This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IE3000
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Accessibility as a human right for persons with disabilities’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem għal persuni b'diżabilità” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem għal persuni b'diżabilità” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 177, 11.6.2014, pp. 15–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
11.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/15 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem għal persuni b'diżabilità” (opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2014/C 177/03)
Relatur: is-Sur VARDAKASTANIS
Nhar l-14 ta’ Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jfassal opinjoni- fuq inizjattiva proprja dwar:
L-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem għal persuni b'diżabilitajiet.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar id-19 ta’ Novembru 2013.
Matul l-495 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fil-21 u t-22 ta’ Jannar 2014 (seduta tal-21 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’152 vot favur u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jirrikonoxxu li l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabilitajiet (UN CRPD) jikkostitwixxi dritt tal-bniedem fih innifsu u għaldaqstant l-implimentazzjoni sħiħa tiegħu trid twassal għall-ħolqien tal-kundizzjonijiet neċessarji permezz ta' miżuri legali u ta' politika sabiex il-persuni b'diżabilitajiet ikollhom aċċess għal kull tip ta' ambjent u aspett tal-ħajja. Dan huwa indispensabbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet ċivili u politiċi, kif ukoll id-drittijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali. L-aċċessibilità tibbenefika s-soċjetà kollha. |
|
1.2 |
Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet, lill-korpi politiċi u lill-aġenziji tal-UE, inkluż il-KESE, biex f'konsultazzjoni mal-moviment Ewropew għad-diżabilità, jippreparaw pjan konkret għall-ksib tal-aċċessibilità, inter alia, tal-bini, is-siti tal-internet u d-dokumenti tagħhom. |
|
1.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi lill-aċċessibilità bħala prerekwiżit bażiku għas-sostenibilità u d-dimensjoni soċjali tagħha, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-marġinalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali. |
|
1.4 |
Il-KESE jirrikonoxxi li ttieħdu passi pożittivi f'oqsma bħat-trasport u t-telekomunikazzjonijiet (pereżempju l-Aġenda Diġitali), iżda huma meħtieġa iktar azzjonijiet, inkluż fis-Suq Intern. |
|
1.5 |
Il-KESE jirrikonoxxi li n-nuqqas ta' aċċessibilità huwa diskriminazzjoni fih innifsu, u għalhekk jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tiżviluppa leġislazzjoni kontra d-diskriminazzjoni u jappella lill-Kunsill biex jiżblokka l-Proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sewwali COM(2008) 426 (Artikolu 19 TFUE). |
|
1.6 |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex twettaq l-impenn li ilha li ħadet u tippreżenta Att dwar l-Aċċessibilità Ewropew li huwa legalment vinkolanti. |
|
1.7 |
Il-KESE jappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-UE biex jikkonkludu l-Proposta attwali għal Direttiva dwar l-Aċċessibilità tas-Siti Elettroniċi tal-Entitajiet tas-Settur Pubbliku skont l-Opinjoni tal-KESE dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi ta' entitajiet tas-settur pubbliku (1), kif ukoll il-Forum Ewropew tad-Diżabilità. |
|
1.8 |
Il-KESE jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jaqblu dwar l-inklużjoni ta' kundizzjonalitajiet ex-ante obbligatorji dwar l-aċċessibilità u d-diżabilità fir-regolament attwali tad-dispożizzjonijiet komuni tal-Fondi Strutturali, u fl-istrumenti tal-għajnuna esterna u strumenti ta' finanzjament oħrajn. |
|
1.9 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-kriżi u l-miżuri ta' awsterità li rrizultaw minnha m'għandhomx jintużaw mill-UE u l-Istati Membri bħala skuża biex idgħajfu r-rispett għall-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem. |
|
1.10 |
