Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0384

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fi Franza

/* COM/2013/0384 final - 2013/ () */

52013DC0384

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fi Franza /* COM/2013/0384 final - 2013/ () */


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

bil-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fi Franza

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern.

(2)       Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huwa bbażat fuq l-għan ta’ finanzi sodi tal-gvern bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

(3)       Fis-27 ta’ April 2009, il-Kunsill iddeċieda, skont l-Artikolu 104(6) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (TKE), li jeżisti defiċit eċċessiv fi Franza u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv mhux aktar tard mill-2012[1], skont l-Artikolu 104(7) (TKE) u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv[2].

(4)       Fit-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 126(7) tat-TFUE, li għalkemm kienet ittieħdet azzjoni effettiva mill-awtoritajiet Franċiżi, kienu seħħew avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija għall-finanzi tal-gvern li kellhom konsegwenzi żvantaġġużi kbar wara l-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni. Bħala konsegwenza, il-Kunsill irrakkomanda li Franza tikkoreġi d-defiċit eċċessiv tagħha sa mhux aktar tard mill-2013. Sabiex iġibu l-iżbilanċ ġenerali tal-gvern taħt it-3 % tal-PDG b’mod kredibbli u sostenibbli, l-awtoritajiet Franċiżi kienu rakkomandati biex (a) jimplimentaw il-miżuri ta’ konsolidament fl-2010 kif ippjanat u jsaħħu l-isforz fiskali mill-2011 ’il quddiem; (b) jiżguraw sforz fiskali annwali b’medja ta’ 1 % tal-PDG matul il-perjodu 2010-13; u (c) jispeċifikaw il-miżuri li huma neċessarji biex tinkiseb il-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv sal-2013, bil-kundizzjonijiet ċikliċi li jippermettu u jaċċelleraw it-tnaqqis tad-defiċit jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jew baġitarji jispiċċaw ikunu aħjar milli mistenni fiż-żmien tar-rakkomandazzjoni. Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill stabbilixxa l-iskadenza tat-2 ta’ Ġunju 2010 biex tittieħed azzjoni effettiva f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97.

(5)       Fil-15 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni kkonkludiet abbażi tat-Tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2010, li Franza kienet ħadet azzjoni effettiva b'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2009 biex iġġib id-defiċit tal-gvern taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG u qieset li, għaldaqstant, ma kien meħtieġ l-ebda pass addizzjonali fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv.

(6)       Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE, jekk tkun ittieħdet azzjoni effettiva u jekk avvenimenti ekonomiċi negattivi mhux mistennija li kellhom konsegwenzi żvantaggużi kbar għall-finanzi tal-gvern iseħħu wara l-adozzjoni ta' dik ir-rakkomandazzjoni. L-avvenimenti ekonomiċi żvantaġġużi mhux mistennija b'effetti baġitarji żvantaġġużi kbar se jitqiesu fuq l-isfond tat-tbassir ekonomiku li fuqu hija bbażata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

(7)       Skont l-Artikolu 126(7) tat-TFUE u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill hu meħtieġ li jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Istat Membru kkonċernat bil-ħsieb li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv fi żmien perjodu determinat. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta' sitt xhur għal azzjoni effettiva li għandha tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv. Barra minn hekk, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jitlob għall-ilħiq ta’ miri baġitarji annwali li, abbażi tat-tbassir li fuqu tissejjes ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala valur ta’ referenza.

(8)       Skont it-Tbassir tal-ħarifa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2009, li kien jifforma l-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) TFUE tat-2 ta' Diċembru 2009, l-ekonomija Franċiża kienet mistennija tikber b'1,2 % fl-2010 u b'1,5 % fl-2011. Is-snin 2012 u 2013 kienu lil hinn mill-perjodu tat-tbassir, iżda taħt l-ipotesi tal-għeluq gradwali tad-distakk negattiv kbir fil-produzzjoni sal-2015, kien mistenni, għall-2012 u l-2013, tkabbir ogħla minn dak tal-2011. It-tkabbir tal-PDG fl-2010 kien sostanzjalment ogħla minn dak mistenni fit-Tbassir tal-Ħarifa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2009, fl-2011 kien kemxejn ogħla mill-1.5 % projettat, filwaqt li fl-2012 l-ekonomija Franċiża staġnat.

