This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0298
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS A EUROPEAN STRATEGY FOR MICRO- AND NANOELECTRONIC COMPONENTS AND SYSTEMS
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI STRATEĠIJA EWROPEA GĦALL-KOMPONENTI U S-SISTEMI MIKRO U NANOELETTRONIĊI
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI STRATEĠIJA EWROPEA GĦALL-KOMPONENTI U S-SISTEMI MIKRO U NANOELETTRONIĊI
/* COM/2013/0298 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI STRATEĠIJA EWROPEA GĦALL-KOMPONENTI U S-SISTEMI MIKRO U NANOELETTRONIĊI /* COM/2013/0298 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI
EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI STRATEĠIJA EWROPEA GĦALL-KOMPONENTI
U S-SISTEMI MIKRO U NANOELETTRONIĊI 1. Introduzzjoni Is-sistemi u l-komponenti mikro u
nanoelettroniċi[1]
mhumiex biss essenzjali għall-prodotti u s-servizzi diġitali; dawn
jirfdu wkoll l-innovazzjoni u l-kompetittività ta' kull settur ekonomiku
ewlieni. Il-karozzi, l-ajruplani, u l-ferroviji ta' żmienna huma aktar
sikuri, aktar effiċjenti fl-enerġija u komdi bis-saħħa
tal-biċċiet elettroniċi li jkun fihom. Dan jgħodd ukoll
għal setturi kbar bħal tat-tagħmir mediku u tas-saħħa,
it-tagħmir domestiku, in-netwerks tal-enerġija u s-sistemi
tas-sigurtà. Minħabba f'hekk il-mikro u n-nanoelettronika huma
Teknoloġija Abilitanti Essenzjali (KET)[2]
u huma essenzjali għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea (UE). Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi
strateġija li ssaħħaħ il-kompetittività u t-tkabbir
tal-kapaċità tal-industrija tal-mikro u n-nanoelettronika fl-Ewropa. Fuq
l-istess ħsieb tal-politika industrijali aġġornata[3], l-għan huwa li l-Ewropa
tibqa' fuq quddiem nett fid-disinn u l-manifattura ta' dawn it-teknoloġiji
u biex jagħmlu l-ġid lill-ekonomija kollha. L-istrateġija tifrex strumenti politiċi
fuq livell reġjonali, nazzjonali u tal-UE inkluż appoġġ
finanzjarju għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni
(R&D&I), aċċess għall-kapital tal-investiment (CAPEX)
kif ukoll titjib u użu aħjar tal-leġiżlazzjoni rilevanti.
L-istrateġija ssejjes fuq il-vantaġġi[4] tal-Ewropa u fuq raggruppamenti
reġjonali ta' eċċellenza. Din tkopri l-katina kollha tal-valur
mill-materjal u t-tagħmir tal-manifattura sad-disinn u l-produzzjoni
volumenuża tas-sistemi u l-komponenti mikro u nanoelettroniċi. L-importanza ta' dan il-qasam u l-isfidi li
jkollhom il-partijiet interessati fl-UE jeħtieġu azzjonijiet
urġenti u b'saħħithom ħalli l-ebda ħolqa tal-katini
Ewropej tal-innovazzjoni u l-valur ma tkun dgħajfa. Qed tingħata
attenzjoni biex: ·
L-investimenti jiġu attirati u mmexxija b'tali
mod li jappoġġaw pjan direzzjonali Ewropew għal tmexxija
industrijali fil-mikro u n-nanoelettronika. ·
Jitwaqqaf mekkaniżmu fil-livell tal-UE li
jgħaqqad u jiffoka l-appoġġ lill-R&D&I fil-mikro u
n-nanoelettronika mingħand l-Istati Membri, l-UE u s-settur privat. ·
Jittieħdu miżuri li jsaħħu
l-kompetittività tal-Ewropa biex jinħoloq kuntest ekwu globali fejn
tidħol l-għajnuna mingħand l-istat, li jappoġġaw
l-iżvilupp tan-negozji u l-SMEs, u li jindirizzaw l-iskarsezza
tal-ħiliet. 2. Għalfejn il-mikro u
n-nanoelettronika huma essenzjali għall-Ewropa? 2.1. Industrija importanti
b'potenzjal sinifikanti għat-tkabbir u impatt ekonomiku qawwi Il-mikro u n-nanoelettronika jirfdu parti
sinifikanti tal-ekonomija dinjija. Ir-rwol tagħhom se jibqa' jikber waqt li
l-prodotti u s-servizzi futuri se jsiru aktar diġitali, kif jidher hawn
taħt. ·
Biss biss, fl-2012 il-fatturat globali tas-settur
kien madwar EUR 230 biljun[5]. Il-valur
tal-prodotti li jkun fihom komponenti mikro u nanoelettroniċi
jirrappreżenta madwar EUR 1 600 biljun tal-valur mad-dinja
kollha. ·
Minkejja l-ostakli ekonomiċi u finanzjarji
riċenti, mill-2000 'il hawn, is-suq dinji tal-mikro u n-nanoelettronika
kiber b'5% fis-sena. Għall-bqija ta' dan id-deċennju qed jitbassar
aktar tkabbir li għall-inqas ikollu l-istess daqs. ·
Ir-ritmu tal-innovazzjoni f'dan il-qasam huwa
wieħed mill-muturi ewlenin li jżid ir-rati ta' tkabbir tas-settur
diġitali kollu li b'kollox illum għandu valur ta' madwar EUR 3 000 biljun
mad-dinja kollha[6]. ·
Fl-Ewropa, il-mikro u n-nanoelettronika huma
responsabbli għal 200 000 impjieg dirett u għal aktar minn
miljun impjieg indirett[7] filwaqt li d-domanda għall-ħiliet ma ssibx temma. ·
L-impatt tal-mikro u n-nanoelettronika fuq
l-ekonomija kollha huwa stmat 10% tal-PDG dinji[8]. 2.2. Teknoloġija ewlenija
biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà Il-mikro u n-nanoelettronika mhumiex biss
il-qawwa tal-informatika fil-kompjuters u l-apparat mobbli. Dawn jissodisfaw
ukoll il-funzjonijiet tas-sensi u l-attwazzjoni[9] li fost l-oħrajn hemm fil-miters u l-grilji intelliġenti
għal konsum inqas tal-enerġija, jew fl-impjanti u fit-tagħmir
mediku sofistikat li jtejjeb il-kura tas-saħħa u jgħin
lill-anzjani. Dawn huma s-sisien għal sigurtà aħjar,
għas-sikurezza u l-effiċjenza tas-sistemi kollha tat-trasport u għas-sorveljanza
ambjentali. Fi żmienna, l-ebda sfida tas-soċjetà
ma tista' tingħeleb mingħajr l-elettronika. 3. Qafas industrijali li qed
jinbidel għall-mikro u n-nanoelettronika 3.1. Il-progress
fit-teknoloġija toffri opportunitajiet ġodda Hemm żewġ binarji ewlenin li
jikkaratterizzaw l-iżvilupp fit-teknoloġija u jimbuttaw il-bidla
fin-negozju. L-ewwel binarju jirfina ċ-ċokon tal-komponenti ta' skala
nano skont pjan direzzjonali internazzjonali għall-iżvilupp
fit-teknoloġija li stabbilixxiet l-industrija[10]. Dan il-binarju jissejjaħ
"aktar Moore" u għandu l-għan li jtejjeb
il-prestazzjoni u jnaqqas l-ispejjeż u l-konsum tal-enerġija[11]. It-tieni binarju għandu l-għan li
jiddiversifika l-funzjonijiet ta' ċippa billi jintegra flimkien elementi
ta' skala mikro bħat-tranżisters tal-enerġija u
s-swiċċijiet elettromekkaniċi. Dan il-binarju jissejjaħ
"aktar minn Moore". Huwa s-sies tal-innovazzjonijiet
f'ħafna oqsma importanti bħall-bini effiċjenti fl-enerġija,
il-bliet intelliġenti u s-sistemi tat-trasport intelliġenti. Barra minn hekk, qed jiġu riċerkati
teknoloġiji u arkitetturi distruttivi, għalkollox ġodda.
