This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0843
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT AND THE COUNCIL on the Joint Report from the Commission and the U.S. Treasury Department regarding the value of TFTP Provided Data pursuant to Article 6 (6) of the Agreement between the European Union and the United States of America on the processing and transfer of Financial Messaging Data from the European Union to the United States for the purposes of the Terrorist Finance Tracking Program
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżm
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżm
/* COM/2013/0843 final */
ANNESS Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament tat-Terroriżmu /* COM/2013/0843 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni
u mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta
Pprovduta mit-TFTP, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea
u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta
dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti
għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament
tat-Terroriżm
Bażi ġudirika
F'konformità
mal-Artikolu 6(6) tal-Ftehim Bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti
tal-Amerika dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment ta’ Dejta dwar
Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti
tal-Amerika għall-Finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar
tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-"Ftehim"), il-Kummissjoni
Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti ħejjew ir-rapport
konġunt rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta mill-Programm dwar
ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu - TFTP
(ir-"Rapport Konġunt"), "b'enfażi partikolari fuq
il-valur tad-dejta miżmuma għal diversi snin u fuq l-informazzjoni
rilevanti akkwistata mir-rieżami konġunt li jkun sar skont
l-Artikolu 13."
Aspetti proċedurali
Il-modalitajiet
ta' dan ir-Rapport ġew determinati b'mod konġunt mill-Kummissjoni
Ewropea u mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, f'konformità
mal-Artikolu 6(6) tal-Ftehim. F'Diċembru 2012,
il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti taw bidu
għal diskussjonijiet dwar il-modalitajiet, il-mandat u l-metodoloġija
għar-rapport. Fil-25 ta’ Frar 2013, it-timijiet ta’
valutazzjoni tal-UE u tal-Istati Uniti ltaqgħu f’Washington, D.C. biex
jiddiskutu dwar it-tħejjija tar-Rapport, u fl-14 ta’ Mejju 2013
sejħu t-tieni laqgħa tagħhom fil-binja tal-Europol li tinsab
fl-Aja. Matul il-laqgħa fl-Aja, it-timijiet tal-UE u tal-Istati Uniti
ltaqgħu wkoll mar-rappreżentanti tal-Europol biex jiddiskutu dwar
il-kontribut inizjali min-naħa tal-partijiet kollha u dwar il-passi li
jmiss. Min-naħa
tal-UE, fit-13 ta’ Mejju 2013 il-Kummissjoni Ewropea organizzat
laqgħa klassifikata mar-rappreżentanti tal-Istati Membri. L-Istati
Membri u l-Europol ipprovdew kontributi bil-miktub, li ġew ikkunsidrati u
li saret riflessjoni dwarhom waqt li kien qed jitħejja dan ir-Rapport.
Għal dan il-għan, l-Europol ħareġ kwestjonarju indirizzat
lill-Istati Membri kollha kkonċernati sabiex jiġbor l-informazzjoni
rilevanti għall-kontribut tiegħu għal dan ir-Rapport.
Il-kwestjonarju kellu l-għan li jikseb il-perspettiva attwali dwar il-valur
miżjud tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP, fir-rigward ta' każijiet
speċifiċi investigati mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri
rilevanti. Bejn
l-1 ta’ Frar u l-24 ta’ Mejju 2013, it-tim ta’
valutazzjoni tal-Istati Uniti intervista lill-investigaturi li
jiġġieldu kontra t-terroriżmu f’diversi aġenziji,
eżamina mill-ġdid il-każijiet kontra t-terroriżmu fejn
intuża t-TFTP u analizza aktar minn 1 000 rapport tat-TFTP sabiex
jivvaluta l-valur tal-informazzjoni miksuba permezz tat-TFTP.
Il-kamp ta’ applikazzjoni
Id-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti, l-Europol u l-Istati Membri pprovdew
l-informazzjoni għar-Rapport. Ir-Rapport jiffoka fuq kif intużat
id-Dejta Pprovduta mit-TFTP u kemm din id-dejta kienet ta' valur
għall-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti u
fl-UE. Ir-Rapport jinkludi diversi eżempji konkreti fejn id-dejta
mit-TFTP, inkluża d-dejta miżmuma għal tliet snin jew aktar,
kienet ta’ valur għall-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu,
fl-Istati Uniti u fl-UE, sa minn meta daħal fis-seħħ il-Ftehim
fl-1 ta’ Awwissu 2010 u anke qabel. Flimkien ma’ dan
ir-Rapport, ġew ippreżentati eżempji oħra li jindikaw
l-utilità u l-valur tad-dejta mit-TFTP fil-kuntest taż-żewġ
rieżamijiet konġunti li saru fi Frar 2011 u f’Ottubru 2012,
skont l-Artikolu 13 tal-Ftehim. B'mod globali, dawn il-ġabriet ta'
informazzjoni fattwali u konkreta jikkostitwixxu pass konsiderevoli ‘l quddiem
biex jiġi spjegat ulterjorment it-tħaddim tat-TFTP u l-valur
miżjud tiegħu. Ir-Rapport
jiddeskrivi wkoll il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-perjodi ta'
żamma ta' dejta mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti, u
t-tneħħija tad-dejta li ma tkunx ġiet estratta. Ir-Rapport juri
li d-Dejta Pprovduta mit-TFTP, inkluża d-dejta miżmuma għal
diversi snin, kienet qed tkun ta' valur importanti ħafna
għall-isforzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti,
fl-Ewropa, u fi bnadi oħra. Permezz ta' din
il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed titrasferixxi r-Rapport Konġunt
bħala Anness lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. ANNESS Rapport
Konġunt mill-Kummissjoni u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti
rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP skont l-Artikolu 6(6)
tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar
l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar Messaġġi
Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika
għall-finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament
tat-Terroriżmu għall- Komunikazzjoni
mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar
ir-Rapport Konġunt mill-Kummissjoni u d-Dipartiment tat-Teżor
tal-Istati Uniti rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP skont
l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti
tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Dejta dwar
Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti
tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament
tat-Terroriżmu
Sommarju
eżekuttiv
Skont
l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti
tal-Amerika dwar l-Ipproċessar u t-Trasferiment ta’ Dejta dwar
Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti
tal-Amerika għall-Finijiet tal-Programm dwar is-Segwiment tal-Finanzjament
tat-Terroriżmu (il-Ftehim), il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti ppreparaw dan ir-rapport konġunt rigward
il-valur tad-Dejta Pprovduta għall-Programm ta' Segwiment tal-Finanzjament
tat-Terroriżmu (TFTP), "b’enfasi partikolari fuq il-valur tad-dejta
miżmuma għal snin multipli u informazzjoni rilevanti miksuba minn
rieżami konġunt li sar skont l-Artikolu 13." L-informazzjoni
għar-Rapport ġiet ipprovduta mid-Dipartiment tat-Teżor
tal-Istati Uniti, il-Europol u l-Istati Membri. Ir-Rapport jiffoka fuq kif
id-Dejta Pprovduta tat-TFTP ġiet użata u l-valur li d-dejta
ġġib f'investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-Istati Uniti u
l-UE. Ir-Rapport jinkludi diversi eżempji konkreti fejn id-dejta tat-TFTP,
inkluż id-dejta miżmuma għal tliet snin jew aktar, kienet ta’
valur f’investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, fl-Istati Uniti u l-UE,
qabel ma’ u minn meta l-Ftehim daħal fis-seħħ
fl-1 ta’ Awwissu 2010. Flimkien ma’ dan ir-rapport,
eżempji oħra tal-utilità u l-valur tad-dejta tat-TFTP ġiet
ippreżentata fil-kuntest taż-żewġ rieżamijiet
konġunti li saru fi Frar 2011 u f’Ottubru 2012, skont
l-Artikolu 13 tal-Ftehim. Fl-intier tagħhom, dawn is-settijiet ta’
informazzjoni fattwali u konkreti jikkostitwixxu pass konsiderevoli ‘l quddiem
li jispjegaw iktar il-funzjonament u l-valur miżjud tat-TFTP. Ir-Rapport
jiddeskrivi wkoll il-metodoloġija għall-valutazzjoni tal-perjodi
taż-żamma mid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u
t-tħassir ta' dejta mhux estratta. Ir-Rapport juri
li d-Dejta Pprovduta tat-TFTP, inkluż id-dejta miżmuma għal
diversi snin, bdiet tagħti valur importanti ħafna lill-isforzi kontra
t-terroriżmu fl-Istati Uniti, l-Ewropa, u bnadi oħra. 2.
Sfond It-TFTP
twaqqfet mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti ftit wara l-attakki
terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001 meta dan beda
joħroġ ordnijiet ta' produzzjoni vinkolanti lil fornitur ta' servizzi
ta' messaġġi dwar pagamenti finanzjarji għal dejta ta'
messaġġi dwar pagamenti finanzjarji maħżuna l-Istati Uniti
li jintużaw esklussivament għall-ġlieda kontra t-terroriżmu
u l-finanzjament tiegħu. Sal-aħħar tal-2009, il-fornitur kien
jaħżen il-messaġġi finanzjarji rilevanti kollha fuq
żewġ servers identiċi, li jinsabu fl-Ewropa u l-Istati Uniti.
Fl-1 ta’ Jannar 2010, il-fornitur implimenta l-arkitettura
ġdida tiegħu għall-messaġġi, li tikkonsisti
f’żewġ żoni tal-ipproċessar – żona waħda
fl-Istati Uniti u l-oħra fl-Unjoni Ewropea. Sabiex tiġi żgurata
l-kontinwità tat-TFTP taħt dawn il-kundizzjonijiet il-ġodda, ftehim
ġdid bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar din il-kwistjoni ġie
kkunsidrat neċessarju. Wara li verżjoni inizjali tal-Ftehim ma
rċevietx il-kunsens tal-Parlament Ewropew, ġiet innegozjata
verżjoni riveduta u ntlaħaq ftehim dwarha fis-sajf tal-2010.
