This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0126
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS Preparing for the 2014 European elections: further enhancing their democratic and efficient conduct
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom
/* COM/2013/0126 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom /* COM/2013/0126 final */
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW
U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Tħejjija għall-Elezzjonijiet Ewropej
tal-2014: aktar titjib tat-twettiq demokratiku u effiċjenti tagħhom 1. Introduzzjoni L-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014 se jkunu
l-ewwel elezzjonijiet minn mindu daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Lisbona. Dawn se
jkunu dejjem aktar importanti hekk kif l-Unjoni Ewropea qed tieħu passi
importanti lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina, li minnhom il-leġittimità
demokratika hija l-pedament. It-Trattat ta’ Lisbona saħħaħ il-pedamenti
demokratiċi tal-Unjoni. Huwa jtejjeb ir-rwol taċ-ċittadin tal-UE bħala attur
politiku fl-UE[1]
billi jistabbilixxi rabta soda bejn iċ-ċittadini, l-eżerċitar tad-drittijiet
politiċi tagħhom u l-ħajja demokratika tal-Unjoni[2]. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew
bħala l-assemblea demokratika rappreżentattiva tal-Unjoni ġie msaħħaħ
mit-Trattat ta’ Lisbona. Addizzjonalment, bl-introduzzjoni tal-inizjattiva
taċ-ċittadini, it-Trattat ta’ Lisbona jippermetti liċ-ċittadini jipparteċipaw
aktar direttament u bis-sħiħ fil-ħajja demokratika tal-Unjoni[3]. Il-Kummissjoni Ewropea hija impenjata biex
tisfrutta bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ Lisbona sabiex ittejjeb
aktar it-trasparenza u d-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet Ewropej u b’hekk
tissaħħaħ il-leġittimità demokratika tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet
tal-UE u tinġieb is-sistema eqreb għaċ-ċittadini tal-Unjoni. Dan huwa
partikolarment rilevanti fid-dawl tal-azzjonijiet meħtieġa fil-livell tal-UE
biex tiġi indirizzata l-kriżi finanzjarja u d-dejn sovran. Din tista’ taġixxi
wkoll bħala pass ’il quddiem lejn aktar riformi tat-Trattat għat-titjib
tal-pedament tal-Unjoni Ewropea bħala organizzazzjoni demokratika. Fil-livell tal-Unjoni, iċ-ċittadini huma
rappreżentati direttament fil-Parlament Ewropew[4].
Il-perspettiva taċ-ċittadini hija aktar msaħħa fid-definizzjoni l-ġdida ta’
membri tal-Parlament Ewropew bħala “rappreżentanti taċ-ċittadini tal-Unjoni”[5] u mhux sempliċement bħala
“rappreżentanti tal-popli tal-Istati miġburin flimkien fil-Komunità”[6]. Bl-istess ħsieb, it-Trattat
ta’ Lisbona jagħti setgħat aqwa lill-Parlament Ewropew, billi jikkonsolida
r-rwol tiegħu bħala koleġiżlatur sħiħ flimkien mal-Kunsill. Il-Parlament
Ewropew issa jiddeċiedi fuq il-maġġoranza l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE u
għandu s-setgħa fuq il-baġit kollu tal-UE fuq livell ugwali mal-Kunsill, waqt
li l-kunsens tiegħu hu meħtieġ għall-adozzjoni tal-Oqfsa Finanzjarji
Pluriennali. Fir-rapport tagħha tal-2010 li jevalwa
l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009[7],
il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE, kif ukoll
il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u l-għarfien dwar l-elezzjonijiet u
d-drittijiet assoċjati tagħhom. Ir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010
“Inżarmaw l-ostakoli għad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE”[8] enfasizza l-bżonn li jiżdied
l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar l-elezzjonijiet Ewropej, dwar
id-drittijiet tagħhom, u l-impatt tal-politiki tal-UE fuq il-ħajja ta’ kuljum
