Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0376

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Finlandja tal-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja għall-2012-2017

    /* COM/2013/0376 final - 2013/ () */

    52013DC0376

    Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Finlandja tal-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja għall-2012-2017 /* COM/2013/0376 final - 2013/ () */


     

    Rakkomandazzjoni għal

    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Finlandja tal-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja għall-2012-2017

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew[4],

    Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

    Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Billi:

    (1)       Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta' Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi u li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

    (2)       Fit-13 ta' Lulju 2010, fuq il-bażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta' Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri[5], li flimkien jagħmlu l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.

    (3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għall-azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro bl-użu tal-għodod, strumenti u politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, u b'mod partikolari esprimew impenn sħiħ favur il-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

    (4)       Fis-6 ta' Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Finlandja għall-2012 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta' stabbiltà aġġornat tal-Finlandja għall-perjodu 2011-2015.

    (5)       Fit-28 ta' Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir[6], li nieda s-Semestru Ewropew 2013 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Ukoll fit-28 ta' Novembru 2012, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[7], li fih hija identifikat lill-Finlandja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kien se jitwettaq rieżami fil-fond.

    (6)       Fl-14 ta' Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar ta' stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jitrawwem it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa' jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

    (7)       Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-rieżami fil-fond[8] tagħha għall-Finlandja, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha biex tikkonkludi li l-Finlandja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi, li jistħoqqilhom monitoraġġ u azzjoni ta' politika. B'mod partikolari, id-deterjorament sostanzjali fil-pożizzjoni tal-kont kurrenti u d-dgħufija fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni, xprunata minn ristrutturar industrijali, u l-fatturi ta' kompetittività marbuta mal-ispejjeż u oħrajn li mhumiex, jistħoqqilhom li jkomplu jingħataw attenzjoni.

    (8)       Fit-18 ta' April 2013, il-Finlandja ssottomettiet il-programm ta' stabbiltà tal-2013 tagħha li jkopri l-perjodu 2012-2017 u l-programm nazzjonali ta' riforma tal-2013 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

    (9)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta' stabbiltà tal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-fehma li l-finanzi pubbliċi tal-Finlandja huma fil-biċċa l-kbira sodi u li saru sforzi sabiex jiżdied id-dħul u biex tiġi kkontrollata n-nefqa bil-għan li jsir progress lejn l-objettiv fuq terminu medju (OTM). Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma bbażati l-projezzjonijiet tal-baġit fil-programm huwa plawżibbli. Il-projezzjoni tat-tkabbir għall-2013 hija simili għat-Tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, filwaqt li dik għall-2014 hija 0,6 punti perċentwali ogħla mit-tbassir tal-Kummissjoni. L-objettiv tal-istrateġija baġitarja deskritt fil-programm huwa li l-finanzi tal-gvern ċentrali jiġu bbilanċjati u li l-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-gvern ċentrali jinġieb fuq xejra ta' tnaqqis sal-2015. Il-programm jinkorpora bidla fl-objettiv fuq terminu medju (OTM) minn 0,5% għal -0,5%. L-OTM l-ġdid huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-programm jipprevedi li l-OTM jintlaħaq sal-2014 u li din is-sitwazzjoni tinżamm sal-2017. Abbażi tal-bilanċ strutturali (rikalkulat) imsejjes fuq l-informazzjoni fil-programm, il-Finlandja ma ssodisfatx fl-2012 l-OTM applikabbli qabel u ma kenitx se tissodisfa l-OTM il-ġdid fl-2013. Il-programm jipprojetta li l-bilanċ strutturali (rikalkulat) se jittejjeb minn -1% tal-PDG fl-2012 għal -0,9% tal-PDG fl-2013. Bejn l-2014 u l-2017, huwa se jibqa' bejn -0,6% u -0,7% tal-PDG. Fl-2012, in-nefqa netta tal-Finlandja żdiedet b'0,4% li għadha taħt ir-rata referenzjarja applikabbli tal-valur referenzjarju tan-nefqa. Minħabba t-tkabbir reali negattiv tal-PDG fl-2012, l-aġġustament strutturali baxx huwa meqjus suffiċjenti. Fl-2013, il-bilanċ strutturali (rikalkulat) tal-Finlandja qed jitjieb u n-nefqa netta tagħha hija projettata li tiddevja biss b'0,1% tal-PDG mill-valur referenzjarju tan-nefqa. Fid-dawl tad-distakk kbir u negattiv tal-produzzjoni li għandha l-Finlandja, dan huwa meqjus bħala xieraq. Fl-2014, il-bilanċ strutturali (rikalkulat) tal-Finlandja huwa previst li jkompli jitjieb, u jilħaq -0,6% tal-PDG, u b'hekk joqrob biżżejjed lejn l-OTM (minbarra dan, skont it-tbassir tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni, il-Finlandja tilħqu b'mod sħiħ fl-2014). Globalment, dan ikun jimplika konformità mal-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Id-dejn konsolidat gross tal-amministrazzjoni pubblika kien 53% tal-PDG fl-2012 u se jibqa', skont il-programm, taħt is-60% tal-PDG matul il-perjodu tal-programm. Il-programm ibassar tnaqqis fil-livell tad-dejn fl-2016 u fl-2017. Is-sostenibbiltà fit-tul qed tkompli tkun l-aktar sfida importanti għall-politika fiskali. Id-distakk tas-sostenibbiltà relatat mat-tixjiħ, fir-rigward tal-pensjonijiet, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, ġie rikonoxxut u jeħtieġ monitoraġġ kostanti.