Il-Parlament Ewropew ta l-kunsens tiegħu għall-Ftehim fit-8 ta’ Lulju 2010,
il-Kunsill approvaha fit-13 ta’ Lulju 2010, u daħal
fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2010. Il-Ftehim
jagħti rwol importanti lill-Europol, li hija responsabbli biex
tirċievi kopja tat-talbiet tad-dejta, flimkien ma’ kwalunkwe
dokumentazzjoni supplimentari, u biex tivverifika li dawn it-talbiet
tal-Istati Uniti għad-dejta jikkonformaw ma’ ċerti kundizzjonijiet
speċifikati fl-Artikolu 4 tal-Ftehim, inkluż li għandhom
jitfasslu b'attenzjoni kbira biex kemm jista' jkun jitnaqqas il-volum ta’ dejta
mitluba. Ladarba l-Europol tikkonferma li t-talba hija konformi
mal-kondizzjonijiet iddikjarati, il-fornitur tad-dejta jkun awtorizzat u
obbligat li jipprovdi d-dejta lid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti.
Il-Europol ma għandhiex aċċess dirett għad-dejta sottomessa
mill-fornitur tad-dejta lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti u ma
tagħmilx tiftix fuq id-dejta tat-TFTP. Il-Ftehim
jistipula li t-tiftix fit-TFTP għandu jiġi mfassal b’attenzjoni kbira
u jkun ibbażat fuq informazzjoni jew evidenza li tkun diġà
teżisti li tagħti raġuni biex wieħed jemmen li
s-suġġett ta’ tfittxija jkollu kuntatt mat-terroriżmu jew
il-finanzjament tiegħu. Skont l-Artikolu 12 tal-Ftehim it-tiftix
fit-TFTP huma mmonitorjati minn sorveljanti indipendenti bil-kapaċità li
jsaqsu dwar u li jwaqqfu tiftix wiesa' żżejjed jew kwalunkwe tiftix
ieħor li ma jissodisfax is-salvagwardji stretti u l-kontrolli
tal-Artikolu 5 tal-Ftehim. L-Artikolu 13
tal-Ftehim jipprovdi rieżamijiet konġunti regolari ta' salvagwardji,
kontrolli, u dispożizzjonijiet ta' reċiproċità li jiġu kondotti
minn timijiet ta' rieżami mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti,
inkluż il-Kummissjoni Ewropea, id-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti,
u rappreżentanti ta' żewġ awtoritajiet tal-protezzjoni tad-dejta
minn Stati Membri tal-UE, u jistgħu jinkludu wkoll esperti ta' sigurtà u
ta' protezzjoni tad-dejta u individwi b'esperjenza ġudizzjarja. Diġà
twettqu żewġ rieżamijiet konġunti, bit-tielet rieżami
konġunt previst għall-2014. Kull wieħed mir-riezamijiet
konġunti eżamina każijiet fejn informazzjoni ġejja mit-TFTP
ġiet użata għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-segwiment,
jew il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Matul
l-ewwel rieżami konġunt kondott fi Frar 2011 id-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti pprovda għadd ta' eżempji
(kklassifikati) ta' każijiet prominenti ta' terroriżmu fejn kienet
intużat informazzjoni li ġejja mit-TFTP. L-ewwel rapport
tar-rieżami konġunt jirrikonoxxi l-valur tat-TFTP u jiddikjara li
“numru ta’ indikazzjonijiet ipprovduti mill-bidu tal-programm u mid-dħul
fis-seħħ tal-Ftehim jindikaw li għad hemm benefiċċju
għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u
l-finanzjament tiegħu madwar id-dinja, b’enfasi partikolari fuq l-Istati
Uniti u l-UE.”[1] Matul it-tieni
rieżami konġunt tal-Ftehim, kondott f'Ottubru 2012,
id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti pprovda anness li fih 15-il
eżempju konkret ta' investigazzjonijiet speċifiċi li fihom
id-dejta TFTP kienet kruċjali fl-investigazzjonijiet kontra
t-terroriżmu.[2]
Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt jikkonkludi li “l-Europol u
l-Istati Membri saru aktar u aktar konxji tal-valur tad-dejta tat-TFTP
għall-kompitu tagħhom li jiġġieldu u jipprevjenu
t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu fl-UE”[3]
u, permezz tal-użu ta’ arranġamenti ta’ reċiproċità,
qegħdin “dejjem aktar jibbenefikaw minn dan.”[4] L-Artikolu 6(6) tal-Ftehim
jitlob li l-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti
jippreparaw rapport konġunt rigward il-valur tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP
fi tliet snin mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, b'enfasi partikolari
fuq il-valur tad-dejta miżmuma għal diversi snin u informazzjoni
rilevanti miksuba mir-rieżami konġunt kondott skont
l-Artikolu 13. 3.
Aspetti
proċedurali Il-modalitajiet ta' dan ir-Rapport ġew
determinati mill-Kummissjoni Ewropea flimkien mad-Dipartiment tat-Teżor
tal-Istati Uniti, skont l-Artikolu 6(6) tal-Ftehim. Il-Kummissjoni Ewropea u d-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti bdew id-diskussjonijiet fuq il-modalitajiet,
il-mandat u l-metodoloġija għar-rapport f'Diċembru 2012.
Fil-25 ta’ Frar 2013 l-UE u t-timijiet ta’ valutazzjoni
tal-Istati Uniti ltaqgħu f’Washington, D.C. sabiex jiddiskutu
t-tħejjija tar-Rapport u sejħu t-tieni laqgħa fil-bini
tal-Europol fl-Aja fl-14 ta’ Mejju 2013. Waqt il-laqgħa
fl-Aja, l-UE u timijiet tal-Istati Uniti ltaqgħu wkoll ma’
rappreżentanti tal-Europol biex jiddiskutu l-kontribut inizjali
mill-Partijiet kollha u l-passi li jmiss. Min-naħa tal-UE,
il-Kummissjoni Ewropea organizzat laqgħa kklassifikata ma’
rappreżentanti tal-Istati Membri fit-13 ta’ Mejju 2013.
L-Istati Membri u l-Europol ipprovdew kontribuzzjonijiet bil-miktub, li
ġew ikkunsidrati u li saret riflessjoni fuqhom fit-tħejjija ta’ dan
ir-Rapport. Għal dan l-għan, il-Europol ħarġet
kwestjonarju lill-Istati Membri kollha kkonċernati sabiex tiġbor
l-informazzjoni rilevanti għall-kontribut tagħha għal dan
ir-Rapport. Il-kwestjonarju kien immirat lejn il-kisba ta’ ħarsa
ġenerali attwali lejn il-valur miżjud tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP,
fir-rigward ta’ każijiet speċifiċi rilevanti investigati
mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti. Bejn
l-1 ta’ Frar u l-24 ta’ Mejju 2013, it-tim ta’
valutazzjoni tal-Istati Uniti intervista investigaturi kontra t-terroriżmu
f’varjetà ta’ aġenziji, għamel rieżami ta' każijiet kontra
t-terroriżmu fejn intuża t-TFTP , u analizza iktar minn 1,000 rapport
tat-TFTP biex jivvaluta l-valur tal-informazzjoni miksuba mit-TFTP. L-eżempji
diskussi f’dan ir-rapport huma meħuda minn investigazzjonijiet sensittivi
ħafna li bħalissa jista' jkun li għadhom għaddejjin.
Għalhekk, xi informazzjoni ġiet imnaddfa biex tipproteġi dawn
l-investigazzjonijiet. 4.
Il-valur
tad-Dejta Pprovduta tat-TFTP Sa mill-bidu
tat-TFTP fl-2001, dan ipproduċa għexieren ta’ eluf ta’
indikazzjonijiet u aktar minn 3,000 rapport (li fihom diversi indikazzjonijiet
TFTP) kontra l-awtoritajiet tat-terroriżmu madwar id-dinja, inkluż
iktar minn 2,100 rapport lill-awtoritajiet Ewropej.[5]
It-TFTP
intuża biex jiġu investigati ħafna mill-aktar attakki u
komplotti terroristiċi sinifikanti ta’ dawn l-aħħar għaxar
snin, inkluż: Matul il-perjodu
wara l-konklużjoni tal-Ftehim: ·
l-ibbumbardjar
tal-Maratona ta' Boston f'April 2013;
it-theddid
fir-rigward tal-Logħob Olimpiku tas-Sajf ta' Londra fl-2012;
il-Komplott
tal-2011 biex jinqatel l-Ambaxxatur tal-Arabja Sawdija għall-Istati
Uniti;
l-attakki
ta’ Lulju 2011 fin-Norveġja mwettqa minn Anders Breivik; u
l-ibbumbardjar
bil-karozzi f'Jum l-Indipendenza Niġerjana ta’ Ottubru 2010.
Qabel
intlaħqet konklużjoni għall-Ftehim:
l-attakk
ta’ Lulju 2010 kontra ammiraturi waqt li kienu qed isegwu partita
tat-Tazza Dinjija f’Kampala, l-Uganda;
l-attakki
f'lukanda f'Jakarta f'Lulju 2009;
L-għadd
ta' operazzjonijiet ta' ħtif u teħid ta' ostaġġi
kondotti minn al-Shabaab – inkluż is-serq tal-bastiment Belġjan
MV Pompei f'April 2009;
l-attakki
f'Mumbaj ta’ Novembru 2008;
il-komplott
ta' Settembru 2007 tal-Unjoni Iżlamika tal-Jihad li tattakka
postijiet fil-Ġermanja;
il-komplott
tal-2007 ta' attakk fuq l-ajruport John F. Kennedy ta' New York;
il-komplott
tal-2006 b’bomba likwida kontra inġenju tal-ajru transatlantiku;
l-ibbumbardjar
ta’ Lulju 2005 f’Londra;
il-qtil
relatat mat-terroriżmu ta' Van Gogh ta' Novembru 2005;
l-ibbumbardjar
ta' Marzu 2004 f'ferrovija f'Madrid; u
l-ibbumbardjar
ta' Ottubru 2002 f'Bali.
