EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0897
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL Evaluation of the European Qualification Framework (EQF) Implementation of the Recommendation of the European Parliament and the Council on the Establishment of the European Qualifications Framework for Lifelong Learning
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għal Tagħlim tul il-ħajja
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għal Tagħlim tul il-ħajja
/* COM/2013/0897 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Evalwazzjoni tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) Implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għal Tagħlim tul il-ħajja /* COM/2013/0897 final */
1.
Introduzzjoni Il-Qafas Ewropew
tal-Kwalifiki (QEK)[1] jippromwovi t-tagħlim
tul il-ħajja u jtejjeb il-mobbiltà, l-impjegabbiltà u l-integrazzjoni
soċjali tal-istudenti u tal-ħaddiema billi joħloq qafas Ewropew
ta’ referenza għas-sistema ta’ kwalifiki. Il-QEK jiffaċilita l-komparabbiltà
u r-rikonoxximent ta’ kwalifiki ta’ miljuni ta’ gradwati li qed ifittxu
opportunitajiet ta’ tagħlim ulterjuri jew li jidħlu fis-suq
tax-xogħol fl-Ewropa kull sena. Pereżempju, fl-2012, ir-Repubblika
Ċeka tat 900 tip ta’ kwalifika vokazzjonali lil kważi 150 000
student. Fl-istess sena, ingħataw madwar 69 000 tip ta’ kwalifika
rregolata lil madwar 16,8 miljun student fir-Renju Unit. Il-QEK jirrappreżenta
approċċ ġdid għall-kooperazzjoni Ewropea dwar il-kwalifiki.
Huwa jintroduċi tmien livelli ta’ referenza deskritti f’termini ta’
eżiti ta’ tagħlim, li jkopru l-forom u l-livelli kollha ta’
kwalifiki. Din l-attenzjoni fuq it-tagħlim tpoġġi lill-istudent fiċ-ċentru,
u hija importanti meta l-kwalifiki jiġu kkomparati u rikonoxxuti minn
pajjiżi differenti u minn kuntesti ta’ tagħlim differenti. Il-Kummissjoni ilha
żmien twil tenfasizza l-importanza li tiġi appoġġjata
l-komparabbiltà tal-ħiliet u tal-kwalifiki fl-UE kollha, speċjalment
fil-kuntest tal-livelli għoljin tal-qgħad tal-lum, peress li dan jagħmilha
eħfef biex l-istudenti u l-ħaddiema jiċċaqilqu bejn
il-pajjiżi u jimxu minn impjieg għal ieħor. Il-possibbiltà li
l-istudenti u l-ħaddiema jippreżentaw il-ħiliet u l-kwalifiki li
jkunu kisbu f’ambjenti ta’ tagħlim formali, informali u mhux formali, hija
partikolarment importanti fil-kuntest tal-inizjattivi ewlenin Ewropa 2020 “Żgħażagħ
Attivi”, l-“Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi Ġodda” u
l-“Aġenda Diġitali”, kif ukoll il-Pakkett tal-Impjiegi “Lejn irkupru
li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta’ impjiegi” u
r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux
formali u informali. Sabiex tappoġġja din il-ħidma u
tiżgura li l-ħiliet u l-kwalifiki jistgħu jiġu rikonoxxuti
faċilment bejn fruntiera u oħra, il-Kummissjoni ħabbret
l-intenzjoni tagħha li toħloq “Żona Ewropea
għall-Ħiliet u l-Kwalifiki” bħala parti mill-inizjattiva “Reviżjoni
tal-Edukazzjoni”[2] . Il-QEK qed jistimula
lill-gvernijiet nazzjonali biex jagħmlu r-rikonoxximent tal-kwalifiki
eħfef u iktar trasparenti: 36 pajjiż ipparteċipaw b’mod
volontarju fil-QEK (28 Stat Membru tal-UE, ħames pajjiżi kandidati u
l-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera). Dan ir-rapport
jippreżenta l-esperjenza tal-QEK sa issa u jiddiskuti implikazzjonijiet possibbli
għall-futur. Huwa jiddiskuti jekk ir-rakkomandazzjoni fil-forma attwali tagħha
tistax tlaħħaq mal-isfidi ġodda kkawżati mit-tibdiliet
soċjoekonomiċi u teknoloġiċi mgħaġġla u jekk
hix trawwem tagħlim flessibbli. Din l-evalwazzjoni qed issir fi żmien
ta’ importanza partikolari, sabiex tindirizza l-qgħad għoli u
l-għadd dejjem jiżdied ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim u
kwalifiki disponibbli. L-isfidi jinkludu n-numru dejjem jiżdied ta’
kwalifiki offruti minn fornituri privati, iktar kwalifiki internazzjonali, u l-fenomenu
riċenti ta' Korsijiet Onlajn Miftuħa Massivi (Massive Open Online
Courses (MOOCs)), li għandhom il-potenzjal li jilħqu ħafna
studenti. Din l-evalwazzjoni, flimkien mal-Europass u l-evalwazzjonijiet EQAVET
u r-rapport ta’ progress dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja,
se jgħinu biex jiġu identifikati l-isfidi għaż-Żona
Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki u possibbilment anke punti fejn din
tista' titjieb. 2. Eżiti
u impatt 2.1. Il-karatteristiċi ewlenin tal-QEK L-elementi li ġejjin huma fil-qalba tal-QEK: •
Tmien livelli ta’ referenza
Ewropej definiti f’termini ta’
eżiti ta’ tagħlim u kapaċi jaqbdu t-tipi u l-livelli kollha ta’
kwalifiki madwar l-Ewropa. Livelli QEK 5, 6, 7 u 8 huma kompatibbli