Il-KESE jinnota li, meta tkun qed tiġi inforzata l-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem, għandhom jiġu kkunsidrati dawn il-prinċipji fundamentali li ġejjin: il-libertà li wieħed jagħżel u u l-libertà tal-moviment, il-ħajja indipendenti, akkomodazzjoni raġonevoli, il-parteċipazzjoni, id-disinn universali u l-obbligu antiċipatorju. |
|
1.11 |
Il-KESE jappella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jistabbilixxu mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' infurzar bil-parteċipazzjoni ta' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw il-persuni b'diżabilitajiet. |
|
1.12 |
Il-KESE jenfasizza li dawn l-oqsma ta' politika li ġejjin jeħtieġu dimensjoni ta' aċċessibilità: il-kapaċità legali, il-parteċipazzjoni politika, l-impjieg, l-għajnuna mill-Istat, it-trasport, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, ir-riċerka, il-politika barranija u l-akkomodazzjoni. |
|
1.13 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet tal-UE, meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tas-CRPD, għandhom jinkludu l-aċċessibilità f'dawn l-istrumenti li ġejjin: l-istandardizzazzjoni, l-armonizzazzjoni, ir-rekwiżiti tekniċi, l-inċentivi għall-kumpaniji, il-politiki tat-trejdjunjins, u l-ftehimiet kollettivi. |
|
1.14 |
Il-KESE jinnota li strateġiji ta' sensibilizzazzjoni huma mezz kruċjali kif jintlaħaq ir-rispett għall-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem min-naħa tas-soċjetà, inklużi ċ-ċittadini nfushom u l-atturi ewlenin bħall-iskejjel u l-mezzi tax-xandir, skont l-Artikolu 8 (UN CRPD). |
|
1.15 |
Il-KESE jaħseb li l-aċċessibilità għandha tiġi inkluża fil-kurrikula ta' dixxiplini xjentifiċi (pereżempju l-arkitettura, l-inġinerija, ix-xjenza tal-kompjuters, eċċ.). |
|
1.16 |
Il-KESE jaħseb li għad m'hemmx biżżejjed strumenti ta' statistika sabiex jiġi appoġġat l-infurzar tal-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem u għaldaqstant jappella lill-Eurostat biex jiżgura l-iżvilupp ta' dawn l-indikaturi. |
|
1.17 |
Il-KESE jtenni l-impenn li esprima f'opinjonijiet preċedenti biex joħloq Kumitat ta' Tmexxija sabiex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-UN CRPD. |
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
L-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem għad-diżabilità jfisser li l-UE, bħala firmatarja għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilitajiet, (UN CRPD) u ċ-ċittadini kollha għandhom ir-responsabilità li jibnu soċjetà fejn il-bnedmin kollha, inklużi l-persuni b'diżabilitajiet, jistgħu jgawdu d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali tagħhom. |
|
2.2 |
Id-definizzjoni ta' persuna b'diżabilità, skont l-UN CRPD hija bbażata fuq l-approċċ tad-drittijiet tal-bniedem lejn id-diżabilità u ssaħħaħ dan l-istess approċċ: Persuni b’diżabilità jinkludu dawk li, fuq perjodu twil, għandhom limitazzjonijiet fiżiċi, mentali, intellettwali jew fis-sensi li, flimkien ma’ diversi ostakli, jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor. |
|
2.3 |
L-UE akkumpanjat il-konklużjoni tagħha tal-UN CRPD b'lista ta' kompetenzi, li fosthom l-aċċessibilità tagħmel parti integrali. L-UN CRPD huwa l-uniku trattat dwar id-drittijiet tal-bniedem konkluż mill-UE s'issa. |
|
2.4 |
Ir-Rapport Dinji dwar id-Diżabilità (2011) tad-WHO u tal-Bank Dinji jenfasizza li l-ambjent mibni, it-trasport, l-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet ta' sikwit huma inaċċessibbi għall-persuni b'diżabilitajiet (2). |
|
2.5 |
L-aċċess għall-ambjent fiżiku u t-trasport pubbliku huwa prekundizzjoni għal-libertà tal-moviment tal-persuni b'diżabilitajiet, iggarantit fl-Artikolu 13 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 12 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR). Bl-istess mod, l-aċċess għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni tqies bħala prekundizzjoni għal-libertà tal-opinjoni u tal-espressjoni, iggarantit fl-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 19(2) tal-ICCPR (3) |
|
2.6 |
Il-punt fokali tal-UN CRPD (li jinsab fil-KE) għandu rwol fundamentali fl-implimentazzjoni tal-UN CRPD u jrid jitwettaq b'mod proattiv ħafna. |
|
2.7 |
Fid-29 ta' Ottubru 2012, il-Kunsill tal-UE approva t-twaqqif ta' qafas għall-ħarsien, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimetnazzjoni tal-UN CRPD, magħmul mill-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, l-Aġenzjija dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità u l-Kummissjoni Ewropea. |