It-timijiet ta' valutazzjoni tal-UE u tal-Istati
Uniti semgħu mill-Europol u mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti,
kif ukoll minn awtoritajiet oħra, dwar il-valur tat-TFTP. L-investigaturi
kontra t-terroriżmu nnutaw li t-TFTP fih informazzjoni unika u
preċiża ħafna li hija ta’ valur sinifikanti sabiex jiġu
segwiti u identifikati netwerks ta’ appoġġ terroristiċi u biex
jiġu identifikati metodi ġodda ta’ finanzjament tat-terroriżmu.
F’każijiet fejn ftit huwa magħruf dwar suspettat terroristiku iktar
mill-isem tal-individwu jew in-numru tal-kont bankarju, l-informazzjoni miksuba
mit-TFTP tista' tiżvela biċċiet ta’ informazzjoni kritika,
inkluż il-lokalitajiet, it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u
l-assoċjati. Il-valur uniku tat-TFTP tinsab fl-eżattezza
tal-informazzjoni bankarja, peress li l-individwi kkonċernati
għandhom interess ċar li jipprovdu informazzjoni preċiża
sabiex jiżguraw li l-flus jaslu fid-destinazzjoni tagħhom. Ħafna
mill-investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu jistrieħu fuq
il-ġbir, l-iskambju, u l-analiżi ta’ kwantitajiet sinifikanti ta’
informazzjoni minn diversi sorsi. Abbażi tal-esperjenza
tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-Istati
Membri f’għadd kbir ta’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, u
l-kompetenza ġenerali fi kwistjonijiet li jirrelataw mat-terroriżmu u
l-intelliġenza finanzjarja, jitqiegħed valur kbir ħafna fuq
id-dejta tat-TFTP bħala strument uniku li jipprovdi informazzjoni
f’waqtha, preċiża, u affidabbli dwar attivitajiet assoċjati ma’
atti ssuspettati ta’ finanzjament u ppjanar tat-terroriżmu. Investigaturi
kontra t-terroriżmu tal-Istati Uniti minn varjetà ta’ aġenziji li
jibbenefikaw minn informazzjoni miksuba mit-TFTP pprovduta skont il-Ftehim
ġew intervistati biex jiġi ddeterminat il-valur tal-programm
għall-investigazzjonijiet tagħhom. L-investigaturi
mistħarrġa qablu li t-TFTP jipprovdi informazzjoni ta' valur li
tista’ tintuża biex jiġu identifikati u segwiti t-terroristi u
n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom. Barra minn hekk, huma nnutaw li
t-TFTP tipprovdi għarfien ewlieni dwar in-netwerks ta' appoġġ
finanzjarju ta’ wħud mill-organizzazzjonijiet terroristiċi l-aktar
perikolużi fid-dinja, inkluż Al-Qaida, Al-Qaida fl-Artijiet
tal-Magreb Iżlamiku (AQIM), Al-Qaida fil-Peniżola Għarbija
(AQAP), Al Shabaab, l-Unjoni Iżlamika tal-Jihad (IJU), il-Moviment
Iżlamiku tal-Uzbekistan (IMU), u l-Korp tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni
Iżlamika tal-Iran - Forza Qods (IRGC-QF). L-investigaturi osservaw li
informazzjoni miksuba mit-TFTP tippermettilhom jidentifikaw flussi ġodda
ta’ appoġġ finanzjarju u assoċjati mhux magħrufa qabel,
jorbtu entitajiet u psewdonimi tal-faċċata ma’ organizzazzjonijiet
terroristiċi, jevalwaw/jikkorroboraw intelliġenza eżistenti, u
jipprovdu informazzjoni li tista’ tintuża biex jiġu identifikati miri
ġodda għall-investigazzjoni. Diversi investigaturi intervistati
nnutaw li informazzjoni dwar tranżazzjonijiet finanzjarji miksuba mit-TFTP
tippermettilhom li jimlew lakuni ta' informazzjoni u li jagħmlu
konnessjonijiet li ma kinux ikunu jidhru f'sorsi oħra. Il-gruppi
terroristiċi jiddependu fuq likwidità regolari għal varjetà ta’
raġunijiet, inkluż il-ħlas tal-aġenti tagħhom u ta'
tixħim, arranġament ta’ vjaġġar, it-taħriġ u
r-reklutaġġ ta’ membri, il-falsifikazzjoni ta’ dokumenti, l-akkwist
ta’ armi, u t-twettiq ta’ attakki. L-investigaturi kontra t-terroriżmu
jiddependu fuq diversi settijiet ta’ dejta biex jinvestigaw u jisfrattaw dawn
l-operazzjonijiet. Madankollu, jista’ jkun hemm lakuni fl-informazzjoni li
jistgħu jwaqqfu l-investigaturi milli jifhmu bis-sħiħ dawn
in-netwerks. It-TFTP jipprovdi l-investigaturi b’informazzjoni ċara dwar
messaġġi finanzjarji li tista' tinkludi numri ta’ kontijiet,
kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-bank, ismijiet, indirizzi, ammonti ta’
tranżazzjonijiet, dati, indirizzi tal-posta elettronika, u numri
tat-telefown. Bl-użu ta' din l-informazzjoni, l-investigaturi
jistgħu jidentifikaw netwerks terroristiċi ta’ appoġġ
finanzjarju, inkluż l-identifikazzjoni ta' assoċjati mhux
magħrufa qabel. F’każ wieħed fl-2012, pereżempju,
informazzjoni miksuba mit-TFTP sabet li terrorist suspettat magħruf kien
wieħed mill-firmatarji f’kont ta’ organizzazzjoni li permezz tagħha
saru bosta tranżazzjonijiet suspettużi. Kontrolli sussegwenti tat-TFTP
identifikaw ukoll il-flussi tal-flus bejn din l-organizzazzjoni u kumpanija
oħra suspettata bil-forniment ta' appoġġ materjali lil
entitajiet terroristiċi oħra fiż-żona ġeografika
kkonċernata. L-informazzjoni
miksuba mit-TFTP tista' tintuża biex jiġu pprovduti indikazzjonijiet
li jassistu fl-identifikazzjoni u l-lokalizzazzjoni ta' persuni involuti
f'netwerks terroristiċi u li jagħtu prova ta’ attivitajiet
finanzjarji ta’ għajnuna għal attakki terroristiċi.
Pereżempju, hu possibbli li jiġi llokalizzat individwu suspettat
permezz ta’ kontroll meta u fejn is-suspettat għalaq u/jew fetaħ kont
bankarju ġdid f’belt jew pajjiż għajr l-aħħar post
magħruf ta’ residenza tiegħu jew tagħha. Din hija indikazzjoni
ċara li l-individwu jista' jkun li mexa. Madankollu, anke meta individwu
suspettat ma jbiddilx il-kontijiet bankarji iżda jiċċaqlaq u
jkompli bl-użu tal-kont 'antik', (pereżempju permezz tal-ibbankjar
elettroniku), kien possibbli li tinstab il-bidla fil-post minn,
pereżempju, l-identifikazzjoni tal-ħlasijiet għal
oġġetti jew servizzi speċifiċi (pereżempju għal
tiswijiet jew manutenzjoni jew attivitajiet oħra li s-soltu jsiru fejn
il-persuna tkun tgħix). Bħala riżultat tal-preċiżjoni
tad-dejta TFTP , anke meta s-suspettati joqogħdu attenti ħafna
bit-tranżazzjonijiet tal-bank tagħhom, kien ukoll possibbli biex
jiġu llokalizzati permezz tal-pagamenti u xiri ta’ assoċjati qrib
tagħhom. It-TFTP jista’ jipprovdi informazzjoni prinċipali dwar
il-movimenti ta’ terroristi suspettati u n-natura tan-nefqiet tagħhom. Anki
“n-non-attività” ta’ kont bankarju wieħed jew aktar marbutin ma’ suspettat
terrorist, f’termini ta’ tranżazzjonijiet, huwa indikatur utli tat-tluq
possibbli ta’ individwu suspettat minn ċertu pajjiż. Abbażi
tat-TFTP, kien possibbli li tinkiseb informazzjoni dwar iċ-ċittadini
u r-residenti tal-Istati Uniti u tal-UE suspettati b’terroriżmu jew
bil-finanzjament tat-terroriżmu f’pajjiżi terzi fejn it-talbiet
għall-assistenza legali reċiproka ma kinux imwieġba
fil-ħin. F’każ wieħed fl-2010, it-TFTP għen biex jiġi
llokalizzat resident tal-UE suspettat b'reat terroristiku, li kien għeb
mill-UE. L-individwu kien fil-fatt detentur ta’ kont ġdid f'pajjiż
fil-Lvant Nofsani. Aktar investigazzjonijiet ikkonfermaw li l-individwu kien
tabilħaqq qed jgħix f’dan il-pajjiż terz, u b’hekk dan ippermetta
l-iffukar ta’ rizorsi investigattivi bħala appoġġ għal
mandat ta' arrest internazzjonali korrispondenti. F'każ
iehor, it-TFTP kien użat għall-investigazzjoni tal-Franċiż
Rachid Benomari, suspettat faċilitatur u li jiġbor il-fondi għal
Al-Qaida u għal al-Shabaab. Benomari flimkien ma żewġ
uffiċjali oħra ta' al-Shabaab ġew arrestati minħabba
dħul illegali fil-Kenja f'Lulju 2013. Benomari u
l-assoċjati tiegħu huma mfittxija fl-UE fuq ħlasijiet relatati
mat-terroriżmu, u nħareġ Avviż Aħmar tal-Interpol
għall-arrest ta' Benomari. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP pprovdiet
l-investigaturi bin-numru tal-kont bankarju ta' Benomari u identifikat
assoċjati finanzjarji li qabel ma kinux magħrufa. It-Teżor
ikkondivida din l-informazzjoni mal-Europol b’risposta għal talba skont
l-Artikolu 10. F’ħafna
każijiet, l-investigaturi kontra t-terroriżmu użaw informazzjoni
miksuba mit-TFTP biex jipprovdu indikazzjonijiet preċiżi u f’waqthom
li mexxew investigazzjonijiet b'rabta mat-terroriżmu 'l quddiem.
