Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0369

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2012-2017

/* COM/2013/0369 final - 2013/ () */

52013DC0369

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2012-2017 /* COM/2013/0369 final - 2013/ () */


 

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-programm nazzjonali ta' riforma tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2013 u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta' stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-2012-2017

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[1], u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea[3],

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea[4],

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)       Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tniedi strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa ta’ politiki ekonomiċi, li se tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)       Fit-13 ta’ Lulju 2010, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi[5], li flimkien jiffurmaw il-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali tagħhom.

(3)       Fid-29 ta' Ġunju 2012, il-Kapijiet tal-Istat jew il-Gvernijiet iddeċidew dwar Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi, li jipprovdi qafas koerenti għal azzjoni fil-livelli nazzjonali, tal-UE u taż-żona tal-euro, bl-użu tal-influwenzi, l-istrumenti, u l-politiki kollha possibbli. Huma ddeċidew dwar l-azzjoni li għandha tittieħed fil-livell tal-Istati Membri, b'mod partikolari esprimew l-impenn sħiħ tagħhom biex jilħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)       Fis-6 ta’ Lulju 2012, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma għall-2012 tal-Pajjiżi l-Baxxi u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-perijodu 2011-2015.

(5)       Fit-28 ta’ Novembru 2012, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir[6], li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2013 ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Barra minn hekk, fit-28 ta' Novembru 2012 ukoll, il-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija[7], li fih ma identifikatx lill-Pajjiżi l-Baxxi bħala wieħed mill-Istati Membri li se ssirlu analiżi fil-fond.

(6)       Fl-14 ta’ Marzu 2013, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex ikunu ggarantiti l-istabbiltà finanzjarja, il-konsolidazzjoni fiskali u l-azzjoni li tħeġġeġ it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa’ jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata l-amministrazzjoni pubblika.

(7)       Fl-10 ta' April 2013, il-Kummissjoni ppubblikat ir-riżultati tar-reviżjoni fil-fond tagħha[8] għall-Pajjiżi l-Baxxi skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li l-Pajjiżi l-Baxxi qed jesperjenzaw żbilanċi makroekonomiċi, għalkemm dawn mhumiex eċċessivi.

(8)       Fid-29 ta’ April 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw il-programm ta’ stabbiltà tagħhom tal-2013 li jkopri l-perijodu 2012-2017 u l-programm nazzjonali ta’ riforma tagħhom għall-2013. Sabiex jitqiesu l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(9)       Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ stabbiltà tal-2013 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Pajjiżi l-Baxxi implimentaw miżuri ta' konsolidazzjoni mdaqqsa matul il-perjodu 2011-2013, iżda li dak l-isforz fiskali x'aktarx li mhux biżżejjed biex jitranġa d-defiċit eċċessiv sal-2013, l-aktar minħabba żviluppi ekonomiċi li kienu agħar milli mistenni. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-projezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa b'mod ġenerali plawżibbli. Għall-2013 u l-2014, il-Programm ta' Stabbiltà pprojetta tkabbir ekonomiku reali ta' -0,4% u 1,1%, rispettivament, li huwa pjuttost simili għat-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa 2013 ta' -0,8% u 0,9%. L-objettiv tal-programm huwa li mill-2014 inaqqas b'mod sostenibbli d-defiċit nominali għal taħt it-3% tal-PDG. Il-programm ma fihx referenza espliċita għall-objettiv ta' terminu medju (OTM), li jissuġġerixxi li l-OTM ta' 0,5%, kif imsemmi fil-Programm ta' Stabbiltà tas-sena l-oħra, huwa kkonfermat. L-OTM huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Patt ta' Tkabbir u Stabbiltà. Barra minn hekk, filwaqt li fl-2015 il-programm qed jippjana tnaqqis fil-bilanċ strutturali ta' 0,5% fil-PDG f'termini strutturali, f'konformità mar-rekwiżit strutturali annwali minimu, fl-2016, il-bilanċ strutturali huwa mistenni jmur lura b'0,4% tal-PDG u jitjieb b'0,1% tal-PDG fl-2017, biex b'hekk ma jiksibx il-perkors ta' aġġustament xieraq. Abbażi tat-tbassir tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa, l-isforz fiskali annwali medju ta' madwar 0,7% tal-PDG tul il-perijodu 2010-2013 huwa konformi mal-isforz strutturali ta' ¾% tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill. L-aġġustament baġitarju fl-2011 u l-2012 kien intiż l-aktar għal-lat tan-nefqa, iżda madankollu fl-2013 kien qed jiddependi ferm fuq miżuri tad-dħul. Id-defiċit nominali stabbilit bil-Programm ta' Stabbiltà huwa konsistenti ma' korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2014, sena wara l-iskadenza stabbilita mill-Kunsill taħt il-proċedura tad-defiċit eċċessiv lejn l-aħħar tal-2009. Il-Kunsill jikkunsidra li l-isforz fiskali previst mill-awtoritajiet mhuwiex kompatibbli ma' korrezzjoni attwali tad-defiċit eċċessiv sal-2014. Miżuri ta' konsolidazzjoni addizzjonali possibbli speċifikati fil-Programm ta' Stabbiltà tneħħew temporanjament u fi kwalunkwe każ mhux se jkunu biżżejjed. Il-Pajjiżi l-Baxxi jeħtieġ li jiddefinixxi miżuri addizzjonali biex iġib id-defiċit nominali globali tal-gvern inqas minn 3% tal-livell limitu tal-PDG fl-2014 b'mod sostenibbli. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2013, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG huwa mistenni jkompli jogħla għal 74 % tal-PDG fl-2013 filwaqt li jogħla ftit aktar għal 75 % tal-PDG fl-2014. Il-proporzjon tad-dejn huwa projettat li jibqa’ 'l fuq sew mill-valur referenzjali ta’ 60 %. Għall-2015, il-programm qed jistenna l-proporzjon tad-dejn jonqos għal 71,4% tal-PDG u mbagħad jerġa' jonqos ftit, għal 70,8% fl-2017. Madankollu, dan it-tnaqqis fil-proporzjon tad-dejn wara l-2014 mhuwiex sostnut biżżejjed b'miżuri ta' politika.