|
2.8 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni sħiħa tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità fil-qafas iżda jenfasizza l-ħtieġa biex is-soċjetà ċivili tkun involuta mill-qrib ħafna f'xogħolu. |
|
2.9 |
L-UN CRPD jirrikonoxxi l-aċċessibilità bħala dritt fl-Artikoli 9, 3 u 21. |
|
2.10 |
L-artikoli tal-UN CRPD dwar l-aċċessibilità jistabbilixxu aġenda legali/politika importanti tiegħu stess li ma tistax titqies b'mod iżolat, u għalhekk l-aċċessibilità trid tiġi kkunsidrata bħala faċilitatur għall-aċċess ta' kwalunkwe dritt ċivili, ekonomiku, soċjali u kulturali. |
|
2.11 |
F'dawn l-aħħar snin l-aċċessibilità ngħatat iktar attenzjoni mil-leġislatur Ewropew u ġiet inkluża, inter alia, f'oqsma ta' politika bħall-akkwist pubbliku, il-fondi strutturali u strumenti ta' finanzjament oħra, id-drittijiet tal-passiġġieri, is-settur tal-istandards tekniċi (TSI-PRM) u l-impjieg. Dan huwa importanti b'mod speċjali meta wieħed iqis li l-popolazzjoni Ewropea qed tixjiħ. |
|
2.12 |
L-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità (EDS), l-istrument ta' politika speċifiku ewlieni dwar id-diżabilità, introduċiet miri tal-UE konkreti f'dan il-qasam. Permezz tal-EDS, il-KE impenjat ruħha li tippreżenta miżuri legalment vinkolanti sabiex jinkiseb l-għan l-aċċessibilità, inkluża l-aċċessibilità għall-internet u l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità (4). |
|
2.13 |
L-Aġenda Diġitali għall-Ewropa hijwa mudell tajjeb biex jiġu introdotti strateġiji ta' politika ġenerali, filwaqt li tinkludi wkoll azzjonijiet speċifiċi sabiex jiġi żgurat l-aċċess għall-persuni b'diżabilitajiet. Il-progress fil-qasam tal-aċċessibilità se jolqot ukoll lis-soċjetà u l-ekonomija inġenerali, billi joħloq impjiegi ġodda u jġib miegħu valur miżjud. L-implimentazzjoni sħiħa ta' din l-Aġenda għandha tirriżulta f'Ewropa diġitali mingħajr ostakli għall-persuni b'diżabilitajiet. |
|
2.14 |
Jeħtieġ li jintuża l-potenzjal tal-aċċessibilità għas-suq intern peress li se ssaħħaħ il-mobilità transnazzjonali fl-Ewropa filwaqt li tiffaċilita l-mobilità tal-ħaddiema u tal-persuni b'diżabilitajiet. Għandu jiġi żgurat l-aċċess għall-iskemi ta' tagħlim tul il-ħajja. L-istrateġiji Ewropej għall-impjieg għandhom jinkludu wkoll il-ħtieġa għaż-żamma tal-impjiegi u t-taħriġ mill-ġdid għal dawk li jiżviluppaw diżabilità matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom. |
|
2.15 |
L-Istrateġija Ewropa 2020 setgħet ħadet approċċ iktar komprensiv lejn id-diżabilità, inkluż l-aċċessibilità u l-parteċipazzjoni tal-persuni b'diżabilitajiet u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentawhom tagħhom. In-nuqqas ta' indikaturi komprensivi għad-diżabilità f'din l-istrateġija wassal għal nuqqas ta' attenzjoni, informazzjoni u allokazzjoni ta' riżorsi għad-diżabilità. Il-ħolqien tal-impjiegi huwa l-istrateġija fundamentali biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali. |
|
2.16 |
Il-KESE jenfasizza li għad hemm ħafna iktar xi jsir u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon il-Proposta tal-KE għal Direttiva dwar l-Aċċessibilità tas-Siti Elettroniċi tal-Entitajiet tas-Settur Pubbliku. |
|
2.17 |
Il-KESE jappella lill-KE biex twettaq l-impenn tagħha li tipproponi Att dwar l-Aċċessibilità Ewropew legalment vinkolanti mingħajr iktar dewmien jew posponiment. |
|
2.18 |
Il-kriżi ekonomika qed ikollha impatt drammatiku fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni b'diżabilitajiet, inkluża l-aċċessibilità. Il-livelli ta' aċċessibilità qed jonqsu, u b'riżultat ta' dan, qed jiżviluppaw iktar soċjetajiet inaċċessibbli. Wieħed għandu jinnota li l-familji kollha qed jintlaqtu mill-kriżi ekonomika, iżda li hemm effetti sproporzjonati fuq il-familji bi tfal b'diżabilitajiet (5). |
|
2.19 |
L-UE trid tadotta programm speċifiku sabiex jiġi żgurat lit-tfal b'diżabilitajiet jkollhom aċċess għal kull ambjent u aspett tal-ħajja. |
|
2.20 |
L-Ewropa teħtieġ it-tkabbir inklużiv u l-aċċessibilità bħala prerekwiżiti bażiċi għas-sostenibilità u b'mod speċjali għall-implimentazzjoni tad-dimensjoni soċjali tagħha, fil-ġlieda kontra l-faqar u l-marġinalizzazzjoni u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali permezz tal-inklużjoni tal-persuni b'diżabilitajiet. |
