Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0129

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI IL-PROTEZZJONI TAL-PASSIĠĠIERI F'KAŻ TA' FALLIMENT TA' LINJA TAL-AJRU

    /* COM/2013/0129 final */

    52013DC0129

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI IL-PROTEZZJONI TAL-PASSIĠĠIERI F'KAŻ TA' FALLIMENT TA' LINJA TAL-AJRU /* COM/2013/0129 final */


    WERREJ

    1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

    2........... Il-qagħda bħalissa........................................................................................................... 4

    2.1........ L-insolvenzi fl-UE........................................................................................................... 4

    2.2........ L-Impatt fuq il-Passiġġieri............................................................................................... 4

    2.3........ Protezzjoni eżistenti tal-passiġġieri................................................................................... 5

    2.4........ Soluzzjonijiet parzjali u rimedji eżistenti............................................................................ 6

    2.5........ Il-protezzjoni tal-passiġġieri sa issa kienet limitata............................................................ 7

    3........... It-triq 'il quddiem: Esperjenzi pożittivi u prattiki tajbin....................................................... 7

    3.1........ L-applikabbiltà tad-drittijiet tal-passiġġieri....................................................................... 8

    3.2........ Miżuri relatati mal-passiġġieri.......................................................................................... 9

    3.3........ Tariffi ta’ salvataġġ........................................................................................................ 10

    4........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 10

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

    IL-PROTEZZJONI TAL-PASSIĠĠIERI F'KAŻ TA' FALLIMENT TA' LINJA TAL-AJRU

    1.           Introduzzjoni

    1.           Is-Suq Uniku għat-trasport bl-ajru ġab benefiċċji sinifikanti għall-konsumaturi. Dawn jinkludu varjetà usa' ta' servizzi tal-ajru (bħall-iżvilupp ta' operaturi "low cost" u l-introduzzjoni ta’ rotot ġodda) u għażla ikbar ta' tariffi minħabba żieda fil-kompetizzjoni. Madankollu, il-kompetizzjoni tqiegħed aktar pressjoni fuq linji tal-ajru li jitmexxew b'mod ineffiċjenti jew li ma jirrispondux b’mod xieraq għad-domanda tal-konsumatur u toħroġ fid-dieher punti kritiċi meta d-domanda tonqos u l-ispejjeż jogħlew. Iż-żieda fil-kompetizzjoni kienet akkumpanjata minn żieda fin-numru ta’ fallimenti ta' linji tal-ajru, b'105 operaturi tal-ajru skedati Ewropej isiru insolventi bejn l-2000 u l-ewwel sitt xhur tal-2012[1]. L-iskala ta' dawn l-insolvenzi tvarja bejn linji tal-ajru żgħar, li joffru relattivament ftit postijiet b'impatt żgħir, sa linji tal-ajru akbar, bħal Spanair, Malév u Windjet, li kkawżaw tfixkil kbir għall-individwi. Passiġġieri li kienu telqu, jew kienu waslu biex jagħmlu dan, meta operatur isir insolventi daħlu fir-riskju li jibqgħu mingħajr assistenza. Fallimenti bħal dawn għandhom impatt akbar fuq passiġġieri li jispiċċaw mitluqin 'il bogħod mid-dar, partikolarment f’punti fejn ma hemmx servizzi alternattivi jew dawn huma limitati. Din il-kwistjoni għalhekk ħadet attenzjoni pubblika kif ukoll politika.

    2.           B’differenza minn servizzi jew mezzi tat-trasport oħrajn, il-biljetti tal-ajru spiss jinxtraw minn xhur qabel issir it-titjira. Biex jiżguraw li s-seats jimtlew mill-aktar fis possibbli, it-trasportaturi tal-ajru jinkoraġġixxu lill-passiġġieri jixtru billi joffru prezzijiet orħos aktar ma jibbukkjaw kmieni. Il-passiġġieri jistgħu għalhekk ikunu aktar vulnerabbli għall-insolvenza tal-fornitur tas-servizz tal-ajru.

    3.           Il-pożizzjoni tal-passiġġieri meta trasportatur tal-ajru ikun iddikjarat insolventi tvarja skont il-mod kif ikun inxtara l-biljett. L-aktar differenza sinifikanti hija bejn biljetti waħedhom (it-titjira biss) u dawk mixtrija bħala parti minn pakkett. Passiġġieri li jixtru pakkett kopert mid-Direttiva dwar il-Pakketti tal-Ivvjaġġar[2] (PTD) huma diġà protetti. Din id-Direttiva titlob lill-organizzaturi biex jew jirrimborżaw lill-konsumatur jew jagħmlu arranġamenti għal titjira alternattiva u jipprovdu assistenza temporanja (pereżempju, lukandi u xorb/ikel ħafif) jekk it-trasportatur tal-ajru li jkun ingħata l-kuntratt isir insolventi.

    4.           Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008[3], li jirregola l-liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru Ewropej, jitlob li l-Istati Membri jieħdu azzjoni jekk ma jkunux sodisfatti bl-adegwatezza tal-kapital ta’ linja tal-ajru li jilliċenzjaw. Madankollu, il-qafas legali attwali tal-UE ma jistabbilixxi l-ebda rekwiżit ta’ protezzjoni diretta mill-insolvenza għal detenturi ta' biljetti għat-titjira biss ‑ dawn il-passiġġieri normalment ikollhom jiżguraw il-protezzjoni tagħhom infushom.