tagħhom. Enfasizza wkoll il-bżonn li jiġu indirizzati nuqqasijiet
fl-applikazzjoni tal-prinċipji demokratiċi tal-elezzjonijiet Ewropej u biex
jitneħħew l-ostakoli li ċ-ċittadini jiffaċċjaw biex jeżerċitaw id-drittijiet
elettorali tagħhom b'mod effettiv. Fid-dawl tar-rwol imsaħħaħ u s-setgħat
tal-Parlament Ewropew, huwa essenzjali li jitjieb il-proċess sabiex jiġu eletti
l-Membri tiegħu u li tingħata iktar prominenza għal dan il-proċess. Waqt litalab għat-tkomplija ta’ unjoni
ekonomika profonda u ġenwina, ibbażata fuq unjoni politika, il-President
tal-Kummissjoni Ewropea, José Manuel Barroso, enfasizza fid-diskors tiegħu
“L-Istat tal-Unjoni 2012”[9]
li “il-kredibbiltà u s-sostenibbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja
tiddependi fuq l-istituzzjonijiet u s-sisien politiċi warajhom. Din hija
r-raġuni għalfejn l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tqajjem il-kwistjoni ta’
unjoni politika u d-demokrazija Ewropea li trid tirfidha'. B’unjoni politika
fl-orizzont, il-President Barroso ħabbar l-impenn tal-Kummissjoni biex tieħu passi
konkreti lejn l-iżvilupp ta’ spazju pubbliku Ewropew kif ukoll biex tressaq
aktar ideat dwar kif l-Unjoni Ewropea tista’ tkun aktar miftuħa u demokratika
fil-ħin għal dibattitu qabel l-Elezzjonijiet Ewropej fl-2014. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-28 ta’
Novembru 2012 “Pjan ta’ azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja
profonda u ġenwina — It-tnedija ta’ Dibattitu Ewropew”[10] il-Kummissjoni pproponiet
“leġittimità u responsabbiltà demokratika msaħħa” bħala parti neċessarja
ta’ kwalunkwe riforma tal-Unjoni Ewropea. Kif enfasizzat aktar fir-rapport “Lejn
Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina” imħejji mill-President tal-Kunsill
Ewropew f'kooperazzjoni mill-qrib flimkien mal-Presidenti tal-Kummissjoni,
lill-Grupp tal-Euro u lill-Bank Ċentrali Ewropew[11], il-leġittimità demokratika u
r-responsabbiltà huma essenzjali għal unjoni ekonomika u monetarja ġenwina. Madwar l-Ewropa, qed iseħħ djalogu politiku
dwar il-futur tal-Ewropa fil-livelli kollha. Dan jinkludi serje ta’ djalogi
taċ-ċittadini bejn il-politiċi Ewropej u nazzjonali u ċ-ċittadini bħala parti
mis-Sena Ewropea taċ-Ċittadini[12].
Ħafna mill-ideat mqajma fil-proċess feġġew minħabba l-ħtieġa għal rabta iktar
b'saħħitha bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha. L-integrazzjoni u l-leġittimità għandhom jimxu
id f'id. Aktar demokrazija hija l-korollarju ta’ integrazzjoni istituzzjonali
akbar meħtieġa biex tippermetti lill-Unjoni Ewropea biex tkun lesta
għall-isfidi globali attwali. F'dan ir-rigward, hemm ħtieġa urġenti li jissaħħu
r-rabtiet bejn iċ-ċittadini tal-UE u l-proċess demokratiku tal-Unjoni. Inwettqu l-impenn tal-President Barroso li
napprofondixxu, bħala l-ewwel pass konkret, id-dibattitu pan-Ewropew u
tissaħħaħ id-dimensjoni Ewropea tal-elezzjonijiet Ewropej, din
il-Komunikazzjoni tispjega fil-qosor l-inizjattivi tal-Kummissjoni biex
tiffaċilita l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini għall-elezzjonijiet Ewropej
tal-2014 u biex tissalvagwardja r-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi ta'
dawn l-elezzjonijiet. Din il-Komunikazzjoni hija akkumpanjata minn
Rakkomandazzjoni maħsuba li ttejjeb it-twettiq demokratiku u effiċjenti
tal-elezzjonijiet Ewropej[13]. 2. AKTAR TITJIB FIT-TWETTIQ DEMOKRATIKA
TAL-ELEZZJONIJIET EWROPEJ B’mod ġenerali, iċ-ċittadini tal-UE huma
konxji tal-importanza ta' elezzjonijiet Ewropej bħala mezz biex jieħdu sehem
fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Madankollu, dawn mhumiex konxji tal-effett li
dawn l-elezzjonijiet ikollhom fuq ħajjithom ta' kuljum, u lanqas tal-għażliet