3. L-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem
|
3.1 |
Il-KESE jemmen li “l-aċċessibiità bħala dritt tal-bniedem” jeħtieġ li tiġi trasformata f'kunċett politiku u operattiv. Dan huwa kunċett validu għas-soċjetà kollha kemm hi u mhux biss għall-persuni b'diżabilitajiet. |
|
3.2 |
Il-KESE jenfasizza li d-dritt għall-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem, u f'relazzjoni ma' aġenda politika, għandu jinfiehem f'żewġ modi:
|
|
3.3 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-linji gwida tal-UN CRPD biex jiġi żviluppat il-kunċett tal-aċċessibilità u jemmen li t-tfassil ta' politika f'dan il-qasam għandu jinkludi:
|
|
3.4 |
Il-KESE jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġi żgurat għajxien indipendenti (relatat mal-għajxien u l-ħajja fil-komunità), kif inhu msemmi fl-Artikolu 19 tal-UN CRPD, permezz ta' tliet azzjonijiet ewlenin:
|
|
3.5 |
Il-KESE jinnota li l-persuni b'diżabilitajiet iridu jkunu jistgħu jeżerċitaw il-libertà li jagħżlu b'mod indipendenti u awtonomu fuq bażi ugwali ma' ħaddieħor. |
|
3.6 |
Il-KESE jieħu nota tar-“Rapport Globali dwar l-għajxien fil-komunità u li wieħed ikun inkluż fiha (6)” imfassal minn Inclusion International, li jirrimarka li persuni b'diżabilitajiet intellettwali huma mċaħħda minn drittijiet bażiċi ta' aċċessibilità, bħal li wieħed ikollu ċ-ċwievet tad-dar tiegħu, jew jiġu mċaħħda mid-dritt ta' aċċess għal servizzi kummerċjali, jew id-dritt li wieħed jiddeċiedi fejn irid joħroġ jimxi jew li jmur fil-bitħa tal-iskola ma' sħabu l-istudenti l-oħra. |
|
3.7 |
Il-KESE jirrikonoxxi li l-istituzzjonalizzazzjoni tikser b'mod estrem id-drittijiet tal-bniedem u hija konsegwenza sfortunata tal-iżvilupp tas-servizzi soċjali fl-Ewropa, meta mqabbla ma' partijiet oħra tad-dinja, u taffettwa lill-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, ikun xi jkun il-livell tal-għajxien tagħhom. L-istrateġiji ta' deistituzzjonalizzjoni jridu jiġu segwiti mill-iżvilupp ta' servizzi alternattivi bbażati fil-komunità, peress li mingħajr servizzi ma jistax ikun hemm titjib; persuni b'diżabilitajiet isiru persuni bla dar. |
|
3.8 |
Il-KESE jaħseb li “ostaklu” għandu jinfiehem mhux bħala ostaklu fiżiku biss, iżda wkoll bħala ostakli attitudinali u leġislattivi, kif ukoll bħala politika, imġiba u drawwiet, nuqqas ta' għarfien u diskriminazzjoni kulturali. Il-KESE jfakkar li t-tneħħija ta' dawn l-ostakli tkun ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi. |
|
3.9 |
Il-KESE jinnota li għandha tingħata iktar attenzjoni lill-għarfien tal-lingwa tas-sinjali u tipi oħra ta' komunikazzjoni għall-persuni neqsin mis-smigħ, kif ukoll formats ta' “vuċi għal test” għal persuni li għandhom diżabilitajiet ta' smigħ. Għandu jkun hemm ukoll faċilitajiet li jiżguraw l-għoti ta' dokumenti bil-braille u “screen readers” għall-persuni għomja u informazzjoni li tinqara faċilment għall-persuni b'diżabilitajiet intellettwali u ta' imġiba. |
|
3.10 |
Il-KESE jixtieq jirrimarka li s-sinjali, l-informazzjoni aċċessibbli u l-komunikazzjoni, is-servizzi ta' appoġġ, l-orjentament u l-moviment fil-bini u minn bini għal ieħor huma kruċjali għal ħafna persuni b'diżabilitajiet, speċjalment dawk li jesperjenzaw għeja konjittiva. |
|
3.11 |
Il-KESE jinnota żewġ strumenti fundamentali li għandhom jiġu kkunsidrati fl-analiżi tal-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem:
|
|
3.12 |
Il-KESE jaħseb li d-disinn universali għandu jkun il-prinċipju ta' gwida biex jiġi żgurat l-aċċess sħiħ għas-soċjetà u li jrid jissarraf f'rekwiżit operattiv ta' politika fil-proċess tat-tfassil tal-politika, pereżempju permezz tal-inklużjoni tiegħu fl-artikoli ta' regolament (7). Hemm il-ħtieġa li d-disinn ġenerali jiġi akkumpanjat mill-iżvilupp ta' tagħmir u teknoloġiji ta' assistenza kumplimentari. |
|
3.13 |
Il-konformità mal-obbligu antiċipatorju ta' aċċessibilità tista' ġġib magħha benefiċċji kbar lill-persuni b'diżabilitajiet billi tantiċipa l-ħtiġijiet tagħhom qabel ma joħorġu fid-dieher. Mill-perspettiva tal-prodotti jew is-servizzi, dan se jeħtieġ li dawn il-ħtiġijiet potenzjali jitqiesu matul il-fażi tad-disinn. |
|
3.14 |
