tul dawn l-aħħar snin rajna d-delokalizzazzjoni progressiva tal-attivitajiet ta' manifattura mill-Ewropa għal pajjiżi terzi u d-deindustrijalizzazzjoni progressiva li wasslet għal telf tal-livell speċifiku tal-kontribut għall-PDG li fi ftit snin niżel minn 20 % għal 15 %. Fl-UE intilfu 3,5 miljun impjieg mill-industrija tal-manifattura mill-2008.

    2.3

    Sa mis-snin sebgħin, id-delokalizzazzjoni 'l barra mill-pajjiż, jiġifieri d-deċiżjoni li l-produzzjoni ssir f'pajjiż barrani kienet waħda mill-istrateġiji l-aktar mifruxa fost l-intrapriżi tal-manifattura tal-pajjiżi industrijalizzati ewlenin tal-punent. Spiss, din l-għażla ta' ġestjoni kienet akkumpanjata mill-esternalizzazzjoni tal-attività ta' manifattura. (outsourcing), li kkontribwixxiet għall-ħolqien ta' fenomeni ekonomiċi bħall-“Global factory”, l-“International supply chain” u il-“Global commodity chains”, dawn tal-aħħar wara ġew definiti bħala “Global value chains” (7).

    2.4

    Il-proċess taċ-“ċaqliq tar-rikkezza” mill-pajjiżi tal-OECD lejn pajjiżi bi dħul medju, kbar u b'popolazzjoni kbira ġie gwidat fil-parti l-kbira miċ-Ċina u l-Indja, iżda qed jikkontribwixxu għalih wkoll pajjiżi oħra fosthom il-Brażil u l-Afrika t'Isfel. Fid-dinja, 20 pajjiż produttur ewlieni fosthom l-Istati Uniti u l-UE (Ġermanja, Italja, Franza, Renju Unit, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi) irreġistraw tnaqqis kbir ħafna fl-attivitajiet industrijali tal-manifattura mill-1990. Fl-Istati Uniti, mill-1987 l-impjieg privat fl-industrija tal-manifattura waqa' minn 21 % għal anqas minn 11 % (8).

    2.5

    “Il-politiki kontra l-kriżi tal-pajjiżi tal-euro għandhom jiġu riveduti, peress li jistgħu jkomplu jikkumplikaw is-sitwazzjoni”. “Jekk il-kawża tal-kriżi tinsab fid-diskrepanzi li qed jiżdiedu bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro, allura rridu nikkoreġu l-politika tagħna tal-awsterità. Din il-politika waħedha ma tistax issovli l-problma tan-nuqqas ta' kompetittività tal-Ewropa, għall-kuntrarju tista' twassal għal sitwazzjoni aktar serja” (9).

    2.6

    It-tul tal-kriżi ekonomika u tad-dejn sovran f'xi pajjiżi bi produzzjoni tal-manifattura għolja, wassal għal tnaqqis ulterjuri tal-attività industrijali sekondarja. L-ispiża għolja tal-enerġija, b'mod partikolari għas-setturi li jikkunsmaw ħafna enerġija (pereżempju l-produzzjoni tal-azzar), tiskoraġġixxi l-investiment u wasslet għal każijiet ta' delokalizzazzjoni.

    2.7

    L-Unjoni Ewropea għandha tinkoraġġixxi l-użu tat-teknoloġiji abilitanti (KET) u l-awtomatizzazzjoni. Fatturi oħra bħall-produzzjoni nadifa u avvanzata, investimenti f'netwerks intelliġenti kif ukoll effiċjenza fl-użu tal-enerġija u mobbiltà sostenibbli, għandhom rwol importanti fil-ġejjieni tal-industrija Ewropea, flimkien mal-possibbiltà li jinħolqu impjiegi ġodda fi żmien qasir.

    3.   Il-Politika industrijali Ewropea u r-reindustrijalizzazzjoni

    3.1

    Il-politika industrijali attwali tal-Unjoni Ewropea għandha l-għan li ttejjeb il-qafas legali fis-seħħ u li tagħmel l-intrapriżi aktar kompetittivi b'mod li dawn ikunu jistgħu jżżommu r-rwol tagħhom ta' mutur għat-tkabbir sostenibbli u l-impjiegi fl-Ewropa. L-Artikolu 173 tat-Trattat (TFUE) jifforma l-bażi legali għall-politika industrijali tal-UE.