Pereżempju, l-informazzjoni miksuba mit-TFTP intużat biex tgħin
fl-identifikazzjoni ta' sorsi ta’ ffinanzjar użati fl-2011 fil-komplott
tal-qtil tal-Ambaxxatur tal-Arabja Sawdija għall-Istati Uniti minn
Manssor Arbabsiar u l-IRGC-QF.[6]
Permezz tat-TFTP, l-investigaturi kienu kapaċi jidentifikaw
tranżazzjoni ta' USD100,000 mibgħuta minn bank barrani Non-Iranjan
għal bank fl-Istati Uniti, f’kont tal-individwu reklutat minn Arbabsiar
biex iwettaq il-qtil. Arbabsiar ġie arrestat, u sussegwentement iddikjara
li kien ħati u ġie kkundannat għal 25 sena ħabs. It-TFTP assista
wkoll f’investigazzjonijiet tal-Front al-Nusrah (ANF), li ġie identifikat
bħala psewdonimu tal-Al-Qaida fl-Iraq mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet
tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Al-Qaida, kif ukoll
mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea, li rriżulta fl-iffriżar
mandatorju ordnat min-NU ta’ kwalunkwe assi tagħha madwar id-dinja. Minn
Settembru 2011, l-ANF assuma r-responsabbiltà għal aktar minn 1,100
attakk terroristiku, fejn inqatlu u ġew feruti bosta mijiet ta’ Sirjani.
Skont l-informazzjoni miksuba mit-TFTP, individwu bbażat fil-Lvant li
jiġbor il-fondi għall-ANF irċieva ekwivalenti ta’ aktar minn
EUR 1,4 miljun mill-2012, mogħtija f’varjetà ta’ muniti minn donaturi
bbażati f’mill-anqas 20 pajjiż differenti, fosthom Franza,
il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, l-Isvezja, u
r-Renju Unit. L-investigaturi kontra t-terroriżmu tal-Istati Uniti
ikkondividew din l-informazzjoni ma’ awtoritajiet globali kontra t-terroriżmu,
inkluż awtoritajiet fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani. F’mill-inqas każ
wieħed, pajjiż terz talab tiftix addizzjonali tat-TFTP biex
jgħin f'investigazzjoni li kienet għaddejja tiegħu. It-Teżor
ikompli juża t-TFTP biex jinvestiga terroristi bbażati fl-UE li kienu
qed jitħarrġu fis-Sirja. Analisti tat-Teżor kontra
t-terroriżmu wettqu tiftix TFTP dwar is-suspettati terroristi Mohommod
Hassin Nawaz u Hamaz Nawaz. L-aħwa Nawaz ġew arrestati f’Dover,
ir-Renju Unit, mill-awtoritajiet tar-Renju Unit fis-16 ta' Settembru 2013
wara li vvjaġġaw minn Calais, Franza u kienu akkużati b'reati
ta' terroriżmu, inkluż li vvjaġġaw lejn kamp ta'
taħriġ terroristiku fis-Sirja. Indikazzjonijiet miksuba mit-TFTP
pprovdew informazzjoni dwar tranżazzjonijiet, inkluż in-numri
tal-kontijiet, l-ammonti, id-dati, u assoċjati potenzjali, inkluż
suspettat finanzjatur tat-terroriżmu. Organizzazzjonijiet
terroristiċi jużaw diversi metodi biex jiffinanzjaw l-operat
tagħhom. Dawn il-metodi jistgħu jinkludu l-ħasil tal-flus,
it-traffikar tan-narkotiċi, serq, u l-użu ta’ organizzazzjonijiet
faċċata biex jiġbru l-fondi. Informazzjoni miksuba mit-TFTP
tista' tgħin lil investigaturi ta' kontra t-terroriżmu
fl-identifikazzjoni tal-mezzi użati mit-terroristi u s-sostenituri tagħhom
biex jiffinanzjaw l-operat tagħhom. Organizzazzjonijiet terroristiċi
spiss jużaw kumpaniji faċċata biex jistabilixxu preżenza
ta' negozju leġittimu sabiex ikunu jistgħu jaħarbu
s-sanzjonijiet u jagħmlu użu mis-sistema finanzjarja globali.
Informazzjoni miksuba mit-TFTP fiha informazzjoni fundamentali – inkluż
ismijiet, kodiċi ta' identifikazzjoni tal-banek, ammonti ta'
tranżazzjonijiet, u dati – li jistgħu jintużaw biex jorbtu
organizzazzjonijiet faċċata ma' gruppi terroristiċi.
Id-dettalji ta’ tranżazzjoni bejn suspettata kumpanija faċċata u
terrorist magħruf jista’ jkun fihom l-informazzjoni li l-investigaturi
jkollhom bżonn biex ikun ikkonfermat li organizzazzjoni allegatament
leġittima qed tiġbor il-fondi f'isem organizzazzjoni terroristika.
Barra minn hekk, informazzjoni miksuba mit-TFTP tista' tidentifika
organizzazzjonijiet faċċata mhux magħrufa u individwi li jmexxu
dawk l-organizzazzjonijiet li huma marbuta ma’ gruppi terroristiċi.
It-TFTP intużat biex tipprovvdi indikazzjonijiet għall-investigazzjoni
tal-fergħa, illum mhux operattiva, tal-Istati Uniti tas-Soċjetà
tal-Karità għas-Sigurtà Soċjali mwaqqfa mit-Terrorist Globali
Speċjalment Ikklassifikat[7]
Abd-al-Majid Al-Zindani. L-uffiċjal tal-AQAP, illum mejjet, Anwar
al-Aulaqi serva bħala Viċi President tal-organizzazzjoni. L-organizzazzjoni
tal-karità ġiet deskritta minn prosekuturi federali tal-Istati Uniti
bħala organizzazzjoni faċċata li tintuża biex
tappoġġja l-Al-Qaida u lil Usama Bin Ladin. L-informazzjoni miksuba
mit-TFTP wriet tranżazzjonijiet u assoċjati marbuta ma’ din
l-organizzazzjoni. Informazzjoni
miksuba mit-TFTP kkontribwixxiet ukoll fl-investigazzjoni tal-Bank Saderat
tal-Iran għall-appoġġ tiegħu għat-terroriżmu.
Il-Bank Saderat ġie identifikat għal attivitajiet illeċiti
tiegħu, li rriżulta fl-iffriżar tal-assi tiegħu fl-Istati
Uniti u l-Unjoni Ewropea, fost ġuriżdizzjonijiet oħra. Il-Bank
Saderat, li kellu madwar 3,200 fergħa, intuża mill-Gvern tal-Iran
biex jgħaddi fondi lill-Hizballah u l-Ħamas fost oħrajn. Mill-2001
sal-2006, il-Bank Saderat ittrasferixxa USD50 miljun mill-Bank
Ċentrali tal-Iran permezz tal-kumpanija sussidjarja tiegħu f’Londra
lill-fergħa tiegħu f’Bejrut għall-benefiċċju
tal-organizzazzjonijiet faċċata ta' Hizballah fil-Libanu li jappoġġjaw
atti ta’ vjolenza. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP kienet kruċjali
għall-isforzi tal-investigaturi kontra t-terroriżmu biex isegwu
t-tranżazzjonijiet finanzjarji tal-Bank Saderat u tal-gruppi
terroristiċi u l-affiljati tiegħu ma’ istituzzjonijiet finanzjarji li
juża biex jaħrab is-sanzjonijiet globali. L-organizzazzjonijiet
terroristiċi spiss jużaw il-qerq biex jgħattu l-iskemi ta’
ffinanzjar illegali tagħhom. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP għenet
biex jiġi identifikat fluss ta’ ffinanzjar użat minn Hizballah biex isir
ħasil tal-flus tad-droga għall-operazzjonijiet tiegħu. F’din
l-iskema kumplessa ferm, Hizballah kien ibigħ id-drogi fl-Ewropa u
jaħsel il-fondi b’karozzi użati mixtrija fl-Istati Uniti u
sussegwentement mibjugħin fl-Afrika. Il-qliegħ mill-bejgħ tal-karozzi
użati u d-drogi jintbagħtu l-Libanu u lil-djar ta' skambju
Libaniżi speċifiċi. It-Teżor iddetermina li d-djar ta'
skambju kienu qed jintużaw minn Hizballah biex jiġu trasferiti fondi
għall-operat jew jintbagħtu lura lejn l-Istati Uniti biex jinxtraw
aktar karozzi użati. Sa kmieni fl-2013 stess, l-informazzjoni minn
indikazzjonijiet TFTP ippermettiet investigaturi biex jidentifikaw il-moviment
tal-flus bejn Hizballah, ċerti djar ta’ skambju, u negozji tal-karozzi
użati fl-Istati Uniti. It-Teżor għadu mħasseb dwar
l-użu potenzjali ta’ djar ta' skambju sabiex jgħinu
fl-aċċess għas-sistema finanzjarja, u qed isegwi attivament
indikazzjonijiet u azzjonijiet kontra t-terroriżmu biex jaqbad u jisfratta
l-użu tas-sistema finanzjarja biex jiġu appoġġjati
attivitajiet terroristiċi. It-tranżazzjonijiet
finanzjarji jistgħu jipprovdu wkoll lill-investigaturi kontra
t-terroriżmu bl-informazzjoni meħtieġa
għall-identifikazzjoni ta’ individwi li jiffaċilitaw
it-taħriġ terroristiku. L-organizzazzjonijiet terroristiċi
jeħtieġu ffinanzjar biex jippermettu lill-assoċjati li
jivvjaġġaw lejn is-siti ta’ taħriġ. Dawn
it-tranżazzjonijiet ta’ spiss jindikaw meta suspettat terrorist
jiddeċiedi li jsir operazzjonali u jaffilja ruħu ma’ grupp jew
organizzazzjoni. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP tista' tipprovdi
lill-investigaturi bl-informazzjoni kontra t-terroriżmu li dawn ikunu
jeħtieġu, inkluż id-dati tal-ivvjaġġar, l-ammonti
tat-tranżazzjonijiet, ismijiet, psewdonimi, postijiet, u informazzjoni ta’
kuntatt, biex jiġu segwiti dawn l-individwi. Pereżempju, t-TFTP
intuża biex jgħin fil-provvediment ta' indikazzjonijiet
għall-investigazzjoni tal-faċilitatur tal-al-Shabaab Omar Awadh
Omar. Omar iffaċilita l-iffinanzjar lil al-Shabaab u huwa mifhum li
ffaċilita l-moviment ta’ ġellieda barranin u provvisti lejn
is-Somalja. Omar allegatament kien involut fl-ippjanar tal-attakk
tal-11 ta’ Lulju 2010 kontra l-ispettaturi li kienu qed isegwu
partita tat-Tazza Dinjija f'Kampala, l-Uganda. Al-Shabaab assumiet
ir-responsabbiltà għal dan l-attakk, li qatel 74 persuna. It-TFTP pprovda
informazzjoni ta' indikazzjonijiet kruċjali intużat
għall-identifikazzjoni ta’ individwi fin-netwerk ta’ appoġġ ta'
Omar u fl-identifikazzjoni ta' kontijiet mhux magħrufa qabel. Omar
bħalissa qiegħed taħt arrest u qed jistenna l-proċess
fl-Uganda. Omar kien ukoll ikklassifikat mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati
Uniti skont l-Ordni Ezekuttiva 13536, li timmira lejn theddid fuq il-paċi,
is-sigurtà u l-istabilità fis-Somalja.