(9)       It-Tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2013 jipprojettaw li l-PDG se jonqos b’0,1 % din is-sena, u dan jimplika xenarju bil-ferm agħar ukoll għall-2013 minn dak li jirfed ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Diċembru 2009. Id-dgħufija tal-introjtu disponibbli reali ta' unitajiet domestiċi marbuta b’mod partikolari għal żieda fil-qgħad u żidiet fit-taxxi ser tkun ikkumpensata biss parzjalment permezz ta' tnaqqis fil-pass tal-inflazzjoni, filwaqt li nuqqas ta’ kunfidenza fin-negozju hija mistennija li twassal għal investiment li jkompli jonqos. Rimbalz ħafif tas-settur estern huwa mbassar li jsarraf f’titjib żgħir fl-attività matul it-tieni nofs tas-sena. Fiduċja li titjib b'mod gradwali u rkupru fl-introjtu disponibbli reali — sakemm ma jkunx hemm miżuri ta’ konsolidazzjoni ulterjuri — għandhom iwasslu għal tkabbir pożittiv fl-2014 (1,1 %). Minkejja l-isforzi tal-gvern biex jagħtu appoġġ fl-impjiegi, b’mod partikolari ta’ żgħażagħ u ħaddiema anzjani, ir-rata tal-qgħad hija mbassra li se tiżdied aktar, u laħqet 10,6 % u 10,9 % fl-2013 u l-2014 rispettivament. L-inflazzjoni hi mistennija li tonqos għal 1,2 % fl-2013 bl-effett ta’ prezzijiet orħos tal-enerġija qabel ma jerġa’ jibda jaċċelera s-sena d-dieħla l-aktar minħabba żidiet tal-VAT ippjanati.

(10)     Il-kriżi ekonomika kellha wkoll impatt sinifikanti fuq il-bilanċ tal-gvern ġenerali. Id-defiċit żdied għal 7,5 % tal-PDG fl-2009 minn perċentwal ġà għoli ta' 3,3 % fl-2008 minħabba l-istabbilizzaturi awtomatiċi u l-istimolu fiskali diskrezzjonarju implimentati mill-awtoritajiet bħala parti mill-Pjan Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku (PERE). Fl-2010, id-defiċit pubbliku ġenerali naqas għal 7,1 % tal-PDG, li jirrifletti kemm effetti ċikliċi u wkoll titjib fil-bilanċ strutturali (parzjalment ikkumpensat minn żieda fid-defiċit ta’ darba). Il-bilanċ strutturali tjieb b’0,3 % tal-PDG. Fl-2011, id-defiċit naqas b’mod sinifikanti biex jilħaq 5,3 % tal-PDG. Filwaqt li t-tkabbir tal-PDG baqa’ ma nbidilx fir-rigward tal-2010, għal 1,7 %, it-titjib prinċipalment tnissel minn sforzi ta’ konsolidazzjoni msaħħa u għat-tneħħija gradwali tal-PERE. L-isforz fiskali kif imkejjel mill-bidla fil-bilanċ strutturali kien 1,2 % tal-PDG. Fl-2012, id-defiċit nominali rriżulta għal 4,8 % tal-PDG, li jaqa' taħt il-limitu ta’ 4,5 % li kellhom bħala mira l-awtoritajiet, minkejja ammont imdaqqas ta’ sett ta’ miżuri ġodda. Parti tad-differenza ħarġet mill-ispiża biex isalvaw il-grupp bankarju Dexia (0,1 % tal-PDG). Il-bilanċ strutturali tjieb b’1,1 % tal-PDG.

(11)     Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2013, id-defiċit ta’ bażi huwa mistenni li jkompli jonqos din is-sena fuq il-bażi tal-miżuri adottati notevolment bħala parti mill-baġit. Miżuri ta’ dħul jinkludu żieda ulterjuri f’taxxi diretti u kontribuzzjonijiet soċjali. Regoli tan-nefqa attwali (il-gvern ċentrali u l-kura tas-saħħa) huma mġedda u dawn se jikkontribwixxu għall-manutenzjoni tat-trażżin fl-infiq. Inflazzjoni inqas minn dik prevista qabel u s-sospensjoni parzjali ta’ indiċjar tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru bi ftehim mal-imsieħba soċjali se jgħinu wkoll biex irażżnu n-nefqa. Madankollu, it-tkabbir tal-PDG pprojettat ferm aktar baxx mill-potenzjal se jaffettwa b’mod negattiv il-bilanċ ewlieni. B'mod ġenerali, id-defiċit hu mistenni li jilħaq 3,9 % tal-PDG. Il-bilanċ strutturali huwa pprojjettat li jitjieb b'1,3 % ulterjuri tal-PDG. Fl-2014, id-defiċit huwa mistenni li jilħaq 4,2 % tal-PDG skont l-assunzjoni normali ta' ebda bidla fil-politika, li jimplika li dawk il-miżuri biss magħrufa f’biżżejjed dettall ġew ikkunsidrati. B’mod partikolari, parti mill-miżuri mmirati lejn il-finanzjament ta' kreditu tat-taxxa korporattiva riċenti għall-kompetittività u l-impjiegi għad iridu jiġu speċifikati u għadd ta’ ħlasijiet ta' darba tat-taxxa se jiskadu fi tmiem l-2013. Kollox ma’ kollox, il-bilanċ strutturali huwa previst li jibqa’ ġeneralment stabbli s-sena d-dieħla.