(10)     Sabiex il-potenzjal għat-tkabbir tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-futur jiżdied, huwa ta' importanza eċċezzjonali li l-konsolidazzjoni meħtieġa, biex tiżgura l-korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv u tikseb l-OTM fit-terminu qasir sa medju, tissalvagwardja nefqa li tiffavorixxi t-tkabbir, B'mod partikolari, l-isforzi għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u r-riċerka, inkluża r-riċerka fundamentali, l-edukazzjoni u t-taħriġ, se jkunu importanti ħafna għal aġġustament bilanċjat. Dan mhux talli se jagħti appoġġ għall-irkupru ekonomiku, iżda jista' wkoll isostni l-innovazzjoni u l-kapital uman, itejjeb il-kompetittività u l-prospetti ta' tkabbir fit-terminu medju u twil.

(11)     Is-suq tad-djar iħaddan fih sfida ewlenija, fejn snin ta' riġiditajiet u inċentivi distortivi ffurmaw il-finanzjament tad-djar u xejriet ta' tfaddil settorjali. It-tendenza tal-unitajiet domestiċi li jsostnu d-dejn gross fuq ipoteki kontra l-ġid tas-suq tad-djar tirrifletti sew inċentivi fiskali li ilhom, notevolment it-tnaqqis sħiħ tat-taxxa tal-imgħax fuq l-ipoteki. Minn April tal-2012 ġiet implimentata parzjalment sensiela ta' miżuri. Uħud minnhom jikkonċernaw l-aġġustament tat-trattament fiskali tal-finanzjament tad-djar. Il-pass gradwali biex it-tnaqqis tat-taxxa tal-imgħax fuq l-ipoteki jiġi limitat u jiżdied l-inċentiv li tamortizza huwa ġustifikat, iżda l-introduzzjoni gradwali ta' din il-miżura huwa wisq kajman biex ikun jista' jinfluwenza b'mod sinifikanti l-imġieba amortizzanti. Is-suq tal-kiri huwa limitat b'regolament u l-preżenza ta' settur tassew kbir ta' akkomodazzjoni soċjali li jrid ukoll jaffaċċja listi ta' stennija twal. L-introduzzjoni reċenti ta' xi differenzjazzjoni tar-renti fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali bbażati fuq id-dħul hija pass fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-impatt tagħha huwa limitat. Għaldaqstant, għalkemm il-miżuri proposti huma passi fid-direzzjoni t-tajba, ir-ritmu ġenerali tar-riformi huwa kajman biex jindirizza l-problemi sottostanti u għalhekk hemm bżonn li tingħata spinta, filwaqt li fl-istess ħin tibqa' tiżgura li l-akkomodazzjoni soċjali hija disponibbli għaċ-ċittadini żvantaġġati, li ma jistgħux jiksbu akkomodazzjoni bil-kundizzjonijiet tas-suq tad-djar, inkluż f'postijiet b'domanda għolja