L-użu
tat-TFTP mill-Istati Membri u l-UE
Minkejja
li t-TFTP ġie żviluppat minn awtoritajiet fl-Istati Uniti, l-Istati
Membri u l-UE huma permessi jagħmlu użu mit-TFTP
għall-investigazzjonijiet tagħhom stess kontra t-terroriżmu
permezz ta’ klawżoli ta’ reċiproċità inklużi fil-Ftehim.
Skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim, l-Istati Membri, il-Europol u l-Eurojust
jistgħu jitolbu tfittxija ta’ informazzjoni miksuba mit-TFTP, li
t-Teżor għandu mbagħad imexxi skont is-salvagwardji tal-
Artikolu 5. Separatament, skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim, id-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti b'mod spontaju jipprovdi informazzjoni
rilevanti ġġenerata mit-TFTP lill-Istati Membri kkonċernati,
il-Europol u l-Eurojust. Sa
mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, l-Istati Membri saru aktar u aktar
konxji tad-disponibbilta tat-TFTP bħala għodda investigattiva.
Diversi Stati Membri u l-Europol jibbenefikaw fuq bażi kontinwa minn
informazzjoni miksuba mit-TFTP u l-indikazzjonijiet investigattivi utli li
jirċievu. Matul dawn l-aħħar tliet snin, bi tweġiba
għat-total ta' 158 talba li saru mill-Istati Membri u mill-UE skont
l-Artikolu 10, inkisbu 924 indikazzjoni investigattiva permezz
tat-TFTP.[8] Pereżempju,
fil-każ ta’ Spanja, għadd totali ta’ 11-il talba, skont l-
Artikolu 10, iġġeneraw 93 indikazzjoni investigattiva dwar
persuni fiżiċi u ġuridiċi suspettati li qedgħin
f'kuntatt mat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Minn 11-il
talba, tlieta kienu jikkonċernaw gruppi terroristiċi domestiċi
separatisti: tnejn relatati mal-ETA[9],
li ġġeneraw 25 indikazzjoni u waħda relatata ma' Resistência
Galega[10],
li ġġenerat erba' indikazzjonijiet. Fir-rigward tal-Al-Qaida, Spanja
bagħtet erba’ talbiet u kisbet 11-il indikazzjoni, fejn żewġ
talbiet relatati ma’ Hizballah iġġeneraw 27 indikazzjoni. Barra minn
hekk, talba waħda relatata ma’ grupp separatist PKK[11]
iġġenerat 19-il indikazzjoni investigattiva u talba waħda
relatata ta’ investigazzjoni kontra t-terroriżmu u kontra
l-proliferazzjoni iġġenerat seba’ indikazzjonijiet investigattivi. Matul
l-istess perjodu ta’ żmien, skont l-Artikolu 9, l-Istati Uniti
spontanjament ipprovdew lill-Istati Membri u lill-UE bl-informazzjoni rilevanti
dwar 23 okkażjoni, li jinvolvu 94 indikazzjoni investigattiva.[12]
Il-każijiet
li ġejjin, li nġabru u ġew ipprovduti mill-Europol, huma
eżempji ta’ kif it-TFTP intuża mill-Istati Membri u li wassal
għal riżultati investigattivi mit-tiftix mitlub skont
l-Artikolu 10 tal-Ftehim.[13]
Huma jikkumplimentaw l-informazzjoni pprovduta fis-Sezzjoni 4 ta’ dan
ir-rapport, fejn xi eżempji Ewropej ġew użati wkoll biex
jispjegaw ir-rwol li l-informazzjoni miksuba mit-TFTP taqdi
f’investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu. L-għażla ta’
eżempji u l-informazzjoni pprovduta kienet li jiġu rrispettati
l-limiti preskritti mir-rekwiżiti ta’ kunfidenzjalità u sigurtà. Każ
1: Attivitajiet terroristiċi Iżlamiċi Grupp/organizzazzjoni
terroristiku/a: Attivitajiet terroristiċi Iżlamiċi
(organizzazzjoni mhux magħrufa/mingħajr isem) Deskrizzjoni
tal-każ: Investigazzjoni kontra
raġel ta’ 40 sena suspettat li ġie reklutat għal servizz armat
barra n u sħubija f’organizzazzjoni terroristika. Dan l-individwu huwa
suspettat wkoll bil-preparazzjoni u/jew it-twettiq ta' attakki
terroristiċi. Segwitu
mingħand l-Istat Membru: Wara talba skont Artikolu 10,
l-indikazzjonijiet ta' informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni li kienet
magħrufa qabel, dawn ġew ikkunsidrati bħala aġġornati,
u l-indikazzjonijiet kellhom rabtiet ġodda
mat-terroriżmu/il-kriminalità. Perjodu
ta' żmien tal-indikazzjonijiet: 2008-2011 Każ
2: Il-Ħamas Grupp/organizzazzjoni
terroristiku/a: Il-Ħamas (Harakat al-Muqāwamah
al-Islāmiyyah, "Moviment ta'Reżistenza Iżlamika) huwa
l-organizzazzjoniSunniIżlamikaPalestinjana jew
Iżlamista, b'fergħa militari assoċjata, il-Brigati Izz ad-Din
al-Qassam, li jinsabu fit-territorji Palestinjani. L-Unjoni Ewropea,
l-Iżrael, l-Istati Uniti, il-Kanada, u l-Ġappun jikklassifikaw
il-Ħamas bħala organizzazzjoni terroristika. Deskrizzjoni
tal-każ: Investigazzjoni dwar
Organizzazzjoni Mingħajr Skop ta’ Qligħ (NPO) sanzjonata
mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru. Din l-NPO hija organizzazzjoni
"sieħba" ta' NPO simili li topera fi Stat Membru ieħor, li
kienet issanzjonata talli pprovdiet l-appoġġ lill-Ħamas. Kien
hemm suspett li l-organizzazzjoni taħt investigazzjoni pprovdiet
iffinanzjar sinifikanti, permezz tal-entità "sieħba", biex
tappoġġja lill-Ħamas finanzjarjament. Segwitu
mingħand l-Istat Membru: Wara talba skont l-Artikolu 10 , l-indikazzjonijiet
ta' informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni magħrufa, u kienu kkunsidrati
bħala attwali. Il-fondi
mill-NPO ġew iffriżati qabel it-tnedija tat-talba skont
l-Artikolu 10; Madankollu, it-TFTP pprovdiet “tranżazzjonijiet li
ġew irrapportati lill-Unità tal-Intelliġenza Finanzjarja
minħabba indikazzjonijiet ta' ħasil ta' flus u dawn aktar tard
ġew identifikati bħala ffinanzjar għal organizzazzjoni
terroristika.” Perjodu
ta' żmien tal-indikazzjonijiet: 2011 Każ 3: PKK Grupp/organizzazzjoni
terroristiku/a: Il-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (Partiya
Karkerên Kurdistan jew Parti Karkerani Kurdistan), magħruf komunement
bħala PKK, magħruf wkoll bħala KGK u li qabel kien magħruf
bħala KADEK (Il-Kungress għal-Libertà u d-Demokrazija fil-Kurdistan)
jew KONGRA-GEL (Il-Kungress Popolari tal-Kurdistan), huwa organizzazzjoni Kurda
li mill-1984 qed jiġġieled ġlieda armata kontra l-Istat Tork
għal Kurdistan awtonomu u għad-drittijiet politiċi u kulturali
għall-Kurdi fit-Turkija. Il-grupp twaqqaf fis-27 ta’ Novembru 1978
fir-raħal ta’ Fis, ħdejn Lice, u kien immexxi minn Abdullah Öcalan.