politiċi disponibbli għalihom, u dan għandu impatt negattiv fuq
il-parteċipazzjoni tal-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej. ·
Kważi sitta minn kull 10 ċittadini tal-UE jaħsbu
li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej huwa l-aħjar mod li bih jiġi żgurat li
leħinhom jinstema’ minn dawk li jieħdu
d-deċiżjonijiet fl-UE[14]. ·
Aktar minn seba’ minn kull 10 ċittadini tal-UE
jaħsbu li jekk il-partiti politiċi kollha juru fil-materjali kollha
tal-kampanja ma’ liema partit politiku Ewropew huma affiljati, l-ammont ta'
votanti jkun ogħla[15]. ·
Aktar minn tmienja minn kull 10 ċittadini tal-UE
jgħidu li jekk jirċievu aktar tagħrif dwar il-programmi u l-għanijiet
tal-kandidati u l-partiti fil-Parlament Ewropew, dwar l-impatt tal-UE fuq
ħajjithom u fuq l-elezzjonijiet infushom tingħata spinta lill-motivazzjoni
tagħhom li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej[16]. ·
Sitta minn kull 10 ċittadini tal-UE li
rrispondew għal konsultazzjoni pubblika jkunu mmotivati li jivvotaw bi programm
politiku li jtejjeb il-ħajja tagħhom ta’ kuljum – segwit minn programm li
jsaħħaħ l-ekonomija tal-UE u programm biex jingħelbu d-differenzi soċjali fl-UE[17]. L-istħarriġ ta’ hawn fuq juri li ċ-ċittadini
tal-UE huma interessati b’mod ċar biex jiġu offruti għażla bejn għażliet ta’
politika valida dwar kwistjonijiet Ewropej b'impatt dirett fuq ħajjithom. Għal
dan il-għan, jidher li d-dominanza ta’ suġġetti nazzjonali li joskuraw
kwistjonijiet ta' rilevanza għall-UE jaffettwaw negattivament l-ammont ta'
votanti fl-Elezzjonijiet Ewropej. Kif enfasizzat mill-President Barroso
fid-diskors tiegħu “L-Istat tal-Unjoni 2012”, id-dibattitu politiku huwa ta’
spiss maħsub bħallikieku kien biss bejn partiti nazzjonali. Bħala riżultat ta’
spiss m’hemmx kuntatt reali bejn il-partiti politiċi fil-livell nazzjonali u
l-partiti politiċi Ewropej. Biex nikkomunikaw aħjar ir-rabta bejn
il-proċessi politiċi fil-livell nazzjonali u tal-UE, huwa essenzjali li nagħmlu
r-rabtiet bejn l-atturi ewlenin involuti aktar viżibbli għaċ-ċittadini.
It-tisħiħ ta’ partiti politiċi Ewropej u ż-żieda fil-viżibbiltà tagħhom huwa
mezz kif dan jintlaħaq direttament. Il-partiti politiċi Ewropej, bħala atturi transnazzjonali
bi rwol ewlieni fl-artikulazzjoni tal-ilħna taċ-ċittadini fil-livell Ewropew,
huma fl-aħjar pożizzjoni biex jitqarrbu l-politika tal-UE u ċ-ċittadini.
It-Trattat ta’ Lisbona jagħti lill-partiti politiċi Ewropej rwol ewlieni f'dan,
jiġi assenjat lilhom il-missjoni biex “jikkontribwixxu għall-formazzjoni
tal-għarfien politiku Ewropew u għall-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini
tal-Unjoni”[18]. Biex jippermettu lill-partiti politiċi Ewropej
iwettqu bis-sħiħ il-missjoni tagħhom, il-Kummissjoni adottat proposta għal
Regolament dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u
l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej[19].
Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li l-partiti politiċi Ewropej
jibbenefikaw minn status aktar viżibbli u qafas aktar flessibbli, trasparenti u
effiċjenti għall-finanzjament tagħhom. Din il-proposta tirrikjedi wkoll lill-partiti
politiċi pan-Ewropej biex jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jinfurmaw
liċ-ċittadini tal-UE bl-affiljazzjoni ta’ partiti politiċi nazzjonali u
l-kandidati tagħhom lill-partiti politiċi Ewropej[20] matul l-elezzjonijiet. Biex tkompli tenfasizza r-rabta bejn
il-partiti pan-Ewropej u dawk nazzjonali, il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li
l-partiti nazzjonali jagħmluha ċara dwar l-affiljazzjoni tagħhom ma’ partiti politiċi
pan-Ewropej. Il-ħolqien ta’ rabta viżibbli bejn il-partiti