    B'reindustrijalizzazzjoni qed nifhmu għadd ta' inizjattivi u programmi li jappoġġjaw l-iżvilupp ekonomiku u produttiv f'żoni territorjali milquta mill-kriżi industrijali, dik soċjoekonomika u dik ambjentali. L-Ewropa għandha bżonn aktar minn qatt qabel li l-ekonomija reali tagħha tappoġġja l-irkupru fit-tkabbir u l-impjiegi permezz ta' fażi ġdida ta' reindustrijalizzazzjoni. L-industrija għanda effett importanti ta' stimolu. Huwa kkalkulat li mitt post tax-xogħol maħluqa f'dan is-settur jippermettu li jinħolqu daqstant ieħor f'setturi oħra tal-ekonomija (10). Fil-komunikazzjoni “Għal Rinaxximent Industrijali Ewropew” adottata fit-22 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza ċentrali tal-industrija għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u biex jiġu inklużi b'mod aktar sistematiku t-temi marbutin mal-kompetittività fl-oqsma kollha politiċi (11).

    3.2

    Fl-2012, il-Kummissjoni nediet strateġija għar-reindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa bil-għan li żżid is-sehem tas-settur tal-manifattura fl-ekonomija Ewropea minn 15 % għal 20 % tal-PDG sal-2020. Din l-inizjattiva hija bbażata fuq erba' pilastri: investiment akbar fl-innovazzjoni, taħriġ marbut b'mod dirett mal-ħtiġijiet tal-intrapriżi, aċċess aħjar għall-finanzi u għas-swieq (12).

    3.3

    Il-KESE jqis li l-Unjoni għandha tiżviluppa strateġija unifikata: politika industrijali Ewropea, li tidentifika s-setturi strateġiċi biex tissaħħaħ il-katina sħiħa tal-attività tal-manifattura, kemm jekk huma prodotti finali kif ukoll prodotti nofshom lesti. Il-KESE fassal Opinjoni (13) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-pjan ta' azzjoni għall-industrija tal-azzar (14), li fiha identifika miżuri konkreti u urġenti biex tiġi appoġġjata waħda mill-bażijiet tal-industrija tal-manifattura: prodotti bażiċi ta' kwalità għolja li joffru valur miżjud ġenwin għall-industriji li jsegwu fil-proċess, b'mod partikolari l-industrija tal-mekkanika tal-elettronika u tal-inġinerija, il-mekkanika preċiża, l-industrija tal-karozzi, l-industrija tal-kostruzzjoni u dik tal-bini tal-vapuri, biex insemmu biss l-aktar importanti.

    3.4

    F'diversi opinjonijiet dwar it-trasformazzjoni industrijali, il-KESE ssuġġerixxa soluzzjonijiet u identifika toroq biex l-industrija Ewropea terġa' tokkupa l-ispazju li jistħoqqilha. Il-KESE huwa assolutament konvint li l-irkupru tal-industrija, huwa fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku, it-tkabbir u l-prosperità, jiġifieri l-bażi tal-mudell soċjali Ewropew.

    3.5

    “Il-manifattura tibqa' il-mutur tat-tkabbir ekonomiku: fir-reġjuni li fihom l-industrija żiedet ir-rilevanza tagħha, il-PDG kiber aktar. Spjegazzjoni ta' dan hija li fil-manifattura tiġi ġġenerata ż-żieda fil-produttività anke għas-setturi l-oħra permezz tal-innovazzjoni li tiddaħħal fil-prodotti u l-proċessi: il-kompjuterizzazzjoni tas-servizzi ma kienet isseħħ qatt mingħajr il-prodott manifatturat li huwa l-kompjuter. Filfatt huwa fil-manifattura fejn jiġu konkretizzati r-riċerka u l-iżvilupp li huma l-bażi tal-innovazzjoni” (15)  (16).