    5.           Ir-Regolament (KE) Nru 1346/2000, li jirregola l-proċeduri ta' insolvenza minn fruntiera għall-oħra, jintitola lill-passiġġieri residenti fi Stat Membru differenti minn dak tal-linja tal-ajru insolventi biex iressqu talbiet għal rimborż jew danni fi proċeduri ta' insolvenza barranin. Madankollu, anke jekk tintlaqa' t-talba ta' passiġġier, ħaġa li ma hemmx ċertezza li sseħħ, inevitabilment ikun hemm dewmien biex jingħata l-ħlas wara li l-passiġġier affettwat ikollu jħallas l-ispejjeż tiegħu fl-interim.

    6.           Hemm evidenza li l-passiġġieri ma tantx għandhom għarfien dwar il-protezzjoni li jista’ jkollhom, anke għal dawk koperti mill-PTD. Fi stħarriġ li sar għad-Direttorat Ġenerali għall-Ġustizzja tal-Kummissjoni[4] biex jappoġġa r-reviżjonijiet potenzjali ta’ dik id-Direttiva, 66 % ta’ dawk li wieġbu ma kinux jafu jekk kinux imħarsa f'każ li l-linja tal-ajru fejn kienu bbukkjati tfalli. Għalhekk hemm sitwazzjoni ta’ falliment tas-suq, peress li l-passiġġieri mhumiex infurmati sewwa dwar ir-riskji mġarrba u ma jistgħux jieħdu azzjoni biex jipproteġu lilhom infushom kontra dawn ir-riskji.

    7.           F’dan il-kuntest, speċjalment għal detenturi ta' biljetti għat-titjira biss, huwa importanti li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-passiġġieri. Din il-kwistjoni tista' tiġi indirizzata malajr mingħajr leġiżlazzjoni ġdida u permezz ta’ użu aktar effettiv tal-liġi eżistenti. B’dan il-għan, dan id-dokument qed jivvaluta l-qagħda attwali u jqis x’miżuri jistgħu effettivament jiġu implimentati mill-Kummissjoni, vis-à-vis l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-partijiet interessati.

    2.           Il-qagħda bħalissa

    2.1.        L-insolvenzi tal-linji tal-ajru fl-UE

    8.           Bejn l-2000 u l-2010, 96 trasportatur tal-ajru b'servizzi skedati[5] saru insolventi. F’dan il-perjodu l-frekwenza li biha l-linji tal-ajru waqqfu l-operat tagħhom varjat mingħajr xi tendenza partikolari. Kien hemm każijiet fejn intlaħqu 14-il insolvenza ta' trasportaturi tal-ajru fl-2004 u fl-2008, iżda fl-2000 u fl-2007 kien hemm biss tliet fallimenti. B’kuntrast ma’ dan, sal-2011 dawn naqsu għal falliment wieħed[6], iżda reġgħu telgħu għal tmien[7] trasportaturi tal-ajru bi skeda maġġuri li waqqfu l-operat tagħhom fl-2012. Hemm xi relazzjoni bejn il-mod kif inhuma mqassma l-insolvenzi u d-daqs tas-swieq tal-avjazzjoni tal-Istati Membri, bl-akbar għadd ta’ insolvenzi jkunu trasportaturi tal-ajru rreġistrati fir-Renju Unit u fi Spanja (l-akbar u t-tielet l-akbar swieq fl-UE, imkejla f’termini ta’ għadd ta' passiġġieri). Madankollu, dan jista’ biss juri biss politika ta' intervent attiva f’dawk l-Istati Membri.

    2.2.        L-Impatt fuq il-Passiġġieri

    9.           Total stmat ta' bejn 1,4 – 2,2 miljun passiġġier intlaqtu bejn l-2000 u l-2010[8], li minnhom madwar 12 % tħallew ’il bogħod minn darhom. Il-proporzjon ta’ passiġġieri li tħallew l-art huwa baxx meta mqabbel mal-għadd totali ta’ nies ibbukkjati biex jivvjaġġaw iżda li ma setgħux jagħmlu dan, għalkemm għal darb’oħra din iċ-ċifra varjat u kienet ogħla f’każijiet speċifiċi (eż. Air Madrid). Minkejja dan, in-numru ta’ passiġġieri milquta qatt ma qabeż il-500 000 fis-sena[9]. L-ogħla numru ta’ fallimenti, f’termini ta’ passiġġieri, seħħ fl-2004, iżda anki f’dan il-każ dan kien jirrappreżenta biss 0,17 % tal-passiġġieri tal-UE li vvjaġġaw f'dik is-sena[10].

    10.         Huwa stmat li bejn l-2011 u l-2020 madwar 0,07 % tal-passiġġieri b'biljetti għat-titjira biss se jkunu affettwati minn insolvenza ta' trasportaturi tal-ajru[11]. In-numru se jvarja kull sena, iżda dan il-perċentwal huwa probabbli li jiżdied minħabba ż-żieda fit-traffiku u billi issa hemm kwantità anqas ta' trasportaturi iżda ammont akbar — it-telf ta’ kwalunkwe trasportatur għalhekk se jkollu impatt akbar. L-għadd medju ta’ passiġġieri affettwati huwa stmat li se jiżdied minn 325 000 fl-2011 għal 480 000 sal-2020. Minnhom, abbażi ta' statistika fil-passat, madwar 12 % huma stmati li se jitħallew l-art.