Ħafna drabi dan il-binarju jissejjaħ "lil hinn mis-CMOS"[12]. Dan jeħtieġ
riċerka multidixxiplinari, ħakma sew tal-fiżika u l-kimika u
ħila eċċellenti fl-inġinerija. Barra minn hekk, sabiex jonqsu l-ispejjeż
tal-produzzjoni, l-industrija żżid ukoll pass pass id-daqs
tal-appoġġ materjali[13]
għall-produzzjoni tal-mikro u n-nanoelettronika. Hemm bżonn li jsiru
investimenti enormi fl-R&D&I u l-CAPEX għal dawn il-bidliet
fl-istandards tal-manifattura. 3.2. Żieda fl-ispejjeż
tal-R&D&I u ambjent tal-R&D&I aktar kompetittiv Aktar ċokon ifisser aktar spejjeż
għall-R&D&I u l-CAPEX. L-intensità tal-R&D&I
tal-industrija tal-mikro u n-nanoelettronika żdiedet minn 11% fl-2000
għal 17% fl-2009[14].
Jidher li din ix-xejra se tibqa'. Dawn l-investimenti kbar jistgħu
jiġu sostnuti biss bil-produzzjoni tal-volum. Bħalissa fl-industrija qed issir
il-konsolidazzjoni. Din tista' toħloq sitwazzjoni li ftit atturi biss
jitħallew barra mid-dinja u mnejn ħadd ma jitħalla barra
mill-Ewropa. Huwa stmat li hemm bżonn sehem ta' 10 % tas-suq dinji
biex kumpanija tas-semikondutturi ssostni l-investiment biex tlaħħaq
mal-iżvilupp teknoloġiku. Minħabba f'hekk inħolqu alleanzi
globali bejn kumpaniji, ngħidu aħna l-alleanza IBM fi New York
għat-teknoloġija tal-wejfer ta' 300 mm u l-Global 450
Consortium li jiffoka fuq il-bidla għal wejfers ta' 450 mm.
Fl-Ewropa, l-iżvilupp teknoloġiku tal-ġenerazzjoni li jmiss
jinsab fiċ-ċentri mexxejja tar-riċerka bħal LETI[15], Fraunhofer[16], u imec[17] li jikkoperaw mill-qrib
mal-atturi industrijali. Ir-riċerka stess qed issir dejjem aktar globali
peress li l-Asja qed issir il-post għad-detenturi tal-privattivi u
l-ħaddiema speċjalizzati. 3.3. Mudelli ġodda
tan-negozju u l-produzzjoni Il-qafas industrijali tal-mikro u
n-nanoelettronika qed jinbidel ħafna billi fl-aħħar 15-il sena
l-produzzjoni volumenuża mxiet b'mod sinifikanti lejn l-Asja[18]. B'mod ġenerali,
il-produzzjoni fl-Ewropa naqset għal ftit inqas minn 10% tal-produzzjoni
dinjija fl-2011. Minkejja s-saħħa tal-kumpaniji fl-Istati Uniti f'dan
il-qasam, 16% biss tal-produzzjoni ssir fl-Istati Uniti. Flimkien maż-żieda fl-ispiża
biex jinħolqu l-faċilitajiet tal-produzzjoni ("fabs"),
l-għoti ta' inċentivi finanzjarji mingħand l-awtoritajiet
territorjali sar element importanti fid-deċiżjoni dwar fejn se
tinbena kapaċità ġdida. Il-ħelsien mit-taxxa, l-art,
l-enerġija rħisa u inċentivi oħra lkoll għandhom rwol
kbir, u daqstant ieħor għandha rwol id-disponibbiltà ta'
ħaddiema speċjalizzati[19]. Xejra importanti oħra hija
ż-żieda tal-mudell ta' "fonderija"[20]. Il-fonderiji żviluppaw
sew fl-Asja u diġà jirrappreżentaw madwar 10% tal-produzzjoni dinjija
tal-komponenti elettroniċi. Apparti dan, qed dejjem jiżdied
l-għadd ta' kumpaniji "fabless"[21] li jiġġeneraw
dħul mill-bejgħ tad-disinji taċ-ċipep. Mingħajr
produzzjoni, dawn il-kumpaniji fabless ma għandhomx
il-piżijiet finanzjarji għoljin li għandhom il-kumpaniji
tal-manifattura. Madanakollu fil-futur l-aċċess sikur
għall-kapaċità tal-produzzjoni jista' jsir problematiku meta
l-fonderiji jwessgħu l-offerta tagħhom biex jinkludu d-disinn u
l-prototipar li għandhom jgħinuhom jifhmu l-prodotti finali. Sabiex
jonqos ir-riskju kemm jista' jkun, xi kumpaniji li jagħmlu d-disinji huma
stess, iżommu għalihom linji limitati tal-produzzjoni (l-hekk
imsejjaħ mudell "fab-lite"). 3.4. Il-manifatturi
tat-tagħmir għandhom elementi ewlenin tal-katina tal-valur Mingħajr żvilupp fit-tagħmir
tal-produzzjoni ma jkunx jista' jsir żvilupp f'aktar ċokon u f'aktar
funzjonalità taċ-ċipep. Il-manifatturi tat-tagħmir saru parti
ewlenija fil-katina tal-valur u dan jidher fir-rwol prominenti li għandhom
fl-alleanzi teknoloġiji internazzjonali. 4. Is-saħħiet u
d-dgħufijiet tal-Ewropa 4.1. L-industrija mibnija madwar
iċ-ċentri ta' eċċellenza u ktajjen tal-provvista usa'
mifruxin mal-Ewropa kollha Bħall-bqija tad-dinja, l-industrija
Ewropea tal-mikro u n-nanoelettronika hija kkonċentrata madwar is-siti
reġjonali l-kbar tal-produzzjoni u d-disinn. Ir-reġjuni madwar
Dresden (DE), Grenoble (FR) u Eindhoven-Leuven (NL-BE) jilqgħu tliet
ċentri ewlenin tar-riċerka u l-produzzjoni bi
speċjalizzazzjonili dejjem akbar f'wieħed mit-tliet oqsma tal-"aktar
Moore", "aktar minn Moore" u t-tagħmir u
l-materjal. Barra minn hekk, fir-reġjun ta' Dublin (IE) hemm sit Ewropew
kbir tal-manifattura tal-mikroproċessuri, u Cambridge (UK) pereżempju
huwa l-bażi tal-kumpanija ewlenija fid-disinn ta' mikroproċessuri
b'konsum baxx tal-enerġija li jitqiegħdu fil-biċċa l-kbira