    (10)     It-tkabbir fil-produttività fis-servizzi pubbliċi ma laħħaqx mat-tkabbir fil-produttività fl-ekonomija aktar wiesgħa filwaqt li l-piż marbut mat-tixjiħ tal-popolazzjoni qiegħed jiżdied. Filwaqt li l-prinċipji għar-riforma tal-muniċipalitajiet ġew stabbiliti, il-fużjonijiet se jibqgħu volontarji għalkemm se jkunu disponibbli inċentivi finanzjarji mill-gvern ċentrali. Huwa mistenni li r-riforma li tinsab għaddejja tas-servizzi soċjali u tas-saħħa mhix se twassal għal tnaqqis sinifikanti fin-numru kurrenti ta' distretti tal-kura tas-saħħa.

    (11)     Ġew implimentati miżuri sabiex jitnaqqas il-qgħad taż-żgħażagħ u dak fit-tul, bħall-garanzija taż-żgħażagħ, il-programm temporanju tal-ħiliet għall-adulti żgħażagħ u l-programm pilota għal dawk qiegħda fit-tul. Dawn ġew supplimentati fl-2013 b'appoġġ finanzjarju addizzjonali għall-apprentistati bħala parti mill-garanzija taż-żgħażagħ; dawn huma milqugħa b'sodisfazzjon fil-kuntest ta' żieda mistennija fir-rata tal-qgħad. Dawn il-miżuri issa jeħtieġ li jiġu implimentati b'attenzjoni ċara fuq it-titjib tal-livell tal-ħiliet u tal-pożizzjoni tas-suq tax-xogħol tal-gruppi fil-mira. Żieda fir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema ikbar fl-età hija importanti biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli u biex tintlaħaq id-domanda għall-impjiegi fil-ġejjieni. Id-daqs tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol qiegħed jonqos fil-Finlandja. Ġew miftiehma bosta miżuri sabiex jiġu indirizzati modi għall-irtirar kmieni, bħal li togħla l-età għall-aċċess għal pensjoni part-time, it-tneħħija tal-possibilità ta' pensjoni mnaqqsa u ż-żieda fl-età tal-irtirar wara l-qgħad. Madankollu, iż-żieda fl-istennija tal-ħajja kienet iktar mgħaġġla milli kien previst matul ir-riforma tal-pensjonijiet fl-2005, u għalhekk, aktar ma jgħaddi żmien, il-firxa tal-età statutorja ta' rtirar eżistenti tista' tirriżulta baxxa wisq u l-pensjonijiet jistgħu jirriżultaw mhux suffiċjenti. Fil-programm tiegħu, il-gvern impenja ruħu li jżid l-età tal-irtirar effettiva għal 62,4 sena sal-2025, li tibqa' waħda baxxa fil-kuntest tal-istennija tal-ħajja u tal-isfidi demografiċi. L-implimentazzjoni ta' dawn il-linji ta' azzjoni maqbula tibqa' prijorità fuq perjodu qasir.

    (12)     L-ostakli regolatorji fis-settur tas-servizzi fil-Finlandja għadhom restrittivi u l-konċentrazzjonijiet tas-suq huma għolja f'setturi importanti bħall-bejgħ bl-imnut. It-tibdiliet previsti għall-Att tal-Kompetizzjoni fir-rigward tal-pożizzjoni dominanti tal-operaturi tal-kummerċ tal-merċa, tal-objettivi tal-programm dwar il-kompetizzjoni sana f'termini ta' aktar superviżjoni f'dan is-settur u tat-tneħħija ta' restrizzjonijiet mhux meħtieġa fuq il-kompetizzjoni fil-leġiżlazzjoni eżistenti, bħal dik fuq l-ippjanar tal-ispazju u l-kostruzzjoni, għandhom jgħinu biex jiġu indirizzati l-problemi kurrenti. Il-fużjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni u l-aġenzija tal-konsumaturi, flimkien maż-żieda fil-baġit tagħha u setgħat aktar wiesgħa sabiex tkopri n-newtralità tal-kompetizzjoni bejn l-atturi pubbliċi u privati, għandhom itejbu wkoll l-effikaċja u l-benefiċċji tal-politika tal-kompetizzjoni b'mod aktar ġenerali. Il-multi tal-liġi tal-kompetizzjoni fil-Finlandja tradizzjonalment huma baxxi u l-istħarriġ ippjanat għall-2013 għandu jipprovdi bażi għal aktar riformi sabiex jittejjeb l-effett ta' deterrent tagħhom.