    11.         Filwaqt li l-proporzjon globali ta’ passiġġieri affettwati huwa baxx, l-impatt ta’ insolvenza fuq individwi jista’ jkun sinifikanti. Apparti mill-inkonvenjenza tal-interruzzjoni nnifisha, il-passiġġieri jistgħu jġarrbu għadd ta’ spejjeż irrekuperabbli:

    · Fejn l-operat jieqaf qabel it-tluq inizjali, il-passiġġieri jridu jagħżlu bejn li jirranġaw il-vjaġġ mill-ġdid jew jitilfu l-vjaġġ tagħhom. Jekk huma jirranġaw il-vjaġġ mill-ġdid, dawn ikollhom iħallsu l-ispejjeż tal-ivvjaġġar alternattiv li, meta jkun ibbukkjat f’qasir żmien, x’aktarx li jkun aktar għali. Jekk ma jkunx possibbli li jiġi organizzat vjaġġ alternattiv, jew jekk il-passiġġier jagħżel li ma jagħmilx dan, huwa jista' jitlef il-komponenti mhux rimborsabbli tal-vjaġġ (bħalma huma l-akkomodazzjoni jew il-kiri ta’ karozza).

    · Meta jieqaf l-operat u passiġġier jitħalla l-art, huwa normalment ikollu jagħmel arranġamenti alternattivi għall-vjaġġ tiegħu stess. Għal darb’oħra dan ġeneralment isir f’qasir żmien u x’aktarx li jkun ħafna aktar għali mill-prezz oriġinali tal-biljett. Ir-restrizzjonijiet tal-kapaċità jistgħu wkoll iwasslu għal dewmien, bil-passiġġieri affettwati jkollhom iħallsu l-ispejjeż tal-assistenza u jikkompetu ma' oħrajn għal tali servizzi. Nuqqas ta’ informazzjoni disponibbli tista’ taggrava l-kapaċità ta' passiġġier li jagħmel dawk l-arranġamenti b'mod ekonomiku.

    12.         Bejn l-2000 u l-2012, il-passiġġieri li tħallew l-art ġarrbu l-ogħla spejjeż immedjati kawża ta' insolvenza ta' linja tal-ajru, b'medja ta’ aktar minn EUR 796[12]. Dawn l-ispejjeż varjaw skont id-distanza u t-trasportatur tal-ajru kkonċernat - passiġġieri li tħallew l-art minħabba li kienu qed jivvjaġġaw fuq titjiriet qosra "low cost" ġarrbu spiża medja ta’ EUR 335[13].

    2.3.        Protezzjoni eżistenti tal-passiġġieri stipulata skont il-liġi tal-UE

    13.         Storikament il-problema tal-protezzjoni tal-passiġġieri kienet:

    · La t-trasportaturi tal-ajru u lanqas l-awtoritajiet kompetenti ma kienu kapaċi jiżguraw, suffiċjentement bil-quddiem, li l-arranġamenti xierqa u meħtieġa jkunu fis-seħħ biex jibdlu r-rotta tal-passiġġieri b'biljetti għat-titjira biss u jassistuhom fl-interim biex jiżguraw li d-drittijiet l-oħra tagħhom jiġu rrispettati (eż. informazzjoni, assistenza, u rimborż).

    · Id-drittijiet tal-passiġġieri skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 ma ġewx issodisfati mit-trasportatur tal-ajru fallut - b’mod partikolari fit-tibdil fir-rotta tal-passiġġieri li tħallew l-art u fl-għoti ta’ assistenza (pereżempju akkomodazzjoni). Dan fisser li l-passiġġieri affettwati kellhom għalhekk ikunu indipendenti.

    2.4.        Soluzzjonijiet parzjali u rimedji eżistenti

    14.         l-Istati Membri użaw għodod finanzjarji differenti (eż. fondi ta’ riserva, skemi ta’ assigurazzjoni u garanziji bankarji) sabiex jimplimentaw l-obbligi tal-PTD tagħhom. Xi wħud kellhom jindirizzaw il-kwistjoni tal-biljetti għat-titjira biss b'mod individwali billi jestendu l-kopertura offruta skont l-arranġamenti tal-PTD tagħhom għal detenturi ta' biljetti għat-titjira biss. Fid-Danimarka, ir-Rejsegarantifonden, fond li jipprovdi protezzjoni skont din id-Direttiva, fl-1 ta’ Jannar 2010 ġie estiż biex joffri lill-passiġġieri l-għażla ta’ protezzjoni fuq it-titjiriet kollha mid-Danimarka fuq trasportaturi tal-ajru stabbiliti fid-Danimarka.