(12)     Is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjoni ssaħħet permezz ta' żieda gradwali fl-età statutorja tal-irtirar minn 65 sena fl-2012 għal 67 fl-2023. Għalhekk, il-Pajjiżi l-Baxxi indirizzaw bis-sħiħ dik il-biċċa tar-rakkomandazzjoni tal-2012 dwar iż-żieda fl-età statutorja tal-irtirar u li torbotha mal-istennija tal-għomor, kemm għall-pensjonijiet tal-ewwel pilastru u kif ukoll tat-tieni. L-isfidi li jifdal jinkludu t-tqassim intra u interġenerazzjonali xieraq tal-ispejjeż u r-riskji. Barra minn hekk, it-tiġdid maġġuri tal-governanza tal-fondi tal-pensjonijiet tat-tieni pilastru huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel biex jgħin ir-reżiljenza tirfed it-tixjiħ. L-implimentazzjoni tal-pjanijiet għar-riforma tal-kura fit-tul se jgħinu biex jitrażżnu l-ispejjeż tat-tixjiħ li qed jikbru b'pass mgħaġġel u għalhekk jappoġġaw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. F'dan ir-rigward, il-kwalità u l-aċċessibbiltà tal-kura fit-tul iridu jinżammu f'livell adegwat.

(13)     Ir-riformi tas-suq tax-xogħol li ppropona l-gvern għandhom l-għan li jżidu l-parteċipazzjoni u l-mobilità tas-suq tax-xogħol. Ir-riforma tal-Att ta' Parteċipazzjoni hija ambizzjuża u rilevanti biex il-parteċipazzjoni tas-suq tax-xogħol tingħata spinta. Madankollu, ir-riformi għadhom ma tnaqqxux fil-liġi u ż-żmien mogħti għall-implimentazzjoni jidher pjuttost qasir. Barra minn hekk, hemm bżonn ta' aktar miżuri biex tittejjeb l-impjegabbiltà tal-persuna fil-marġini tas-suq tax-xogħol, inklużi n-nisa, nies bi sfond ta' migrant, nies b'diżabilità u l-anzjani. Il-Pajjiżi l-Baxxi ħabbru riformi fl-iskema tal-benefiċċji għan-nies qiegħda u fil-leġiżlazzjoni relattivament stretta tagħhom tal-ħarsien tal-impjiegi. Dawn ir-riformi, flimkien ma' kreditu tat-taxxa tal-mobilità ("mobiliteitsbonus") għal min iħaddem biex jimpjega benefiċjarji tas-sigurtà soċjali minn 50 sena 'l fuq jew nies b'diżabilità okkupazzjonali, huma mmirati sew lejn dawk b'parteċipazzjoni baxxa tas-suq tax-xogħol. Madankollu, għalkemm dawn il-mżuri huma fid-direzzjoni t-tajba, jistgħu biss jiġi vvalutati bis-sħiħ ladarba jiġu adottati. Finalment, l-aċċellerazzjoni tat-tneħħija tad-diżinċentivi li jifdal għal dawk b'tieni sors ta' dħul sabiex jiżdied l-għadd ta' sigħat maħduma se jkollha l-potenzjal li ttaffi n-nuqqasijiet fil-provvista ta' ħaddiema fil-futur.

(14)     Sar progress sostanzjali fir-rakkomandazzjoni tal-2012 dwar ir-rabtiet fl-innovazzjoni u x-xjenza/n-negozju. Il-politika ta' intrapriża "Sa Fuq", inkluż l-approċċ settorjali għas-sħubijiet pubbliċi-privati fil-qasam tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-edukazzjoni ("settur ewlieni") bħalissa tinsab fil-fażi ta' implimentazzjoni. Apparti l-politiki ta' innovazzjoni settorjali, huwa importanti li ssir riċerka orizzontali u politiki innovattivi u li jinżamm livell adegwat ta' finanzjament pubbliku għal riċerka fundamentali mhux allokat.