tal-apparat mobbli u t-tablets ta' żmienna. Dan ir-raggruppament u din
l-ispeċjalizzazzjoni reġjonali huma essenzjali
għall-iżvilupp tas-settur fil-futur. Madanakollu, dan jiddependi fuq
katina tal-provvista wiesgħa mifruxa mal-Ewropa. Dan jinkludi
raggruppamenti relattivament iżgħar iżda innovattivi u
speċjalizzati ħafna bħar-reġjuni ta' Graz u Vjenna (AT),
Milan u Katanja (IT) jew Ħelsinki (FI). L-Ewropa għandha tliet kumpaniji
indiġeni kbar tal-mikro u n-nanoelettronika li laħqu t-tmien post
(STMicroelectronics), l-għaxar post (Infineon) u t-tnax-il post (NXP)
fil-bejgħ dinji fl-2012. L-Ewropa ġibdet ukoll xi kumpaniji barranin
kbar li investew fl-Ewropa (eż. GlobalFoundries u Intel). Il-manifattura
mikro u nanoelettronika fl-Ewropa qed tkompli tissaħħaħ b'katina
tal-valur wiesgħa u kompetittiva ħafna u b'ekosistema ta' kumpaniji,
inkluż b'ħafna SMEs. Is-siti ewlenin tal-manifattura huma inkorporati
f'raggruppamenti reġjonali kif jissemma hawn fuq. 4.2. Fuq quddiem nett fis-swieq
vertikali iżda kważi assenti f'xi segmenti kbar L-Ewropa hija relattivament nieqsa fejn
tidħol il-produzzjoni tal-kompjuters u komponenti relatati mal-konsumatur
li jirrappreżentaw parti kbira tas-suq totali. Hija tinsab fuq quddiem
fl-elettronika tal-karozzi (~50% tal-produzzjoni globali),
tal-applikazzjonijiet tal-enerġija (~40%) u l-awtomazzjoni industrijali (~35%).
L-Ewropa għadha b'saħħitha wkoll fit-tfassil ta' elettronika għat-telekomunikazzjoni
mobbli. Kumpaniji Ewropej, inkluż għadd kbir
ta' SMEs, huma mexxejja dinjija f'mikrosistemi intelliġenti
bħall-impjanti tas-saħħa u t-teknoloġiji tas-sensi.
Għalkemm bħalissa dawn huma swieq speċjalizzati, dawn huma oqsma
ta' tkabbir kbir (tipikament aktar minn 10% kull sena). Assi ewlieni ieħor
huwa t-tmexxija Ewropea fis-suq bi tkabbir kbir tal-komponenti b'konsum baxx
tal-enerġija. 4.3. Indubitabbli, it-tmexxija
Ewropea fil-materjal u t-tagħmir L-Ewropa għandha fost l-aktar fornituri
importanti tat-tagħmir u l-materjal, fosthom ASML u SOITEC li
għandhom ishma sinifikanti fis-suq dinji rilevanti. Dawn il-kumpaniji
jistrieħu fuq bosta fornituri stabbiliti fl-Ewropa, li ħafna minnhom
huma SMEs. Dawn il-fornituri Ewropej tat-tagħmir u l-materjal biss
għandhom teknoloġiji tassew sofistikati li jvarjaw minn ottiċi u
lejżers sa mekkanika ta' preċiżjoni u kimika. Ir-rwol li
għandhom fl-iżvilupp fil-qasam tal-mikro u n-nanoelettronika huwa
sinifikanti u rikonoxxut ferm bħalma pereżempju juri l-investiment
strateġiku riċenti ta' kumpaniji kbar tas-semikondutturi fl-ASML[22]. 4.4. L-investimenti tal-kumpaniji
tal-UE jibqa' relattivament modest Għalkemm f'termini assoluti,
l-investimenti li għamlu kumpaniji Ewropej huma għoljin (biljun ta'
ewro), dawn jibqgħu relattivament modesti meta jitqabblu mal-investimenti
li saru band'oħra. Madanakollu, l-attrazzjoni Ewropea għan-negozji
tibqa' għolja meta jitqies li d-daqs tal-konsum tagħha huwa aktar
minn 20% tas-suq dinji. Iżda fil-futur ma hemmx garanzija li fl-Ewropa se
jsiru investimenti fil-manifattura tal-elettronika. Il-kompetizzjoni ma'
reġjuni oħra fid-dinja hija iebsa. L-investiment pubbliku fl-R&D&I u
l-politiki li jattiraw l-investiment privat għadhom frammentati wisq fl-UE
minkejja l-progress li sar fl-aħħar ħames snin. Dan jikkuntrasta
sew mal-fatt li l-R&D&I Ewropew fil-mikro u n-nanoelettronika
għandu klassi dinjija u attraenti ħafna għall-atturi
internazzjonali. 5. L-isforzi Ewropej sal-lum 5.1. L-isforzi reġjonali u
nazzjonali li jsaħħu r-raggruppamenti ta' eċċellenza L-isforzi importanti, l-aktar matul
l-aħħar 15-il sena, saru fil-livell reġjonali biex jinbnew
raggruppamenti industrijali u teknoloġiċi f'dan il-qasam. L-aktar
raggruppament li rnexxa ġej minn strateġiji sostnuti fit-tul li
jgħaqqdu politiki bħal inċentivi fiskali, investiment
fl-R&D&I f'laboratorji pubbliċi, koperazzjoni qawwija bejn
l-industrija u l-akkademja, infrastrutturi ta' livell għoli, kopertura
kritika tal-katina tal-valur u ambjent dinamiku għan-negozji. F'dan
il-qasam, id-disponibbiltà tal-ħiliet u l-għarfien għandha importanza
kbira daqstant ieħor. Bl-isfidi quddiemna, fosthom
iż-żieda fl-ispejjeż tal-R&D&I, il-kompetizzjoni globali
qalila u t-tagħwir ta' xi partijiet ewlenin tal-katina tal-valur fl-Ewropa
(eż. l-istadju ta’ komponenti tal-ippakkjar fis-sistemi), hemm l-obbligu
li ssir ħafna kollaborazzjoni eqreb matul il-katini tal-valur u
fl-ekosistemi tal-innovazzjoni fuq il-livell tal-UE. 5.2. Investiment dejjem aktar u
aktar ikkoordinat fl-R&D&I fuq il-livell tal-UE L-investiment fl-R&D&I fil-mikro u
