Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0463

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tmien rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali L-aspetti reġjonali u urbani tal-kriżi

/* COM/2013/0463 final */

52013DC0463

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL It-tmien rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali L-aspetti reġjonali u urbani tal-kriżi /* COM/2013/0463 final */


WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

2........... Il-Kuntest....................................................................................................................... 3

2,1........ Tnaqqis tal-PDG u l-impjiegi........................................................................................... 3

2,2........ Deterjorament tal-finanzi nazzjonali u sottonazzjonali........................................................ 4

2,3........ Il-kostruzzjoni u l-manifattura huma l-aktar milquta mir-reċessjoni.................................... 4

2,4........ L-esportazzjoni qed tirkupra........................................................................................... 5

2,5........ L-investimenti barranin diretti naqqsu l-pass..................................................................... 6

2,6........ Żieda fir-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni............................................................................ 7

3........... L-impatt reġjonali......................................................................................................... 10

3,1........ Il-PDG u l-impjiegi fl-ewwel tliet snin tal-kriżi................................................................ 11

3,2........ Il-qgħad qed jiżdied, speċjalment fir-reġjuni tan-Nofsinhar............................................. 11

3,3........ Il-migrazzjoni qiegħda tnaqqas il-pass............................................................................ 12

4........... L-impatt urban.............................................................................................................. 12

4,1........ Ir-reġjuni metropolitani għandhom taħlita ta' reżiljenza u vulnerabbiltà............................. 12

4,2........ L-ibliet fi kriżi............................................................................................................... 13

5........... Il-Politika tal-Koeżjoni u l-kriżi..................................................................................... 15

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

It-tmien rapport ta' progress dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

L-aspetti reġjonali u urbani tal-kriżi

1.           Introduzzjoni

Fl-2014, se jibda l-perjodu ta' programmar tal-Politika ta' Koeżjoni wara l-agħar reċessjoni ta' dawn l-aħħar 50 sena. Il-kriżi reġġgħet lura l-proċess ta' konverġenza tal-PDG per capita u l-qgħad reġjonali fl-UE. L-isfida issa hija li jiġi żgurat ritorn bla dewmien lejn perkors ta' tkabbir qawwi, b'mod partikolari fir-reġjuni u l-ibliet anqas żviluppati.

Biex jappoġġa n-negozjati li ġejjin dwar il-programm, dan ir-rapport jenfasizza l-bidliet ispirati mill-kriżi li se jaffettwaw il-kuntest u l-prijoritajiet tal-programmi l-ġodda. Ir-rapport l-ewwel jistabbilixxi x-xena b'ħarsa ġenerali lejn l-iżviluppi ewlenin fil-livell nazzjonali. Imbagħad iħares lejn l-impatt tal-kriżi fuq ir-reġjuni u l-ibliet u ż-żieda fid-disparitajiet. Fl-aħħar nett, huwa juri b'mod ġenerali kif l-ambjent ekonomiku mibdul se jaffettwa l-programmi ta' Koeżjoni tal-ġejjieni u jenfasizza l-ħtieġa ta' konċentrazzjoni tematika qawwija.

Dan ir-rapport isegwi s-seba' rapport ta' progress, ippubblikat fl-2011 u se jkun segwit mill-pubblikazzjoni tas-sitt Rapport tal-Koeżjoni fl-2014. Is-sitt rapport tal-Koeżjoni se jkopri wkoll kwistjonijiet bħall-innovazzjoni, il-klima, u l-ambjent, li ma setgħux jiġu inklużi hawn.

2.           Il-Kuntest

2.1.        Tnaqqis tal-PDG u l-impjiegi

l-UE daħlet f'riċessjoni fit-tieni trimestru tal-2008, li damet ħames trimestri. Sa mir-reċessjoni, it-tkabbir globali f'termini tal-PDG kien bil-mod ħafna. Il-PDG tal-UE reġa' ċkien fl-aħħar trimestru tal-2011 u fl-ewwel żewġ trimestri u fl-aħħar trimestru tal-2012. Jekk il-PDG jiċkien ukoll fl-ewwel trimestru tal-2013 din se tkun saret riċessjoni bi tliet fażijiet.

L-impatt globali tal-kriżi fuq il-PDG u l-impjiegi bejn l-2007 u l-2011 kien l-ogħla fit-tliet Stati Baltiċi, l-Irlanda, il-Greċja u Spanja (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal COM, Figura 1). L-Istati Baltiċi u l-Irlanda reġgħu bdew jikbru fl-2010 jew fl-2011 u huma mbassra li jkomplu jikbru sal-2014.

Spanja u l-Greċja, madankollu, għadhom ma marrux lura lejn it-triq tat-tkabbir konsistenti. Spanja bdiet tikber fl-2011, iżda l-PDG tagħha naqas fl-2012. Ir-rati tat-tkabbir tal-PDG provviżorju għall-Greċja juru tkomplija u tisħiħ tar-riċessjoni. Il-PDG tagħha naqas b'madwar 7 % fl-2011 u l-2012 u jista' biss jibda jikber fl-2014.

Barra minn hekk, Ċipru kienet affaċċata minn kriżi finanzjarja fl-2012 li wasslet għal tnaqqis aħrax tal-PDG u l-impjiegi li mistenni jkompli sal-2014.

B'kuntrast, disa' Stati Membri esperjenzaw riċessjoni relattivament moderata jew, fil-każ tal-Polonja, sempliċiment tnaqqis fil-pass tat-tkabbir.

2.2.        Deterjorament tal-finanzi nazzjonali u sottonazzjonali

Il-kriżi ekonomika u finanzjarja wasslet għal żidiet sinifikanti fid-dejn totali tal-gvern (ara l-Iskeda 1) f'erba' modi. L-ewwel nett, bosta gvernijiet nazzjonali appoġġaw lis-settur finanzjarju permezz ta' rikapitalizzazzjoni tal-banek u trasferimenti ta' assi. It-tieni, tnaqqis fir-ritmu tal-attività ekonomika naqqas id-dħul mit-taxxi u żied l-infiq soċjali (pereżempju l-benefiċċji tal-qgħad). It-tielet, il-gvernijiet adottaw pakketti ta' stimolu biex jagħtu spinta lid-domanda. Ir-raba', il-proporzjon tad-dejn mal-PDG huwa miżjud ukoll minħabba tkabbir baxx fil-PDG.