(12)     Id-defiċit strutturali, ibbażat fuq it-tbassir tas-servizzi tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2013 huwa stmat li jinżel għal 2,2 % tal-PDG din is-sena minn 6,1 % fl-2009, jiġifieri 1,0 % tal-PDG bħala medja tul il-perjodu ta' referenza 2010-13. Meta aġġustat għal reviżjonijiet ‘l isfel fit-tkabbir potenzjali tal-produzzjoni (+ 0,1 % tal-PDG) u dħul imprevist (-0,2 % tal-PDG) meta mqabbla ma’ meta nħarġet ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, l-isforz fiskali annwali medju ġie għal 0,9 % tal-PDG, u b’hekk waqa' ftit mill-livell ta’ sforz rakkomandat ta’ ’l fuq minn 1 % tal-PDG. Madankollu, valutazzjoni komprensiva tal-miżuri diskrezzjonali implimentati mill-awtoritajiet Franċiżi matul il-perjodu 2010-13 wasslet għall-konklużjoni li l-impatt baġitarju kumulattiv ta’ dawn l-ammonti kien ta' madwar 5¼% tal-PDG, jiġifieri 1,3 % tal-PDG kull sena bħala medja. Minbarra t-titjib miksub fil-bilanċ strutturali, l-impatt ta’ miżuri diskrezzjonali individwali matul dan il-perjodu ppermetta biex tibbilanċja t-tendenza b’mod awtonomu tal-infiq pubbliku li qed jogħla minħabba fatturi bħalma huma l-età u għalhekk analiżi axxendenti tipprovdi stampa aktar pożittiva milli tagħmel l-approċċ ġerarkiku bbażat fuq il-bilanċ strutturali. Il-miżuri jinkludu żieda sostanzjali fit-tassazzjoni fuq id-dħul personali u korporattiv, ikkumplimentati minn żidiet fit-taxxi indiretti u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, iffriżar tal-pagi bażi ta’ impjegati fis-servizz ċivili kif ukoll tfaddil li ġej mir-Reviżjoni Ġenerali tal-Politika Pubblika (RGPP), ir-riforma tal-2010 tal-pensjonijiet u l-fatt li n-norma tal-infiq fil-kura għas-saħħa (ONDAM) ġiet sistematikament miksuba (aktar). Fid-dawl ta' dan ta' hawn fuq, l-awtoritajiet Franċiżi jistgħu jitqiesu li ħadu azzjoni effettiva.

(13)     Il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG, li rrappreżenta 79,2 % fl-2009, qabeż id-90 % s-sena l-oħra. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa tas-servizzi tal-Kummissjoni tal-2013, il-proporzjon tad-dejn se jkompli jogħla matul l-perjodu previst, għal 94,0 % u 96,2 % tal-PDG fl-2013 u l-2014, rispettivament, fuq l-iżbilanċi tal-gvern ġenerali li għadhom relattivament għoljin u tkabbir nominali mrażżan tal-PDG. L-aġġustamenti stokk-flussi jinkludu kontribuzzjonijiet għall-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà u self dirett lil pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro se jikkontribwixxu wkoll għal żieda fid-dejn pubbliku.

(14)     Id-deterjorament sostanzjali fil-pożizzjoni baġitarja li tirriżulta minn pożizzjoni ġeneralment aktar dgħajfa tal-ekonomija relattiva għal dik li tifforma l-bażi għar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2009 tissuġġerixxi li rakkomandazzjonijiet riveduti skont l-Artikolu 126(7) TFUE għal Franza għall-estensjoni tal-iskadenza biex tikkoreġi l-iżbilanċ eċċessiv huma ġġustifikati, konsistenti mar-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(15)     Fuq sfond ta’ inċertezzi kbar rigward l-iżviluppi ekonomiċi u baġitarji, il-mira baġitarja rakkomandata għall-aħħar sena tal-perjodu ta’ korrezzjoni għandha tkun ffissata f’livell ftit taħt il-valur ta’ referenza, sabiex tiggarantixxi l-kisba effettiva u dewwiema tal-korrezzjoni qabel l-iskadenza mitluba.