n-nanoelettronika huwa parti mill-programmi tal-UE għar-riċerka u
l-iżvilupp sa mill-bidu tagħhom. Il-programm EUREKA għandu wkoll
raggruppament kbir ta' riċerka fil-mikro u n-nanoelettronika[23]. Wara għaxar snin b'appoġġ
tal-UE staġnat għal R&D&I f'dan il-qasam[24], dan se jiżdied ftit ftit
bi kważi 20% fis-sena mill-2011 li jwassal għal baġit ta' aktar
minn EUR 200 miljun fl-2013. Sabiex jiffokaw l-isforzi
tal-R&D&I u jibnu massa kritika, fl-2008 il-Kummissjoni, l-Istati
Membri u partijiet interessati privati lkoll flimkien nedew sħubija
pubblika-privata bl-għamla ta' Impriża Konġunta[25] (ENIAC JU). Sa tmiem l-2013,
l-ENIAC JU se tkun investiet min-naħa privata u min-naħa
pubblika aktar minn EUR 2 biljun fl-R&D&I, minbarra madwar
EUR 1 biljun investiti fil-mikro u n-nanoelettronika fis-Seba'
Programm Kwadru. 5.3. Saru avvanzi
teknoloġiċi iżda tħalla vojt fil-katina tal-innovazzjoni L-enfasi tal-appoġġ tal-UE
għall-R&D&I qed issir fuq it-tħejjija
għaż-żewġ ġenerazzjonijiet li jmiss
tat-teknoloġija[26].
B'dawn il-programmi, l-industrija żammet il-pass mal-aktar żviluppi
eċċellenti f'aktar ċokon. B'dawn il-programmi wkoll, ġew
żviluppati sistemi intelliġenti sofistikati li llum qed jintużaw
pereżempju fil-karozzi u s-sistemi tas-saħħa. Madankollu l-programmi tal-UE
għall-R&D&I sal-lum appoġġaw l-ewwel fażijiet
tal-proċess tal-innovazzjoni, jiġifieri l-validazzjoni tat-teknoloġiji
sal-livell ta' laboratorju[27].
Il-loġika kienet tiddetta li l-passi li jmiss jitħallew jersqu eqreb
tal-prodott finali sal-industrija, minħabba l-livell għoli ta'
investiment dawn jeħtieġu. Dan ħoloq vojt ċar fil-katina
tal-innovazzjoni. Sabiex ikun effettiv u jaqsam il-magħruf "wied
tad-dmugħ", l-appoġġ għar-riċerka u
l-innovazzjoni f'dan il-qasam jeħtieġ li tiġi indirizzata dejjem
aktar il-katina kollha tal-innovazzjoni, jiġifieri lil hinn minn xi
kumpanija waħda, reġjun jew Stat Membru. Dan l-aħħar l-ENIAC JU
sejħet għal linji pilota fil-manifattura li jindirizzaw b'mod
partikolari dawn l-iskali ogħla tal-maturità teknoloġika. L-interess
qawwi li wrew il-partijiet interessati privati u l-awtoritajiet pubbliċi
biex jappoġġaw dawn il-linji pilota juri l-importanza strateġika
tagħhom. 6. It-triq ’il quddiem -
Strateġija industrijali Ewropea L-istrateġija proposta tibni fuq
l-Inizjattiva Ewropea dwar it-Teknoloġiji Abilitanti Ewlenin u fuq
il-proposta tal-Orizzont 2020[28]
għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni. Iżda din tiffoka
fuq l-azzjonijiet li huma speċifiċi għall-isfidi li
għandhom il-mikro u n-nanoelettronika. 6.1. Għan:
Titreġġa' lura x-xejra negattiva tas-sehem tal-UE fil-provvista
dinjija L-Ewropa ma tiflaħx titlef
il-kapaċità li tiddisinja u timmanifattura l-mikro u n-nanoelettronika.
Dan jixħet partijiet kbar tal-katini tal-valur ta' setturi industrijali
kbar f'riskju u jċaħħad lill-Ewropa minn teknoloġiji
essenzjali li hemm bżonn biex jiġu indirizzati l-isfidi
tas-soċjetà tagħha. Minħabba l-firxa wiesgħa ta'
opportunitajiet quddiemna u sfidi li għandha l-industrija, huwa
urġenti li jiżdiedu u jiġu kkoordinati l-isforzi pubbliċi
rilevanti kollha mal-Ewropa. Strateġija industrijali għandha
tiżgura li jerġa' jkun hemm tkabbir u fi żmien għaxar snin
jintlaħaq livell tal-produzzjoni fl-UE li tkun eqreb tas-sehem tagħha
mill-PGD dinji. Fid-dettall, l-għanijiet huma li: ·
Tiżgura d-disponibbiltà tal-mikro u
n-nanoelettronika meħtieġa għall-kompetittività tal-industriji
ewlenin fl-Ewropa. ·
Tattira aktar investiment fil-manifattura avvanzata
fl-Ewropa u ssaħħaħ il-kompetittività industrijali fil-katina
tal-valur mid-disinn sal-manifattura. ·
Iżżomm it-tmexxija fil-provvista
tat-tagħmir u l-materjal u f'oqsma bħall-"aktar minn Moore"
u l-komponenti effiċjenti fl-enerġija. ·
Tibni tmexxija fid-disinn taċ-ċipep fi
swieq bi tkabbir kbir, l-aktar fid-disinn ta' komponenti kumplessi. 6.2. Nenfasizzaw fuq
il-vantaġġi tal-Ewropa, nibnu u nsaħħu r-raggruppamenti
ewlenin tal-Ewropa Kif indikat hawn fuq, l-assi tal-Ewropa
fil-mikro u n-nanoelettronika jinkludu komunità akkademika għal
riċerka eċċellenti u tmexxija industrijali fis-swieq vertikali.
Barra minn hekk, meta wieħed iqis l-Ewropa kollha kemm hi, hemm
preżenza industrijali u teknoloġika matul il-katina tal-valuri kollha
li tinkludi t-tagħmir, il-materjal, il-manifattura, id-disinn kif ukoll
l-industrija b'saħħitha tal-utent aħħari. Jekk jinbena fuq dawn il-punti
b'saħħithom u jiġu mobilizzati r-riżorsi
meħtieġa, l-Ewropa għandha ssir attur ewlieni fil-mikro u n-nanoelettronika.