mad-deskrizzjonijiet ta’ kwalifiki ta’ ċikli qosra u t-tliet ċikli
tal-Qafas għall-Kwalifiki taż-Żona Ewropea ta’ Edukazzjoni Għolja
(QF-EHEA);[3] •
Approċċ dwar
l-eżiti ta’ tagħlim. Id-deskritturi
tal-livell huma espressi f’termini ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi
u mhumiex marbuta ma’ elementi tal-kuntest tat-tagħlim, bħall-perjodu
ta’ żmien tat-tagħlim jew il-lokalità; •
Prinċipji komuni
għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u
t-taħriġ vokazzjonali fil-kuntest tal-QEK. Twaqqaf Grupp Konsultattiv
(AG) għall-QEK u ġew stabbiliti Punti Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni
fl-Istati Membri sabiex jimplimentaw il-QEK. Il-Grupp Konsultattiv jiżgura koerenza
kumplessiva u jippromwovi trasparenza tal-proċess ta’ sistemi ta’
kwalifiki relatati mal-QEK. Fir-rwol tiegħu li jappoġġja r-referenzjar
fl-2009 tal-QEK, il-Grupp Konsultattiv adotta għaxar kriterji u
proċeduri għar-referenzjar tal-livelli nazzjonali tal-kwalifiki mal-QEK[4]. Dawn għenu sabiex jiġi stabbilit approċċ komuni
għall-preżentazzjoni ta’ riżultati ta’ referenzjar
għall-partijiet ikkonċernati. Il-pajjiżi kollha jużaw dawn
il-kriterji biex jistrutturaw ir-rapporti nazzjonali ta’ referenzjar
tagħhom. Xi kriterji (b’mod partikolari l-kriterji 3 u 4) jistgħu
jiġu interpretati b’modi differenti u jeħtieġu kjarifikazzjoni
ulterjuri biex jiżguraw koerenza kumplessiva dwar il-proċess ta’
referenzjar. L-appoġġ
tal-NCPs u, flimkien ma’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn, jiggwidaw
ir-relazzjoni bejn is-sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki u l-QEK u jippromwovu
l-kwalità u t-trasparenza ta’ dik ir-relazzjoni. 2.2. Inħaffu l-implimentazzjoni:
meħtieġ sens ġdid ta’ urġenza Ir-rakkomandazzjoni
tinkludi żewġ dati ta’ mira: •
2010: L-Istati Membri għandhom jirrelataw is-sistemi
nazzjonali ta’ kwalifiki tagħhom mal-QEK, b’mod partikolari billi jirreferenzjaw
il-livelli tal-kwalifiki tagħhom mal-QEK u, fejn neċessarju, jiżviluppaw
oqfsa nazzjonali ta’ kwalifiki (NQFs); •
2012: iċ-ċertifikati ta’ kwalifiki, id-diplomi
u d-dokumenti “Europass” kollha ġodda maħruġa mill-awtoritajiet
kompetenti għandhom jinkludu referenza ċara għal-livell tal-QEK
rilevanti. Il-pass importanti tal-2010 Sal-2010, erba’ Stati Membri rreferenzjaw
is-sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki tagħhom. Fl-2008, tlieta minnhom
kellhom diġà stabbilit NQF. Sa Ġunju 2013, għoxrin Stat Membru ppreżentaw
ir-rapporti nazzjonali tagħhom dwar ir-referenzjar mal-QEK. Il-pajjiżi
li baqa’ (tmien Stati Membri, erba’ pajjiżi kandidati u n-Norveġja)
qed jippjanaw li jiffinalizzaw ir-referenzjar tagħhom fl-2013-14. Sal-aħħar tal-2010 || FR, IE, MT, UK 2011 || BE-vl, CZ, DK, EE, LT, LV, NL, PT 2012 || AT, DE, HR, LU 2013 || BG, IT, PL, SI Għar-referenzjar || Stati Membri: BE-fr, BE-de, EL, ES, FI, HU, KY, RO, SE, SK, Pajjiżi kandidati: IS, ME, MK, TK Pajjiż taż-ŻEE: NO Tabella
1 — Ħarsa
ġenerali tal-implimentazzjoni tal-ewwel pass importanti tar-Rakkomandazzjoni
tal-QEK, Settembru 2013 It-tabella turi li r-Rakkomandazzjoni
tiġġenera riformi – pereżempju, l-iżvilupp ta’ NQFs
komprensivi bbażati fuq eżiti ta’ tagħlim — li jirrikjedu impenn
politiku u tekniku sinifikanti minn diversi partijiet ikkonċernati. Tali
żviluppi jieħdu ż-żmien. Għaldaqstant, minkejja
l-impenn nazzjonali qawwi għall-QEK, id-dewmien fl-implimentazzjoni tiegħu
jsir viżibbli. Sabiex jiġi evitat dewmien ulterjuri, il-pajjiżi
kollha għandhom jiffinalizzaw il-proċessi ta’ referenzjar
tagħhom sal-aħħar tal-2014 u jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni
iktar malajr. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-monitoraġġ
tagħha tal-implimentazzjoni tal-QEK fil-livell nazzjonali, jekk
neċessarju permezz ta’ skambji bilaterali, sabiex tgħin
lill-pajjiżi individwali jegħlbu l-isfidi speċifiċi
tagħhom. Għandu jiġi nnutat li rapport ta’
referenzjar huwa stampa tas-sistema ta’ kwalifiki ta’ pajjiż, filwaqt li
r-referenzjar huwa proċess kontinwu ta’ riflessjoni dwar sistemi ta’
kwalifiki li jinbidlu. Għalhekk, il-pajjiżi għandhom regolarment
jirrevedu r-rapporti ta’ referenzjar tagħhom u jinfurmaw lill-Grupp
Konsultattiv dwar kull tibdil u dwar kif irrispondew għall-kummenti
tal-partijiet ikkonċernati. Il-Grupp Konsultattiv għandu jistabbilixxi
kriterji u proċeduri għas-segwitu ta’ żviluppi fis-sistemi
nazzjonali ta’ kwalifiki u l-impatt tagħhom fuq ir-referenzjar. Il-pass importanti tal-2012 It-tieni
pass importanti għandu l-benefiċċju li jġib il-QEK
direttament għand l-istudenti, il-ħaddiema, l-istituzzjonijiet
tal-edukazzjoni u tat-taħriġ u għal min iħaddem.