Il-PKK qiegħed elenkat internazzjonalment bħala organizzazzjoni
terroristika minn stati u organizzazzjonijiet, inkluż l-Unjoni Ewropea,
in-Nazzjonijiet Uniti, in-NATO, u l-Istati Uniti. Deskrizzjoni
tal-każ: Investigazzjoni kontra
ċittadin tal-UE li huwa suspettat li jappoġġja lil Kongra
Gel/PKK. L-individwu suspettat għandu drawwiet ta' vjaġġar
internazzjonali estensiv, inkluż diversi vjaġġi lejn postijiet
ta' interess għas-sigurtà. Hemm suspett li l-individwu suspettat
jiġbor il-fondi, huwa finanzjatur, jew faċilitatur
għall-organizzazzjoni terroristika proskritta Kongra Gel/PKK. Segwitu
mingħand l-Istat Membru: Wara talba skont l-Artikolu 10,
l-indikazzjonijiet tal-informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni magħrufa u
pprovdew ukoll rabtiet internazzjonali mhux magħrufa qabel u kuntatti u
individwi suspettati magħrufa qabel. Dan
il-każ jibqa’ parti minn investigazzjoni attiva u, bħala tali,
informazzjoni limitata biss tista’ tiġi żvelata għal skopijiet
ta' rispons. Madankollu, bħala riżultat tal-informazzjoni miksuba
mit-TFTP, l-inkjesta finanzjarja tista' tiffoka f'aktar dettall fuq
assoċjati u postijiet mhux magħrufa qabel , li jirriżultaw
fil-mili ta' lakuni ta' tagħrif sinifikanti u l-ftuħ ta’
opportunitajiet investigattivi ġodda. B'mod speċifiku, dan ta
dimensjoni internazzjonali lill-inkjesta li qabel kienet suspettata imma mhux
faċilment identifikabbli u għalhekk ikkorrobora tagħrif
eżistenti. Min-naħa tiegħu dan iġġenera
stħarriġ ulterjuri sinifikanti u riferimenti għal aġenziji
oħra tal-infurzar tal-liġi fir-rigward tas-suġġett ewlieni
ta’ interess u finanzjarji assoċjati . Għandu jiġi enfasizzat
li l-informazzjoni pprovduta permezz tat-TFTP kienet tkun ferm improbabbli li
tiġi skoperta permezz ta’ kanali oħra u għalhekk kienet ta’
benefiċċju konsiderevoli f’dan il-każ. Perjodu
ta' żmien tal-indikazzjonijiet: 2004-2011 Każ 4: IJU Grupp/organizzazzjoni
terroristiku/a: L-Unjoni Iżlamika tal-Jihad (IJU), magħrufa
wkoll bħala l-Grupp Iżlamiku tal-Jihad (IJG), hija organizzazzjoni
terroristika u wettqet attakki fl-Uzbekistan u għamlet attentati ta’
attakki fil-Ġermanja. L-IJU twaqqfet f’Marzu 2002 minn dawk separati
mill-Moviment Iżlamiku tal-Uzbekistan (IMU) fiż-Żoni Tribali
tal-Pakistan. L-organizzazzjoni kienet responsabbli għal attakki li
fallew fl-Uzbekistan fl-2004 u kmieni fl-2005. Imbagħad bidlet isimha,
mill-Grupp Iżlamiku tal-Jihad, għall-Unjoni Iżlamika tal-Jihad.
Wara dan il-perjodu, saret aktar qrib tal-qalba tal-al Qaida. Sa
mir-riorjentazzjoni tagħha, l-organizzazzjoni biddlet l-attenzjoni
tagħha u bdiet tippjana attakki terroristiċi fil-Pakistan u l-Ewropa
tal-Punent, speċjalment il-Ġermanja. Miralifil-Ważiristan t’Isfel hija
l-bażi tal-organizzazzjoni fejn l-individwi reklutati mill-Punent
għal attakki fil-Punent jiġu mħarrġa. Deskrizzjoni
tal-każ: Investigazzjoni kontra sitt
individwi suspettati li huma membri tal-organizzazzjoni terroristika IJU.
Wieħed mis-suspettati huwa mifhum li vjaġġa jew se
jivvjaġġa biex jingħata taħriġ relatat
mat-terroriżmu f’post ostili. Individwu wieħed huwa suspettat li
kien responsabbli mill-finanzjament, ir-reklutaġġ, u l-immigrazzjoni
illegali fl-Istati Membri. Ir-residenza attwali ta' dan is-suspettat mhix
magħrufa. Segwitu
mingħand l-Istat Membru: Wara talba skont Artikolu 10,
l-indikazzjonijiet tal-informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni li kienet
magħrufa qabel. Barra
minn hekk, l-indikazzjonijiet iġġeneraw informazzjoni mhux
magħrufa qabel (kontijiet ta’ banek barranin, indirizzi, numri
tat-telefon, eċċ.), rabtiet internazzjonali mhux identifikati, u
kuntatti addizzjonali u persuni suspettati mhux magħrufa qabel.
L-indikazzjonijiet tqiesu bħala aġġornati. Perjodu
ta' żmien tal-indikazzjonijiet: 2009-2012 Każ 5: Attivitajiet
terroristiċi Sikh Grupp/organizzazzjoni
terroristiku/a: Attivitajiet terroristiċi Sikh
(organizzazzjoni mhux magħrufa/mingħajr isem) Deskrizzjoni
tal-każ: Investigazzjoni dwar
attivitajiet terroristiċi Sikh: Individwu u l-istruttura tan-negozju
relatata huma suspettati li akkumulaw ammonti kbar ta’ flus kontanti u wettqu
trasferimenti ta’ fondi bejn kontijiet u postijiet diversi. Dawn il-flus huma
suspettati li qed jintużaw biex jappoġġaw u anke jikkummissjonaw
atti ta’ terroriżmu. Segwitu
mingħand l-Istat Membru: Wara talba skont Artikolu 10,
l-indikazzjonijiet tal-informazzjoni ikkorroboraw informazzjoni li kienet
magħrufa qabel. Barra minn hekk, l-indikazzjonijiet iġġeneraw
informazzjoni mhux magħrufa qabel (kontijiet ta’ banek barranin,
indirizzi, numri tat-telefon, eċċ.), rabtiet internazzjonali mhux
identifikati, u kuntatti addizzjonali u persuni suspettati mhux magħrufa
qabel. L-indikazzjonijiet tqiesu bħala aġġornati. L-indikazzjonijiet
tal-intelliġenza ppermettew li ssir valutazzjoni aktar preċiża
ta’ intelligenza finanzjarja miksuba aktar kmieni matul l-inkjesta.
Speċifikament, ġie identifkat li s-suġġett kellu ammonti
kbar ta’ flus ikkreditati lill-kont(ijiet) bankarju(i) tiegħu ;
madankollu, l-oriġini ta’ dawn il-fondi ma kinitx magħrufa qabel. Ma
nġiebu l-ebda akkużi, iżda minħabba n-natura
sensittiva tal-investigazzjoni, ftit aktar informazzjoni tista’ tiġi
żvelata għal skopijiet ta' rispons. F’dan il-każ, it-TFTP kien
ikkunsidrat fi stadju bikri minħabba suspett li s-suġġett ta’
interess seta' kellu attività finanzjarja lil hinn mill-UE. Malajr waslet
tweġiba dettaljata mill-inkjesta tat-TFTP, li rriżultat fl-identifikazzjoni
ta’ attività finanzjarja internazzjonali u interessi kummerċjali barranin
li rriżultaw ta' valur sinifikanti tal-intelliġenza. B'hekk, tista'
ssir valutazzjoni iktar infurmata tal- attivitajiet
tas-suġġett ta' interess, fil-kuntest tal-miri investigattivi u
intelliġenza oħra miżmuma. Għal darb’oħra, n-natura
tas-sħubijiet finanzjarji u t-tranżazzjonijiet ipprovduti permezz
tat-TFTP probabbli ma kinux jiġu skoperti permezz ta’ kanali oħra ta’
inkjesta u għenu ferm fil-progress tal-investigazzjoni u l-valutazzjoni
bikrija tal-attività. Perjodu
ta' żmien tal-indikazzjonijiet: 2007-2012
Il-valur
tad-Dejta Pprovduta mit-TFTP miżmuma għal diversi snin
L-awtoritajiet
kontra t-terroriżmu wrew lit-timijiet ta' valutazzjoni tal-UE u l-Istati
Uniti li d-dejta finanzjarja miżmuma matul diversi snin, magħrufa
bħala dejta storika, hija ta’ valur sinifikanti sabiex jiġu mwettqa
investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu. Id-dejta storika tippermetti
lill-investigaturi sabiex jidentifikaw ix-xejriet, isegwu l-affiljazzjonijiet
ta' grupp, u janalizzaw il-metodoloġija. Minħabba
l-preċiżjoni tad-dejta tat-TFTP, l-investigaturi jistgħu
jużaw tranżazzjonijiet finanzjarji biex jintraccaw terroristi u
s-sostenituri tagħhom mad-dinja kollha għal diversi snin. Sa
mid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim f’Awwissu 2010, 45 fil-mija
tad-dejta tat-TFTP kollha eżaminata minn analista kellha tliet snin jew
iktar. Terrorist jista’
jaħdem f’pajjiż partikolari għal diversi snin. F’xi punt, dak
l-individwu jista' jimxi f’pajjiż ieħor biex iwettaq operazzjonijiet
terroristiċi. L-individwu jista' jibdel l-identifikaturi preċedenti
kollha, inkluż l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefown. Madankollu,
l-informazzjoni tat-TFTP miżmuma fil-limiti ta’ żmien
tal-Artikolu 6 tista' torbot l-individwu ma' numru ta' kont bankarju li