B'riżultat ta' dan, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern imqabbel mal-PDG fl-UE spara 'l fuq bejn l-ewwel trimestru tal-2008 u r-raba' trimestru tal-2012 minn 59 % għal 85 %. Iż-żidiet nazzjonali kienu l-ogħla fl-Irlanda (90 punt perċentwali), il-Portugall (56 pp), il-Greċja u Spanja (li t-tnejn 49 pp). L-Istati Membri li xtraw banek li kienu qed ifallu jistgħu jkunu kapaċi jnaqqsu d-dejn tagħhom billi jbigħu l-assi li baqa' tal-banek, iżda l-valur tagħhom jibqa' inċert.

Dejn għoli tal-gvern jista' jqajjem tħassib dwar il-ħila tal-gvern li jirrispetta l-obbligi tad-dejn tiegħu fuq medda twila ta' żmien. Dan jista' jwassal għal rati tal-imgħax u ħlasijiet ogħla. It-taxxi ogħla meħtieġa biex jiġu rrispettati l-obbligi tad-dejn jistgħu jaġixxu bħala ostaklu fuq it-tkabbir.

Fil-perjodu 2011-2013, ħafna Stati Membri taw bidu għal konsolidazzjoni fiskali billi primarjament naqqsu l-infiq (-1,5 % tal-PDG tal-UE fl-2011 meta mqabbel mal-2010). Fil-biċċa l-kbira tnaqqas l-infiq li huwa favorevoli għat-tkabbir. Għaldaqstant, l-investiment pubbliku (hawn: Formazzjoni ta' Kapital Fiss Gross) bħala sehem tal-PDG se jkun aktar baxx fit-18-il Stat Membru fl-2013 milli fl-2011. Dan it-tnaqqis jista' jaffettwa t-tkabbir fuq medda medja ta' żmien.

Id-dejn pubbliku ma jaffettwax il-pajjjiżi kollha b'mod ugwali. Id-dejn pubbliku tal-Estonja huwa biss 10 % tal-PDG tagħha. Tlettax-il Stat Membru biss għandhom dejn pubbliku taħt is-60 % tal-PDG tagħhom: it-tliet Stati Membri Nordiċi, il-Lussemburgu u disgħa mill-10 Stati Membri Ċentrali u tal-Lvant. Il-kriżi taffettwa l-gvernijiet sottonazzjonali b'żewġ modi. L-ewwel nett, il-kriżi wasslet għal tnaqqis tad-dħul mit-taxxi u għal tnaqqis fit-taxxi maħsuba biex jistimulaw it-tkabbir. It-tieni, il-kriżi żiedet id-domanda lokali għas-servizzi pubbliċi u l-ħarsien soċjali, u wasslet għal nefqa pubblika ogħla.

Il-konsolidazzjoni fiskali qed tpoġġi pressjoni fuq il-baġits tal-gvernijiet sottonazzjonali. Dawn għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma' livelli ogħla ta' nefqa soċjali u jridu jnaqqsu n-nefqa u jżidu d-dħul. Id-diffikultajiet finanzjarji tagħhom jistgħu jaffettwaw il-provvista tas-servizzi pubbliċi.

Il-konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku għandha tiżgura li t-tnaqqis tad-dejn tal-gvern ċentrali ma jiġix ikkumpensat minn żieda fid-dejn tal-gvern sottonazzjonali. Dan it-tnaqqis koordinat tad-dejn għandu jiżgura wkoll li l-investimenti pubbliċi li jsaħħu t-tkabbir, inklużi dawk li huma kofinanzjati mill-Politika ta' Koeżjoni, jinżammu.

2.3.        Il-kostruzzjoni u l-manifattura huma l-aktar milquta mir-reċessjoni

Għalkemm il-kriżi bdiet fis-settur finanzjarju u tal-assigurazzjoni, dan is-settur kien jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor l-istess ammont ta' valur miżjud gross (VMG) u impjiegi fl-UE fl-2011 bħal fl-2007. Fis-sitt Stati Membri l-aktar milquta mill-kriżi, madankollu, l-impjiegi f'dan is-settur naqsu b'1 % u l-VMG tiegħu b'1,8 % kull sena bejn l-2007 u l-2011 (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal COM, il-Figura 2).

Bejn l-2007 u l-2011, kemm il-VMG kif ukoll l-impjiegi fil-kostruzzjoni naqsu bi 3 % fis-sena fl-Unjoni. Fis-sitt pajjiżi fejn l-impatt tar-reċessjoni kien l-akbar, it-tnaqqis kien saħansitra bejn l-10 u l-20 % fis-sena għall-impjiegi u bejn is-6 % u l-20 % għal VMG.

Dan it-tnaqqis drammatiku fis-settur tal-kostruzzjoni huwa marbut mal-bużżieqa tal-proprjetà immobbli u l-kollass sussegwenti tal-prezzijiet tal-proprjetà immobbli f'diversi Stati Membri. Bejn l-2007 u l-2012, il-prezzijiet tal-proprjetà immobbli naqsu b'bejn 30 % u 50 % fl-Irlanda[1], il-Latvja u l-Estonja (ara l-Iskeda 2). Fil-Portugall, sa issa naqsu b'-9 %. Fil-Greċja, iċ-ċifri tal-Eurostat jindikaw żieda moderata bejn l-2007 u l-2010, iżda sorsi oħra[2] jindikaw li l-prezzijiet bdew jaqgħu mill-2010. B'mod globali, ma jistax jiġi eskluż aktar tnaqqis.