L-inklużjoni tal-livelli tal-QEK dwar il-kwalifiki u s-supplimenti huwa
pass kbir ’il quddiem lejn il-faċilitazzjoni ta’ tqabbil aħjar
tal-kwalifiki madwar il-fruntieri. In-nuqqas li jintlaħaq
il-pass importanti ta’ referenzjar ikkawża dewmien sinifikanti sabiex
jintlaħaq dan it-tieni pass importanti. Sal-2012, pajjiż wieħed
biss inkluda l-livelli tal-QEK fis-supplimenti Europass tiegħu.
Żewġ pajjiżi inkludew il-livelli tal-QEK fil-bażijiet tad-dejta
tal-kwalifiki tagħhom. Sa Settembru 2013, tliet pajjiżi
ħarġu kwalifiki li rreferenzjaw livell tal-QEK u ħames
pajjiżi bdew jinkludu livelli tal-QEK fis-supplimenti Europass
tagħhom. Sitt pajjiżi oħra qed jippjanaw li jibdew jagħmlu
dan fl-2013-2014. || L-aħħar tal-2012 || Sett. 2013 Livell tal-QEK inkluż f’ċertifikati u diplomi ġodda || || CZ, DK, LT Livell tal-QEK inkluż fis-supplimenti Europass– Suppliment tad-Diplomi (ds) u/jew Suppliment taċ- Ċertifikati (cs) || FR (cs) || CZ (cs), DK (ds), EE (ds), IE (ds) Livell tal-QEK inkluż fil-bażijiet tad-dejta nazzjonali tal-kwalifiki || FR, UK || CZ, DK, Tabella 2: Ħarsa ġenerali tal-implimentazzjoni tat-tieni pass
importanti tar-Rakkomandazzjoni għall-QEK Issa qed jagħfas iż-żmien biex
jintlaħaq it-tieni pass importanti. L-inklużjoni tal-livell tal-QEK u
d-deskrizzjoni ċara tal-eżiti tat-tagħlim akkwistati jagħtu
għodda qawwija lill-individwi biex jikkomunikaw aħjar il-livell u
l-varjetà tal-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom. Dan huwa importanti speċjalment
fi żminijiet ta’ kriżi. Issa sar urġenti li jiżdied
ix-xogħol fuq livell nazzjonali sabiex jiġi żgurat li
sal-aħħar tal-2014, tal-inqas kwart tal-kwalifiki kollha
maħruġa fl-Ewropa jinkludu referenza għall-QEK. Il-pajjiżi jindirizzaw it-tieni pass
importanti b’modi differenti. Il-biċċa l-kbira tal-awtoritajiet
nazzjonali qed jikkunsidraw soluzzjonijiet tekniċi sabiex jintużaw
sistematikament fil-livell nazzjonali. Oħrajn iħallu f’idejn
l-istituzzjonijiet li joħorġu l-kwalifiki biex jiddeċiedu jekk u
kif jinkludu livelli QEK f’bażijiet ta’ dejta ta’ ċertifikati,
diplomi, supplimenti Europass u bażijiet ta’ dejta ta’ kwalifiki. B’mod
ġenerali, il-pajjiżi jaqblu li huwa meħtieġ
approċċ komuni tal-UE sabiex jiġi żgurat l-istess livell
ta’ trasparenza lill-istudenti u lill-ħaddiema kollha. Il-Grupp
Konsultattiv għandu jiżviluppa tali approċċ komuni. 2.3 Sistema koerenti L-istruttura ta’ tmien
livelli tal-QEK hija applikabbli għal sistemi nazzjonali ta’ kwalifiki u
għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati.
Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għandhom jew inkella qed
jiżviluppaw NQFs li jkopru t-tipi u l-livelli kollha ta’ kwalifiki
fl-edukazzjoni formali u s-sistemi ta’ taħriġ. L-għadd ta’
livelli ta' NQF jiddependi fuq il-ħtiġijiet nazzjonali. Il-prinċipji u
l-arkitettura ġenerali tal-QEK – id-definizzjoni ta’ ‘kwalifika’ u
l-livelli bbażati fuq eżiti ta’ tagħlim – jagħmluha iktar
faċli li jiġu kkomparati l-kwalifiki. Madankollu, għandhom
jiġu kkunsidrati ftit kwistjonijiet sostanzjali għal titjib futur:
Filwaqt li l-QEK
għandu l-għan li jkun punt ta’ riferenza għall-kwalifiki
kollha fl-Ewropa irrispettivament minn liema korp ikun ħariġhom,
ħafna NQFs huma limitati għal kwalifiki mogħtija minn
istituzzjonijiet pubbliċi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ.