Biex jiġu mobilizzati r-riżorsi, hemm bżonn jiġu allinjati
l-azzjonijiet fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew. Dan joħloq
il-fiduċja u jistimola t-tiġdid u t-tkabbir tal-kapaċità
tal-manifattura fl-Ewropa. L-enfasi ssir biex insaħħu u nibnu
fuq l-eċċellezza tal-organizzazzjonijiet tar-riċerka u
t-teknoloġija (RTOs) fejn jidħlu l-faċilitajiet u l-persunal.
Dawn għandhom ikunu "l-mekka" tal-inġiniera ta' talent u
r-riċerkaturi f'dan il-qasam, fil-qalba tal-ekosistemi li jiġbdu
l-investimenti privati fil-manifattura u d-disinn. Sabiex jiżdied kemm
jista' jkun ir-redditu fuq l-investiment u tkun żgurata
l-eċċellenza, aktar progress għal speċjalizzazzjoni
komplementari u koperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-RTOs ewlenin
huma sigriet għas-suċċess skont l-istrateġija tal-Ispeċjalizzazzjoni
Intelliġenti[29]
tal-UE. Sabiex ikun żgurat aktar użu
tal-elettronika fis-setturi industrijali kollha u li jinħatfu
l-opportunitajiet li ġejjin minn ħidma transdixxiplinarja,
għandhom jissaħħu l-kollaborazzjonijiet eqreb transfrunieri u
transettorjali inkluż mal-industriji tal-utenti aħħari. 6.3. Jinħatfu
l-opportunitajiet li jinħolqu f'oqsma mhux konvenzjonali u jiġi
appoġġat it-tkabbir għall-SMEs L-SMEs jaqdu rwol ewlieni f'oqsma
emerġenti bħall-elettronika plastika u organika, is-sistemi integrati
intelliġenti u b'mod ġenerali fil-qasam tad-disinn. Għaldaqstant
għan importanti huwa li l-SMEs jiġu integrat aħjar fil-katini
tal-valur, u li jingħataw aċċess għall-aqwa
teknoloġiji u faċilitajiet tal-R&D&I. L-appoġġ lil
ċentri ta’ eċċellenza li jgħinu biex jiġu inkorporati
l-mikro u n-nanoelettronika f'kull tip ta' prodotti u servizzi, se jkun
essenzjali biex jixpruna l-innovazzjoni fl-ekonomija kollha u l-aktar f'SMEs
mhux teknoloġiċi. Sħubijiet mal-UE kollha, bejn industriji
tal-utent aħħari, awtoritajiet pubbliċi u fornituri (kbar u
żgħar) tal-mikro u n-nanoelettronika se jgħinu biex
jinfetħu oqsma ġodda ta' tkabbir kbir bħall-vetturi
elettriċi, il-bini effiċjenti fl-enerġija u l-bliet
intelliġenti u t-tipi kollha tas-servizzi mobbli fuq l-internet. 7. L-azzjonijiet 7.1. Bi Pjan Strateġiku
Ewropew għal investiment f'dan il-qasam L-għan huwa li jiġu attirati aktar
investimenti pubbliċi u privati u li dawn jitmexxew b'tali mod biex
jiġi implimentat pjan direzzjonali għal tmexxija li trid
tistabbilixxih l-industrija. Il-livell tal-investiment pubbliku u privat
se jkun skont id-daqs tal-isfida. Il-ħsieb huwa li l-investiment pubbliku
u privat totali fl-R&D&I fuq il-livell tal-UE, nazzjonali u
reġjonali jilħaq aktar minn EUR 1,5 biljun fis-sena,
jiġifieri baġit totali ta' aktar minn EUR 10 biljun f'seba'
snin. Għal dan l-għan il-Kummissjoni se
tkompli tiddjaloga mal-partijiet interessati u tistabbilixxi Grupp ta' Mexxejja
fl-Elettronika biex telabora u tgħin fl-implimentazzjoni ta' Pjan
Strateġiku Industrijali Ewropew li se jibni fuq il-vantaġġi
tal-Ewropa u jkopri tliet linji kumplimentari: ·
L-iżvilupp tal-binarju tat-teknoloġija
"aktar minn Moore" fuq id-daqs tal-wejfer ta' 200 mm u 300 mm.
B'dan l-Ewropa tkun tista' żżomm u tespandi t-tmexxija tagħha[30] f'suq li jirrappreżenta
madwar EUR 60 biljun fis-sena u li għandu tkabbir annwali ta' 13%.
Dan se jħalli impatt dirett fuq il-ħolqien ta' impjiegi b'valur
għoli, inkluż l-aktar fl-SMEs. ·
Aktar progress fit-teknoloġiji "aktar
Moore" biex jibqa' jiċkien id-daqs tal-wejfer ta' 300 mm.
B'dan l-investiment l-Ewropa għandha tkun tista' żżid ftit ftit
il-produzzjoni f'dan is-suq li tirrappreżenta aktar minn EUR 200 biljun[31]. ·
L-iżvilupp ta' teknoloġija ġdida
tal-manifattura fuq wejfers ta' 450 mm. Fil-bidu mill-investiment se
jgawdu l-manifatturi tat-tagħmir u l-materjal fl-Ewropa li llum huma
mexxejja dinjiin f'suq ta' madwar EUR 40 biljun fis-sena u fi
żmien ħames jew għaxar snin se jagħti vantaġġ
kompetittiv ċar lill-industrija kollha. Il-pjan direzzjonali se jkun stabbilit mhux
aktar tard minn tmiem l-2013 bħala sett ta' azzjonijiet konkreti li
jsaħħu notevolment ir-raggruppamenti ta' eċċellenza
tal-Ewropa fil-manifattura u d-disinn (ara t-Taqsima 4.1) u jiżguraw
ftuħ għal sħubijiet u alleanzi matul il-katina tal-valur.