Irid ikun hemm distinzjoni, minn naħa, bejn l-obbligu li jiġi żgurat l-aċċess għal oġġetti, infrastruttura, prodotti u servizzi ddisinjati, mibnija u manifatturati mill-ġdid, u min-naħa l-oħra, l-obbligu li jitneħħew l-ostakli u li jiġi żgurat l-aċċess għall-ambjent fiżiku attwali, it-trasportazzjoni, l-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u s-servizzi miftuħa għall-pubbliku ġenerali. Il-partijiet tal-Istat huma obbligati jiżguraw it-tnejn li huma, iżda peress li tal-ewwel irid jiġi implimentat b'mod gradwali, il-partijiet tal-Istat għandhom jistabbilixxu skedi definiti u fissi, u jallokaw riżorsi adegwati għat-tneħħija tal-ostakli eżistenti (8). |
|
3.15 |
Il-KESE jinnota li l-għajnuna personali (inkluża l-għajnuna diretta (“live assistance”) kif imsemmi fil-CRPD tan-NU) hija azzjoni mmirata fundamentali li tiżgura li l-persuni b'diżabilitajiet ikollhom aċċess għal għadd ta' drittijiet. |
|
3.16 |
Il-KESE jirrikonoxxi li n-nondiskriminazzjoni hija strument fundamentali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, iżda m'hijiex biżżejjed jekk ma tkunx akkumpanjata min strumenti oħrajn bħall-azzjoni pożittiva u l-istandardizzazzjoni, kif ukoll permezz tat-taħriġ u l-promozzjoni tad-drittijiet ta' persuni b'diżabilitajiet fost dawk li jħaddmu, l-inġinjiera ċivili, il-periti, l-avukati, l-ekonomisti, eċċ. Dan it-taħriġ għandu jkun inkluż fil-kurrikula edukattiva tagħhom. Il-KESE jemmen li għandu jsir progress bil-Proposta għal Direttiva, li bħalissa twarrbet, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sewwali COM(2008) 426 (abbażi tal-Artikolu 19 tat-TFUE). |
|
3.17 |
Mhux ħa jkun hemm l-ebda implimentazzjoni fundamentali tal-obbligi ta' aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem jekk ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni sustantiva u li tagħmel sens tal-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilitajiet (DPOs) fl-implimentazzjoni tal-Artikoli 4(3) u 33 fl-indirizzar tal-aċċessibilità. Il-parteċipazzjoni tista' tiġi żgurata jekk l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilitajiet jirċievu r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiżviluppaw l-attivitajiet li jippromovu drittijiethom tagħhom. Il-KESE jappella għall-programm dwar il-Drittijiet Fundamentali, li se jieħu post il-programm PROGRESS, sabiex jiggarantixxi l-istess livell ta' appoġġ finanzjarju għall-organizzazzjonijiet globali u speċifiċi tal-persuni b'diżabilitajiet. |
|
3.18 |
Il-KESE jenfasizza li l-livell li fih il-persuni b'diżabilitajiet igawdu mid-drittijiet tal-bniedem huwa differenti minn żoni rurali għal żoni urbani, u dan l-iżbilanċ għandu jiġi indirizzat permezz ta' politiki effettivi fil-livell nazzjonali u reġjonali. |
|
3.19 |
Il-kumpaniji u dawk li jħaddmu fl-UE għandhom jinkludu l-aċċessibilità fil-politiki ta' diversità tagħhom u għandhom jippromovu l-ħolqien ta' pjani ta' diversità. |
|
3.20 |
Il-KESE jirrikonoxxi l-impatt tal-aċċessibilità fuq il-koeżjoni soċjali u għalhekk l-istrateġiji tal-UE għas-sostenibilità għandhom jinkludu l-aċċessibilità bħala mod kif jiġu implimentati l-objettivi tagħhom. |
|
3.21 |
Il-KESE jinnota li n-nisa b'diżabilitajiet jiffaċċjaw restrizzjonijiet fl-aċċess għal drittijiethom f'oqsma bħas-saħħa, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-impjieg. Dawn ir-restrizzjonijiet jirriżultaw f'kundizzjonijiet agħar tal-għajxien u s-saħħa, kif ukoll fil-qgħad u l-faqar. L-istess japplika għal persuni vulnerabbli oħrajn b'diżabilitajiet, bħat-tfal, l-anzjani u persuni li jeħtieġu livelli għoljin ta' appoġġ u li jiffaċċjaw restrizzjonijiet gravi biex ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom. |
|
3.22 |
Il-KESE jinnota li ż-żgħażagħ tal-lum huma l-ġejjieni u li kundizzjonijiet aċċessibbli jridu jinħolqu sabiex jippermettu lil dawk b'diżabilitajiet biex igawdu bis-sħiħ mid-drittijiet tagħhom. Il-KESE jappella lill-UE biex tiżgura li l-politiki taż-żgħażagħ tagħha jinkludu dimensjoni speċifika sabiex iż-żgħażagħ b'diżabilitajiet jiġu appoġġati. |
4. Impatt fuq il-leġislazzjoni t-tfassil tal-politika fl-UE
|
4.1 |
Il-KESE jinnota li wara li l-UE kkonkludiet l-UN CRPD, kull inizjattiva ta' politika/legali proporzjonata fl-UE għandha tiġi analizzata mill-perspettiva li jiġi żgurat għajxien indipendenti għall-persuni b'diżabilitajiet, parteċipazzjoni sħiħa u tneħħija tal-ostakli. Dan il-kunċett għandu jkollu impatt fuq ir-regolamenti attwali tal-UE, li wħud minnhom huma speċifikati fid-dikjarazzjoni ta' kompetenzi. |