Ftit NQFs biss ikopru kwalifiki mogħtija barra s-sistemi formali,
pereżempju fis-settur privat, li ħafna drabi huma importanti
għas-suq tax-xogħol. Sfida ewlenija hija li jiġi
żgurat li l-kwalifiki kollha fl-NQFs, inklużi dawk miksuba
permezz ta’ tagħlim mhux formali u informali, ikunu affidabbli u
jissodisfaw ir-rekwiżiti bażiċi tal-kwalità. Il-Grupp
Konsultattiv għandu jipprovdi gwida dwar kriterji komuni li
għandhom jiġu kkunsidrati għall-inklużjoni
tal-kwalifiki fl-NQFs.
Il-karatteristiki tal-QEK
attwali jistgħu ma jkunux adattati għal żviluppi
ġodda. Prattiki ġodda bħal tagħlim imħallat qed
jintużaw iktar ta’ spiss. L-MOOCs huma żvilupp riċenti
fl-edukazzjoni mill-bogħod, u jippermettu li jiġi organizzat
tagħlim madwar il-fruntieri u fiż-żoni kollha tal-ħin,
kull fejn hemm konnessjoni tal-internet.
Il-kwalifiki
saru jingħataw ukoll minn korpi internazzjonali u kumpaniji
multinazzjonali f’diversi pajjiżi fl-Ewropa u lil hinn. Xi pajjiżi
inkludewhom fl-NQFs tagħhom, iżda mhux dejjem bl-istess livell tal-QEK.
Dawn il-kwistjonijiet jitolbu li jkun hemm approċċ koerenti meta jsir
referenzjar mal-QEK mill-pajjiżi kollha sabiex tiġi evitata
l-konfużjoni għal min iħaddem u għad-detenturi
tal-kwalifiki.
Id-deskritturi
tal-livell tal-QEK għal ‘għarfien’ u ‘ħiliet’ jaqblu
mad-deskritturi nazzjonali. Madankollu, id-deskrittur tal-‘kompetenza’
huwa iktar problematiku peress li d-deskrittur inkluż
fl-Anness II mhux konsistenti għalkollox mad-definizzjoni ta’
‘kompetenza’ fl-Anness I. Id-deskrittur ta’ ‘kompetenza’ għandu
għaldaqstant jiġi kkjarifikat.
Il-prinċipji komuni dwar
l-assigurazzjoni tal-kwalità għenu pajjiżi li għaddejjin
minn proċess ta’ referenzjar. Għalkemm kienu intenzjonati li
jindirizzaw biss edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ u kwalifiki
ta’ edukazzjoni għolja, ovvjament huma rilevanti għal kwalifiki
oħra wkoll. Il-potenzjal tagħhom li jipprovdu gwida għal-livelli
kollha u t-tipi kollha ta’ kwalifiki għandu jsir espliċitu.
Xi kwistjonijiet
oħra diskussi iktar fil-fond fil-livell Ewropew huma relatati mal-kwalifiki
fil-livell 2-3 tal-QEK – kwalifiki tat-tluq mill-edukazzjoni obbligatorja
u fil-livell 3-5 tal-QEK – li jinkludu kwalifiki meta student
jispiċċa mill-iskola obbligatorja u li jagħtu aċċess
għal edukazzjoni għolja u kwalifiki Master fis-snajja’.
Skont
il-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar ir-Rikonoxximent, il-kwalifiki li jkollu student
meta jispiċċa mill-edukazzjoni obbligatorja li jagħtu
aċċess għal edukazzjoni għolja, kumplessivament huma
ekwivalenti, u jagħtu aċċess għal edukazzjoni għolja
fl-Ewropa kollha u lil hinn. Il-fatt li dawn il-kwalifiki jiġu relatati
ma’ livelli tal-QEK differenti jissuġġerixxi differenza fil-livell
tal-eżiti tat-tagħlim miksuba, li tista’ tippreżenta ostakli
għall-mobbiltà ta’ dawk l-istudenti li jispiċċaw l-iskola
obbligatorja li jixtiequ jkollhom aċċess għal edukazzjoni
għolja f’pajjiż ieħor. F’xi każijiet,
kwalifiki nazzjonali bl-istess isem/titlu jvarjaw fil-kontenut u fil-kumplessità.
F’każijiet oħra, il-pajjiżi għandhom interpretazzjonijiet
differenti dwar kif l-eżiti tat-tagħlim jidħlu l-aħjar
f’livell tal-QEK. Dawn id-differenzi, anke jekk leġittimi, mhumiex se
jinftiehmu minn persuni li għalihom it-titlu tal-kwalifika jibqa’ simili u
għaldaqstant għandu jippreżenta kwalifika simili. L-iskambjar
ta’ informazzjoni u l-ħruġ ta’ gwida fil-livell Ewropew għandu
jkompli jkollu l-għan li jagħmel id-deċiżjonijiet ta’
referenzjar miftiehma u fdati.
Id-disinn tal-QEK huwa kompatibbli b’mod
sħiħ mal-QF-EHEA. Qed tiġi żgurata koerenza
fl-implimentazzjoni, b’mod partikolari minħabba li l-Kunsill tal-Ewropa
(CoE) jipparteċipa f’laqgħat tal-Grupp Konsultattiv u tal-NCP u
l-Kummissjoni tattendi laqgħat QF-EHEA. Din il-koerenza
għamlitha possibbli għall-biċċa l-kbira
tal-pajjiżi li jwettqu r-referenzjar tal-QEK tagħhom u
l-awtoċertifikazzjoni tal-QF-EHEA fi proċess uniku, u li
jippreżentaw rapport uniku li jindirizza l-kriterji
taż-żewġ proċessi. Diversi pajjiżi li
pparteċipaw f’Bologna li mhumiex QEK, żviluppaw ukoll NQFs
tat-tagħlim tul il-ħajja bbażati fuq l-eżiti
tat-tagħlim. Ikun utli li jiġu evalwati l-opinjonijiet
tal-pajjiżi dwar il-valur miżjud ta’ żewġ oqfsa ġenerali
Ewropej ta’ kwalifiki.