L-azzjonijiet tas-settur pubbliku, il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri u
l-awtoritajiet reġjonali se jinkludu: ·
Appoġġ għall-R&D&I
b'finanzjament istituzzjonali jew għotjiet għal azzjonijiet skont
il-pjan direzzjonali. Jiġu mobilizzati interventi ffokati u kkoordinati[32] li joħolqu massa kritika
u jżidu kemm jista' jkun ir-redditu fuq l-investiment. ·
Bi sħab mal-industrija u b'appoġġ
għall-innovazzjoni, tinħoloq infrastruttura avvanzata tal-manifattura
u l-pilotaġġ li timla l-vojt fil-katina tal-innovazzjoni u tqabbad
id-disinn mal-użu proprju. ·
Tħaffef l-aċċess għall-finanzjament
tal-CAPEX b'self u ekwitajiet, l-aktar b'fondi reġjonali u bl-iskemi
tal-innovazzjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI). F'dan il-kuntest, fi
Frar 2013 il-Kummissjoni Ewropea ffirmat Memorandum ta' Qbil mal-BEI li
juri l-KETs bħala prijorità għal investimenti. Il-Kummissjoni se twitti t-triq
għall-industrija biex tingħaqad matul il-katina tal-valur u biex
tiżviluppa u taġġorna sikwit il-pjan direzzjonali. L-Istati
Membri, l-awtoritajiet regjonali u l-Kummissjoni Ewropea se jappoġġaw
il-pjan direzzjonali b'mod individwali u/jew kollettiv inkluż
b'Inizjattiva Teknoloġika Konġunta (JTI) u bl-inizjattiva EUREKA. Se
jkun żgurat l-aħjar użu tal-Fondi Strutturali reġjonali
inkluż bi Speċjalizzazzjoni Intelliġenti bejn ir-raggruppamenti
fil-mira u l-użu tal-istrumenti finanzjarji previsti fil-Fondi
tal-Investiment Strutturali Ewropew (il-Fondi tal-ESI)[33]. L-industrija se timpenja ruħha li
żżomm u twessa' l-attivitajiet tad-disinn u l-manifattura fl-Ewropa u
se taġġorna sikwit il-pjan direzzjonali bl-għajnuna tal-RTOs u
l-komunità akkademika sabiex tibqa' aġġornata mad-dinamika tas-suq u
l-iżviluppi teknoloġiċi. 7.2. L-Inizjattiva
Teknoloġika Konġunta: mudell tripartitiku għal proġetti ta'
skala kbira Il-Kummissjoni Ewropea se tipproponi Inizjattiva
Teknoloġika Konġunta[34]
skont l-Artikolu 187 tat-TFUE li tgħaqqad ir-riżorsi fil-livell
ta' proġett b'appoġġ għall-R&D&I transfruntiera
b'kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja. Il-proposta għal
Regolament tal-Kunsill biex tiġi stabbilita Impriża Konġunta se
tieħu post iż-żewġ Impriżi Konġunti
eżistenti dwar sistemi inkorporati tal-informatika (ARTEMIS) u
n-nanoelettronika (ENIAC) li ġew stabbiliti fis-Seba' Programm Kwadru.
Fl-Orizzont 2020, fl-isfida "Tmexxija fit-Teknoloġiji Abilitanti
u Industrijali", il-JTI l-ġdida se tkopri tliet oqsma interrelatati
ewlenin: ·
It-teknoloġiji tad-disinn, il-proċessi
tal-manifattura u l-integrazzjoni, it-tagħmir u l-materjal
għall-mikro u n-nanoelettronika. ·
Il-proċessi, il-metodi, l-għodod u
l-pjattaformi, disinji u arkitetturi ta' referenza Għal Sistemi
inkorporati/Ċiberfiżiċi. ·
Approċċi multidixxiplinarji għal
sistemi intelliġenti. Il-JTI l-ġdida se tibni fuq
it-tagħlimiet tal-JTIs attwali[35]
u tagħti struttura ta' finanzjament simplifikata. Prinċipalment, din
se tappoġġa azzjonijiet tal-kapital-intensivi[36] bħal linji pilota jew
dimostraturi fuq skala kbira fil-Livell tat-Tlestija tat-Teknoloġija
sal-livell 8 kif jidher hawn fuq. Dawn se jkunu jeħtieġu mudell
tripartitiku ta' finanzjament li jinvolvi lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Istati
Membri u lill-industrija u se jgħinu biex jiġu allinjati
l-istrateġiji rilevanti tal-investiment mal-Ewropa kollha.
L-implimentazzjoni se ssegwi l-prinċipji tal-Orizzont 2020 u se tkun
konsistenti mal-programm ta' ħidma trasversali tal-KETs biex
tissaħħaħ l-influwenza reċiproka bejn il-KETs differenti. L-appoġġ lill-JTI se jiġi
kkumplementat b'finanzjament tal-UE għal R&D teknoloġiku u
għall-azzjonijiet tal-innovazzjoni mmirati l-aktar għall-SMEs. Din se
tkopri R&D&I f'oqsma ġodda tal-mikro u n-nanoelettronika (ara
t-Taqsima 6.3), inklużi dawk li jeħtieġu taħlita ta'
bosta teknoloġiji abilitanti ewlenin bħall-materjal avvanzat,
il-bijoteknoloġija industrijali, il-fotonika, in-nanoteknoloġija u
sistemi avvanzati tal-manifattura[37]. Fil-JTI l-ġdida, minbarra dan,
il-Kummissjoni se tgħarrex kif tista' tissimplifika u
tgħaġġel l-approvazzjonijiet għal għajnuniet
mingħand inkluż bi Proġett ta' Interess Ewropew Komuni skont
l-Artikolu 107.3(b) tat-TFUE. 7.3. Nibnu fuq il-miżuri
orizzontali tal-kompetittività u nappoġġawhom L-aċċess għal forza
tax-xogħol b'għadd kbir ta' ħiliet ta' inġiniera u
tekniċi u għal gradwati ta' kwalità għolja huwa essenzjali biex
jiġu attirati investimenti privati fl-elettronika. Bħas-settur kollu
tal-ICT, il-mikro u n-nanoelettronika qed ibatu b'żieda fl-iskarsezza
tal-ħiliet u b'nuqqas ta' qbil bejn il-provvista u d-domanda
tal-ħiliet. Il-Kummissjoni se tibqa' tippromwovi l-kompetenzi
diġitali għall-industrija b'inizjattia tal-Ħiliet fl-elettronika
u dan l-aħħar nediet il-"Koalizzjoni Kbira
għall-ħiliet u l-impjiegi fl-ICT". . Għall-mikro u
n-nanoelettronika, l-impenn tal-industrija li tattira l-ġenerazzjoni
żagħżugħa kmieni waqt l-edukazzjoni huwa kruċjali. Minbarra
l-isforzi industrijali u l-inizjattivi rilevanti fil-livell reġjonali u
nazzjonali, il-Kummissjoni se tibqa' tagħti kofinanzjamenti
fil-proġetti tal-Orizzont 2020 biex toħloq u xxerred materjal
ta' taħriġ u tagħlim dwar l-aħħar teknoloġija
tal-mikro u n-nanoelettronika kif ukoll tappoġġa l-kampanji ta'