    15.         Scheduled Airline Failure Insurance (SAFI) tippermetti lill-passiġġieri b'biljetti għat-titjira biss f’xi Stati (bħar-Renju Unit u l-Irlanda[14]) jassiguraw ruħhom kontra xi wħud mill-ispejjeż ta' insolvenza ta' trasportaturi tal-ajru. Din l-iskema kummerċjali hija disponibbli fuq bażi individwali u kultant hija wkoll inkluża fl-assigurazzjoni ġenerali tal-ivvjaġġar. SAFI tkopri l-ispiża tat-tibdil fir-rotta jekk passiġġier jitħalla l-art jew ir-rimborż tal-prezz tal-biljett oriġinali meta passiġġier ma jkunx jista' jirkuprah. SAFI ġeneralment ma tkoprix l-ispiża tax-xiri ta’ biljett ieħor fuq trasportatur tal-ajru alternattiv jekk passiġġier ikun għadu ma bediex il-vjaġġ tiegħu, jew kwalunkwe spejjeż addizzjonali mġarrba bħala riżultat ta’ dewmien jew telf mhux rimborżabbli ieħor bħall-kiri ta’ karozza. Il-kopertura normalment ma tkunx disponibbli għal kwalunkwe trasportatur tal-ajru magħruf li jinsab f’diffikultà finanzjarja u tista’ tiġi rtirata mis-suq b'avviż qasir. Minkejja dan, is-settur tal-assigurazzjoni jqis li hemm lok għal aktar użu ta’ prodotti tal-assigurazzjoni simili għas-SAFI[15].

    16.         Il-ħlas għal biljetti mixtrija permezz ta' aġenti tal-ivvjaġġar affiljati mal-IATA jinżammu fi ħdan il-mekkaniżmu ta' ħlas ċentrali, magħruf bħala l-Pjan ta' Ħlas ta' Kontijiet (BSP), qabel ma’ jiġi trasferit lil-linja tal-ajru (dan normalment isir kull xahar, iżda dan il-perjodu jista’ jkun iqsar). Jekk linja tal-ajru membru ssir insolventi, l-IATA tista' volontarjament tirrimborża lill-passiġġieri li l-pagamenti tagħhom ikunu għadhom ma ġewx trasferiti lill-kumpanija tal-ajru. Din il-protezzjoni hija limitata — tapplika biss għal dawk il-passiġġieri li jkunu rriżervaw fi ħdan il-perjodu ta’ ħlas jiġifieri l-aktar sa 30 jum qabel it-titjira. Passiġġieri li jibbukkjaw permezz ta' aġent tal-ivvjaġġar affiljat mal-IATA minn ħafna qabel il-vjaġġ ma jeħdux rimborż billi l-flus ma jkunux għadhom fis-sistema tal-BSP[16].

    17.         F’xi Stati Membri ix-xiri li jsir permezz ta’ karta tal-kreditu (u xi karti tad-debitu) jippermetti li l-konsumaturi jitolbu rimborż mill-fornitur tal-karta tal-kreditu/debitu f’każ li l-fornitur tas-servizz ifalli. Madankollu, dan ir-rimborż huwa normalment limitat għall-prezz tal-biljett oriġinali u f’xi każijiet huwa suġġett għal ammont minimu[17].

    18.         Fl-aħħarnett, f’xi każijiet ingħatat assistenza minn linji tal-ajru oħra li qablu li joffru "tariffi ta' salvataġġ" bi ħlas nominali.

    2.5.        Il-protezzjoni tal-passiġġieri sa issa kienet limitata

    19.         Mill-passiġġieri li xtraw biljetti għat-titjira biss affettwati minn insolvenza bejn l-2000 u l-2010, madwar 76 % ma kellhom l-ebda forma ta’ protezzjoni għajr ir-Regolament (KE) Nru 261/2004. Din il-leġiżlazzjoni daħlet fis-seħħ fl-2005 biss u, fil-prattika, sa ftit żmien ilu rari kienet tiġi applikata f’sitwazzjonijiet ta’ insolvenza.

    20.         Il-maġġoranza tal-passiġġieri kellhom jitolbu rimborż tal-biljett oriġinali tagħhom bħala kredituri tat-trasportatur tal-ajru fallut permezz ta’ proċeduri ta’ insolvenza nazzjonali filwaqt li l-gradi ta’ suċċess kienu differenti. Mill-bqija, 14 % setgħu jagħmlu talba ta’ rimborż permezz tal-fornitur tal-karta tal-kreditu tagħhom, filwaqt li 8 % oħra, li kienu xtraw il-biljetti tagħhom mingħand aġent tal-ivvjaġġar affiljat mal-IATA, irnexxielhom jieħdu rimborż. Kienu biss 2 % tal-passiġġieri li kellhom protezzjoni addizzjonali bħas-SAFI.

    21.         Rigward spejjeż oħra, ħlief dawk li xtraw is-SAFI, kulħadd hu limitat biss biex jirkupra l-ispiża tal-biljetti oriġinali li jkun xtara. Madankollu, anke dawk il-passiġġieri li jistgħu jiksbu rimborż tal-biljett sħiħ huma stmati li jkunu jistgħu jirkupraw bejn 60 % u 70 % biss tal-ispejjeż tat-titjir eventwali tagħhom jekk jiddeċiedu li jerġgħu jirriservaw, billi l-ispiża inkrementali ta’ titjiriet ġodda mhix koperta. Passiġġieri li kellhom is-SAFI u tħallew l-art irkupraw aktar mill-ispejjeż tagħhom, iżda dan ma kienx il-każ għal skemi oħra. Assistenza diretta għall-passiġġieri ngħatat biss mill-awtoritajiet nazzjonali f’numru limitat ħafna ta’ każijiet.