2.4 Il-QEK bħala
għodda ċentrali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki u
għall-iżgurar tat-trasparenza Il-QEK jirrelata mal-livelli u t-tipi kollha ta’
kwalifiki. Il-koerenza bejn il-QEK u politiki u għodod Ewropej oħra[5] li għandhom l-għan li jtejbu t-trasparenza tal-ħiliet u
kwalifiki (bħal pereżempju QF-EHEA, Europass, ECTS, ECVET, id-Direttiva 2005/36,
ESCO, validazzjoni ta’ tagħlim informali u mhux formali) kif ukoll oqfsa u
prinċipji li jiżguraw il-kwalità (EQAVET u ESG) hija fundamentali
għall-effettività u l-impatt tagħhom. Dawn kollha jiffaċilitaw
il-moviment ħieles tal-persuni u jippromwovu tagħlim tul il-ħajja,
u xi wħud jaqsmu l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim. Il-QEK u s-sistemi Ewropej għat-trasferiment
u l-akkumulazzjoni tal-krediti, jiġifieri l-ECTS u l-ECVET, huma koerenti
fil-prinċipji sottostanti tagħhom, iżda għadhom mhux
allinjati għalkollox fl-implimentazzjoni prattika tagħhom. L-ECTS jintuża
f’madwar 75 % tal-korsijiet ta’ edukazzjoni ogħla. Filwaqt li
l-biċċa l-kbira tal-programmi issa huma deskritti f’termini ta’
eżiti ta’ tagħlim intenzjonati, l-isfida hija li jiġu
estiżi l-eżiti tat-tagħlim għad-disinn u l-valutazzjoni
tal-programm. Ir-reviżjoni li għaddejja tal-gwida tal-ECTS se
tipprovdi gwida Ewropea addizzjonali. L-ECVET hija bbażata b’mod
sħiħ fuq eżiti tat-tagħlim, iżda għadha fi stadju
iktar bikri ta’ implimentazzjoni. Il-prinċipji komuni tal-QEK dwar
l-assigurazzjoni tal-kwalità huma b’mod ġenerali kompatibbli
mal-istandards u l-linji gwida Ewropej (European standards and guidelines (ESG))
u mal-EQAVET. Madankollu, il-prinċipji tat-tliet għodod kollha
jirreferu għall-assigurazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni u
t-taħriġ b’mod ġenerali biss, u ma jipprovdux gwida
speċifika għall-iżgurar tal-kwalità tal-approċċ
tal-eżiti tat-tagħlim, il-kwalifi u l-oqfsa tal-kwalifiki. L-evalwazzjonijiet
li għaddejjin tal-QEK, l-EQAVET u r-reviżjoni tal-ESG għandhom
jintużaw sabiex jiġi identifikat fejn jistgħu jintlaħqu
sinerġiji oħra bejn l-oqfsa ta’ kwalifiki Ewropej u arranġamenti
tal-assigurazzjoni tal-kwalità. Il-QEK huwa konsistenti mal-Konvenzjoni ta’
Lisbona dwar ir-Rikonoxximent (LRC),[6] li tiffaċilita r-rikonoxximent ta’ kwalifiki fi u
l-aċċess għall-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. It-test
sussidjarju tal-LRC dwar l-użu ta’ oqfsa ta’ kwalifiki fir-rikonoxximent
ta’ kwalifiki barranin, adottat f’Ġunju 2013 jinkoraġġixxi
rabtiet iktar mill-qrib bejn l-oqfsa tal-kwalifiki u r-rikonoxximent
tal-kwalifiki għall-finijiet ta’ tagħlim ulterjuri. Madankollu,
il-prattiki tar-rikonoxximent fil-livell istituzzjonali rarament jikkunsidraw
l-oqfsa tal-kwalifiki u ż-żieda fit-trasparenza miġjuba
mill-oqfsa Ewropej. Teżisti inqas koerenza mad-Direttiva dwar
ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali. Id-direttiva taħdem
b’ħames livelli u kriterji ta’ input bħall-perjodu ta’ żmien
għar-rikonoxximent tal-kwalifiki fis-suq tax-xogħol, filwaqt li l-QEK
għandu tmien livelli bbażati fuq l-eżiti tat-tagħlim. Dan
ikkawża inċertezza fost il-partijiet ikkonċernati.
Għaldaqstant, id-direttiva l-ġdida[7] tipprevedi sinerġiji mal-QEK. Hija żżomm is-sistema ta’
ħames livelli ta’ inputs, iżda tagħmel possibbli l-istabbiliment
ta’ ‘oqfsa komuni ta’ taħriġ’ li jippermettu lill-pajjiżi biex
jaqblu dwar livelli minimi ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi marbuta
mal-livelli tal-QEK. Abbażi ta’ dan, il-pajjiżi awtomatikament se
jkunu jistgħu jirrikonoxxu kwalifiki professjonali. Ir-rakkomandazzjoni tipprevedi rabta mill-qrib
mal-Europass. Is-supplimenti Europass għandhom jirreferu għal-livell tal-QEK
korrispondenti, iżda dan rarament jiġri minħabba
l-implimentazzjoni limitata tat-tieni pass importanti tal-QEK. Fl-aħħar nett, jeżistu rabtiet
mill-qrib bejn l-iżvilupp tal-Klassifikazzjoni Ewropea tal-Ħiliet,
Kompetenzi, Kwalifiki u Okkupazzjonijiet multilingwi (European multilingual
Skills, Competences, Qualifications and Occupations classification (ESCO)) u l-QEK.