jkun uża qabel. Anke meta terrorist jistabilixxi kontijiet bankarji
ġodda, l-investigaturi jkunu jistgħu jorbtu lill-individwu mal-kont
il-ġdid – u kull informazzjoni ta’ identifikazzjoni assoċjata
miegħu – billi jsegwu tranżazzjonijiet assoċjati ma’ kontijiet
magħrufa li jintużaw mill-organizzazzjoni tat-terrorist. Fil-fatt,
l-investigaturi mistħarrġa għal dan ir-rapport qablu li
t-tnaqqis tal-perjodu taż-żamma tad-dejta mit-TFTP għal xejn
inqas minn ħames snin jista' jirriżulta f’telf sinifikanti ta’
tagħrif dwar l-iffinanzjar u l-operat ta’ gruppi terroristiċi. Pereżempju,
informazzjoni miksuba mit-TFTP intużat biex jiġu segwiti
t-tranżazzjonijiet tal-uffiċjal tal-IJU Mevlut Kar. Kar ipprovda
aktar minn 20 detonatur lill-membri tal-IJU. F’Jannar 2012, Kar ġie
kklassifikat bħala Terrorist Globali Speċjalment Ikklassifikat
mill-Istati Uniti, li rriżulta fl-iffriżar ta’ kwalunkwe assi
tiegħu soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tal-Istati
Uniti. L-informazzjoni miksuba mit-TFTP miżmuma għal aktar minn
erba’ snin intużat biex tipprovdi indikazzjonijiet u ssegwi
tranżazzjonijiet bejn Kar u l-partitarji tiegħu. Kar huwa implikat
fl-attentat Ewropew b’bomba tal-2007 li kellu fil-mira tiegħu
l-istallazzjonijiet militari tal-Istati Uniti u ċ-ċittadini Amerikani
fil-Ġermanja. Kar bħalissa huwa mfittex mill-Gvern tal-Libanu, u
Avviż Aħmar tal-Interpol inħareġ għall-arrest u
l-estradizzjoni tiegħu. Il-Gvern Libaniż ikkundannah in absentia
għal 15-il sena ħabs minħabba li pprova jistabilixxi
ċellola tal-Al Qaida fil-Libanu. Mingħajr dejta storika,
l-investigaturi ma kinux ikunu jistgħu jiksbu t-tagħrif sinifikanti
tagħhom rigward l-operazzjonijiet ta' Kar. Id-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti wettaq analiżi ta' iktar minn elf rapport
TFTP maħruġ bejn l-2005 u l-2012.[14] Din
l-analiżi wriet li, matul dak il-perjodu ta’ seba’ snin, 35 fil-mija
tal-indikazzjonijiet ta' informazzjoni miksuba mit-TFTP kellhom dejta
miżmuma għal mill-inqas tliet snin. Minbarra
l-prevalenza ta’ dejta storika fost indikazzjonijiet miksuba mit-TFTP,
l-analiżi tar-rapporti TFTP mill-2005 sal-2012 turi l-importanza relattiva
ta’ dejta miżmuma għal iktar minn tliet snin fir-rapporti. Kif
jidher fil-grafika ta’ hawn taħt, bejn l-2005 u l-2012, iktar minn 65
fil-mija tar-rapporti miġbura minn indikazzjonijiet ta' informazzjoni
miksuba mit-TFTP kellhom dejta TFTP miżmuma għal iktar minn tliet
snin. Għal kważi 35 fil-mija tar-rapporti, id-dejta storika kienet
tinkludi mill-inqas nofs il-materjal ta’ sors tar-rapport. Mill-2010, 10 fil-mija
tar-rapporti TFTP miġbura minn analisti li jwettqu investigazzjonijiet
kontra t-terroriżmu serrħu biss fuq dejta TFTP miżmuma għal
iktar minn tliet snin. Id-dejta storika
kienet kruċjali sabiex jiġu identifikati sorsi ta’ ffinanzjar u
l-metodoloġija li appoġġjat lit-terrorist Norveġiż
Anders Behring Breivik. Ġurnata wara l-attakki
tat-22 ta' Lulju 2011 li qatlu 77 persuna u ferew mijiet
oħra, il-Europol ipprovdiet lid-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati
Uniti b'talba ta' emerġenza skont l-Artikolu 10 tal-Ftehim relatat
mal-avvenimenti. Fl-istess jum, it-Teżor wieġeb lill-Europol b’35
indikazzjoni ta' informazzjoni miksuba mit-TFTP bid-dettalji estensivi ta’
attivitajiet finanzjarji u n-netwerk ta' Breivik li kienet imferrxa ma'
kważi tużżana pajjiżi, l-aktar fl-Ewropa, iżda wkoll
fl-Istati Uniti tal-Amerika u ċerti destinazzjonijiet off-shore.
Erbgħa mill-35 indikazzjoni involvew tranżazzjonijiet finanzjarji
mwettqa fi żmien sentejn qabel l-attakki, u indikazzjoni addizzjonali
involviet attività finanzjarja mwettqa ftit iktar minn tliet snin qabel
l-attakki. It-30 indikazzjoni l-oħra involvew tranżazzjonijiet
finanzjarji mwettqa bejn erba’ u tmien snin qabel l-attakki[15],
hekk kif Breivik bena n-netwerk finanzjarji internazzjonali tiegħu,
stabilixxa kumpanija li tipproduċi kredenzjali edukattivi foloz,
magħrufa wkoll bħala “diploma mill", stabilixxa operazzjoni ta'
tkabbir biex ikun jista' jikseb materjal użati għall-isplussivi, u
ħadem ma' ċerti assoċjati f’pajjiżi oħra. Meta l-attakki
tan-Norveġja qorbu, Breivik apparentement naqqas l-użu tas-sistema
finanzjarja internazzjonali, forsi sabiex jevita li jinqabad. Madankollu,
l-indikazzjonijiet TFTP eqdem ippermettew lill-invetigaturi jidentifikaw malajr
il-flussi ta’ fondi u l-metodoloġija ta' Breivik, kif ukoll il-kuntatti
tiegħu u l-attivitajiet finanzjarji f’pajjiżi oħra, li kienu
partikolarment kritiċi fiż-żmien, meta l-awtoritajiet kienu qed
jippruvaw jiddeterminaw jekk kienx qed jaġixxi waħdu jew flimkien ma’
aġenti oħra mhux identifikati. F’wieħed
mill-każijiet l-oħra mistħarrġa għall-finijiet ta’ dan
ir-rapport, l-investigaturi kienu jistgħu jużaw l-informazzjoni
miksuba mit-TFTP biex isegwu aktar minn 100 tranżazzjoni bejn suspettat
terrorist u partitarji f’bosta pajjiżi fuq medda ta’ erba’ snin.
Is-suspettat terrorist kien juża kontijiet f’diversi pajjiżi biex
jgħaqqad fondi sabiex jappoġġja pjanijiet għal attakk
potenzjali. Aktar investigazzjoni ta’ tranżazzjonijiet identifikat
assoċjati u sostenituri mhux magħrufa qabel. Barra minn hekk,
f’bosta każijiet mistħarrġa għal dan ir-rapport,
l-investigaturi kienu kapaċi jsegwu tranżazzjonijiet bejn gruppi
terroristiċi, inkluż Al-Qaida, u sorsi ġodda ta’ ffinanzjar.
Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, l-użu ta’
informazzjoni miksuba minn dejta TFTP miżmuma għal iktar minn tliet
snin – u, f’ħafna każijiet għal tiftix imwettaq qabel
it-tħassir Lulju 2012, għal iżjed minn ħames snin – wassal
għal investigazzjonijiet separati f’entitajiet mhux magħrufa qabel. Fl-eżempji
illustrattivi ta’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu fl-UE
inklużi fit-Taqsima 5 ta’ dan ir-rapport, l-indikazzjonijiet
investigattivi iġġenerati mit-TFTP kellhom ukoll diversi snin.
Iż-żamma
u t-tħassir ta' dejta
Il-Ftehim
fih bosta dispożizzjonijiet dwar iż-żamma u t-tħassir tad-dejta.
L-Artikolu 6(5) jistipula li matul it-terminu tal-Ftehim, id-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti se jwettaq evalwazzjoni kontinwa u mill-anqas
annwali sabiex jidentifika dejta mhux estratta li ma għadhiex
neċessarja sabiex tiġġieled it-terroriżmu jew
il-finanzjament tiegħu, u meta tiġi identifikata, titħassar
b'mod permanenti kif ikun possibbli li dan isir teknoloġikament.
Għal dan l-għan kull sena jsir awditjar u analiżi fuq skala
kbira annwali tad-dejta estratta u janalizzaw, fuq bażi kwantitattiva u
kwalitattiva, it-tipi u l-kategoriji ta’ dejta, inkluż skont
ir-reġjun ġeografiku, li kienu utli għal investigazzjonijiet
kontra t-terroriżmu. L-awditjar u
l-analiżi jseħħu f’diversi stadji. L-ewwel, issir valutazzjoni
komprensiva ta’ dejta estratta sabiex jiġu ddeterminati t-tipi ta’
messaġġi u r-reġjuni ġeografiċi li l-iktar u li
l-inqas jirrispondu għal tiftix bit-TFTP. It-tieni, dawk it-tipi ta’
messaġġi u r-reġjuni ġeografiċi li minnhom
ittieħdet l-inqas dejta, kwantitattivament, jiġu eżaminati bi
skrutinju biex jiġi ddeterminat il-komponent kwalitattiv tagħhom –
b'mod partikolari, jekk ir-rispons relattivament żgħir madankollu
kellux informazzjoni ta’ kwalità għolja jew kienx ta’ valur partikolari
għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-segwiment, jew
il-prosekuzzjoni tat-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu.