nazzjonali li għalihom iċ-ċittadini tal-UE jivvutaw u l-partiti politiċi
Ewropej li magħhom huma affiljati l-partiti nazzjonali kieku jkollha impatt
importanti fuq it-trasparenza tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-UE. Iż-żieda
fil-viżibbiltà ta’ partiti politiċi Ewropej matul il-proċess elettorali kollu,
mill-kampanja sat-tfigħ ta’ voti, se żżid ir-responsabilizzazzjoni tal-partiti
politiċi li qed jieħdu sehem fil-proċess elettorali Ewropew u ttejjeb
il-fiduċja tal-votanti f’dan il-proċess. Iġiegħel liċ-ċittadini Ewropej ikunu
aktar konxji tar-riperkussjoni ta’ vot mitfugħ għal partit nazzjonali. Huwa importanti li l-Istati Membri
jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw fis-sistema elettorali tagħhom l-forniment ta’
informazzjoni lill-elettorat dwar affiljazzjonijiet bejn il-partiti nazzjonali
u l-partiti politiċi Ewropej. Fl-istess ħin, partiti politiċi nazzjonali li
jipparteċipaw fl-Elezzjonijiet Ewropej għandhom jagħrfu pubblikament
l-affiljazzjoni tagħhom lill-partiti politiċi Ewropej qabel l-elezzjonijiet. Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew bħalissa
qed isiru fi ġranet differenti fi Stati Membri differenti. Dan isaħħaħ
il-perċezzjoni li l-Elezzjonijiet Ewropej huma primarjament elezzjonijiet
nazzjonali u jillimita l-impressjoni li l-Elezzjonijiet Ewropej huma impenn
komuni. Jum Ewropew għall-votazzjoni b’postijiet tal-votazzjoni li jagħlqu
fl-istess ħin jirrifletti aħjar il-parteċipazzjoni komuni taċ-ċittadini madwar
l-Unjoni, bħala parti mid-demokrazija rapreżentattiva li fuqha hija mibnija
l-UE. L-Istati Membri għandhom jaqblu fuq jum
komuni għal elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, b’postijiet tal-votazzjoni
li jagħlqu fl-istess ħin. 3. RABTA IKTAR B’SAĦĦITHA BEJN IL-VOTI
TAĊ-ĊITTADINI TAL-UE U L-ELEZZJONI TAL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI It-Trattat ta’ Lisbona jsaħħaħ ir-rwol
tal-Parlament Ewropew u r-responsabbiltà rigward il-Kummissjoni: il-Parlament
Ewropew jeleġġi l-President tal-Kummissjoni, fuq il-bażi ta’ proposta
mill-Kunsill Ewropew, li jrid iqis r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej[21]. Il-President tal-Kummissjoni huwa l-figura
rappreżentattiv tal-eżekuttiv tal-UE, u għandu jiġi magħżul skont proċess ċar.
Kull partit politiku għandu jgħarraf il-kandidat tiegħu għal President
tal-Kummissjoni matul il-proċess elettorali. Skont it-Trattat,
ir-riżultat tal-Elezzjonijiet Ewropej għandu jkollu rwol importanti
fid-determinazzjoni ta’ liema kandidat isir il-President tal-Kummissjoni[22]. 1 minn kull 2 ċittadini tal-UE se jħossu aktar
inklinat li jivvota fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 jekk kull wieħed
mill-alleanzi politiċi ewlenin Ewropej iressaq kandidat għall-funzjoni ta'
President tal-Kummissjoni Ewropea, abbażi ta’ programm komuni[23]. Kif misħuq mill-President Barroso fid-diskors
tiegħu l-“Istat tal-Unjoni 2012”, “mezz importanti biex tapprofondixxi
d-dibattitu politiku pan-Ewropew ikun il-preżentazzjoni mill-partiti politiċi
Ewropej tal-kandidat tagħhom għall-kariga ta’ President tal-Kummissjoni
fl-elezzjonijiet Parlamentari Ewropej diġà fl-2014 […] Dan ikun pass deċiżiv
biex tagħmel il-possibbiltà ta’ għażla Ewropea offruta minn dawn
l-elezzjonijiet aktar ċara.” Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-22 ta’
Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-2014 għall-Parlament Ewropew[24] ħeġġet partiti politiċi Ewropej
biex jaħtru l-kandidati għall-Presidenza tal-Kummissjoni, waqt li nnutat li
kien mistenni li dawk il-kandidati jaqdu rwol ewlieni fil-kampanja elettorali
parlamentari, b’mod partikolari billi personalment jippreżentaw il-programm
tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni. Il-Parlament Ewropew saħaq ukoll
dwar l-importanza li tissaħħaħ il-leġittimità politika kemm tal-Parlament u
l-Kummissjoni billi tgħaqqad l-elezzjonijiet rispettivi tagħhom aktar
direttament mal-għażla tal-votanti. Il-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Novembru 2012 dwar “Pjan ta’ azzjoni għal
unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina — it-Tnedija ta’ Dibattitu
Ewropew”[25]
enfasizzat in-nomina tal-kandidati għall-uffiċċju ta' President tal-Kummissjoni
mill-partiti politiċi fil-kuntest tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 bħala
wieħed mill-passi ta’ importanza sinifikanti li jistgħu jittieħdu sabiex ikun
promoss l-iżvilupp ta’ politika Ewropea ġenwina. Jekk il-partiti
politiċi Ewropej u l-partiti politiċi nazzjonali jagħmlu n-nomini tagħhom
magħrufa għall-funzjoni ta’ President tal-Kummissjoni u l-programm tal-kandidat
fil-kuntest tal-Elezzjonijiet Ewropej, dan se jagħmel ir-rabta aktar konkreta u
viżibbli bejn il-vot individwali taċ-ċittadini tal-UE għal kandidat
għas-sħubija tal-Parlament Ewropew u l-kandidat għal President tal-Kummissjoni
appoġġjat mill-partit tal-MEP kandidat. Dan jgħin liċ-ċittadini tal-UE biex jifhmu
aħjar liema kandidat għal President tal-Kummissjoni l-vot tagħhom fl-aħħar
mill-aħħar se jappoġġa. Dan iżid il-leġittimità tal-President tal-Kummissjoni u
b’mod aktar ġenerali l-leġittimità demokratika tal-proċess kollu tat-teħid
tad-deċiżjonijiet tal-UE. Jista’ wkoll jikkontribwixxi biex tiżdied
il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej billi ssaħħaħ ir-rabta bejn
l-elezzjoni tar-rappreżentanti taċ-ċittadini mal-għażla u l-proċess elettorali
tal-Kap Eżekuttiv Ewropew. Fl-Istati Uniti tal-Amerika, meta jseħħu
l-elezzjonijiet għall-Kungress fl-istess sena tal-elezzjonijiet presidenzjali,
aktar nies jispiċċaw jivvotaw milli fis-snin ta’ nofs it-terminu, meta biss
madwar 40% tal-votanti jmorru jivvutaw. Xandiriet politiċi għandhom l-għan li
jippermettu lill-elettorat jagħmel għazliet informati. Partiti politiċi
nazzjonali għandhom jużaw dan il-mezz biex jipprovdu l-informazzjoni dwar
il-kandidati u l-programmi tagħhom, f’ambjent li jippromwovi l-pluraliżmu
tal-midja f'dibattitu demokratiku miftuħ, billi jiġi kkunsidrat
l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. 4. IKTAR TISĦIĦ TAT-TWETTIQ EFFIĊJENTI
TAL-ELEZZJONIJIET EWROPEJ FILWAQT LI JITNAQQAS IL-PIŻ AMMINISTRATTIV
GĦALL-ISTATI MEMBRI Il-liġi tal-UE tagħti liċ-ċittadini tal-UE li
jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom id-dritt tal-vot u d-dritt li joħorġu
bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess kondizzjonijiet
bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat[26]. Biex tiġi salvagwardjata l-leġittimità
tal-elezzjonijiet Ewropej, id-Direttiva 93/109/KE tipprovdi għal proċeduri
li jiżguraw li ċ-ċittadini tal-UE la jistgħu jivvutaw u lanqas joħorġu bħala
kandidati kemm fl-Istat Membru ta' oriġini tagħhom u fil-pajjiż ta’ residenza
tagħhom fl-istess elezzjonijiet[27]. Ir-rapport tal-Kummissjoni dwar
l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009[28]
ġibed l-attenzjoni għal problemi fit-tħaddim ta’ dawn il-proċeduri. Kif indikat
ukoll fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010[29], dawn il-proċeduri jistgħu ta’
spiss jirriżultaw f'piż eċċessiv għall-amministrazzjonijiet nazzjonali,
sproporzjonat għad-daqs attwali tal-problema ta’ votazzjoni multipla u
kandidaturi multipli. Il-Kummissjoni għalhekk ħabbret l-intenzjoni tagħha biex
ittejjeb dawn il-proċeduri (azzjoni 19 tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza
tal-UE tal-2010). B’użu ta’ konsultazzjonijiet ma’ esperti