    3.           IT-TRIQ ’IL QUDDIEM

    22.         L-approċċ proattiv f’livell nazzjonali kmieni fl-2012 minn Spanja u l-Ungerija wara s-sospensjoni tal-operat ta’ Spanair u Malév[18] żgura li dawk l-insolvenzi jkunu ġestiti aħjar meta mqabbla ma’ fallimenti simili. Filwaqt li inevitabbilment l-esperjenza tal-passiġġieri kienet varja, bħala medja jidher li l-passiġġieri kienu infurmati aħjar, ingħatatilhom rotta alternattiva aktar malajr u ngħataw livelli ta’ kura/assistenza immedjata.

    23.         Biex tidentifika liema miżuri speċifiċi jistgħu jtaffu l-impatt ta’ insolvenza ta' linja tal-ajru l-Kummissjoni kitbet lill-Istati Membri fis-17 ta’ April 2012 biex titlob informazzjoni dwar l-approċċ li ħadu. Il-konklużjonijiet ta’ dak l-eżerċizzju huma deskritti hawn taħt.

    3.1.        L-applikabbiltà tad-drittijiet tal-passiġġieri f’każ ta’ insolvenza ta' linja tal-ajru u l-kontroll finanzjarju

    24.         Kien hemm qbil li l-aktar riżultat mixtieq għall-passiġġieri kien trasportatur tal-ajru li jkun jista' jkompli l-operat mingħajr ma huma jkollhom jieħdu ħsieb kwalunkwe kwistjoni finanzjarja.

    25.         Id-drittijiet tal-passiġġieri, bħalma huma l-kura, il-bdil tar-rotta u l-kumpens, skont ir-Regolament (KE) Nru 261/2004 huma applikabbli għall-bejgħ ta’ biljetti u mhumiex affettwati mill-pożizzjoni finanzjarja tal-linja tal-ajru. Hemm obbligu fuq l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat eżistenti tagħhom skont il-liġi tal-UE biex jiżguraw li t-trasportaturi tal-ajru jieħdu l-miżuri meħtieġa f’dan ir-rigward. Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jagħti setgħat lill-awtoritajiet fir-rigward tas-saħħa finanzjarja tal-linji tal-ajru biex jiżgura li dawn ikunu f’pożizzjoni li jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-acquis tal-konsumatur. Għadd ta’ Stati Membri, ir-Renju Unit u Spanja, għalhekk, jużaw ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 biex jiżguraw li l-obbligi tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 huma inkorporati fil-prattiki tan-negozju ta' trasportaturi tal-ajru.

    26.         L-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) 1008/2008 jgħid li l-awtoritajiet tal-liċenzjar tal-Istati Membri għandhom jissospendu jew jirrevokaw il-Liċenzja tal-Operat ta’ trasportaturi tal-ajru tal-Komunità jekk dawn ma jibqgħux jonoraw l-obbligi tagħhom attwali u potenzjali għal perijodu ta’ 12-il xahar. L-Artikolu 9(2) jitlob li l-awtoritajiet tal-liċenzjar għandhom jagħmlu evalwazzjoni dettaljata tas-sitwazzjoni finanzjarja tat-trasportatur u għandhom jirrevedulu l-liċenzja jekk jiġu identifikati xi problemi finanzjarji, jew insolvenza jew f'każ li jittieħdu xi proċeduri simili kontrih. Idealment l-awtoritajiet nazzjonali għandu jkollhom djologu kontinwu u attiv ma’ dawn it-trasportaturi sabiex jidentifikaw il-kwistjonijiet.

    27.         Il-prattiki ta’ monitoraġġ tal-awtoritajiet regolatorji jvarjaw minn reviżjonijiet tal-kontijiet ta' ġestjoni annwali u biannwali, għal evalwazzjonijiet ta’ kull xahar tal-linji tal-ajru liċenzjati kollha. Il-viżibilità pprovduta mill-evalwazzjoni ta’ kull xahar, bbilanċjata minn aktar eżaminazzjoni meta jkunu identifikati xi problemi, jidhru li joffru l-akbar benefiċċju. Ċerti Stati Membri jimmiraw ir-riżorsi fejn huma jikkunsidraw li hemm l-akbar riskji għal passiġġieri bbażati fuq kriterji oġġettivi inklużi d-daqs u t-tip tal-operat, il-kopertura ġeografika, il-kummerċ finanzjarju fil-passat u d-dispożizzjoni ta’ servizzi "life line".

    28.         Minħabba li trasportatur insolventi jkollu kapaċità limitata biex jissodisfa l-obbligi tiegħu, monitoraġġ aħjar jippermetti lill-awtoritajiet tal-Istati Membri li jintervjenu fi stadju bikri. Dan jippermetti lill-awtoritajiet tal-liċenzjar li jantiċipaw u jamministraw is-sospensjoni tal-operat u jiżguraw li l-obbligi tad-drittijiet tal-passiġġieri jiġu rrispettati fiż-żmien li l-fondi jkunu għadhom disponibbli. Għalhekk huwa essenzjali li jiġu identifikati kemm jista’ jkun kmieni trasportaturi b'diffikultajiet finanzjarji potenzjali qabel ma dawn isiru pubbliċi — billi lil hinn minn dan il-punt spiss ikun tard wisq biex tittieħed azzjoni — u jimpenjaw ruħhom għalihom. Pereżempju, fejn l-awtorità tal-liċenzjar tar-Renju Unit identifikat tħassib finanzjarju ma’ trasportatur tal-ajru, f’xi każijiet kien hemm bżonn li jidħlu fis-seħħ pjanijiet ta’ kontinġenza bħala kundizzjoni għaż-żamma tal-liċenzja tal-operat tiegħu. Dan il-pjan għandu jinkludi kif jista' jkun organizzat "xoljiment" tal-operat sabiex jipproteġi lill-passiġġieri (partikolarment għal dawk barra l-UE) jekk ikun meħtieġ.