Il-kwalifiki li huma relatati mal-QEK se jkunu inklużi indirettament
fl-ESCO. Dan se jsir permezz tal-portal tal-QEK, li se jorbot flimkien
il-bażijiet tad-dejta nazzjonali dwar il-kwalifiki. Il-kwalifiki internazzjonali
li mhumiex inklużi fl-NQFs se jiġu inklużi direttament fl-ESCO.
L-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim użat fil-QEK u l-ESCO
għandu jiġi kkoordinat. 2.5 Governanza Il-QEK huwa rregolat mill-Grupp Konsultattiv u
l-NCPs (taqsima 2.1). Il-Grupp Konsultattiv huwa kompost minn rappreżentanti ta’: ·
36 pajjiż (28 Stat Membru, ħames
pajjiżi kandidati, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera);
·
L-imsieħba soċjali Ewropej (ETUC,
BusinessEurope, UAEPME, CEEP); ·
L-organizzazzjonijiet umbrella Ewropej li
jagħtu l-kwalifiki (Eurochambres, EUCIS-LLL, EUA); kif ukoll ·
partijiet ikkonċernati oħra (servizzi
Pubbliċi tal-Impjiegi, l-Unjoni Ewropea tal-Istudenti, iċ-Ċentru
Ewropew tal-Voluntiera, il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ).
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (CoE)
jipparteċipa fil-Grupp Konsultattiv sabiex tiġi żgurata koerenza
bejn il-QEK u l-QF-EHEA. Is-Cedefop u l-Fondazzjoni Ewropea
tat-taħriġ jappoġġjaw il-Grupp Konsultattiv. Il-Grupp Konsultattiv jipprovdi gwida effettiva
għall-proċessi nazzjonali ta’ referenzjar u jibni fiduċja u
ftehim fost il-pajjiżi parteċipanti. Il-mandat tiegħu ġie
estiż fl-2012 sabiex jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjoni
tal-Kunsill dwar il-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali[8]. Dan għandu l-għan li jsaħħaħ iktar
ir-rabtiet bejn l-oqfsa tal-kwalifiki u l-arranġamenti ta’ validazzjoni,
li għadhom iridu jiġu żviluppati f’ħafna pajjiżi. L-NCPs ġew
stabbiliti f’36 pajjiż. Huma
jinsabu f’diversi stabbilimenti istituzzjonali, inklużi ministeri,
aġenziji nazzjonali, awtoritajiet nazzjonali tal-kwalifiki,
istituzzjonijiet edukattivi tar-riċerka u ċentri edukattivi
tal-informazzjoni. L-effettività tagħhom b’mod ġenerali tiddependi fuq kemm huma marbuta
mill-qrib mal-governanza nazzjonali tal-proċess tal-NQF/QEK.
L-NCPs jiffukaw
il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet tagħhom fuq il-komunikazzjoni
mal-partijiet ikkonċernati, iżda huma jsibuha bħala sfida li
jikkomunikaw mal-imsieħba
soċjali għandhom nuqqas fil-kompetenza tal-komunikazzjoni mal-pubbliku iktar wiesa’.
L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jivvalutaw kif l-NCPs jistgħu
jikkomunikaw aħjar ma’ varjetà ta’ partijiet ikkonċernati u kif
jistabbilixxu strateġiji ta’ komunikazzjoni. Għalkemm fl-aħħar tliet snin l-NCPs
użaw biss madwar 75 % tal-baġit disponibbli tagħhom
minħabba diffikultajiet organizzazzjonali inizjali u tibdil fl-iskedi ta’
referenzjar, l-attivitajiet tagħhom kienu kkunsidrati kruċjali
għall-implimentazzjoni tal-QEK fil-livell nazzjonali. Il-portal tal-QEK jikkomunika dwar l-QEK u
r-riżultati tal-proċessi nazzjonali ta’ referenzjar. Huwa jippermetti
li jiġu kkomparati livelli nazzjonali ta’ kwalifiki mal-QEK u li ssir
riċerka dwar il-kwalifiki. Il-funzjoni ta’ tqabbil turi informazzjoni dwar
disgħa minn għoxrin pajjiż li rreferenzjaw. Ir-riċerka dwar
il-kwalifiki individwali se tkun possibbli biss fl-aħħar tal-2013.