    (13)     It-tkabbir tal-produttività fil-Finlandja għadu mhux qed ilaħħaq mat-tkabbir fil-pagi filwaqt li l-kompetittività internazzjonali ddgħajfet, kif jidher mit-tnaqqis fis-sehem mis-suq għall-esportazzjonijiet Finlandiżi. Filwaqt li l-investiment fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għadu kbir, kwistjoni li għadha kritika hija dik tal-effiċjenza li biha din ir-riċerka hija tradotta f'innovazzjonijiet u kumpaniji ġodda bi tkabbir għoli, li jistgħu jippenetraw swieq tal-esportazzjoni li qed jikbru malajr u jsaħħu l-kompetittività internazzjonali. Fuq perjodu qasir, il-Finlandja għandha timplimenta politiki u miżuri adottati riċentement sabiex ittejjeb is-sistema tar-riċerka u tal-innovazzjoni bħall-pjan ta' azzjoni l-ġdid, u tipproponi riformi oħra, fejn relevanti, ibbażati fuq l-evalwazzjonijiet eżistenti u r-rapport ta' previżjoni li qiegħed jitħejja bħalissa. Il-prezzijiet għall-enerġija u x-xogħol ġew identifikati fost il-prezzijiet tal-inputs li qed iżidu l-ispejjeż għall-produtturi Finlandiżi. It-tkabbir fil-pagi fis-snin riċenti kien modest minħabba l-ftehim tripartitiku kurrenti dwar il-pagi li jiskadi fl-2013. Huwa ta' tħassib, għalhekk, li għadu ma ġie konkluż l-ebda ftehim ġdid bejn is-sħab soċjali.

    (14)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Finlandja. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm nazzjonali ta' riforma, u ppreżentat rieżami fid-dettall. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Finlandja imma wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (5) hawn taħt.

    (15)     Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

    (16)     Fid-dawl tar-rieżami fid-dettall tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm nazzjonali ta' riforma u l-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (3), (4) u (5) .

    (17)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni qed twettaq ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-euro kollha kemm hi. Fuq din il-bażi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Finlandja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u mingħajr dewmien ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet,

    B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2013-2014 biex:

    1.           Timxi fuq politika fiskali favorevoli għat-tkabbir u żżomm pożizzjoni fiskali soda kif previst, filwaqt li tiżgura l-konformità mal-OTM matul il-perjodu tal-programm. Tkompli twettaq valutazzjonijiet annwali tad-daqs tal-lakuna tas-sostenibbiltà relatata mat-tixjiħ tal-popolazzjoni u taġġusta d-dħul u n-nefqa pubbliċi skont l-objettivi u l-ħtiġijiet fuq terminu twil. Tiżgura l-kosteffikaċja u s-sostenibbiltà tal-kura fit-tul u tqiegħed enfasi akbar fuq il-prevenzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-għajxien indipendenti.

    2.           Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tar-riformi amministrattivi li jinsabu għaddejjin li jirrigwardaw l-istruttura muniċipali, sabiex tipproduċi kisbiet fil-produttività u ffrankar tal-kosti fil-provvista ta' servizzi pubbliċi, inklużi s-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa.

    3.           Tieħu passi oħra sabiex iżżid ir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema li huma akbar fl-età, inkluż billi ttejjeb l-impjegabbiltà tagħhom u jitnaqqsu l-possibbiltajiet ta' rtirar kmieni u billi tiġi allinjata l-età statutorja minima tal-irtirar mal-istennija tal-ħajja miżjuda. Timplimenta u timmonitorja mill-qrib l-impatt tal-miżuri li jinsabu għaddejjin sabiex ittejjeb il-pożizzjoni fis-suq tax-xogħol taż-żgħażagħ u ta' dawk li ilhom ħafna qiegħda, b'enfasi partikolari fuq l-iżvilupp ta' ħiliet relevanti għall-impjiegi.

    4.           Tkompli bl-isforzi tagħha sabiex issaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, b'mod partikolari fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, billi timplimenta l-programm il-ġdid dwar il-promozzjoni tal-kompetizzjoni sana.

    5.           Ittejjeb l-abbiltà tagħha sabiex tipprovdi prodotti u servizzi innovattivi u kumpaniji innovattivi li qed jikbru b'pass mgħaġġel f'ambjent li qed jinbidel malajr, u tkompli d-diversifikazzjoni tal-industrija lejn setturi anqas intensivi fl-enerġija. Fl-ambjent ta' tkabbir baxx kurrenti, tappoġġja l-allinjament tal-iżviluppi fil-pagi reali u fil-produttività filwaqt li tirrispetta b'mod sħiħ ir-rwol tas-sħab soċjali u tkun konformi mal-prattiki nazzjonali.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    [2]               ĠU L 306, 23,11.2011, p. 25.

    [3]               COM(2013) 376 final.

    [4]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

    [5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208/UE tat-22 ta' April 2013.

    [6]               COM(2012) 750 final.

    [7]               COM(2012) 751 final.

    [8]               SWD(2013) 123 final.

    [9]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

    Top