(15)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Pajjiżi l-Baxxi. Hija vvalutat il-programm ta' stabbiltà u l-programm ta' riforma nazzjonali u ppreżentat reviżjoni fil-fond. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Pajjiżi l-Baxxi imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1) sa (4) hawn taħt.

(16)     Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta’ stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi, u l-opinjoni tiegħu[9] hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,

(17)     Fid-dawl tar-reviżjoni fil-fond tal-Kummissjoni u din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' riforma nazzjonali u l-programm ta' stabbiltà tal-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta' żbilanċi makroekonomiċi huma riflessi fir-rakkomandazzjoni (2) hawn taħt.

(18)     Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wkoll wettqet analiżi tal-politika ekonomika taż-żona tal-ewro kollha. Abbażi ta' dan, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi indirizzati lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro. Il-Pajjiżi l-Baxxi għandhom ukoll jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha ta' dan ir-rakkomandazzjonijiet,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Pajjiżi l-Baxxi jieħdu azzjoni fil-perijodu 2013-2014 biex:

1.           Jinfurzaw u jimplimentaw strateġija baġitarja, appoġġata b'miżuri speċifiċi biżżejjed, għas-sena 2014 u lil hinn biex jiżguraw korrezzjoni f'waqtha tad-defiċit eċċessiv sal-2014 b'mod sostenibbli u jiksbu l-isforz ta' aġġustament strutturali speċifikat fir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-PDE. Jipproteġu n-nefqa f'oqsma direttament rilevanti għat-tkabbir bħall-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, iwettqu sfoz ta' aġġustament strutturali li se jippermetti lill-Pajjiżi l-Baxxi jilħqu l-objettiv ta' terminu medju sal-2015.

2.           Isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex is-suq tad-djar jiġi riformat b'mod gradwali billi jħaffu t-tnaqqis ippjanat fit-tnaqqis tat-taxxa tal-imgħax fuq l-ipoteki u billi jipprovdu mekkaniżmu ta' prezzar orjentat aktar lejn is-suq fis-suq tal-kiri, u billi jirrelataw il-kirja mad-dħul tal-unitajiet domestiċi fis-settur tal-akkomodazzjoni soċjali. Jiffukaw mill-ġdid il-korporazzjonijiet tal-akkomodazzjoni soċjali biex jappoġġaw l-unitajiet domestiċi l-aktar fil-bżonn.

3.           Jaġġustaw il-pensjonijiet tat-tieni pilastru mas-sħab soċjali, biex jiżguraw tqassim xieraq tal-ispejjeż u r-riskji intra u interġenerazzjonali. Isostnu ż-żieda gradwali fl-età statutorja tal-irtirar b'miżuri għaż-żieda tal-impjegabbiltà ta' ħaddiema akbar fl-età. Jimplimentaw ir-riforma ppjanata tas-sistema ta' kura fit-tul sabiex jiżguraw il-kosteffettività tagħha u jikkumplimentawha b'aktar miżuri li jrażżnu ż-żieda fl-ispejjeż, bil-ħsieb li tiġi żgurata s-sostenibbiltà.

4.           Jieħdu aktar miżuri biex isaħħu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari ta' dawk il-persuni li jinsabu fil-marġini tas-suq tax-xogħol. Ikomplu jnaqqsu d-diżinċentivi tat-taxxa fuq ix-xogħol, inkluż bi tneħħija gradwali aktar mgħaġġla tal-krediti tat-taxxa trasferibbli għal dawk li għandhom tieni sors tad-dħul. Irawmu t-tranżizzjonijiet tas-suq tax-xogħol u jindirizzaw ir-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol, anke billi jaċċeleraw ir-riforma tal-leġiżlazzjoni tal-ħarsien tal-impjiegi u s-sistema tal-benefiċċji għan-nies qiegħda.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

[2]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.

[3]               COM(2013) 369 finali .

[4]               P7_TA(2013)0052 u P7_TA(2013)0053.

[5]               Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/208 UE tat-22 ta' April 2013.

[6]               COM(2012) 750 finali.

[7]               COM(2012) 751 finali.

[8]               SWD(2013) 121 finali.

[9]               Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.

Top