    3.6

    Żdiedu l-mezzi finanzjarji Ewropej disponibbli. Orizzont 2020, il-programm ta' riċerka, żvilupp u innovazzjoni żdied minn EUR 54 għal EUR 80 biljun. Il-fondi strutturali u tal-investiment Ewropej huma disponibbli għall-Istati Membri għal ammont ta' almenu EUR 100 biljun biex jiffinanzjaw l-investiment fl-innovazzjoni, b'koerenza mal-prijoritajiet tal-politika industrijali. COSME, il-programm Ewropew għall-kompetittività tal-intrapriżi u l-SMEs 2014-2020 għandu baġit dedikat ta' EUR 2,3 biljun. SPIRE, Sustainable Process Industry through Resource and Energy Efficiency (Industrija bi Proċessi Sostenibbli permezz tal-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi u l-Enerġija) , huwa s-sħubija l-ġdida bejn is-settur pubbliku u dak privat iffirmata f'Diċembru 2013 u parti mill-Orizzont 2020 b'baġit totali tal-UE ta' EUR 900 miljun għas-seba snin li ġejjin (17).

    3.7

    “In-nanoteknoloġija, il-mikro u n-nanoelettronika, anke fil-kamp tas-semikundutturi, il-materjali avvanzati, il-bijoteknoloġija u l-fotonika, l-użu tar-robots fil-produzzjoni u l-istampar tridimensjonali huma kollha setturi li qed juru tkabbir spettakolari fl-UE. Il-fatt li dawn it-teknoloġiji qed tinkiseb profiċjenza dwarhom iwassal għall-possibbiltà li mmexxu t-tranżizzjoni għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien ikkaratterizzata minn emissjonijiet baxxi tal-karbonju” (18).

    3.8

    Fl-abbozz ta' rapport tal-PE dwar ir-reindustrijalizzazjoni għall-promozzjoni tal-kompetittività u s-sostenibbiltà (19), jiġi enfasizzat li “il-futur tal-industrija jinsab fl-istrateġija ta’ Qawmien mill-Ġdid tal-Industrija għal Ewropa Sostenibbli (RISE) li tfittex innovazzjoni teknoloġika, kummerċjali u soċjali lejn rivoluzzjoni industrijali li tinkludi offensiva favur il-modernizzazzjoni b’użu baxx ta’ karbonju”.

    3.9

    Il-futur komuni huwa ta' Ewropa bħala reġjun tal-industriji moderni, iżda dan jeħtieġ sforz ġenwin ta' modernizzar fuq almenu ħames livelli: tisħiħ tal-innovazzjoni teknoloġika u produttiva, b'investiment fir-riċerka u l-kompetittività; tnaqqis tad-dewmien, tan-nuqqas ta' ċarezza u l-piż tal-amministrazzjoni pubblika, faċilitazzjoni tal-operat tal-SMEs; tnedija mill-ġdid tal-infrastruttura tal-informatika u kanali adegwati (Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Ten-T, Ten-E e Aġenda Diġitali); ċirkolazzjoni tal-kapital li jkun aċċessibbli, li jaġixxi ta' lieva biex jippromovi u jiġbed ir-riżorsi privati u li jkollu wkoll għanijiet ta' investiment fuq terminu medju.

    4.   Ir-rimpatriju

    4.1

    Ir-rimpatriju (reshoring) huwa strateġija intraprenditorjali volontarja li tirrigwarda r-ritorn parzjali jew totali ta' delokalizzazzjoni preċedenti (in-sourced jew out-sourced) tal-produzzjoni fil-pajjiż ta' oriġini (Back-shoring) jew fir-reġjun tal-pajjiż ta' oriġini (20). L-offshoring huwa d-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni min-naħa ta' kumpanija jew ta' parti minnha, minn pajjiż Ewropew għal pajjiż barrani.

    4.2

    F'dawn l-aħħar snin ħafna industriji ddeċidew li jibagħtu parti mill-katina tagħhom tal-produzzjoni barra mill-UE, fil-bidu biex joqorbu lejn is-swieq emerġenti u wara, l-aktar għal raġunijiet ta' spejjeż aktar baxxi għall-forza tax-xogħol u l-viċinanza tar-riżorsi. Din it-tendenza wasslitna għas-sitwazzjoni li fiha llum is-suq Ewropew, b'500 miljun resident, huwa konsumatur kbir ta' prodotti industrijali mhux Ewropej. Liema fatturi jistgħu jinfluwenzaw ir-rimpatriju ta' dawn il-kumpaniji? Fil-livell nazzjonali u Ewropew, ir-rimpatriju ta' parti minn dawn il-kumpaniji jista' jwassal għal vantaġġi li m'għandhomx jiġu sottovvalutati bħall-ħolqien ta' impjiegi ġodda, tnaqqis fit-telfien ta' ħiliet, u tisħiħ tat-tikketta “made in”. Fid-dawl tal-fatturi u d-dinamiċi importanti li jinfluwenzaw l-għażla tad-delokalizzazzjoni u/jew ir-rimpatriju, hija meħtieġa analiżi ddettaljata tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-intrapriża individwali.