    29.         Hemm għadd ta’ benefiċċji għal dan l-approċċ. Is-separazzjoni bejn id-deċiżjoni dwar meta l-operat għandu jiġu sospiż u l-falliment innifsu ippermettiet lill-persunal tal-kumpaniji li jbiddlu r-rotot tal-passiġġieri bl-għajnuna attiva ta’ linji tal-ajru oħra qabel ma t-trasportatur ikun iddikjarat insolventi. Soluzzjoni bħal din tiżgura l-effiċjenza fl-assistenza adegwata, fit-tibdil fir-rotot u fl-għoti ta' informazzjoni lill-passiġġieri. Dan l-ippjanar jippermetti wkoll li trasportatur tal-ajru jikkonċentra r-riżorsi tiegħu fuq ir-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri li altrimenti jistgħu jibqgħu l-art (u biex jiġi limitat l-għadd ta’ passiġġieri mneħħija).

    30.         Għadd ta’ Stati Membri ġibdu l-attenzjoni tal-Kummissjoni fuq il-merti ta’ kollaborazzjoni aktar mill-qrib. Il-fehma tagħhom kienet li suġġett għall-kunfidenzjalità kummerċjali, awtorità li jkollha tagħrif ta' tħassib tista' tiġbed l-attenzjoni tal-Istat Membru fejn dak it-trasportatur ikun liċenzjat għall-possibbiltà tal-ħtieġa ta' monitoraġġ aktar bir-reqqa. Bl-istess mod, awtorità tal-liċenzjar imħassba dwar il-possibbiltà ta' insolvenza ta' trasportatur li tilliċenzja hi stess tista' tiftiehem mal-awtoritajiet fi Stati Membri oħra biex tippermettilhom jagħmlu preparamenti ta' kontinġenza.

    31.         Xi Stati Membri qalu li l-konsegwenzi ta' falliment possibbli jistgħu jittaffew permezz ta' promozzjoni, mat-trasportatur, ta' eliminazzjoni gradwali tad-destinazzjonijiet/rotot mhux profittabbli u/jew distanti fejn jista' jkun aktar diffiċli li tingħata assistenza lill-passiġġieri. F’każijiet kritiċi, l-awtoritajiet nazzjonali rnexxielhom jamministraw il-funzjoni ta’ liċenzjar tagħhom biex jiżguraw li n-negozju jxolji fl-aktar punt baxx taċ-ċiklu tad-domanda tat-trasportatur. Għalkemm ma jeżistix l-aħjar żmien biex linja tal-ajru twaqqaf l-operat tagħha, ċertament il-falliment fl-aqwa tal-istaġun (pereżempju fil-Milied jew fl-Għid) meta jkun hemm nuqqas ta’ kapaċità alternattiva jkollu impatt akbar fuq il-passiġġieri milli fi żmien ieħor.

    3.2.        Miżuri relatati mal-passiġġieri

    32.         Il-komunikazzjoni preċiża u f’waqtha hija kruċjali sabiex jiġi minimizzat l-impatt ta’ insolvenza fuq il-passiġġieri, partikolarment dawk li jitħallew l-art b’aċċess limitat għall-komunikazzjoni. Madankollu, il-kanali effettivi ta’ komunikazzjoni bejn it-trasportatur u l-passiġġieri tiegħu għandhom ikunu n-norma irrispettivament mill-istatus finanzjarju tat-trasportatur ‑ kanali stabbiliti sempliċiment jagħmlu l-ġestjoni tal-falliment tiegħu aktar faċli.

    33.         Xi awtoritajiet kienu jeħtieġu trasportaturi li jaċċettaw ċerti restrizzjonijiet biex itaffu t-telf tal-passiġġieri, pereżempju permezz tal-użu ta’ kontijiet blokkati fejn il-flus tal-biljett (inklużi l-ispejjeż għall-passiġġieri) huma indipendentement miżmuma sakemm il-passiġġier ikun tar, biex b'hekk jitnaqqas l-impatt potenzjali ta’ falliment.

    34.         Esperjenza riċenti wriet li l-interessi tal-passiġġieri huma protetti/ġestiti aħjar, fejn l-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 isir mill-istess awtorità nazzjonali, jew fejn dawn il-korpi jikkooperaw b’mod proattiv. Dan l-approċċ għandu jiġi promoss permezz ta' dan li ġej:

    · Kanali tajbin ta’ komunikazzjoni itejbu t-trattament tal-passiġġieri affettwati ‑ partikolarment fejn awtoritajiet nazzjonali differenti jinfurzaw kull Regolament.

    · Il-korp nazzjonali maħtur għall-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 jista' jidentifika fejn il-passiġġieri jitħallew l-art (billi jieħu l-informazzjoni mingħand il-linja tal-ajru), u jistabbilixxi pjan ta' azzjoni kkoordinat li jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti (trasportaturi, ajruporti, dipartimenti tal-gvern tal-Istati Membri stess, oħrajn (eż. tal-affarijiet barranin)). L-ajruporti għandhom rwol importanti f'dan il-proċess: jagħtu informazzjoni lill-passiġġieri li jitħallew l-art u jiżguraw li jkun hemm disponibbli faċilitajiet, bħal tojlits u ikel u xorb. Dan l-approċċ jiżgura użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u jnaqqas id-dupplikazzjoni li mhix neċessarja. F'dan ir-rigward, il-proposta tal-Kummissjoni għar-reviżjoni tar-Regolament 261/2004 tintroduċi r-rwol akbar tal-ajruporti f'każ ta' insolvenza ta' linja tal-ajru (l-Artikoli 5(5) u 14 tar-reviżjoni tar-Regolament).