Teżisti sfida sinifikanti minħabba li l-bażijiet tad-dejta
nazzjonali tal-kwalifiki għadhom ma jeżistux fil-pajjiżi kollha
u li dawk eżistenti ma jkoprux il-kwalifiki kollha fl-NQFs. Il-portal jeħtieġ
maġġoranza kritika ta’ pajjiżi li jipparteċipaw sabiex
il-potenzjal tiegħu jkun jista’ jiġi sfruttat b’mod sħiħ. 2.6 Impatt u sostenibbiltà Għalkemm ma teżistix statistika dwar
l-impatt tal-QEK fuq it-tagħlim tul il-ħajja u l-mobbiltà u
l-implimentazzjoni tagħha fi stadju bikri, it-trasferiment lejn
l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim huwa suċċess
kbir. Huwa witta t-triq għal modi iktar flessibbli ta’ tagħlim u
l-validazzjoni ta’ tagħlim mhux formali u informali. Il-QEK kellu impatt fuq iktar minn 36 pajjiż
parteċipant. Diversi pajjiżi msieħba tal-UE adottaw
kunċetti tal-QEK għall-iżviluppi nazzjonali u reġjonali
tagħhom stess u pajjiżi minn reġjuni oħra tad-dinja qed
ifittxu li jiddjalogaw mal-QEK. Minħabba l-livell ta’ impenn politiku
għall-QEK, l-għodda komuni ta’ referenza se tkun sostenibbli
mingħajr appoġġ finanzjarju Ewropew, iżda partijiet
ikkonċernati jqisu li l-koordinazzjoni qawwija fil-livell tal-UE hija
fundamentali għall-implimentazzjoni koerenti u trasparenti. 3. Konklużjonijiet Is-sejbiet jikkonfermaw li
l-QEK b’mod ġenerali huwa aċċettat bħala punt ta’ referenza
għall-iżvilupp ta’ oqfsa ta’ kwalifiki, li jimplimenta
l-approċċ tal-eżiti tat-tagħlim u li jsaħħaħ
it-trasparenza u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi. Jista’ jkun
ċentrali f’Żona Ewropea ta’ Ħiliet u Kwalifiki fil-futur. Madankollu, id-dewmien
fl-implimentazzjoni ħoloq sens ta’ urġenza. L-UE għandha
tagħmilha possibbli għall-istudenti u l-ħaddiema li jagħmlu
l-ħiliet tagħhom iktar viżibbli irrispettivament minn fejn kisbuhom.
Għandha tagħmel l-QEK operazzjonali għalkollox malajr kemm
jista’ jkun. Abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni,
il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jiġu kkunsidrati l-miżuri
li ġejjin sabiex tissaħħaħ ir-rilevanza, l-effettività u
l-impatt tal-QEK: Jitħaffef
ir-referenzjar tal-QEK u jiġu żviluppati oqfsa nazzjonali
tal-kwalifiki Il-pajjiżi kollha
għandhom jiżviluppaw NQFs b’saħħithom li jinftiehmu u
jintużaw mill-partijiet ikkonċernati. Għandhom jibnu fuq
konsultazzjonijiet nazzjonali, jistabbilixxu kunsens ġenerali dwar kif
livelli nazzjonali ta’ kwalifiki jirrelataw mal-QEK u jaħdmu sabiex jiffinalizzaw
l-ewwel rapport ta’ referenzjar tagħhom sal-2014. Jissaħħu
r-rwol u l-impatt tal-oqfsa tal-kwalifiki abbażi tal-eżiti
tat-tagħlim fil-livelli nazzjonali u Ewropej Il-gvernijiet għandhom
jimpenjaw ruħhom li jużaw l-approċċ tal-eżiti
tat-tagħlim fis-subsistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ kollha,
billi jimplimentaw NQFs komprensivi li jinkludu kwalifiki mogħtija kemm fi
ħdan is-sistemi tradizzjonali ta’ edukazzjoni u taħriġ formali
kif ukoll barra minn dawn is-sistemi. L-NQFs għandhom jiġu integrati fil-prattiki
kumplessivi tal-edukazzjoni, u t-taħriġ formali. Fil-livell Ewropew,
id-deskrittur tal-‘kompetenza’ fl-Annessi I u II għar-rakkomandazzjoni
għandu jiġi kjarifikat. Jissaħħaħ ir-referenzjar trasparenti u koerenti tal-QEK,
b’kunsiderazzjoni għan-natura li qed tinbidel tas-sistemi ta’ kwalifikazzjoni
Ir-referenzjar għandu jidher bħala proċess kontinwu, u ma
għandux ikun limitat għall-preżentazzjoni ta’ rapport ta’
referenzjar wieħed. Il-Grupp Konsultattiv għandu jipprovdi gwida dwar
il-kriterji 3 u 4 u jiżviluppa strateġija komprensiva
għas-segwitu ta’ rapporti ta’ referenzjar fil-futur. Dan għandu
jinkludi monitoraġġ imsaħħaħ ta’ kif il-pajjiżi
jikkunsidraw il-kummenti tal-Grupp Konsultattiv dwar rapporti nazzjonali ta’ referenzjar
u kif jiġu indirizzati inkonsistenzi ta’ referenzjar bejn il-pajjiżi.
Il-Grupp Konsultattiv għandu jappoġġja wkoll komunikazzjoni fost
il-partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet ta’ referenzjar li huma ta’
sfida. Tissaħħaħ
ir-rabta bejn l-assigurazzjoni Ewropea tal-kwalità u l-oqfsa tal-kwalifiki Il-prinċipji
komuni tal-QEK dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità, l-EQAVET u l-ESG, għandhom
isiru iktar koerenti u għandhom jappoġġjaw l-approċċ
tal-eżiti tat-tagħlim, bil-għan li jiġu żviluppati
prinċipji koerenti ta’ assigurazzjoni tal-kwalità għat-tagħlim
tul il-ħajja. Apparti minn fiduċja ikbar fil-kwalifiki, fl-oqfsa
tal-kwalifiki u fir-referenzjar għall-QEK, dan jista’ jwassal ukoll
għal iktar fiduċja u permeabbiltà aħjar bejn is-subsistemi
tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Titjieb
il-komunikazzjoni dwar il-QEK, sabiex l-istudenti, il-ħaddiema u partijiet
ikkonċernati oħra jintlaħqu aħjar u jiġu infurmati
dwar il-benefiċċji tal-QEK Wara li
jirreferenzjaw il-kwalifiki tagħhom mal-QEK, il-pajjiżi għandhom
jiżguraw li ċ-ċertifikati, id-diplomi u s-supplimenti Europass
ġodda kollha jinkludu riferenza għal-livell tal-QEK rilevanti.