    4.3

    Il-proċess ta' offshoring għadu għaddej mill-Ewropa lejn l-Asja. Fil-perjodu 2007-2009 madwar 40 % tal-intrapriżi li impjegaw aktar minn 50 persuna bidlu l-post tal-produzzjoni tagħhom b'xi mod, speċjalment dawk li għandhom konsum għoli tal-enerġija. Għall-kuntrarju hemm għadd ta' pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant li żammu perċentwal notevoli ta' attivita tal-manifattura.

    4.4

    L-intrapriżi Ewropej huma kawti ħafna u jevitaw li jippjanaw investimenti ulterjuri jew li jibdlu l-fornituri li għandhom minħabba fil-kriżi li għada għaddejja.

    4.5

    Hemm diversi fatturi fl-UE li għandhom impatt negattiv fuq il-proċess tar-rimpatriju fosthom:

    euro b'saħħtu ħafna

    produttività baxxa

    spejjeż soċjali aktar għoljin meta mqabbla mal-pajjiżi bi spejjeż tax-xogħol aktar baxxi u mingħajr ħarsien soċjali.

    spejjeż tal-enerġija li qed jiżdiedu

    nuqqas ta' soluzzjonijiet pożittivi

    Possibbiltà waħda tista' tkun il-ħolqien ta' inizjattivi speċifiċi għar-rimpatriju fit-territorji li huma l-aktar żvantaġġjati.

    4.6

    It-tendenza tar-reshoring fl-Istati Uniti

    4.6.1

    Il-kumpaniji Amerikani qed jirrimpatrijaw il-produzzjoni tagħhom b'mod progressiv. Il-bidla tirrifletti t-telf tal-vantaġġ kompetittiv fiċ-Ċina bħala ċentru tal-produzzjoni bi spejjeż baxxi wara s-snin ta' żieda mgħaġġla fil-pagi u għadd ta' fatturi oħra. Wieħed mill-fatturi li ffavorixxa r-rimpatriju kien it-tnaqqis fil-prezz tal-enerġija fl-Istati Uniti.

    4.6.2

    Fiċ-Ċina it-tendenza reċenti kienet ikkawżata minn żieda fl-ispejjeż tax-xogħol, il-prezzijiet tal-enerġija, l-impatt fuq l-innovazzjoni, is-serq tal-propjetà intellettwali u użu akbar tat-teknika tal-analiżi tal-ispejjeż totali li tikkunsidra u tikkalkola l-ispejjeż u r-riskji kollha. Bl-użu tat-TCO (Total Cost of Ownership) il-kumpaniji li jwettqu l-analiżi jgħinu biex jiġu identifikati b'mod realistiku l-ispejjeż kollha marbutin mal-operazzjoni tad-delokalizzazzjoni.

    4.6.3

    Is-setturi industrijali li qed jipparteċipaw fl-attività tar-rimpatriju huma l-produtturi tal-għodod, il-vetturi, u l-metalli primarji, prodotti magħmulin mill-metall, ir-robotika, l-istrumenti mediċi, xjentifiċi u tas-saħħa, il-kompjuters, l-elettronika, il-prodotti kimiċi, il-plastiks, l-imballaġġ, eċċ.

    4.6.4

    Il-loġika tar-rimpatriju tapplika għall-kumpaniji kollha tal-manifattura fid-deċiżjoni tagħhom. Peress li l-kumpaniji qed iwettqu analiżi tal-ispejjeż totali aktar kompluta qed jiskopru li mal-ispejjeż tal-forza tax-xogħol qed jiżdiedu “spejjeż moħbija” fid-delokalizzazzjoni li spiss jikkanċellaw il-vantaġġ kompetittiv.