elettorali mill-Istati Membri, il-Kummissjoni ħejjiet rakkomandazzjonijiet
lill-awtoritajiet elettorali nazzjonali dwar aspetti differenti ta' mekkaniżmu
li jipprevjeni votazzjoni multipla. Ir-rakkomandazzjonijiet jissimplifikaw
il-mekkaniżmu u jagħmluha aktar effettiva fil-prevenzjoni ta’ abbużi. Ir-Rakkomandazzjoni, adottata flimkien
mal-Komunikazzjoni attwali, tirrakkomanda li l-Istati Membri, b'mod
partikolari: ·
iwaqqfu awtorità ta’ kuntatt waħdanija f’kull Stat
Membru għal skambju bla xkiel tad-dejta ma’ Stati Membri oħra; ·
iqisu l-kalendarji elettorali differenti tal-Istati
Membri meta jiskambjaw id-dejta; ·
jipprovdu dejta personali addizzjonali li tista’
tkun meħtieġa għal identifikazzjoni aktar effiċjenti ta’ votanti rreġistrati
tal-UE fuq ir-reġistri elettorali tal-Istat Membru tar-residenza tagħhom. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet, maħruġa sew
qabel l-Elezzjonijiet Ewropej li jmiss, għalhekk jistgħu jikkontribwixxu biex
itejbu sostanzjalment il-funzjonament tal-mekkaniżmu għall-prevenzjoni ta’
abbużi, sabiex issir aktar effiċjenti u jitnaqqas il-piż amministrattiv. 5. IT-TNEĦĦIJA TAL-OSTAKOLI GĦAD-DRITTIJIET
TAL-VOT TA’ ĊITTADINI TAL-UE U LI JIĠI ŻGURAT IR-RISPETT TAL-PRINĊIPJI KOMUNI
TAL-UE 5.1. L-infurzar tad-drittijiet
elettorali taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom Fir-rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE
tal-2010[30],
il-Kummissjoni enfasizzat il-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-vot
taċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom jiġu infurzati
bis-sħiħ madwar l-UE (azzjoni nru 18). Il-Kummissjoni nnutat li xi Stati Membri
jeħtieġu ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra biex jissodisfaw
kondizzjonijiet għal reġistrazzjoni elettorali lil hinn minn dawk stabbiliti
fid-Direttiva 93/109/KE dwar l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u
tal-kandidatura fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew. Kondizzjonijiet
addizzjonali bħal dawn jinkludu, pereżempju, li jkollhom karta tal-identità
nazzjonali u l-obbligu li jġeddu r-reġistrazzjoni għal kull Elezzjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni nnutat ukoll li xi Stati Membri jidhru li ma jinformawx
liċ-ċittadini tal-UE minn Stati Membri oħra b'mod xieraq dwar id-dritt tagħhom
li jieħdu sehem fl-Elezzjonijiet Ewropej. Bħala segwitu għar-rapport dwar
iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010, il-Kummissjoni segwiet djalogu mal-Istati
Membri kkonċernati biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru
li mhuwiex tagħhom jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess
kondizzjonijiet bħal ċittadini nazzjonali, b'konformità mal-liġi tal-UE. Bħala riżultat ta’ dan id-djalogu, għadd ta'
Stati Membri emendaw il-leġiżlazzjoni tagħhom jew ħabbru emendi maħsuba sabiex
iġibu l-leġiżlazzjoni tagħhom f’konformità mar-rekwiżiti tal-liġi tal-UE[31]. Il-Kummissjoni qed tkompli
kuntatti ma’ dawn l-Istati Membri biex tiżgura li d-drittijiet elettorali
taċ-ċittadini tal-UE jkunu kompletament effettivi mal-UE, inkluż billi tniedi
proċedimenti ta’ ksur skont l-Artikolu 258 tat-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fejn xieraq. 5.2. Jiġi żgurat ir-rispett
tal-prinċipji komuni tal-Elezzjonijiet Ewropej Meta jkunu qed jorganizzaw elezzjonijiet
Ewropej, l-Istati Membri kollha għandhom jirrispettaw ċerti prinċipji komuni:
l-elezzjonijiet ikunu ħielsa, sigrieti u b'vot dirett universali[32]. Dawn il-prinċipji stipulati
fil-liġi tal-UE jipprojbixxu fost oħrajn il-pubblikazzjoni tar-riżultati fi
Stat Membru wieħed qabel ma l-votazzjoni tagħlaq fl-Istati Membri kollha.