(16)     Estensjoni b’sena waħda biss ta’ skadenza għall-korrezzjoni tal-iżbilanċ eċċessiv teħtieġ sforz fiskali fl-2014 ferm ogħla mill-isforz fiskali annwali medju matul il-perjodu 2010-13 irrakkomandat mill-Kunsill fit-2 ta’ Diċembru 2009, li għandha wkoll b’mod sinifikanti ttellef l-irkupru ekonomiku mbassar għas-sena d-dieħla. Estensjoni ta’ sentejn tippermetti li tniżżel l-iżbilanċ kumplessiv taħt it-3 % tal-PDG fl-2015 filwaqt li tillimita l-impatt fuq it-tkabbir fl-2014 u l-2015. L-għoti lil Franza ta' sentejn addizzjonali jista' jkun konsistenti mal-miri tad-defiċit nominali tal-gvern ta’ 3,9 % tal-PDG għall-2013, 3,6 % għall-2014 u 2,8 % għall-2015. It-titjib korrispondenti annwali fil-bilanċ tal-baġit strutturali jkun 1,3 % tal-PDG fl-2013 u 0,8 % kemm fl-2014 u kif ukoll fl-2015. B’kunsiderazzjoni wkoll tal-possibbiltà ta’ xejra ta' deterjorazzjoni tal-bilanċ strutturali, dan jimplika li miżuri diskrezzjonarji ta’ ‘l fuq minn 1 % tal-PDG fis-sena jkunu meħtieġa fl-2014 u l-2015.

(17)     Sabiex jinkisbu l-miri baġitarji, huwa kruċjali li l-awtoritajiet jimplimentaw bis-sħiħ il-miżuri li diġà ġew adottati għall-2013 (bħalissa stmat għal 1½% tal-PDG) u jispeċifikaw, jadottaw u jimplimentaw malajr iffrankar tan-nefqa u/jew miżuri ta’ dħul ta’ aktar minn 1 % tal-PDG fis-sena fl-2014 u l-2015 (l-impatt globali tal-miżuri adottati/speċifikati f’dettall suffiċjenti s’issa għal 2014-15 huwa marġinali biss). B’mod partikolari, il-biċċa l-kbira mit-tfaddil li jappoġġa d-diversi normi ta’ nfiq għal 2014-15 għad irid jiġi speċifikat. Iż-żamma tal-iffriżar ta' pagi bażiċi lil hinn mill-2013, li tapplika għas-sottosetturi kollha tal-gvern ġenerali, ma ġietx espliċitament ikkonfermata. Barra minn hekk, filwaqt li r-rieżami tal-infiq MAP ("modernisation de l'action publique") għadu għaddej, għadu mhux ċar jekk hux se jissarraf f’tfaddil imdaqqas (u faċli biex tikkwantifikah). Rigward is-sistema tal-pensjonijiet, il-miżuri attwali li jappoġġaw ir-riforma ppjanata għad iridu jiġu żvelati. L-ispeċifiċitajiet huma wkoll nieqsa fit-tnaqqis tal-attività ekonomika fl-infiq lokali tal-gvern. Fuq in-naħa tad-dħul, għadd ta’ ħlasijiet ta’ darba tat-taxxa se jiskadu fi tmiem l-2013 u l-ebda miżuri speċifiċi biex jikkumpensaw għal dawn ġew mħabbra s’issa. Riskji għax-xenarju makroekonomiku tas-sena d-dieħla tal-awtoritajiet Franċiżi huma wkoll imxaqilbin b'mod ċar għan-negattiv. Tabilħaqq, filwaqt li t-tkabbir tal-PDG huwa mbassar li jkun 1,2 % u b’hekk qrib ħafna t-Tbassir tar-Rebbiegħa tas-Servizzi tal-Kummissjoni tal-2013 (1,1 %), ix-xenarji fiskali sottostanti ma jaqblux: il-fatturi preċedenti ta’ sforz strutturali ta’ 1 % fl-2014 billi dan tal-aħħar hu mibni fuq bilanċ strutturali ddeterjora bi ftit. Il-kunsill fiskali li għadu kemm inħoloq ('Haut Conseil des finances publiques') qies ukoll ix-xenarju makroekonomiku sottostanti tal-mira tad-defiċit attwali tal-2014 bħala pjuttost ottimist. B’mod ġenerali, is-sitwazzjoni se jkollha tiġi mmonitorjata mill-qrib u l-awtoritajiet għandhom ikunu lesti biex jieħdu azzjoni korrettiva f’każ ta’ tnaqqis fin-nefqa jew tnaqqis fid-dħul.