    4.6.5

    Hemm moviment li fih qed jipparteċipaw il-gvern tal-Istati Uniti u diversi assoċjazzjonijiet għall-ħolqien ta' tikketta ġdida “Made in America, Again” bil-għan li jħeġġeġ lill-klijenti li jixtru prodotti u tagħmir Amerikani. “Reshore now” hija inizjattiva oħra fil-livell nazzjonali għar-rimpatriju tal-kumpaniji fit-territorju Amerikan (21).

    4.6.6

    Il-kumpaniji li ġew rimpatrijati b'mod konsistenti qed inaqqsu l-ħażna tagħhom b'50 %, hemm każijiet fejn sar tnaqqis fil-ħażna bi tliet jew sitt darbiet. Ir-raġunijiet għat-tnaqqis tal-ħażna huma: kundizzjonijiet aħjar tal-pagamenti, kwantità iżgħar ta' stokkijiet u żminijiet iqsar għall-kunsinna li huma wkoll aktar prevedibbli.

    4.6.7

    Stħarriġ tal-MIT staqsa wkoll lill-kumpaniji x'tista' tkun il-miżura li jieħu l-gvern li tagħmel id-differenza. Skont il-kumpaniji Amerikani l-ewwel ħames miżuri, fl-ordni tal-importanza li l-gvern tal-Istati Uniti jista' jwettaq biex jinċentiva r-rimpatriju huma:

    1.

    tnaqqis fit-taxxi (68,3 %);

    2.

    krediti tat-taxxa (65,9 %);

    3.

    inċentivi għar-riċerka u l-iżvilupp (60,0 %)

    4.

    l-offerta ta' edukazzjoni aħjar/taħriġ għall-kompetenzi mitluba (43,8 %);

    5.

    l-offerta ta' infrastruttri aħjar (38,0 %)

    4.6.8

    Fil-fehma tal-Boston Consulting Group, l-ewwel tlett fatturi li jinfluwenzaw id-deċiżjoni tar-rimpatriju huma: (i) l-ispiża tal-forza tax-xogħol, (ii) il-viċinanza mal-klijenti, (iii) il-kwalità tal-prodott. Fost il-fatturi l-oħra hemm l-aċċess għal ħaddiema kwalifikati, l-ispejjeż tat-trasport, iż-żmien tal-kunsinna u l-ħeffa biex isir in-negozju. L-indikaturi qed juru wkoll li l-Istati Uniti qed isiru produttur irħis fid-dinja żviluppata, u b'hekk qed jidhru dejjem aktar attraenti.

    4.7

    X'inhuma l-konklużjonijiet tal-istudji u l-istħarriġ dwar il-proċess tar-rimpatriju fl-UE? L-istudji u l-istħarriġ dwar il-proċess tar-rimpatriju fl-Ewropa huma ftit. Studju dwar id-delokalizzazzjoni tal-kumpaniji Ġermaniżi jindika li waħda minn kull sitta sa kwart ta' dawn il-kumpaniji rimpatrijaw lura fi żmien 4 snin; il-kumpaniji Franċiżi tal-IT li ddelokalizzaw ix-xogħol tal-IT ilmentaw dwar spejjeż imprevisti, il-kwalità u problemi ta' loġistika. Studju dwar il-kumpaniji tal-manifattura tar-Renju Unit li ddelokalizzaw il-produzzjoni tagħhom fl-2008-2009 juri li 14 % ta' dawn il-kumpaniji diġà rrimpatrijaw ix-xogħol (22). Fil-Komunikazzjoni tagħha COM(2010) 614 dwar Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali, il-Kummissjoni semmiet l-idea mingħajr ma użat il-kelma reshoringb'mod espliċitu.

    5.   Ir-riżultati tas-Seduta Pubblika fi Brussell u f'Bergamo

    5.1

    Matul is-seduti pubbliċi organizzati mill-KESE fi Brussell u f'Bergamo ġew preżentati esperjenzi ta' delokalizzazzjoni u ta' rimpatriju b'xenarji possibbli fil-ġejjieni f'setturi differenti tal-industrija tal-manifattura fil-qafas ta' proċess tar-reindustrijalizzazzjoni fl-Ewropa.

    5.2

    L-ekonomija dinija hija gwidata prinċiplament minn forzi tas-suq li għandhom influwenza qawwija fuq l-għażla ta' kumpanija li tiddelokalizza u/jew tirrimpatrija l-attività produttiva tagħha.