għarfien immirati għall-intraprendituri żgħażagħ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea qed
tistabbilixxi Panorama tal-Ħiliet tal-UE bi previżjonijiet
aġġornati tal-provvista tal-ħiliet u l-bżonnijiet tas-suq
tax-xogħol sal-2020, biex titjieb it-trasparenza
għall-klassifikazzjoni tal-Ħiliet, il-Kompetenzi u x-Xogħol
(ESCO), bħala punt komuni bejn id-dinjiet tal-impjiegi, l-edukazzjoni u
t-taħriġ u biex tappoġġa l-mobbiltà. Flimkien ma' RTOs, universitajiet u
awtoritajiet nazzjonali u reġjonali, il-Kummissjoni se tara li
tagħmel disponibbli faċilitajiet u servizzi kondiviżi
għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni bikrija tat-teknoloġija mikro u
nanoelettronika lil negozji ġodda, SMEs u utenti mal-Ewropa kollha. Barra minn hekk, b'akkwist pubbliku ta'
innovazzjonijiet xprunati mill-mikro u n-nanoelettronika bħat-tagħmir
tas-saħħa jew tas-sigurtà, se jinħolqu kundizzjonijiet
aħjar għall-iżviluppi tas-suq f'dawn l-oqsma. 7.4. Dimensjoni internazzjonali Il-Kummissjoni Ewropea se tippromwovi
l-koperazzjoni internazzjonali fil-mikro u n-nanoelettronika, speċjalment
f'oqsma ta' benefiċċju reċiproku bħall-ippjanar
direzzjonali internazzjonali dwar it-teknoloġija, it-tfassil ta' punti ta'
riferiment, l-istandardizzazzjoni, kwistjonijiet ta' saħħa u sigurtà
relatati man-nanomaterjali[38],
u t-tħejjija tal-bidla għal daqs tal-wajfers ta' 450 mm jew
ir-riċerka avvanzata "lil hinn mis-CMOS". Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli l-isforzi
tagħha għal kuntest globali aktar trasparenti u ekwu fil-fora
multilaterali u bilaterali internazzjonali billi tillimita x-xkiel
tal-kummerċ/suq, u biex tappoġġa l-industrija f'negozjati
kummerċjali settorjali u fi kwistjonijiet rilevanti li jeħtieġu
dibattitu internazzjonali bħall-problema tal-entitajiet mhux prattikanti
(NPEs). 8. Konklużjonijiet Kif diġà għamlet f'oqsma
strateġiċi bħall-ajrunawtika jew l-ispazju, l-Ewropa ma
għandha l-ebda għażla oħra ħlief li taħdem fuq
strateġija industrijali ambizzjuża għall-mikro u n-nanoelettronika.
Din il-Komunikazzjoni tipproponi strateġija bħal din li hija bbażata
fuq pjan direzzjonali Ewropew għal dan il-qasam. Din tappoġġa
l-ispeċjalizzazzjoni reġjonali intelliġenti u tippromwovi
koperazzjoni mill-qrib matul il-katini tal-valur u tal-innovazzjoni. Ir-riżorsi finanzjarji tal-UE, nazzjonali
u reġjonali f'dan il-qasam iridu jiġu allinjati sabiex tintlaħaq
il-massa kritika meħtieġa biex jiġu attirati l-investimenti u
l-aqwa talenti fid-dinja. Ir-riżorsi finanzjarji se jkunu
kkonċentrati fuq ir-raggruppamenti ewlenin tal-Ewropa. B'aktar
żvilupp fihom, in-negozji Ewropej kollha, ikunu fejn ikunu, ikunu
jistgħu jisfruttaw l-aħħar żviluppi fil-mikro u
n-nanoelettronika. Il-pjan ta' azzjoni fl-Anness jiġbor fil-qosor
x'għandu jsir. ANNESS || L-azzjonijiet ewlenin || Minn min || Meta 1 || Tkompli tiddjaloga mal-partijiet interessati u tistabbilixxi Grupp ta' Mexxejja fl-Elettronika biex telabora u tgħin fl-implimentazzjoni ta' Pjan Strateġiku Industrijali Ewropew għas-settur tal-elettronika || Il-Kummissjoni Ewropea, l-industrija || Mhux aktar tard minn tmiem l-2013 || Tippromwovi speċjalizzazzjoni intelliġenti, l-użu tal-istrumenti finanzjarji previsti fil-Fondi tal-Investiment Strutturali Ewropew (il-Fondi tal-ESI) u l-ORIZZONT 2020 || Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri || Għaddejja bħalissa – trid tissaħħaħ || Tippromwovi, skont il-Memorandum ta' Qbil mal-BEI dwar il-KETs, il-mezzi li jiżguraw investiment tal-kapital fil-produzzjoni fl-Ewropa || Il-Bank Ewropew tal-Investiment, l-industrija || Fl-ewwel kwart tal-2014 2 || Tadotta Regolament tal-Kunsill u tniedi JTI tripartita ġdida || Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri || Kmieni fl-2014 || Fil-JTI l-ġdida, tgħarrex kif tista' tissimplifika u tgħaġġel l-approvazzjonijiet għal għajnuniet mingħand inkluż bi Proġett ta' Interess Ewropew Komuni skont l-Artikolu 107.3(b) tat-TFUE || Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri || Fit-tielet kwart tal-2013 3 || Tagħmel djalogu kontinwu mal-RTOs ewlenin, reġjuni u Stati Membri biex issaħħaħ l-ekosistema tal-mikro u n-nanoelettronika fil-livell Ewropew || Il-Kummissjoni Ewropea, l-Istati Membri, ir-Reġjuni, l-RTOs || Għaddejja bħalissa – trid tissaħħaħ || Bl-ORIZZONT 2020, tagħmel disponibbli faċilitajiet kondiviżi għall-ittestjar u l-esperimentazzjoni bikrija lil negozji ġodda, SMEs, universitajiet u utenti || RTOs, il-Kummissjoni Ewropea || Fl-ewwel kwart tal-2014 || Tinvesti f'sisien sodi (edukazzjoni u taħriġ); trawwem ambjent favorevli għall-inġinerija fl-Ewropa || L-Istati Membri, l-akkademiċi || Mill-ewwel kwart tal-2014 sa tmiem l-2020 4 || Telabora u timplimenta strateġija tal-forza tas-suq iffokata fuq prodotti tal-elettronika-intensiva b'bosta stumenti bħalma huwa l-akkwist pubbliku || L-industrija, l-Istati Membri, ir-reġjuni, il-Kummissjoni Ewropea || Sat-tieni kwart tal-2014 || Telabora azzjonijiet ta' politika mmirati biex jinħoloq kuntest dinji ekwu billi tillimita x-xkiel tal-kummerċ/suq, inkluż fil-Laqgħa tal-Gvern u l-Awtoritajiet dwar is-Semikondutturi (GAMS) || Il-Kummissjoni Ewropea, l-industrija || Għaddejja bħalissa – trid tissaħħaħ [1] Dak li f'din il-Komunikazzjoni jissejjaħ
"mikroelettronika u nanoelettronika" ivarja minn tranżituri ta'
skala nano sa sistemi ta' skala mikro li jintegraw bosta funzjonijiet