Is-settur tal-manifattura qala' daqqa bi tnaqqis ta' aktar minn 2 % fis-sena bejn l-2007 u l-2011. Fis-sitt Stati Membri l-aktar milquta, il-medja annwali tat-tnaqqis kienet ta' kważi 5 %. It-tnaqqis fil-VMG kien fil-livell aktar moderat ta' 0,9 %. Il-bidliet fil-VMG kienu aktar varjabbli bl-akbar tnaqqis matul il-perjodu jseħħ fil-Greċja (-6 %) u l-Finlandja  (-5 %) u l-akbar żidiet iseħħu fis-Slovakkja (8 %) u l-Irlanda (4 %) (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, il-Figura 3). It-tnaqqis fil-manifattura kien marbut mill-qrib mat-tnaqqis fil-kummerċ.

2.4.        L-esportazzjoni qed tirkupra

Wara l-kriżi, il-kreditu sar skars, u dan naqqas l-investimenti u l-konsum. Dan naqqas il-kummerċ fl-oġġetti u kkawża lir-riċessjoni sabiex tinxtered malajr lejn l-imsieħba kummerċjali importanti, li wassal għal aktar telf ta' introjtu u/jew impjiegi. Għalkemm it-tkabbir tal-2004 ta spinta lill-kummerċ tal-UE, il-kriżi wasslet għal waqgħa f'daqqa (ara l-Figura 1).

Figura 1: It-tibdiliet fil-volum tal-kummerċ tal-UE, 2000-2011

L-esportazzjonijiet kienu għadhom qed jikbru fl-2008, għalkemm b'ritmu ħafna aktar kajman, filwaqt li t-tkabbir fil-volumi tal-importazzjonijiet kien qrib iż-żero. Fl-2009, l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet waqgħu bi 15 % għal livell komparabbli ma' dak tal-2005.

L-Istati Membri Ċentrali u tal-Lvant ġarrbu l-akbar tnaqqis fl-importazzjonijiet (ara l-Iskeda 3). Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li ssieħbu fl-UE wara l-2004 kienu qed igawdu perjodu ta' tkabbir ekonomiku għoli alimentat minn livell għoli ta' investiment u konsum, qabel ma laqtithom il-kriżi.

Fl-Istati Membri tal-Punent, l-esportazzjonijiet waqgħu aktar mill-importazzjonijiet billi, għall-inqas inizjalment, il-konsum domestiku u l-investiment kienu inqas milquta mill-kriżi. It-tnaqqis globali fid-domanda wassal għal tnaqqis fl-esportazzjonijiet, li wassal għal tnaqqis tal-produzzjoni fis-settur tal-manifattura. L-esportazzjonijiet, fortunatament, irkupraw malajr b'volumi simili fl-2010 bħal fl-2007. Madankollu, il-konsegwenzi tat-tnaqqis f'daqqa fl-esportazzjonijiet ikomplu jinħassu fis-suq tax-xogħol.

2.5.        L-investimenti barranin diretti naqqsu l-pass

Bħala riżultat tal-kriżi, l-investiment barrani dirett (IBD) naqas b'rata mgħaġġla. Ħafna investituri barranin iddiriġew ir-riżorsi disponibbli lura lejn il-kumpaniji "omm". Is-sħubija fl-UE għamlitha eħfef għall-Istati Membri Ċentrali u tal-Lvant sabiex ikollhom aċċess għall-IBD grazzi għas-suq uniku u l-inkorporazzjoni tal-acquis tal-UE. L-IBD jista' jikkontribwixxi għal kisbiet fl-effiċjenza, trasferiment ta' teknoloġiji innovattivi u produttività ogħla fil-pajjiżi li jirċevuh. Għalhekk, l-influssi tal-IBD għandhom rwol importanti fl-Istati Membri inqas żviluppati għall-ħolqien tal-impjiegi u l-modernizzazzjoni tal-ekonomiji tagħhom.

Il-flussi tal-investiment esoġenu dirett barrani minn Stati Membri oħra u minn barra l-Unjoni kibru malajr ħafna bejn l-2004 u l-2007. Il-flussi tal-investimenti esoġeni kkwadruplikaw bejn l-2004 u l-2007 (ara l-Figura 2). Il-flussi tal-investiment esoġeni naqsu fl-2008 u fl-2009 meta s-sitwazzjoni globali tal-kreditu ddeterjorat. L-aktar punt baxx, fl-2010, kien jikkorrispondi mal-livell tal-2004. Fl-2011, il-flussi reġgħu żdiedu.

Il-flussi tal-investiment dirett barrani ma jurux l-istokk ta' investiment barrani. L-istokks miżmuma f'pajjiżi oħra żdiedu bi kważi 60 % bejn l-2004 u l-2007. Din iż-żieda qatt ma treġġgħet lura. Sal-2011, l-istokks f'idejn il-barranin kienu aktar minn darbtejn ogħla milli kienu fl-2004.

F'xi pajjiżi tal-UE, l-influssi tal-IBD huma sors ewlieni ta' kapital u investimenti. Pereżempju, l-influssi netti medji tal-IBD bħala proporzjon tal-PDG bejn l-2005 u l-2007 kienu bejn il-15 % u t-23 % fil-Bulgarija, Malta, il-Belġju u l-Estonja. Il-kriżi wasslet għal tnaqqis rapidu fl-influssi tal-IBD f'10 Stati Membri Ċentrali u tal-Lvant. Dawn l-influssi naqsu b'bejn 1,5 % u 6 % tal-PDG tagħhom bejn il-perjodi 2005-07 u 2008-10, bl-eċċezzjoni tal-Bulgarija, fejn naqsu bi 12 % tal-PDG tagħha (ara l-Iskeda 4).