    · Meta trasportatur tal-ajru jfalli, il-korpi nazzjonali maħtura għall-infurzar jistgħu jipprovdu informazzjoni rilevanti lill-passiġġieri (eż. dwar "tariffi ta' salvataġġ"), jew direttament (eż. fuq is-sit tal-internet tagħhom stess) jew permezz ta’ kanali ta’ informazzjoni ‑ midja, ajruporti, midja soċjali, assoċjazzjonijiet tal-linji tal-ajru jew inkella fuq is-sistemi tat-trasportatur tal-ajru fallut.

    3.3.        Tariffi ta’ salvataġġ

    35.         F’Lulju 2011, l-AEA, l-ELFAA, l-IATA, u l-ERA[19] infurmaw lill-Kummissjoni li l-membri tagħhom jistgħu jassistu f’tibdil fir-rotot għal passiġġieri li jitħallew l-art billi jagħmlu disponibbli kapaċità żejda (jew possibbilment addizzjonali) meta sseħħ insolvenza. F’sitwazzjonijiet bħal dawn il-linji tal-ajru li jkunu membri tagħhom jitolbu "tariffa ta' salvataġġ" lill-passiġġieri affettwati li tkun tkopri n-nefqa, bħal pereżempju t-taxxi u l-ispejjeż marġinali tat-trasport. F’għadd riċenti ta’ insolvenzi ta' linji tal-ajru, tali tibdil fir-rotot deher li kien effettiv biex jassisti passiġġieri li tħallew l-art. Madankollu, soluzzjoni bħal din tiddipendi fuq ir-rieda ta’ linji tal-ajru kompetituri biex joffru tariffi bħal dawn u fuq ir-rotta kkonċernata. Assoċjazzjonijiet ta’ linji tal-ajru ssuġġerew li dan il-proċess jista’ jittejjeb billi l-Istati Membri jikkoordinaw u anke jiffinanzjaw rotot ġodda bħal dawn. Xi ajruporti, pereżempju l-AENA[20] wara l-insolvenza ta’ Spanair, assistew ukoll billi offrew tariffi mnaqqsa relatati mal-passiġġieri jew irrinunzjaw għal tariffi bħal dawn.

    36.         Sabiex jiġi żgurat l-akbar għarfien pubbliku, l-Istati Membri kkonċernati kkomunikaw id-disponibbiltà ta’ tali offerti ta' "tariffi ta' salvataġġ" permezz ta’ websajts governattivi nazzjonali.

    4.           konklużjonijiet

    37.         Il-Kummissjoni hi konxja mill-impatt fuq il-passiġġieri ta’ falliment min-naħa tal-linja tal-ajru u b’mod partikolari fuq id-detenturi ta’ biljetti ta’ titjiriet biss li jitħallew l-art.

    38.         Il-Kummissjoni tixtieq tiġbed l-attenzjoni tal-Istati Membri u l-partijiet interessati li r-Regolament (KE) Nru 261/2004 diġà jipprovdi qafas legali xieraq għall-assistenza tal-passiġġieri f’każijiet ta’ insolvenza. Madankollu, l-esperjenza wriet li jista’ jkun diffiċli li jiġi infurzat dan ir-Regolament fejn trasportatur tal-ajru jkun qed itemm l-attivitajiet tiegħu kemm-il darba, permezz tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008, trasportatur tal-ajru ma jintalabx jippjana minn qabel u jistabbilixxi miżuri biex jipproteġi lill-passiġġieri f’każ li jitlef l-Liċenzja tal-Operat tiegħu

    39.         Il-Kummissjoni identifikat li l-azzjoni proattiva mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tista’ ttejjeb b’mod sinifikanti s-sitwazzjoni għall-passiġġieri affettwati. Għalhekk, qabel ma tiddeċiedi li tipproponi leġiżlazzjoni ġdida f’dan il-qasam, il-Kummissjoni tikkunsidra li huwa essenzjali li ssaħħaħ is-sorveljanza ta’ liċenzjar tat-trasportaturi tal-ajru tal-UE, skont ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008.