f'ċippa. [2] COM(2012) 341 finali. [3] COM(2012) 582 finali "Industrija Ewropea Aktar
B'saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku". [4] eż. l-elettronika għall-karozzi,
l-enerġija u s-setturi tal-manifattura. [5] World Semiconductor Trade Statistics (L-Istatistika
Dinjija tal-Kummerċ tas-Semikondutturi) (WSTS), 2012
(http://www.wsts.org/). [6] Ir-rapport ta' Digiworld, IDATE 2012
(http://www.idate.org). [7] http://ec.europa.eu/enterprise/sectors/ict/files/kets/hlg_report_final_en.pdf [8] Ara r-Rapport tal-2008 dwar il-Kompetittività
tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Industrija tas-Semikondutturi (ESIA)
"Mastering Innovation Shaping the Future" (Naħkmu
l-innovazzjoni, insawru l-ġejjieni) (https://www.eeca.eu/data/File/ESIA_Broch_CompReport_Total.pdf). [9] Senser hu kull tagħmir, bħal termometru, li
jittraċċa kundizzjoni fiżika fid-dinja. Attwattur hu
tagħmir, bħas-swiċċijiet, li jintuża biex jixgħel
jew jitfi l-affarijiet jew biex jaġġusta f'sistema operattiva. [10] International Technology Roadmap for Semiconductors (Pjan
Direzzjonali Teknoloġiku Internazzjonali għas-Semikondutturi) (ITRS)
http://www.itrs.net [11] Il-Liġi ta' Moore: tirdoppja l-prestazzjoni
għall-proporzjon tal-ispiża kull 18-24 xahar. [12] Is-semikonduttur metallossidu kumplimentari (CMOS) huwa
teknoloġija standard għal ċirkwiti integrati fil-binarju "aktar
Moore". [13] Iċ-ċipep tal-mikro u n-nanoelettronika jiġu
prodotti fuq uċuħ tondi tal-materjal li jissejħu
"wejfers". Il-ġenerazzjoni teknoloġiċi ta' wara
jiġu identifikati bid-daqs tad-dijametru tal-wejfers li fuqhom jiġu
prodotti. Fi żmienna, il-produzzjoni ssir prinċipalment fuq wajfers
ta' 200 mm u 300 mm. Id-daqs tal-wejfers li jmiss se jkun 450 mm. [14] Information Technology Outlook tal-OECD
(http://www.oecd.org/internet/ieconomy/oecdinformationtechnologyoutlook2010.htm) [15] LETI huwa istitut tas-CEA, organizzazzjoni
Franċiża tar-riċerka u t-teknoloġija. Din il-kumpanija
tispeċjalizza fin-nanoteknoloġija u l-applikazzjonijiet tagħha,
mit-tagħmir wireless għall-bijoloġija, il-kura
tas-saħħa u l-fotonika (http://www-leti.cea.fr). [16] L-istitut Ġermaniż Fraunhofer-Gesellschaft
jagħmel riċerka applikata li għandha siwi dirett
għall-intrapriżi privati u pubbliċi li huma ta'
benefiċċju kbir għas-soċjetà. Bosta istituti qed jiffokaw
fuq ċirkwiti u sistemi integrati (http://www.fraunhofer.de). [17] L-istitut Belġjan imec jagħmel riċerka fost
l-aqwa fid-dinja fin-nanoelettronika li żżid l-għarfien
xjentifiku ma' sħubijiet globali fl-ICT, il-kura tas-saħħa u l-enerġija
(http://www.imec.be). [18] eż. In-nefqa kapitali tal-kumpaniji Koreani
żdiedet minn 13% fl-2005 għal 27% fl-2012. [19] Ara d-dokument tal-Assoċjazzjoni tal-industrija
tas-Semikondutturi (SIA), Maintaining America's Competitive Edge: Government
Policies Affecting Semiconductor Industry R&D and Manufacturing Activity
(Inżommu l-vantaġġ kompetittiv li għandha l-Amerika:
il-politiki governattivi li jolqtu lill-R&D tal-industrija
tas-semikondutturi u l-attività tal-manifattura), Marzu 2009
(http://www.semiconductors.org/clientuploads/directory/DocumentSIA/Research%20and%20Technology/Competitiveness_White_Paper.pdf). [20] Fonderija hija kumpanija li tkun is-sid ta' fabbriki u
toffri servizzi tal-manifattura lil klijenti "fabless". [21] Kumpanija "fabless" tfassal il-komponenti
tagħha stess iżda testernalizza l-manifattura tagħhom lil
fornitur tas-servizzi ("il-fonderija"). [22] Ara http://www.asml.com/asml/show.do?ctx=5869&rid=46974
- "As part of the program, Intel, TSMC and Samsung will each acquire ASML
shares, equal to an aggregate 23 percent minority equity stake in ASML for EUR 3.85
billion in cash". [23] http://www.catrene.org/ [24] Għal ~EUR 130 miljun kull sena. [25] Ibbażata fuq l-Artikolu 187 tat-TFUE. [26] Skont l-International Technology Roadmap for
Semiconductors (il-Pjan Direzzjonali Teknoloġiku Internazzjonali
għas-Semikundutturi) (ITRS) http://www.itrs.net [27] Il-Livelli tat-Tlestija tat-Teknoloġija (TRLs)
jintużaw biex jivvalutaw il-maturità tat-teknoloġiji li qegħdin
jevolvu. Il-livelli 1 sa 4 tipikament jirreferu għal R&D
bikri filwaqt li l-livelli 5 sa 8 juru l-prototipar u l-validazzjoni
proprja tas-sistema f'ambjent operattiv. [28] COM(2011) 809 finali. [29] http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/home [30] Bħalissa, il-produzzjoni
fl-Ewropa f'dan il-binarju hija aktar minn 30% tal-valur dinji. [31] Is-sehem tal-Ewropa fil-produzzjoni huwa madwar 9%,
iżda l-Ewropa għadha fuq quddiem fit-tellieqa tat-teknoloġija
ċkejkna. [32] Minn programmi fuq il-livell
reġjonali, nazzjonali u tal-UE. [33] http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/home [34] L-impatt tal-proposta se jiġi
ppreżentat fil-valutazzjoni tal-impatt. L-impatt baġitarju se jitniżżel fid-dikjarazzjoni
leġiżlattiva u finanzjarja. [35] L-ewwel evalwazzjoni interim tal-Inizjattivi
Teknoloġiċi Konġunti tal-ARTEMIS u l-ENIAC, 2010
http://ec.europa.eu/dgs/information_society/evaluation/rtd/jti/artemis_and_eniac_evaluation_report_final.pdf [36] Bħalissa, l-appoġġ pubbliku għal linji
pilota fl-ENIAC JU huwa bejn EUR 50 u EUR 120 miljun
għal kull azzjoni. [37] Ara COM(2012) 582 finali,
it-Taqsima III.A.1.(ii). [38] COM(2012) 572 finali: it-Tieni
Reviżjoni Regolatorja dwar in-Nanomaterjali.