Figura 2: Investiment Barrani Dirett fl-UE, l-2004-2011

2.6.        Żieda fir-riskju ta' faqar u ta' esklużjoni

Fil-livell tal-UE, il-kriżi żiedet il-popolazzjoni li qiegħda fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali. Bejn l-2009 u l-2011, is-sehem żdied b'punt perċentwali wieħed. It-tliet komponenti kollha kemm huma (ir-rata ta' persuni f'riskju ta' faqar, id-deprivazzjoni materjali severa u l-intensità baxxa ħafna tax-xogħol) ukoll qegħdin jiżdiedu, b'mod partikolari l-intensità baxxa ħafna tax-xogħol (ara Figure 3). Dan l-impatt x'aktarx li jinħass aktar fil-futur billi l-kriżi għadha ma spiċċatx u l-effett jieħu ż-żmien biex jiffiltra.

L-impatt fuq ir-riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni kien l-ogħla fis-sitt Stati Membri l-aktar milquta, iżda l-impatt fl-Italja u l-Bulgarija kien sinifikanti wkoll. Bosta mill-Istati Membri l-kbar, madankollu, kellhom biss żidiet żgħar, bħal pereżempju l-Ġermanja u r-Renju Unit, jew saħansitra tnaqqis żgħir fir-riskju tal-faqar jew esklużjoni, bħall-Polonja u r-Rumanija.

Figura 3: Il-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-UE, bejn l-2005 u l-2011

Wara l-kriżi, ħafna nies kellhom iħabbtu wiċċhom ma' introjtu iktar baxx minħabba telf tal-impjiegi jew tnaqqis fis-sigħat u l-pagi. Fis-sitt Stati Membri l-aktar affettwati, l-introjtu disponibbli aġġustat gross reali naqas sostanzjalment wara l-kriżi (ara l-Figura 4).

Fl-Istati Baltiċi, l-introjtu disponibbli aġġustat reali tal-unitajiet domestiċi per capita kiber b'mod rapidu bejn l-2005 u l-2008 u mbagħad sofra tnaqqis kbir. Fil-Latvja, l-introjtu disponibbli naqas bi kważi wieħed minn ħamsa fl-2009. Mill-2010, l-introjtu disponibbli reġa' beda jikber għal darb'oħra f'kull wieħed minn dawn it-tliet Stati Membri, iżda l-ebda wieħed minnhom ma laħaq il-livell ta' qabel il-kriżi.

Fil-Greċja, Spanja u l-Irlanda, li għandhom livelli ħafna ogħla ta' introjtu disponibbli mill-Istati Baltiċi, l-istampa hija inqas ċara. Fi Spanja u fl-Irlanda, l-effett tal-kriżi bdew jinħassu biss fl-2009. Minn dak iż-żmien 'l hawn, iż-żewġ pajjiżi tilfu madwar 8 % tal-introjtu disponibbli tagħhom, li ħadhom lura għal-livelli tal-2005. Fil-Greċja, it-tnaqqis tal-introjtu disponibbli beda bil-mod fl-2007. Fl-2009 u l-2010 waqa' ħafna f'daqqa. Bħala riżultat, l-introjtu disponibbli Grieg fl-2011 kien ferm taħt il-livell tiegħu tal-2005.

Minħabba t-tnaqqis fl-introjtu medju, u għalhekk il-limitu tal-faqar, ir-rata ta' dawk fir-riskju tal-faqar ħafna drabi taqa' waqt riċessjoni. Din it-taqsima se tuża limitu għall-faqar iffissat fil-livell tal-2005 biex tevita dan l-effett.

Figura 4: Introjtu disponibbli aġġustat gross reali per capita, 2005-2011

Fl-Irlanda, is-sehem tan-nies f'riskju ta' faqar meta mqabbel mal-limitu tal-2005 żdied minn 10 % fl-2008 għal aktar minn 15 % fl-2010 (ara Figure 5). Dan is-sehem laħaq l-20 % fi Spanja u t-23 % fil-Greċja. Minħabba tkabbir qawwi fl-introjtu fil-parti bikrija tal-perjodu mill-2005 sal-2011, ir-rati ta' persuni f'periklu ta' faqar imqabbla mal-2005 żdiedu biss ftit fl-Istati Baltiċi wara l-kriżi, fejn laħqu l-10 % jew inqas, u ma laħqux il-livelli ta' qabel il-kriżi.

Figura 5: Ir-rata tal-persuni li huma fil-periklu tal-faqar mal-limitu tal-2005, 2006-2011

Is-sehem ta' nies fir-riskju tal-faqar imqabbel mal-limitu tal-2005 żdied bi ftit fil-Belġju, l-Ungerija, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit. Fil-partijiet l-oħra tal-UE, huwa naqas jew baqa' stabbli.

Is-sehem tal-popolazzjoni ta' bejn 0 u 59 sena li jgħixu f'unità domestika b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol żdiedet wara l-kriżi, iżda xorta baqgħet taħt il-valuri tal-2006 fil-livell tal-UE. Fis-sitt Stati Membri li huma l-aktar affettwati, madankollu, dan is-sehem żdied b'bejn 4 u 9 pp bejn l-2007 u l-2011 (ara l-Figura 6).

Figura 6: Intensità baxxa ħafna ta' xogħol, 2005-2011

Is-sehem tal-popolazzjoni f'kundizzjoni ta' nuqqas materjali serju, jiġifieri dawk li ma jistgħux jaffordjaw erbgħa minn disa' elementi bażiċi, naqas fil-livell tal-UE minn 11 % għal 8 % bejn l-2005 u l-2010. L-ogħla ishma jistgħu jinstabu fir-Rumanija u l-Bulgarija u t-tnejn li huma rnexxielhom inaqqsu s-sehem mill-popolazzjoni ta' dawk f'kundizzjoni ta' nuqqas materjali serju għal 31 % u 35 % fl-2010. Fl-2011, madankollu, is-sehem tal-UE reġa' żdied.