Il-pajjiżi għandhom iwaqqfu bażijiet tad-dejta/reġistri
nazzjonali u dawn ikollhom ħolqa mal-portal tal-QEK. Il-portal tal-QEK
għandu jkollu ħolqa mal-portal Ewropew dwar l-opportunitajiet
tat-tagħlim (Ploteus) u l-ESCO. Il-Kummissjoni se tesplora kif l-għodod
tal-internet jistgħu jintużaw biex joffru servizzi relatati
mal-ħiliet lill-istudenti, il-ħaddiema u partijiet ikkonċernati
oħra sabiex jiġu appoġġjati l-mobbiltà, it-tagħlim tul
il-ħajja, u l-impjegabbiltà. Isir użu aħjar tal-QEK f’politiki u għodod
għall-mobbiltà u t-tagħlim tul il-ħajja Il-QEK
jista’ jkun il-qofol li miegħu jirrelataw politiki u għodod Ewropej
oħra, bħat-trasferiment tal-krediti u r-rikonoxximent. L-oqfsa
tal-kwalifiki u s-sistemi tal-krediti bbażati fuq l-eżiti
tat-tagħlim jiffaċilitaw modi iktar flessibbli ta’ tagħlim
individwali f’istituzzjonijiet, setturi u pajjiżi differenti.
Il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati għandhom
isaħħu u jispjegaw ir-rabtiet bejn il-QEK u s-sistemi Ewropej
tat-trasferiment u ta’ akkumulazzjoni tal-krediti. Il-pajjiżi
għandhom jużaw iktar il-QEK bħala sors addizzjonali
tal-informazzjoni għall-awtoritajiet kompetenti biex jeżaminaw ir-rikonoxximent
ta’ kwalifiki maħruġa fi Stati Membri oħra fil-kuntest
tad-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali u
fil-pajjiżi ET2020 fil-kuntest tal-Konvenzjoni ta’ Lisbona dwar
ir-Rikonoxximent. Jiġi kkjarifikat
ir-rwol tal-QEK b’relazzjoni mal-kwalifiki internazzjonali u mal-pajjiżi u
r-reġjuni barra mill-Ewropa Il-QEK
qed jintuża dejjem iktar bħala punt ta’ referenza għall-komparabbiltà
tal-kwalifiki. Il-proċess ta’ referenzjar eżistenti u l-kriterji
tiegħu għandu jiżgura li l-QEK ikopri t-tipi kollha ta’
kwalifiki, inklużi l-kwalifiki internazzjonali. Għandhom ikomplu
jiġu esplorati modi kif il-QEK jista’ jappoġġja l-komparabbiltà
u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba barra mill-Ewropa. Il-QEK jiġi żviluppat sabiex isir adattat aħjar
għall-iżviluppi attwali fit-tagħlim onlajn u l-kwalifiki
internazzjonali Il-QEK għandu jkopri kwalifiki internazzjonali u
kwalifiki li jinkludu moduli kompluti f’pajjiżi differenti jew li
jitħalltu wiċċ imb wiċċ u t-tagħlim onlajn. Il-QEK
jista’ jsir biss qafas verament komprensiv jekk jadatta għal dawn
l-iżviluppi ġodda u jibqa’ kapaċi jżomm mat-tibdil
fil-provvediment tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Komunikazzjoni 'Reviżjoni tal-Edukazzjoni' enfasizzat ir-rwol tal-edukazzjoni
fit-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u l-impjieg. Waħda mill-proposti
tagħha tikkonċerna t-twettiq ta’ xogħol esploratorju dwar
sinerġiji ulterjuri bejn għodod tal-UE għat-trasparenza u
r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki. Dan għandu jkun indirizzat
lejn il-bini ta’ Żona Ewropea ta’ Ħiliet u Kwalifiki li fiha
kulħadd jista’ jiċċaqlaq b’mod ħieles u jkollu l-kompetenzi
u l-kwalifiki tiegħu/tagħha rikonoxxuti malajr għal tagħlim
ulterjuri u jkunu jinftiehmu b’mod adegwat minn min iħaddem. Il-Kummissjoni se
tiddiskuti l-konklużjonijiet ippreżentati f’dan ir-rapport
mal-partijiet ikkonċernati rilevanti anke matul dibattitu pubbliku dwar
iż-Żona Ewropea tal-Ħiliet u l-Kwalifiki fix-xitwa 2013/2014.
Abbażi tal-konklużjonijiet ta’ dan id-dibattitu u l-valutazzjoni
tal-Impatt, il-Kummissjoni tista’ tikkunsidra li tipproponi reviżjoni
tal-bażi ġuridika attwali tal-QEK — (2008/C 111/01)
Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008. [1] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/eqf_en.htm. [2] COM(2012) 669 finali. [3] http://www.ehea.info/Uploads/qualification/QF-EHEA-May2005.pdf. [4] http://ec.europa.eu/eqf/documentation_en.htm
[5] http://ec.europa.eu/education/lifelong-learning-policy/mobility_en.htm. [6] ETS 165 —
Recognition Qualifications 1997 Higher Education in the European Region, 11.IV.1997. [7] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:52011PC0883:MT:NOT
[8] http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:2012:398:0001:0005:MT:PDF