    5.3

    L-istudju fir-Renju Unit juri li d-delokalizzazzjni f'pajjiż b'forza tax-xogħol irħisa mhux dejjem hija ċ-ċavetta tas-suċċess. L-istruttura tal-katina tal-valur u l-“katina tal-provvista” tikkostitwixxi parti integrali minn dan is-suċċess. Anke jekk l-ispiża tibqa' t-tema prinċipali, is-somma ma tirriżultax biss mill-ispiża tal-forza tax-xogħol iżda wkoll mill-ispiża tal-loġistika u tal-ġestjoni. L-istudju jikkonferma li t-tliet raġunijiet ewlenin li jwasslu lill-kumpaniji li jmorru lura kienu l-iffrankar li kien aktar baxx mill-aspettattivi (50 %), problemi ta' kwalità (43 %) u l-viċinanza tas-suq (36 %). Fost ir-raġunijiet l-oħra hemm il-kapaċità li jiġu rispettati skadenzi qosra, il-viżibbiltà u l-istabbiltà tal-fornituri, u l-ħarsien tal-propjetà intellettwali.

    5.4

    L-aċċess għas-suq u għall-klijenti huwa u jibqa' fattur ewlieni fid-deċiżjoni. F'xi setturi hemm ostakli ġeografiċi biex jiġu moqdija swieq barranin fosthom eżiġenzi lokali, li minħabba fihom tkun meħtieġa l-istrateġija tad-delokalizzazzjoni tal-produzzjoni tagħhom biex ikunu preżenti fis-suq lokali.

    5.5

    L-aċċess għall-infrastruttura, l-enerġija u t-trasport, huma ta' importanza fundamentali għall-intrapriżi. Illum jeżistu pajjiżi b'infrastrutturi moderni u aċċessibbli li kapaċi jikkompetu ma' dawk Ewropej. L-investimenti fil-futur f'dan is-settur għandhom jitqiesu b'serjetà kbira.

    5.6

    It-taħriġ professjonali u t-tagħlim għandhom rwol importanti ħafna li m'għandux jiġi sottovvalutat. Il-pajjiżi fit-triq tal-iżvilupp investew u qed jinvestu ħafna fl-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħhom u b'hekk qed joħolqu kompetizzjoni għaż-żgħażagħ tagħna. Dawn tal-aħħar qed jemigraw minħabba fin-nuqqas ta' opportunitajiet ta' xogħol kwalifikat fl-Ewropa. Il-KESE qed ifassal opinjoni dwar ir-relazzjoni bejn it-tagħlim, it-taħriġ professjonali u l-intrapriżi.

    5.7

    Fis-7 ta' Novembru 2013, l-ETUC (il-Konfederazzjoni tat-Trejdjunjins Ewropej) adottat id-dokument “Investment plan for good jobs and a sustainable future”, bil-għan li terġa' ġġib it-tkabbir fil-kontinent, toħloq sa' 11-il miljun impjieg, u tinċentiva lill-kumpaniji multinazzjonali biex jiddelokalizzaw fl-Ewropa, bis-saħħa tad-domanda dinamika.

    5.8

    L-SMEs ġew milquta indirettament mid-delokalizzazzjoni tal-industriji l-kbar, peress li raw tnaqqis fl-ordnijiet għall-produzzjoni tal-komponenti. Is-settur tal-vetturi, pereżempju, ċaqlaq il-produzzjoni tiegħu fil-pajjiżi emerġenti prinċipalment minħabba fit-tkabbir tad-domanda f'dawn is-swieq. Is-settur tal-vetturi issa qed jistenna tnaqqis ta' madwar 70  000 – 85  000 impjieg.

    5.9

    Is-settur tal-prodotti mill-industrija tal-metalli qed jipprevedi żieda qawwija fit-talba għall-prodotti li żewġ terzi minnha tkun ġejja mill-pajjiżi emerġenti sal-2025. Għal dan il-għan, is-settur irid jibni netwerk ta' kuntatti globali u jiżgura l-preżenza tiegħu fis-suq. L-industriji Ewropej tal-metall u tal-inġinerija jiddelokalizzaw fi swieq li qed jiżviluppaw mhux biss għal raġunijiet ta' spejjeż, iżda biex jissodisfaw id-domanda bi strateġija “in country for country”, biex jiggarantixxu l-provvista ta' prodotti u servizzi lill-produtturi u lill-konsumaturi lokali.