|
4.2 |
Il-KESE jqis li s-Suq Intern għandu jiġi żviluppat b'tali mod li jiġi żgurat li jinkludi d-diżabilità, l-istandardizzazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-aċċessibilità bħala mod kif jiġi modernizzat kif ukoll biex isir iktar kompetittiv u inklużiv fil-ekonomija globali. Teżisti ekonomija ta' diżabilità. |
|
4.3 |
Il-KESE jappella għall-ħolqien ta' aġenda tal-UE msejsa fuq żewġ elementi:
|
|
4.4 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-aċċessibilità hija dritt fundamentali li jesiġi aġenda politika speċifika, u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tippreżenta proposta għal aġenda dwar l-aċċess għad-drittijiet b'rabta mat-tfassil ta' politika tagħha. |
|
4.5 |
Il-KESE jappella għall-analiżi tal-oqsma li ġejjin, mill-perspettiva tal-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem:
|
|
4.6 |
Il-KESE jappella biex jiġu żviluppati azzjonijiet konkreti fl-oqsma li ġejjin, mill-perspettiva tal-aċċessibilità bħala dritt tal-bniedem: il-prevenzjoni tal-effetti tal-kriżi ekonomika fuq l-istandards ta' aċċessibilità u l-għajxien indipendenti għall-persuni b'diżabilitajiet; il-forniment ta' aċċess għall-edukazzjoni (9); programm għall-aċċess għal drittijiet soċjali u kulturali (10) (relazzjonijiet soċjali, rikreazzjoni, turiżmu); kooperazzjoni internazzjonali, ftehimiet finanzjarji-kummerċjali u l-pożizzjoni tal-UE f'oqsma bħal diżastri naturali u l-kooperazzjoni fl-iżvilupp, l-MDGs, dawk li qed jitolbu l-ażil u n-NU u l-FMI; fil-qasam tar-riċerka, għandu jintuża l-Orizzont 2020; l-aċċess għall-akkomodazzjoni, inklużi d-djar tal-Istat; l-isport, bħala mezz ta' inklużjoni soċjali, għandu jitgawda, inkluż l-aċċess għal bini u programmi, eċċ. |
|
4.7 |
L-inklużjoni tista' tintlaħaq inter alia permezz ta' azzjoni kollettiva mill-partijiet interessati kollha f'għadd ta' oqsma ta' drittijiet fundamentali:
|
|
4.8 |
Il-KESE jappella għall-iżvilupp u t-tisħiħ tal-inklużjoni ta' strateġija dwar l-istandardizzazzjoni u l-aċċessibilità fl-iżvilupp tat-teknoloġija. |
|
4.9 |
Il-KESE jinnota li l-aċċessibilità se tippermetti li tiġi żviluppata attività f'setturi ġodda, fejn huma meħtieġa ħiliet ġodda, b'mod partikolari fl-ICT. Persuni b'diżabilitajiet għandhom ikunu jistgħu jegħlbu d-distakk diġitali bl-appoġġ ta' politiki mmirati tal-UE. |
|
4.10 |
Il-KESE jemmen li huwa meħtieġ il-bini ta' kapaċitajiet għall-partijiet interessati kollha: l-awtoritajiet pubbliċi, il-kumpaniji privati, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilitajiet. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-SMEs. |
|
4.11 |
Il-KESE jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex twettaq l-impenn li ilha li ħadet u tippreżenta Att dwar l-Aċċessibilità Ewropew li jkun legalment vinkolanti. |
|
4.12 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon il-preżentazzjoni tal-proposta dwar l-Aċċessibilità tas-Siti Elettroniċi tal-Entitajiet tas-Settur Pubbliku u jtenni r-rakkomandazzjonijiet ippreżentati fl-Opinjoni dwar l-aċċessibilità tas-siti elettroniċi ta' entitajiet tas-settur pubbliku (11):
|
|
4.13 |
Il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-inklużjoni tal-kriterji ta' aċċessibilità u l-kundizzjonalità tad-diżabilità fir-regolamenti tal-Fondi Strutturali u f'oqsma oħra bħat-trasport u d-drittijiet tal-passiġġieri. |
|
4.14 |
Il-KESE huwa tal-fehma li l-laqgħa tal-Presidenti tal-UE dwar id-diżabilità u l-laqgħa tad-DĠs tal-KE dwar l-implimentazzjoni tal-UN CRPD għandhom isiru perjodikament, kif tħabbar, bil-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti tal-moviment Ewropew tad-diżabilità bil-għan li jsir monitoraġġ politiku u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni tal-UN CRPD, inklużi d-dispożizzjonijiet ta' aċċessibilità tiegħu. |
|
4.15 |
Il-KESE jinnota li filwaqt li huwa ċar li m'hemmx biżżejjed fondi, l-inklużjoni tal-aċċessibilità bħala kriterju għas-sistemi attwali ta' finanzjament għandha twassal għal titjib f'dan il-qasam: Fondi Strutturali, pakkett ta' investiment soċjali, eżenzjonijiet ta' kategorija ġenerali futuri fuq l-għajnuna mill-istat fl-impjieg, linji gwida dwar it-TEN-T. |
|
4.16 |