It-tielet, dawk it-tipi ta’ messaġġi u/jew reġjuni
ġeografiċi li, minn perspettiva kwantitattiva jew kwalitattiva
fiż-żmien tal-evalwazzjoni, ma jidhrux meħtieġa fil-ġlieda
kontra t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu jitneħħew
mit-Talbiet futuri skont Artikolu 4. Fejn tali tipi ta’
messaġġi u/jew reġjuni ġeografiċi jiġu
identifikati f’dejta mhux estratta, it-Teżor iħassarhom skont
l-Artikolu 6(1) tal-Ftehim. Skont
l-Artikolu 6(5) tal-Ftheim, id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti
wkoll iwettaq evalwazzjoni kontinwa sabiex jivvaluta l-perjodi ta' żamma
tad-dejta meta dawn ma jibqgħux neċessarji sabiex jiġġieldu
t-terroriżmu jew il-finanzjament tiegħu. Titwettaq regolarment
valutazzjoni komprensiva li tikkonsisti f'intervisti minn investigaturi,
analiżijiet ta’ investigazzjonijiet kontra t-terroriżmu, u
evalwazzjoni tat-theddid u attivitajiet terroristiċi, flimkien
mal-analiżi annwali msemmija hawn fuq, tad-dejta estratta riċevuta,
biex jiġi żgurat li l-perjodi għaż-żamma tad-dejta
TFTP huma relevanti għall-isforzi li jkunu jinsabu għaddejjin kontra
t-terroriżmu. Tliet evalwazzjonijiet annwali kondotti minn meta l-Ftehim
daħal fis-seħħ, kif ukoll il-valutazzjonijiet li għaddejjin
bħalissa, kollha kkonkludew li perjodu ta’ żamma ta’ ħames snin
għadu meħtieġ għall-investigazzjonijiet li t-TFTP jiġi
użat għalihom. L-Artikolu 6
tal-Ftehim jistipula wkoll li d-dejta kollha li ma ġietx estratta
(jiġifieri, id-dejta mhux estratta mit-TFTP bħala parti minn
investigazzjoni kontra t-terroriżmu) li waslet qabel
l-20 ta’ Lulju 2007 titħassar mhux aktar tard
mill-20 ta’ Lulju 2012. Id-Dipartiment tat-Teżor
tal-Istati Uniti wettaq dan it-tħassir qabel din id-data ta' għelueq,
u dan ġie kkonfermat minn awdiuri indipendenti impjegati minn fornitur
waqt it-tieni rieżami konġunt.[16] Barra minn hekk,
il-Ftehim jistipula wkoll li d-dejta mhux estratta li waslet
fl-20 ta’ Lulju 2007 jew wara din id-data se titħassar mhux
aktar tard minn ħames snin mid-data ta’ meta waslet. Id-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti inizjalment kellu l-intenzjoni li jimplimenta
din id-dispożizzjoni permezz ta’ eżercizzju ta' tħassir annwali
fir-rigward tad-dejta mhux estratta li tolqot skadenza ta’ ħames snin
f’dik is-sena.[17]
Wara konverżazzjonijiet matul it-tieni rieżami konġunt, u fuq
ir-rakkomandazzjoni tat-tim tal-UE tar-rieżami konġunt,
id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti irreveda l-proċeduri
tiegħu sabiex jakkomoda eżerċizzji ta' tħassir addizzjonali
sabiex jiżgura li t-tħassir kollu ta' dejta mhux estratta jista'
jitlesta kompletament fil-ħames snin stipulati. Għalhekk, id-dejta
kollha mhux estratta li waslet qabel
il-31 ta’ Diċembru 2008 diġà ġiet imħassra.
Konklużjoni
L-informazzjoni
li tinsab f’dan ir-Rapport turi b’mod ċar il-valur sinifikanti tad-Dejta
Pprovduta mit-TFTP għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra
t-terroriżmu u l-finanzjament tiegħu. L-importanza tad-dejta TFTP
tidher mill-ħarsiet mogħtija lejn l-użu attwali
tal-informazzjoni miksuba mit-TFTP fl-investigazzjonijiet kontra
t-terroriżmu tal-Istati Uniti u tal-Ewropa akkumpanjati minn għadd
ta’ eżempji konkreti. Filwaqt li hemm ħafna aktar każijiet li
jappoġġjaw bis-sħiħ il-benefiċċji tat-TFTP,
l-iżvelar tagħhom ikun ta’ detriment għall-inkjesti li
għadhom miftuħa. L-informazzjoni mit-TFTP u l-eżattezza
tagħha jippermettu l-identifikazzjoni u s-segwiment ta’ terroristi u
n-netwerks ta’ appoġġ tagħhom madwar id-dinja. Din titfa’ dawl
fuq l-istrutturi finanzjarji eżistenti ta’ organizzazzjonijiet
terroristiċi, u jippermetti l-identifikazzjoni ta’ flussi ġodda ta’
appoġġ finanzjarju, assoċjati mhux magħrufa qabel, u
suspettati terroristi ġodda. L-informazzjoni mit-TFTP tista’ tgħin
ukoll biex tiġi evalwata u kkorroborata l-intelligenza eżistenti,
tiġi kkonfermata s-sħubija ta' persuna f’organizzazzjoni
terroristika, u timla l-lakuni ta' informazzjoni. Ir-Rapport
ħares lejn il-valur tad-dejta miżmuma għal diversi snin u
l-intensità tal-użu tagħha. Id-dejta storika jista’ jkollha rwol ewlieni
fl-investigazzjonijiet ta’ individwi li ħafna drabi jippruvaw jaħbu
informazzjoni ta’ identifikazzjoni tagħhom, inkluż l-isem,
l-indirizz, u n-numru tat-telefown. Madankollu, bit-TFTP u d-dejta
miżmuma fiha, l-investigaturi jistgħu jkunu jistgħu jorbtu
individwu ma' kont tal-bank użat fil-passat u jidentifikaw informazzjoni
personali korretta u r-rabtiet assoċjati magħha. Skont l-istatistika
disponibbli dwar ir-rapporti TFTP maħruġa bejn l-2005 u l-2012, 35
fil-mija tal-indikazzjonijiet ta' informazzjoni miksuba mit-TFTP kellhom dejta
miżmuma għal tliet snin jew aktar. Jekk wieħed jikkunsidra kemm
il-valur uniku tad-dejta storika u l-prevalenza tagħha fost
l-indikazzjonijiet TFTP, it-tnaqqis fil-perjodu taż-żamma tad-dejta
mit-TFTP għal xejn inqas minn ħames snin jista' jirriżulta
f’telf sinifikanti ta’ tagħrif dwar l-iffinanzjar u l-operat ta’ gruppi
terroristiċi. Skont
ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-Ftehim, id-Dipartiment tat-Teżor
tal-Istati Uniti ħassar id-dejta mhux estratta kollha riċevuta qabel
il-31 ta' Diċembru 2008. It-talbiet għad-dejta huma
definiti fuq il-bażi ta’ evalwazzjoni regolari u estensiva ta’ reazzjoni
fir-rigward ta' tipi ta’ messaġġi u r-reġjuni
ġeografiċi partikolari. Barra minn hekk, id-Dipartiment
tat-Teżor tal-Istati Uniti wkoll iwettaq evalwazzjonijiet kontinwi sabiex
jivvaluta l-perjodi ta' żamma tad-dejta meta dawn ma jibqgħux
neċessarji sabiex jiġġieldu t-terroriżmu jew
il-finanzjament tiegħu. B’mod parallel
għat-tħejjija ta’ dan ir-Rapport, fuq talba tal-Kummissjoni, ġew
imnedija konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 19 tal-Ftehim fid-dawl
tal-allegazzjonijiet tal-midja dwar ksur potenzjali tat-termini
tal-Ftehim mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti. L-informazzjoni pprovduta
mid-Dipartiment tat-Tezor tal-Istati Uniti fl-ittri tiegħu
tat-18 ta' Settembru u tat-8 ta' Novembru 2013 u waqt
laqgħat ta' livell għoli fis-7 ta'Ottubru u
t-18 ta' Novembru 2013 iċċarat iktar
l-implimentazzjoni tal-Ftehim bejn dwar it-TFTP bejn il-UE u l-Istati Uniti u
ma wriet l-ebda ksur tal-Ftehim. Il-Kummissjoni u t-Teżor tal-Istati Uniti
qablu li jwettqu r-Rieżami Konġunt li jmiss skont l-Artikolu 13
tal-Ftehim fir-Rebbiegħa 2014. [1] Ir-Rapport tal-ewwel rieżami konġunt SEC(2011) 438
f’p. 5. [2] Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt SWD(2012) 454
f’p. 38 Anness IV. [3] Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 15. [4] Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 17. [5] Ġew użati “Rapporti” biex titqassam informazzjoni miksuba
mit-TFTP mal-Istati Membri tal-UE u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, li
nbdew ħafna qabel il-Ftehim tat-TFTP fl-2010. "Indikazzjoni"
TFTP tirreferi għal sommarju ta’ tranżazzjoni finanzjarja partikolari
identifikata b’rispons għal tiftixa tat-TFTP li hija rilevanti għal
investigazzjoni kontra t-terroriżmu. Kull rapport TFTP jista’ jkun fih
ħafna indikazzjonijiet TFTP. [6] IRGC-QF ipprovdiet materjal ta' appoġġ lit-Taliban,
lill-Hizballah Libaniż, lill-Ħamas, lill-Jihad Iżlamika
Palestinjana, u lill-Kmand Ġenerali tal-Front Popolari
għal-Liberazzjoni tal-Palestina. IRGC-QF ipprovdiet ukoll appoġġ
letali fil-forma ta’ armi, taħriġ, u l-iffinanzjar
lill-organizzazzjonijiet terroristiċi, u kienet responsabbli għal
bosta attakki terroristiċi. [7] It-terminu "Terrorist Globali Speċjalment
Ikklassifikat" jew "TGSI" jirreferi għal individwu jew
entità li hija suġġetta għal sanzjonijiet skont l-Ordni
Eżekuttiva 13224, l-awtorità primarja tas-sanzjonijiet kontra
t-terroriżmu tal-Gvern tal-Istati Uniti. [8] Dawn in-numri huma dawk attwali fl-20 ta' Awwissu 2013. [9] ETA (Euskadi ta Askatasuna) – Patrija Baska u Libertà. [10] Resistência Galega – Reżistenza Galesjana. [11] PKK (Partiya Karkerên Kurdistan) – Il-Partit tal-Ħaddiema
tal-Kurdistan. [12] Dawn in-numri huma attwali mit-22 ta' Awwissu 2013. [13] Il-preżentazzjoni ta’ dawn l-eżempji hija bbażata fuq
id-deskrizzjonijiet ipprovduti mill-Istati Membri kkonċernati. [14] Ir-rapporti ntagħżlu b’mod aleatorju sabiex jinkiseb
kampjun rappreżentattiv ta’ rapporti prodotti tat-TFTP kollha matul
il-perjodu 2005 sal-2012. Kif ġie indikat qabel, rapport TFTP wieħed
jista’ jkun fih diversi indikazzjonijiet TFTP. [15] Id-dejta tat-TFTP li għandha iktar minn ħames snin kienet
għadha disponibbli f’dak iż-żmien billi skont l-Artikolu 6
tal-Ftehim id-dejta kollha mhux estratta li waslet qabel
l-20 ta’ Lulju 2007 kellha titħassar mhux aktar tard
mill-20 ta’ Lulju 2012. [16] Ir-Rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 10. [17] Ir-rapport tat-tieni rieżami konġunt f’p. 10.