Bejn l-2008 u l-2011, id-deprivazzjoni materjali estrema żdiedet l-aktar fil-Latvja[3] (12-il pp), fil-Litwanja (6 pp), fl-Ungerija (5 pp) u fil-Greċja (4 pp). Fl-2010, is-sehem tal-Irlanda żdied b'2 pp għal 7,5 %, li huwa għoli meta jitqiesu l-livelli tal-introjtu tagħha. Spanja, b'livell ta' introjtu biss ftit iżgħar, kellha biss rata ta' 4 %. Il-Polonja kisbet tnaqqis notevoli tas-sehem tagħha ta' persuni f'deprivazzjoni materjali serja, minn 18 % fl-2008 għal 13 % fl-2011.

Għal analiżi aktar dettaljata tal-bidliet fil-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-profondità tal-faqar, ara l-Kapitolu 2 tar-Rapport L-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2012[4].

3.           L-impatt reġjonali

Il-kriżi ġabet fi tmiemu perjodu twil li matulu d-disparitajiet reġjonali fil-PDG per capita u l-qgħad kienu qed jonqsu. Bejn l-2000 u l-2008, id-disparitajiet reġjonali fil-PDG per capita naqsu f'kull sena (ara Figure 7) Fl-2009, dak it-tnaqqis fid-disparitajiet waqaf u kiber fl-2010 u l-2011.

Figura 7: Il-Politika tal-Koeżjoni u l-kriżi

Ir-rati tal-qgħad reġjonali kienu qed jikkonverġu mill-2001 sal-2007, iżda mbagħad tbiegħdu minn xulxin kull sena mill-2007 sal-2012. L-UE-15 ukoll esperjenzaw disparitajiet akbar sa mill-2007 kemm għall-PDG per capita kif ukoll għall-qgħad reġjonali.

3.1.        Il-PDG u l-impjiegi fl-ewwel tliet snin tal-kriżi

Żewġ terzi tar-Reġjuni sofrew tnaqqis tal-PDG sa -6 % fis-sena bejn l-2007 u l-2010. L-10 reġjuni fejn il-PDG naqas bl-ogħla rata bejn l-2007 u l-2010 jinkludu t-tliet Stati Baltiċi u seba' reġjuni minn seba' Stati Membri differenti (ara l-Iskeda 5). Il-PDG naqas b'aktar minn 3 % fis-sena f'dawn ir-reġjuni. L-ebda wieħed mir-reġjuni Spanjoli jew Griegi ma jidhru fost dawn ir-reġjuni. Spanja ma tidhirx fost l-ewwel 10 minħabba li sofriet tnaqqis tal-PDG iżgħar mit-tnaqqis fl-impjiegi. Il-Greċja ma tidhirx fost l-ewwel 10 għaliex il-biċċa l-kbira tat-tnaqqis fil-PDG seħħ wara l-2010. Fl-2012, Ċipru ra l-bidu ta' tnaqqis fl-impjiegi u l-PDG li mistenni jkompli sal-2014.

F'diversi Stati Membri, ir-reġjun kapitali għandu l-ogħla rata ta' tkabbir, inkluż il-Bulgarija, il-Ġermanja, is-Slovakkja u l-Polonja.

Wieħed minn kull żewġ reġjuni ra tnaqqis fl-impjiegi totali matul l-istess perjodu. L-impjiegi naqsu b'aktar minn 4 % fis-sena fl-Istati Baltiċi, tliet reġjuni Spanjoli, iż-żewġ reġjuni Irlandiżi u reġjun wieħed fil-Bulgarija (ara l-Iskeda 5). It-tnaqqis fl-impjiegi Griegi sar biss wara l-2010, li hija r-raġuni għaliex dawn ma jidhrux fost l-agħar reġjuni milquta.

B'mod ġenerali, ir-rabta bejn il-PDG reġjonali u t-tibdil fl-impjiegi hija dgħajfa matul dawn is-snin, billi jieħu ż-żmien biex tnaqqis fil-produzzjoni jaffettwa l-impjiegi. Barra minn hekk, bosta politiki kienu mmirati direttament lejn iż-żamma (part-time) tal-impjiegi matul il-kriżi.

3.2.        Il-qgħad qed jiżdied, speċjalment fir-reġjuni tan-Nofsinhar

Fil-livell tal-UE, ir-rati tal-qgħad żdiedu minn 7 % għal 10 % bejn l-2008 u l-2012. Ir-rati tal-qgħad fl-Istati Membri l-iktar milqutin, madankollu, irdoppjaw jew saħansitra ttripplaw b'żidiet ta' aktar minn 8 pp f'ħames Stati Membri u sa 17-il pp fi Spanja (ara l-Iskeda 6). Ir-rati tal-qgħad, fil-ħames Stati Membri l-aktar milquta għal dan l-indikatur, varjaw minn 12 % f'Ċipru sa 25 % fi Spanja[5].

Il-qgħad żdied b'mod sinifikanti wkoll fil-Latvja, l-Estonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u d-Danimarka. Min-naħa l-oħra, ir-rati tal-qgħad naqsu fil-Ġermanja u bilkemm inbidlu fil-Lussemburgu, Malta, il-Belġju u l-Awstrija.

B'mod globali, iktar minn erbgħa minn kull ħames reġjuni tal-UE kellhom iħabbtu wiċċhom ma' żieda bejn l-2008 u l-2010. Il-biċċa l-kbira raw l-akbar żieda f'dan il-perjodu. Aktar minn terz ta' dawn ir-reġjuni rnexxielhom inaqqsu l-qgħad mill-2010.

F'konformità mar-rakkomandazzjonijiet fil-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku, diversi Stati Membri stabbilixxew miżuri biex jipprevjenu t-telf eċċessiv tax-xogħol, u biex iżidu l-kopertura u t-tul ta' żmien tal-benefiċċji.