Il-KESE jemmen ukoll li jridu jissaħħu l-aċċess għall-mezzi ta' komunikazzjoni tal-massa u l-viżibilità tal-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilitajiet f'dawn it-tipi ta' mezzi tax-xandir. |
5. Monitoraġġ
|
5.1 |
Il-KESE jappella biex tiġi żviluppata strateġija tal-għoti tas-setgħa taċ-ċittadini, bħala l-mod fundamentali biex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-aċċessibilità. Hemm bżonn li jiġu organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni kif ukoll li jiġu edukati l-persuni b'diżabilitajiet, u ċ-ċittadini kollha l-oħra, dwar id-drittijiet ta' aċċessibilità tagħhom. |
|
5.2 |
Il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta' indikaturi f'dan il-qasam u jappella lill-Eurostat biex jipprovdi strateġija sabiex jiġu żviluppati indikaturi speċifiċi msejsa fuq l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) u fuq l-Abbozz tal-Kumment Ġenerali tal-Kumitat tal-UN CRPD dwar l-Artikolu 9. |
|
5.3 |
Il-KESE jappella għall-inklużjoni fl-istandards ta' kriterji u mekkaniżmi ta' aċċessibilità ċara għall-monitoraġġ (ambjent mibni, infrastruttura, ICT modern, inter alia sistemi operattivi għal tablets u smartphones u l-Mandat tal-KE 376 dwar ir-rekwiżiti ta' aċċessibilità għal prodotti u servizzi tal-ICT). Persuni b'diżabilitajiet għandhom jipparteċipaw bis-sħiħ f'kull stadju fl-iżvilupp ta' standards. |
|
5.4 |
Il-KESE jemmen li jridu jinħolqu sistemi ta' infurzar b'saħħithom, billi bħalissa qed ifallu fl-Ewropa. |
|
5.5 |
Il-KESE jenfasizza l-ħtieġa biex jintużaw mekkanizmi ta' monitoraġġ inklużi fir-regolament futur dwar id-dispożizzjonijiet komuni tal-Fondi Strutturali, sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonalitajiet ex-ante tad-diżabilità jkunu osservati u li l-imsieħba soċjali kif ukoll l-organizzazzjojnijiet tal-persuni b'diżabilitajiet jipparteċipaw bis-sħiħ f'dak il-monitoraġġ. |
|
5.6 |
Il-KESE jaħseb li strateġiji ta' edukazzjoni Ewropej u nazzjonali għandhom jinkludu l-aċċessibilità għal persuni b'diżabilitajiet fil-kurrikula ta' skejjel u universitajiet. |
|
5.7 |
Il-KESE jtenni l-impenn tiegħu li semma f'opinjonijiet preċedenti biex jinħoloq Kumitat ta' Tmexxija sabiex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-UN CRPD mill-KESE fl-iżvilupp tal-attivitajiet tiegħu bħala korp politiku. |
|
5.8 |
Għandha tiġi promossa sistema Ewropea ta' mekkaniżmi ta' ċertifikazzjoni tal-aċċessibilità. Għandhom jiġu involuti l-organizzazzjonijiet tal-persuni b'diżabilitajiet. |
|
5.9 |
Id-dimensjoni tal-aċċessibilità għandha tkun inkluża fil-valutazzjonijiet tal-impatt legali u politiċi tal-UE. Iridu jiġu stabbiliti għodod sabiex tiġi promossa l-inklużjoni b'mod armonizzat fl-Istati Membri kollha. |
|
5.10 |
Il-KESE jappella biex tiġi monitorjata l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità mill-istituzzjonijiet tal-UE (inkluż il-KESE) u jixtieq jirrimarka li għandhom jiġu żgurati l-ħtiġijiet ta' aċċessibilità tal-bini, tal-politiki ta' reklutaġġ u tal-informazzjoni (kemm fiżika kif ukoll elettronika). L-eżami tal-Istrateġija fl-2015 għandu jagħti attenzjoni speċjali lil dan il-qasam ta' politika. |
Brussell, 21 ta' Jannar 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 116-121.
(2) Rapport Dinji dwar id-Diżabilità, Sommarju, p. 10.
(3) Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi fl-Artikolu 25(c) jistabbilixxi d-dritt ta' kull ċittadin li jkollu aċċess, fuq bażi ġeneralment ta' ugwaljanza, għas-servizz pubbliku f'pajjiżu/ha. Id-dispożizzjonijiet ta' dan l-artikolu jistgħu jkunu l-bażi sabiex jiġi inkorporat id-dritt għall-aċċess fit-trattati ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem. Taqsima 2 u 3. Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Tip ta' Diskriminazzjoni Razzjali tiggarantixxi lil kulħadd id-dritt tal-aċċess għal kull post jew servizz maħsub għall-użu tal-pubbliku ġenerali, bħall-lukandi, it-trasport, ristoranti, kafeteriji, teatri u parks (ICERD, Artikolu 5(f)). B'dan il-mod ġie stabbilit preċedent fil-qafas legali internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem sabiex id-dritt tal-aċċess jitqies bħala dritt fih innifsu. (Abbozz ta' Kumment Ġenerali dwar l-Artikolu 9 – Kumitat UN CRPD).
.
(4) Kif ippreżentat fil-Programm ta' Ħidma tal-KE, 2012, fil-punt 99.