    40.         Għalhekk il-Kummissjoni ser:

    · Tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għall-infurzar tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 u r-Regolament (KE) Nru 261/2004 biex jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom biex jiġi żgurat li jkun hemm monitoraġġ b’mod adegwat tal-pożizzjoni finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u fejn meħtieġ tadotta approċċ ikkoordinat għas-sospensjoni tal-operat tagħhom sabiex jiġi minimizzat l-impatt fuq il-passiġġieri;

    · Tħeġġeġ kooperazzjoni akbar u skambju tal-aħjar prattika u informazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri;

    · Taħdem mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet tat-trasport tal-ajru tal-UE biex tifformalizza l-ftehimiet volontarji attwali dwar l-għoti ta’ tariffi ta’ salvataġġ u l-promozzjoni effettiva tagħhom;

    · Taħdem mill-qrib mal-assoċjazzjonijiet tal-ajruporti tal-UE biex tiżviluppa arranġamenti volontarji li jikkomplementaw “it-tariffi ta’ salvataġġ” pereżempju billi toffri tariffi tal-ajruport imnaqqsa f’sitwazzjonijiet bħal dawn biex tnaqqas kemm jista’ jkun l-ispejjeż tal-passiġġieri;

    · Taħdem mill-qrib mal-industrija biex tħeġġeġ disponibbiltà usa’ u aktar sistematika tas-SAFI jew ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni simili madwar l-UE;

    · Taħdem mill-qrib mal-IATA biex tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz biex tiżgura li l-Pjan ta’ Ħlas ta’ Kontijiet (BSP) jintuża biex jiġi żgurat li l-akbar għadd possibbli ta’ passiġġieri jirkupraw dak li jkunu ħallsu qabel ma trasportatur tal-ajru jiġi ddikjarat insolventi;

    · Tħeġġeġ disponibbiltà usa’ u aktar sistematika ta’ tagħrif dwar skemi ta’ rifużjoni għall-karti ta’ kreditu jew prodotti simili fi Stat Membru biex il-passiġġieri jkunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra r-riskju ta’ insolvenza skont il-liġi nazzjonali.

    41.         Il-Kummissjoni se timmonitorja mill-qrib l-applikazzjoni ta' dawn il-miżuri. Sentejn wara l-adozzjoni ta’ dan it-test, il-Kummissjoni se tirrevedi l-prestazzjoni u l-effettività tagħhom u tivvaluta jekk hemmx ħtieġa ta’ inizjattiva leġiżlattiva biex tiggarantixxi l-protezzjoni tal-passiġġieri fil-każ ta’ insolvenza ta’ linja tal-ajru.

    [1]               Din iċ-ċifra tinkludi "wind downs", takeovers u konsolidazzjonijiet, bi ftit jew bl-ebda impatt fuq il-passiġġieri – bħal BMI fl-2012.

    [2]               Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat-13 ta' Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59.

    [3]               Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità (Riformulazzjoni).

    [4]               RPA, LE and Yougov, 2010. Il-Valutazzjoni tal-Impatt tad-DĠ Ġustizzja l-Anness 2— Enhanced insolvency protection for consumers purchasing airline tickets – a survey.

    [5]               Steer Davies Gleave, Passenger protection in the event of airline insolvency – rapport finali – Marzu 2011.

    [6]               Viking Hellas

    [7]               BMI, Cirrus Airlines, Spanair, Malév, Cimber Sterling, Skyways, Air Finland and Windjet

    [8]               Xenarju ċentrali: 1.8 miljun, ekwivalenti għal 0,07 % tal-vjaġġi waħedhom bir-ritorn kollha.

    [9]               Kważi 777 miljun passiġġier ġew trasportati bl-ajru fl-2011 fl-UE-27. Sors: Il-Eurostat.

    [10]             Ir-rapport Steer Davies Gleave, pp. 41 sa 44.

    [11]             Ir-rapport Steer Davies Gleave, p. 41.

    [12]             Dawn l-ispejjeż huma l-medja stmata li ntefqet minn passiġġieri bbukkjati u abbandunati. Ta' min jinnota li l-medja għoliet sinifikattivament minħabba l-ispejjeż għoljin imġarrba minn għadd kbir ta’ passiġġieri li tħallew l-art fl-Amerika Latina wara l-falliment ta’ Air Madrid.

    [13]             Ir-rapport Steer Davies Gleave, pp. 46 sa 52. Ara t-tabella fil-paragrafu 14 għall-kompożizzjoni tal-ispiża.

    [14]             Filwaqt li r-Renju Unit u l-Irlanda huma l-akbar swieq, SAFI għandha sehem sinifikanti tas-suq fil-Ġermanja, l-Olanda, l-Isvezja, u r-Repubblika Ċeka. Bejn l-2000 u l-2010, SAFI nefqet bejn EUR 3-5 fuq kull biljett, meta kopriet 2 % tal-passiġġieri milquta minn insolvenzi.

    [15]             Studju estern — Werkxop għall-partijiet interessati - it-30 ta’ Marzu 2011 — Brussell — http://ec.europa.eu/transport/passengers/studies/doc/2011_30_03_minutes.pdf

    [16]             Dibattiti dwar il-kwalitajiet u n-nuqqasijiet tal-BSP jistgħu jinstabu fuq il-websajt tad-DĠ MOVE: http://ec.europa.eu/transport/themes/passengers/studies/doc/2011_30_03_minutes.pdf

    [17]             Fir-Renju Unit xiri ta’ aktar minn EUR 125 (£100).

    [18]             Parriġġieri fi transitu immedjatament affettwati minn Spanair – 22 000 passiġġier - Sors BBC news, Malév - madwar 7 000 passiġġier- Sors Stqarrija għall-Istampa Malév it-3 ta' Frar 2012

    [19]             AEA (l-Assoċazzjoni tal-Linji tal-Ajru Ewropej), ELFAA (l-Assoċazzjoni tal-Linji tal-Ajru bi Prezz Baxx Ewropej), IATA (l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru) u ERAA (l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Linji tal-Ajru Reġjonali)

    [20]             Aeropuertos Españoles y Navegación Aérea

    Top