Il-qgħad fost iż-żgħażagħ żdied minn 16 % fl-2008 għal 21 % fl-2011 fil-livell tal-UE (ara l-Iskeda 7). Fi 52 reġjun, wieħed minn kull tliet żgħażagħ attivi ekonomikament kienu qiegħda. Fi 11 minn dawk ir-reġjuni dan il-proporzjon kien saħansitra ta' wieħed minn kull tnejn, l-aktar fi Spanja u l-Greċja. Barra minn hekk, il-proporzjon ta' persuni ta' bejn 15 u 24 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEET) żdied: bejn l-2008 u l-2011, ir-rati tan-NEETS żdiedu fi kważi erbgħa minn kull ħames reġjuni, speċjalment fir-Rumanija, il-Greċja u r-Renju Unit (ara l-Iskeda 8).

3.3.        Il-migrazzjoni qiegħda tnaqqas il-pass

Bejn l-2004 u l-2008, in-numru ta' residenti li jgħixu barra l-pajjiż ta' ċittadinanza tagħhom fl-UE-27 żdied b'1,5 miljun fis-sena. Bħala riżultat, il-proporzjon korrispondenti tal-popolazzjoni kollha tal-UE-27 kiber minn 5,1 % għal 6,2 %. Għas-snin mill-2009 sal-2011, iż-żieda annwali naqset għal 0,9 miljun, li wassal għal sehem ta' 6,7 % fl-2011.

Bejn l-2004 u l-2008, l-Irlanda, Spanja, u Ċipru raw żieda tas-sehem tagħhom tal-popolazzjoni barranija ta' iktar minn 4 pp, l-aktar mill-Istati Membri li ssieħbu fl-2004 jew fl-2007. Matul dak il-perjodu, l-Italja, il-Portugall, il-Lussemburgu u r-Renju Unit ukoll esperjenzjaw żieda sostanzjali fis-sehem ta' ċittadini barranin.

L-akbar effett tal-kriżi fuq il-migrazzjoni kien f'reġjuni li esperjenzaw l-akbar flussi ta' migranti tax-xogħol fil-perjodu ta' qabel il-kriżi. It-tnaqqis fil-migrazzjoni kien fl-aqwa tiegħu fi Spanja, l-Irlanda, Ċipru u xi reġjuni tar-Renju Unit u l-Italja (ara l-Iskeda 9), iżda baqa' pożittiv. Ħafna reġjuni fi Spanja, in-Nofsinhar ta' Franza u t-Tramuntana tal-Italja ta' fuq xorta kellhom xi wħud mill-ogħla livelli ta' migrazzjoni netta pożittiva.

Il-kriżi aċċellerat l-emigrazzjoni fil-Litwanja u l-Latvja. Fil-Polonja, il-migrazzjoni netta negattiva saret inqas negattiva fir-reġjuni tal-fruntiera u l-migrazzjoni netta pożittiva tar-reġjun tal-kapitali żdiedet. Il-migrazzjoni netta negattiva naqset fir-Rumanija minħabba fil-migrazzjoni lura minn Spanja. Peress li l-kriżi qed tkompli tiżviluppa, id-differenzi reġjonali li dejjem qegħdin jikbru fir-rati tal-qgħad u l-pagi xorta jistgħu jkomplu jolqtu l-migrazzjoni.

Id-deklin rapidu fir-rigward tal-impjiegi fil-bini u l-industrija kkontribwixxa għall-waqgħa fil-migrazzjoni netta f'reġjuni Spanjoli u fit-Tramuntana tal-Italja. Il-migrazzjoni netta kellha t-tendenza li tonqos aktar f'reġjuni li għandhom proporzjon ogħla ta' migranti minn Stati Membri oħra.

4.           L-impatt urban

Biex janalizza l-impatt urban, dan ir-rapport juża żewġ approċċi ġeografiċi: ir-reġjuni metropolitani u l-ibliet.

(1) Ir-reġjuni metropolitani huma reġjuni NUTS-3 li jirrappreżentaw agglomerazzjonijiet urbani ta' iktar minn 250 000 abitant. Dan l-approċċ jippermetti interpretazzjoni urbana tal-PDG u t-tibdil fl-impjiegi.

(2) L-ibliet huma definiti fil-livell lokali u jinkludu l-ibliet ewlenin fl-UE. Dan l-approċċ jipprovdi aċċess għal dejta dwar l-impjiegi u l-faqar aggregata għall-ibliet kollha f'pajjiż.

4.1.        Ir-reġjuni metropolitani għandhom taħlita ta' reżiljenza u vulnerabbiltà

Fi tnejn minn kull tliet Stati Membri[6], ir-reġjuni metropolitani bħala medja żiedu l-PDG tagħhom per capita f'PPS relattivament mal-pajjiż kollu bejn l-2007 u l-2010 (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal COM, il-Figura 4). Fit-12-il Stat Membru li żiedu l-PDG per capita tagħhom meta mqabbla mal-UE, ir-reġjuni metropolitani tagħhom qabżu l-kumplament tal-pajjiż. Fi tmienja mit-12-il Stat Membru li kellhom tnaqqis fil-PDG per capita meta mqabbla mal-UE, il-PDG per capita f'reġjuni metropolitani naqas b'rata iktar mgħaġġla milli fil-pajjiż kollu kemm hu.

Din ix-xejra ta' tkabbir aktar mgħaġġel tal-PDG f'ekonomiji li qed jikbru u tnaqqis aktar mgħaġġel fil-biċċa l-kbira tal-ekonomiji li qed jonqsu tista' tfisser li l-ekonomiji urbana huma aktar instabbli u suxxettibbli għal tkabbir qawwi u waqgħat f'daqqa.