(18)     Ir-Rapport tas-Sostenibbiltà Fiskali tal-Kummissjoni tal-2012 juri li Franza ma tidhirx li taffaċċja r-riskju ta’ stress fiskali fuq medda qasira ta’ żmien. F’perjodu ta’ żmien medju u twil, ir-riskji jidhru fuq livell medju u baxx. Madankollu, żviluppi riċenti li jaffettwaw is-sistema tal-pensjonijiet huma ta’ aktar tħassib. B’mod partikolari, it-tbassir l-aktar riċenti mill-Kunsill Konsultattiv dwar il-Pensjonijiet (“Conseil d’orientation des retraites”) jipponta lejn defiċits persistenti tas-sistema sal-2020. Dan jikkonferma l-ħtieġa urġenti għal żieda ta’ riforma tal-pensjonijiet sabiex tiġi restawrata bi sħiħ is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi.

(19)     Franza tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-iskadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-amministrazzjoni pubblika kif stipulat fl-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

(1) Franza għandha ġġib fi tmiemha l-qagħda attwali ta’ żbilanċ eċċessiv sa mhux iktar mill-2015.

(2) Franza għandha tilħaq defiċit nominali ta’ 3,9 % tal-PDG fl-2013, 3,6 % fl-2014 u 2,8 % fl-2015, li huwa konsistenti ma’ titjib fil-bilanċ strutturali ta’ 1,3 % tal-PDG fl-2013, 0,8 % fl-2014 u 0,8 % fl-2015, ibbażat fuq it-Tbassir estiż tar-Rebbiegħa tas-Servizzi tal-Kummissjoni tal-2013.

(3) Franza għandha timplimenta b’mod sħiħ il-miżuri diġà adottati għall-2013 (1½% tal-PDG) u tispeċifika, tadotta u timplimenta malajr il-miżuri ta’ konsolidament neċessarji għall-2014 u l-2015 biex tikseb it-titjib irrakkomandat fil-bilanċ strutturali, filwaqt li tipproċedi kif ippjanat bħalissa b’rieżami ddettaljata tal-kategoriji ta' infiq madwar is-sottosetturi kollha tal-gvern ġenerali, inkluż fuq il-livell tas-sigurtà soċjali u l-gvern lokali.

(4) Franza għandha tuża kull qligħ mhux mistenni għat-tnaqqis tad-defiċit. Miżuri ta' konsolidazzjoni baġitarja għandhom iwasslu għal titjib fit-tul fil-bilanċ strutturali ġenerali tal-gvern b'mod li jiffavorixxi t-tkabbir.

(5) Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-1 ta' Ottubru 2013 biex Franza tieħu azzjoni effettiva u, bi qbil mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97, biex tirrapporta fid-dettall l-istrateġija ta' konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet Franċiżi għandhom isaħħu s-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet billi taġġusta aktar il-parametri rilevanti kollha. B’mod partikolari, ir-riforma ppjanata għandha tiġi adottata sal-aħħar ta’ din is-sena, kif maħsub attwalment, u taġġorna s-sistema bilanċ b’mod sostenibbli mhux aktar tard mill-2020 filwaqt li tiġi evitata iktar żieda fil-kost tax-xogħol. Barra min hekk, biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija ta’ konsolidazzjoni fiskali, se jkun importanti li jiġi appoġġjat il-konsolidament fiskali b’riformi strutturali komprensivi, f’konformità mar-rakkomandazzonijiet tal-Kunsill indirizzata lil Franza fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u b’mod partikolari dawk relatati mal-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku (MIP).

Lil hinn mir-rapport previst fir-rakkomandazzjoni (5), l-awtoritajiet Franċiżi għandhom jirrappurtaw dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet mill-inqas kull sitt xhur kif ukoll f’kapitolu separat fil-programmi ta’ stabbiltà, sakemm il-korrezzjoni sħiħa tal-iżbilanċ eċċessiv tkun seħħet.

Din ir-rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Repubblika ta' Franza.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura tad-defiċit eċċessiv ta’ Franza jinsabu f': http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/sgp/deficit/countries/france_en.htm

[2]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

Top