L-għan hu li jiġi evitat li votanti tal-UE jiġu influwenzati minn riżultati
miksuba fl-Istati Membri fejn il-votazzjoni diġà spiċċat, u għalhekk biex jiġi
ssalvagwardjat element ewlieni tal-prinċipju ta’ vot liberu. Kif imħabbar fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza
tal-UE tal-2010, (azzjoni nru 17), il-Kummissjoni ħadet azzjoni biex
tiżgura li dan il-prinċipju demokratiku huwa rrispettat madwar l-UE
fl-Elezzjonijiet Ewropej li jmiss. B’riżultat ta' dan, l-Istati Membri ħadu
l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw il-problemi identifikati[33]. Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib
l-implimentazzjoni ta’ miżuri fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014 biex tiżgura li
dawn huma adegwati u li l-pubblikazzjoni uffiċjali tar-riżultati elettorali
ssir f'konformità sħiħa ma' dan il-prinċipju demokratiku fundamentali. 5.3. Għotja ta' deroga skont
l-Artikolu 22(2) tat-TFUE L-Artikolu 22(2) tat-TFUE jistipula li
ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom ikollhom
id-dritt li jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess kondizzjonijiet
bħaċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru. Dan jippermetti wkoll għal derogi għal
din ir-regola, fejn dan huwa ġġustifikat minn sitwazzjoni speċifika għal xi
Stat Membru. Tali deroga hija stabbilita fid-dettall
fl-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 93/109/KE. Hija tippermetti
lill-Istati Membri li jirrikjedu kemm votanti u kandidati li jkunu spiċċaw
perjodu minimu ta’ residenza jekk il-proporzjon ta’ residenti li laħqu l-età
tal-vot li huma ċittadini ta' Stati Membri oħra teċċedi 20% tal-elettorat
totali. Il-Lussemburgu huwa l-uniku Stat Membru li
jikkwalifika għad-deroga. Dan għamel użu minn din id-deroga f'elezzjonijiet
tal-passat billi rrestrinġa d-dritt li jivvutaw u li joħorġu bħala kandidati
għal ċittadini barranin tal-UE li kellhom id-domiċilju legali fil-Lussemburgu u
kienu residenti hemm mill-anqas għal sentejn u ħames snin rispettivament qabel
ir-reġistrazzjoni. Skont informazzjoni li l-Lussemburgu għadda
lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Awwissu 2012, l-għadd totali
taċ-ċittadini tal-UE li laħaq l-età tal-vot u li għandhom ir-residenza
fil-Lussumburgu huwa ta’ 383 485, filwaqt li n-numru ta' ċittadini
barranin tal-UE li laħqu l-età tal-vot u li jgħixu hemmhekk huwa ta’
151 126. Jirriżulta li l-proporzjon ta’ ċittadini barranin huwa ta’ 39.41 %,
li jaqbeż il-limitu ta' 20 %. Għalhekk jidher li r-raġunijiet li
jiġġustifikaw deroga skont l-Artikolu 22(2) tat-TFUE għadhom japplikaw. 6. TISĦIĦ TAL-PARTEĊIPAZZJONI TA’ KANDIDATI
TAL-UE MHUZ NAZZJONALI FL-ELEZZJONIJIET EWROPEJ: LI JEMENDA D-DIRETTIVA 93/109/KE Fost ir-raġunijiet differenti ta’ votazzjoni
baxxa fl-elezzjonijiet Ewropej, ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-elezzjonijiet
Ewropej tal-2009 indika li għadd żgħir biss ta’ ċittadini tal-UE li jirrisjedu
fi Stat Membru li mhuwiex tagħhom jużaw id-dritt tagħhom li jikkontestaw bħala
kandidati hemmhekk. Fl-2009, 81 ċittadin tal-UE biss ħarġu bħala kandidati. Il-Kummissjoni nnutat li ċ-ċittadini tal-UE li
jixtiequ joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej fi Stat Membru li fih
ikunu marru jgħixu jiffaċċjaw proċeduri amministrattivi għalja u peżanti. Hija
ħabbret fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-Unjoni tal-2010, li se jitniedu
mill-ġdid in-negozjati dwar emenda tad-Direttiva 93/109/KE li
tissimplifika l-proċeduri attwali għaċ-ċittadini tal-UE li joħorġu bħala
kandidati, filwaqt li tissalvagwardja l-leġittimità tal-Elezzjonijiet Ewropej. Wara t-tnedija mill-ġdid ta’ negozjati
mill-Kummissjoni fl-20 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta
d-Direttiva 2013/1/UE[34],
li temenda d-Direttiva 93/109/KE, li tipprovdi fost oħrajn li l-kandidati
m'għadhomx iridu jagħtu prova li huma ma jkunux ġew imċaħħda mid-drittijiet
elettorali tagħhom fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom. Minflok, huma ser
ikollhom jagħmlu dikjarazzjoni formali għal dak il-għan, biex jiġi vverifikat
mill-awtoritajiet elettorali fl-Istat Membru fejn joqogħdu. Din il-proċedura
simplifikata se tapplika fl-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014. 7. KONKLUŻJONI Din is-sena, l-2013, hija s-Sena Ewropea
taċ-Ċittadini. Din timmarka l-għeluq tal-20 sena mit-twaqqif taċ-ċittadinanza