Minkejja prestazzjoni qawwija ġenerali tar-reġjuni metropolitani, aktar minn tlieta minn ħamsa raw tnaqqis fil-PDG per capita tagħhom bejn l-2007 u l-2010 meta mqabbel mal-livell nazzjonali. Żoni metropolitani iżgħar kienu l-aktar li marru lura, u 74 % minnhom naqsu meta mqabbla ma' pajjiżhom. Żoni metropolitani tat-tieni saff ukoll batew, b'54 % minnhom jaqgħu lura. Kienu biss iż-żoni metropolitani kapitali li kellhom prestazzjoni aħjar bi 30 % biss minnhom imorru lura.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-impjiegi[7] f'reġjuni metropolitani kieneu aktar reżistenti għall-kriżi minn dawk f'reġjuni mhux metropolitani bejn l-2007 u l-2010 (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal COM, il-Figura 5). Kien biss fil-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija u l-Latvja li l-impjiegi f'reġjuni mhux metropolitani naqsu aktar bil-mod milli f'reġjuni metropolitani.

Simili għall-bidliet fil-PDG per capita, mhux ir-reġjuni metropolitani kollha esperjenzaw bidla fl-impjiegi aħjar minn pajjiżhom. Biss nofs ir-reġjuni metropolitani esperjenzaw impatt inqas qawwi fl-impjiegi (jew tkabbir aktar mgħaġġel fl-impjiegi) mir-reġjuni mhux metropolitani f'pajjiżhom. Ftit iktar minn nofs iż-żoni metropolitani tat-tieni saff kellhom pass aħjar minn ta' pajjiżhom. Ftit inqas minn nofs iż-żoni metropolitani iżgħar kellhom prestazzjoni aħjar minn ta' pajjiżhom. Iż-żoni metropolitani kapitali kellhom prestazzjoni ħafna aħjar: disgħa minn kull 10 kellhom rendiment tal-impjiegi aħjar. Disa' metros kapitali saħansitra kisbu tkabbir fl-impjiegi minkejja li kien hemm tnaqqis nazzjonali tal-impjiegi.

Fir-Renju Unit u Spanja bejn wieħed u ieħor nofs ir-reġjuni metropolitani kellhom prestazzjoni fl-impjiegi agħar mir-reġjuni mhux metropolitani. Fil-Greċja u l-Ungerija kważi r-reġjuni metropolitani kollha kellhom prestazzjoni agħar. Fil-maġġoranza tal-Istati Membri, madankollu, ir-reġjuni metropolitani kollha jew il-biċċa l-kbira minnhom kellhom prestazzjoni aħjar fl-impjiegi minn reġjuni mhux metropolitani. Dan kien partikolarment evidenti fil-Polonja, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija u l-Bulgarija.

F'dawn l-ewwel tliet snin tal-kriżi, il-biċċa l-kbira tar-reġjuni metropolitani wrew li huma reżiljenti, speċjalment ir-reġjuni metropolitani tal-ibliet kapitali. Reġjuni metropolitani tat-tieni saff kellhom prestazzjoni anqas tajba. Ir-reġjuni metropolitani iżgħar kienu pjuttost vulnerabbli u l-maġġoranza minnhom waqgħu lura f'termini ta' bidla fil-PDG per capita u bidla fl-impjiegi.

4.2.        L-ibliet fi kriżi

Il-faqar u l-esklużjoni soċjali huma kkonċentrati fl-ibliet, b'mod partikolari fil-Majjistral tal-Ewropa. Il-kriżi kompliet tintensifika din il-konċentrazzjoni. Ir-rata tar-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali (AROPE) żdiedet b'1 pp fi bliet fl-UE meta mqabbla ma' żieda ta' 0,5 pp barrra mill-ibliet (ara Figure 8).

Figura 8: Bidla fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, 2008-2011

Fl-2011, in-nies li jgħixu fl-ibliet fl-UE-15 kienu f'riskju akbar ta' faqar jew esklużjoni soċjali minn dawk li jgħixu barra mill-ibliet (ara Figure 9). Anke t-tliet komponenti ta' dan ir-riskju huma ogħla fl-ibliet milli barra minnhom. Fl-UE-12, is-sitwazzjoni għandha t-tendenza li tkun l-oppost. Nies li jgħixu fl-ibliet ikunu konsiderevolment inqas f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali.

Figura 9: Riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali fl-ibliet, 2011

Id-deprivazzjoni materjali serja hija ogħla fl-ibliet fi 18-il Stat Membru. L-intensità baxxa ħafna ta' xogħol hija aktar mifruxa fl-ibliet fi 15-il Stat Membru (ara l-Iskeda 10). Id-deprivazzjoni materjali serja hija ogħla fl-ibliet f'10 Stati Membri.

Is-sehem għoli ta' unitajiet domestiċi b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol fl-ibliet bil-konċentrazzjoni għolja ta' impjiegi tagħhom hija pjuttost paradossali. Dan jista' jkun minħabba nuqqas ta' tqabbil tal-ħiliet mal-ħtiġijiet, impjiegi prekarji jew sehem ogħla ta' unitajiet domestiċi b'persuna waħda fl-ibliet. Jista' jkun ukoll relatat mal-proporzjon ogħla ta' residenti mwielda barra l-UE fl-ibliet.

Fi 11 mill-Istati Membri tal-UE-15[8], nies imwielda barra l-UE kellhom probabbiltà ħafna akbar li jgħixu f'unità domestika b'intensità baxxa ħafna ta' xogħol. Fl-2010, ir-rata ta' intensità baxxa ħafna tal-impjieg ta' dawk li ma kinux imwielda fl-UE kienet tal-anqas sitta fil-mija ogħla minn dik ta' persuni mwielda fil-pajjiż li qed jgħixu fih. Bosta persuni mhux imwielda fl-UE jiffaċċaw bosta ostakli biex jidħlu fis-suq tax-xogħol, bħal li ma jitkellmux il-lingwa lokali, nuqqas ta' ħiliet, nuqqas ta' rikonoxximent tal-kwalifiki tagħhom u diskriminazzjoni.

Bħal fil-każ tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-ibliet fl-Istati Membri l-iktar żviluppati għandhom it-tendenza li jkollhom rati anqas tal-impjiegi, u rati ogħla tal-qgħad mill-ibliet iżgħar, subborgi u żoni rurali (ara Figure 10), filwaqt li l-oppost hu l-każ fl-Istati Membri li huma inqas żviluppati. Il-kriżi ma biddlitx dan il-mudell.