    5.10

    Waqt is-seduta pubblika f'Bergamo, sar riassunt tal-konklużjonijiet li ġejjin (23):

    id-delokalizzazzjoni ma mititx;

    ir-rimpatriju jew ir-ritorn fil-viċin huma żewġ possibbiltajiet, iżda m'humiex l-uniċi;

    il-ħaddiema rimpatrijati m'humiex dejjem l-istess li ġew delokalizzati (numri differenti, profili ta' xogħol differenti)

    l-intraprendituri jridu jqisu it-“Total cost of sourcing” minflok l-ispiża tal-forza tax-xogħol biss (investimenti fil-kapital tax-xogħol; reviżjoni tal-partijiet difettużi)

    it-trejdjunjins iridu jqisu “l-ispiża tax-xogħol għal kull unità ta' prodott” minflok “l-ispiża tax-xogħol għal kull siegħa tax-xogħol” (innovazzjoni tal-prodott/proċess, organizzazzjoni tax-xogħol)

    dawk responsabbli mill-politika jridu jqisu l-elementi kollha li jinfluwenzaw in-negozju.

    Brussell, 29 ta' April 2014

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  COM (2014) 14 final

    (2)  Dawn il-prezzijiet mhumiex korretti b'differenzi kwalitattivi peress li l-provvista tal-elettriku fl-UE hija aktar affidabbli u fiha inqas interruzzjonijiet milli fil-pajjiżi msemmija.

    (3)  COM (2014) 14 final

    (4)  ces1857-2011_ac_mt.do

    (5)  INT 451/Ir-riċerka u l-iżvilupp: appoġġ għall-kompetittività, ĠU C 277, 17.11.2009, p. 1.

    (6)  Industrial revolution brings industry back to Europe, 10 ta' Diċembru 2012 – il-Kummissarju Tajani.

    (7)  Rapport taċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka dwar l-internalizzazzjoni nru.3/2013 p. 57

    (8)  The Mechanics Behind Manufacturing Job Losses, William T. Gavin f'Economic Synopses, 2013, n. 20.

    (9)  Taħdita Pubblika London school of Economics. 3 ta’ Diċembru 2013.

    (10)  http://www.labanconota.it/finanza/globalizzazione-delocalizzazione-reindustrializzazione.html

    (11)  http://ec.europa.eu/enterprise/initiatives/mission-growth/index_en.htm

    (12)  Industrija Ewropea aktar b'saħħitha għat-tkabbir u l-irkupru ekonomiku Aġġornament tal-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali (COM(2012) 582 final), 10 ta' Ottubru 2012.

    (13)  Qed tiġi approvata. CCMI/117 Pjan ta' Azzjoni għall-Industrija Ewropea tal-Azzar.

    (14)  COM(2013) 407 final.

    (15)  Industria motore di ricchezza? La risposta positiva delle regioni europee (Scenari industriali – Centro studi Confindustria, Ġunju 2011).

    (16)  Kapitlu 4, A “manufacturing imperative” in the EU: the role of industrial policy. European Competitiveness Report 2013, Towards Knowledge Driven Reindustrialisation

    (17)  http://ec.europa.eu/research/press/2013/pdf/ppp/spire_factsheet.pdf

    (18)  Kapitlu 5. EU production and trade based on key enabling technologies. European Competitiveness Report 2013, Towards Knowledge Driven Reindustrialisation

    (19)  Relatur: Reinhard Bütikofer PR\936863MT.doc PE510.843v01-00 2013/2006(INI).

    (20)  Uni-Club MoRe Back-reshoring Research Group

    (21)  http://www.cor.europa.eu

    (22)  Leibl, P., Morefield, R. u Pfeiffer, R. (2011), 'A study of the effects of backshoring in the EU', Proceedings of the 13th International Conference of American Society of Business and Behavioural Sciences http://asbbs.org/files/2010/ASBBS_%20Proceedings_13th_Intl_Meeting.pdf

    (23)  Uni-Club MoRe Back-reshoring Research Group


    Top