(5) Il-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal adotta Kumment Ġenerali dwar Nru 9 (2006) dwar id-drittjiet tat-tfal b'diżabilitajiet. L-importanza tal-aċċessibilità ġiet imtennija mill-Kumitat dwar id-Drittijiet tat-Tfal permezz tal-Kumment Ġenerali Nru 17 (2013) tiegħu dwar id-dritt tat-tfal li jistrieħu, ikollhom il-passatempi, jilagħbu, jieħdu sehem f'attivitajiet rikreattivi, u fil-ħajja kulturali u fl-arti (Artikolu 31).
(6) http://inclusion-international.org/living-in-community/.
(7) Sabiex bini jsir aċċessibbli ab initio jista' jżid l-ispiża totali tal-kostruzzjoni b'0,5 % (jew l-ebda żieda, f'ħafna każijiet), filwaqt li l-ispiża ta' adattament sussegwenti tista' tkun ogħla mill-persentaġġ jekk meħuda ab initio. L-aċċessibilità ta' informazzjoni u komunikazzjoni, inkluż l-ICT, għandha tintlaħaq ukoll ab initio għaliex adattament sussegwenti tal-Internet u tal-ICT jista' jżid l-ispejjeż, u għaldaqstant huwa iżjed ekonomiku li jiġu inkorporati aspetti ta' aċċessibilità obbligatorji tal-ICT mill-istadji l-iżjed bikrin tad-disinn u l-kostruzzjoni. (Abbozz ta' Kumment Ġenerali dwar l-Artikolu 9 – Kumitat UN CRPD). It-tul ta' ħajja medja ta' bini jew kwalunkwe infrastruttura fiżika oħra huwa iżjed minn 50 sena, filwaqt li għall-infrastruttura diġitali ma jilħaqx iżjed minn 3-4 snin. Wieħed għandu jsemmi wkoll li l-ispejjeż tal-kostruzzjoni huma ħafna inqas.
(8) (Abbozz ta' Kumment Ġenerali dwar l-Artikolu 9 – Kumitat UN CRPD).
(9) Mingħajr trasport aċċessibbli lejn l-iskejjel, mingħajr bini tal-iskejjel aċċessibbli, mingħajr informazzjoni u komunikazzjonijiet aċċessibbli, il-persuni b'diżabilitajiet ikunu mċaħħda mill-opportunità li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni (Artikolu 24 tal-CRPD). B'hekk l-iskejjel iridu jkunu aċċessibbli, kif inhu pprovdut b'mod espliċitu fl-Artikolu 9(1)(a) tal-CRPD. Iżda l-proċess kollu ta' edukazzjoni inklużiva jrid ikun aċċessibbli, mhux biss il-bini iżda wkoll l-informazzjoni u l-komunikazzjonijiet, is-servizzi ta' appoġġ u akkomodazzjoni raġonevoli fl-iskejjel (Abbozz ta' Kumment Ġenerali dwar l-Artikolu 9 – Kumitat UN CRPD).
(10) L-Artikolu 30 tal-CRPD jistabbilixxi li l-partijiet tal-Istat għandhom jirrikonoxxu d-dritt tal-persuni b'diżabilitajiet li jieħdu sehem fuq bażi ugwali ma' oħrajn fil-ħajja kulturali, u għandhom jieħdu l-miżuri adatt biex jiżguraw li persuni b'diżabiltiajiet:
|
(a) |
Igawdu aċċess għal materjali kulturali f'formats aċċessibbli; |
|
(b) |
Igawdu aċċess għal programmi televiżivi, films, teatru u attivitajiet kulturali oħra, f’formats aċċessibbli; |
|
(c) |
Igawdu aċċess għal postijiet ta’ wirjiet jew servizzi kulturali, bħal teatri, mużewijiet, swali taċ-ċinema, libreriji u servizzi turistiċi, u, sa fejn possibbli, igawdu aċċess għal monumenti u siti ta’ importanza kulturali nazzjonali. |
Tabilħaqq il-forniment ta' aċċess għal monumenti kulturali u storiċi kkunsidrati ta' patrimonju jista' jkun ta' sfida f'ċerti ċirkustanzi; madankollu, il-partijiet tal-Istat huma obbligati jaħdmu biex jipprovdu kemm jista' jkun aċċess għal dawk is-siti. Ħafna monumenti u siti ta' importanza kulturali nazzjonali saru aċċessibbli b'mod li ġiet ippreservata l-identità kulturali u storika kif ukoll il-karattru uniku tagħhom. (Abbozz ta' Kumment Ġenerali dwar l-Artikolu 9 – Kumitat UN CRPD).
It-Trattat internazzjonali dwar id-Dritt tal-Awtur tal-WIPO biex jiġi faċilitat l-aċċess għal xogħlijiet ippubblikati, u li ġie adottat f'Ġunju 2013, għandu jiżgura l-aċċess għal materjal kulturali mingħajr ostakli mhux raġonevoli jew diskriminatorji għal persuni b'diżabilitajiet, b'mod speċjali dawk li qed jiffaċċjaw sfidi fl-aċċess għal materjal stampat tradizzjonali.
(11) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 116-121.