Figura 10: L-impjiegi u l-qgħad fi bliet u żoni oħra, 2008-2011

5.           Il-Politika tal-Koeżjoni u l-kriżi

Dan ir-rapport jiddeskrivi ftit mill-kwistjonijiet ewlenin li l-programmi ta' koeżjoni għandhom jikkunsidraw għall-perjodu 2014-20.

Il-kriżi għamlitha aktar diffiċli biex jintlaħqu l-miri ta' Ewropa 2020 minħabba tnaqqis fir-rati tal-impjiegi u żieda fil-faqar u l-esklużjoni soċjali. Barra minn hekk, it-twessigħ tad-differenzi reġjonali qed jimmina wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-Unjoni Ewropea u tal-Politika ta' Koeżjoni.

Għalkemm xi Stati Membri, bħall-Ġermanja u l-Polonja, evitaw il-kriżi relattivament bi ftit ħsara, ħafna minnhom se jaffaċċaw aktar problemi u inqas riżorsi pubbliċi. Dawn jinkludu, għal ħafna mill-Istati Membri jekk mhux għall-biċċa l-kbira minnhom:

· Il-PDG u l-livelli ta' impjieg li għadhom ma rritornawx lura għal-livelli ta' qabel il-kriżi

· Livelli ogħla ta' qgħad, faqar u esklużjoni

· Tnaqqis fl-introjtu tal-unitajiet domestiċi, li jiddeprimi l-konsum u l-importazzjonijiet

· Livelli mingħajr preċedent ta' dejn pubbliku u l-ħtieġa għall-konsolidazzjoni fiskali

Ir-rapport juri li l-intensità tal-problemi tvarja b'mod sinifikanti madwar l-Ewropa. Dan jissuġġerixxi li d-disinn ta' programmi ta' koeżjoni fil-ġejjieni għandu jirrifletti dawn id-differenzi sabiex jimmassimizza l-impatt u jimmira lejn il-problemi fejn dawn ikunu l-aktar akuti.

Kontra dan l-isfond, il-programmi ta' koeżjoni tal-ġejjieni se jkollhom iqiegħdu enfasi partikolari fuq investimenti li jżidu t-tkabbir u joħolqu l-impjiegi. Huwa biss irkupru stabbli u qawwi li jista' jnaqqas ir-rati tal-qgħad.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li tikkonċentra r-riżorsi fuq ftit oqsma importanti bħall-impjiegi (partikolarment għaż-żgħażagħ), it-taħriġ u l-edukazzjoni, l-inklużjoni soċjali, l-innovazzjoni u l-SMEs, l-effiċjenza tal-enerġija u ekonomija b'livell baxx ta' karbonju u hija miftuħa biex tespandihom lejn l-infrastrutturi tal-ICT u miżuri tat-tkabbir digitali.

L-esportazzjonijiet u l-investiment dirett barrani jikkostitwixxu magna tat-tkabbir kbira fi Stati Membri inqas żviluppati, u jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi u jiġu trasferiti l-għarfien u t-teknoloġija. L-SMEs, wieħed mill-gruppi ewlenin fil-mira tal-Politika ta' Koeżjoni, huma affettwati b'mod partikolari mid-deterjorament fl-ambjent tan-negozju. F'kuntest ta' domanda interna baxxa, l-esportazzjoni ta' aktar oġġetti u servizzi se tgħin biex jerġa' jibda t-tkabbir. Investimenti fl-innovazzjoni u strateġija intelliġenti tal-ispeċjalizzazzjoni jistgħu jtejbu l-prestazzjoni ta' dan is-settur.

Is-settur tal-kostruzzjoni se jkompli jsofri mill-konsegwenzi tal-kriżi bankarja, minħabba l-aċċess limitat għall-kreditu, it-tifqigħ tal-bużżieqa tas-settur tad-djar, u t-tnaqqis fl-introjtu disponibbli u sigurtà tal-introjtu tal-unitajiet domestiċi. L-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija tal-bini jista' jgħin biex jiġu rkuprati xi wħud mill-impjiegi li ntilfu f'dan is-settur.

Ir-riskju ta' faqar jew l-esklużjoni żdied fil-livell tal-UE u jista' jkompli jikber minħabba d-dewmien fl-impatt tal-kriżi fuq il-faqar u l-esklużjoni.

Il-konsolidazzjoni fiskali se tkompli żżid ir-rwol tal-Politika ta' Koeżjoni bħala sors importanti ta' investiment pubbliku fil-perjodu 2014-20. F'bosta mill-Istati Membri u r-reġjuni inqas żviluppati, il-finanzjament tal-koeżjoni diġà jirrappreżenta aktar minn nofs l-investiment pubbliku tagħhom. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni biex jibdew jippreparaw il-programmi l-ġodda mingħajr dewmien sabiex ma jintilifx żmien biex niżguraw li l-proġetti meħtieġa biex terġa' titqajjem l-attività ekonomika u tiġi appoġġata l-inklużjoni soċjali jkunu jistgħu jibdew fil-bidu tas-sena d-dieħla.

[1]               2007-2010

[2]               L-Indiċi tad-Djar tal-Economist

[3]               Parti minn din iż-żieda tista' tkun dovuta għal waqfa fis-serje.

[4]               http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=7315

[5]               Għal analiżi aktar estensiva, ara r-Rapport dwar l-Impjiegi u l-Iżviluppi Soċjali fl-Ewropa 2012. http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=mt&pubId=7315

[6]               Din l-analiżi teskludi lil-Lussemburgu, Malta u Ċipru.

[7]               Din l-analiżi teskludi lil-Lussemburgu, Malta u Ċipru.

[8]               L-uniċi eċċezzjonijiet kienu l-Italja, il-Greċja, il-Portugall u l-Lussemburgu.

Top