tal-UE bit-Trattat ta' Maastricht. Firxa wiesgħa ta’ avvenimenti, konferenzi u
dibattiti pubbliċi qed jiġu organizzati madwar l-Ewropa fil-livell tal-Unjoni,
nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawn l-avvenimenti għandhom l-għan li jqajmu
l-għarfien taċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet tagħhom taħt il-liġi tal-UE,
inkluż id-dritt li jieħdu sehem fil-ħajja demokratika tal-Unjoni u biex iħeġġu
l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-forums ċiviċi dwar politiki u
kwistjonijiet tal-UE. Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini tipprovdi
opportunità f'waqtha primarjament biex jingħata leħen għat-tħassib
taċ-ċittadini Ewropej, iżda wkoll biex titqajjem kuxjenza dwar l-impatt
materjali tal-politiki tal-UE fuq ħajjithom, biex tiġi enfasizzata l-importanza
tal-kontribut tagħhom fit-tfassil tal-UE u biex jinvolvu ruħhom f’dibattiti
politiċi dwar kwistjonijiet Ewropej. Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini hija
opportunità għal ċittadini tal-Unjoni sabiex isemmgħu leħinhom. L-aħjar
okkażjoni għal dan il-għan huma l-Elezzjonijiet Ewropej Fid-dawl tal-Elezzjonijiet Ewropej tal-2014,
il-Kummissjoni temmen li: ·
il-votanti għandhom ikunu infurmati
bl-affiljazzjoni bejn partiti nazzjonali u l-partiti politiċi Ewropej qabel u
matul l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew; ·
L-Istati Membri għandhom jaqblu fuq jum komuni għal
elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, b’postijiet tal-votazzjoni li jagħlqu
fl-istess ħin. ·
kull partit politiku għandu jinnomina l-kandidat
tiegħu għal President tal-Kummissjoni Ewropea; ·
il-partiti nazzjonali għandhom jiżguraw li
x-xandiriet politiċi tagħhom fid-dawl tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
jinformaw liċ-ċittadini dwar il-kandidat li huma jappoġġjaw għal President
tal-Kummissjoni Ewropea u l-programm tal-kandidat. Il-Kummissjoni temmen li dawn
ir-rakkomandazzjonijiet prattiċi, evoluzzjonarji iżda mhux revoluzzjonarji,
jistgħu jiġu implimentati fil-ħin għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew
tal-2014. Dawn se jikkontribwixxu biex iqajmu dibattitu Ewropew u għall-ħolqien
ta’ spazju pubbliku Ewropew. Dawn se jgħinu biex l-Ewropa titqiegħed fil-qalba
tad-dibattiti nazzjonali madwar l-UE. Dan se jipprovdi pjattaforma għal passi
li jmiss tal-integrazzjoni Ewropea. [1] Skont l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni
Ewropea (TUE) “Kull ċittadin għandu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja
demokratika tal-Unjoni. Id-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b’mod kemm jista’
jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin.” [2] It-Titolu II TUE tintegra iċ-ċittadinanza tal-UE
fid-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji demokratiċi (l-Artikolu 9 tat-TUE) u
tissaħħaħ ir-rabta bejn iċ-ċittadinanza u d-demokrazija (l-Artikoli 10 u 11
TUE). [3] Skont l-Artikolu 11(4) tat-TUE, "Ċittadini
tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx inqas minn miljun, li jkunu ċittadini
ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li
jitolbu lill-Kummissjoni, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex
tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini
jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-għall-implimentazzjoni tat-Trattati". [4] L-Artikolu 10(2) TUE. [5] L-Artikolu 14(2) TUE. [6] L-Artikolu 189 tat-Trattat li Jistabbilixxi l-Komunità Ewropea. [7] COM(2010) 605 final — Rapport dwar l-elezzjoni tal-Membri
tal-Parlament Ewropew (l-Att tal-1976 kif emendat bid-Deċiżjoni 2002/772/KE,
Euratom) u dwar il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea
fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istati Membri ta' residenza
(Direttiva 93/109/KE) [8] COM(2010) 603 finali. [9] It-12 ta’ Settembr 2012, Is-Sessjoni Plenarja tal-Parlament
Ewropew, Strasburgu, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/soteu2012/. [10] COM(2012) 777 final/2. [11] http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ec/134069.pdf. [12] http://ec.europa.eu/european-debate/index_mt.htm. [13] C (2013)1303 final. [14] Ewrobarometru tal-Parlament Ewropew EB/EP 77.4, “Għad baqa’ sentejn
għall-elezzjonijiet Ewropej tal-2014” Brussell,
l-20 ta’ Awwissu 2012. [15] Flash Eurobarometer 364 dwar id-drittijiet elettorali taċ-ċittadini
tal-UE, Fieldwork f’Novembru 2012. [16] Idem. [17] Konsultazzjoni pubblika “Iċ-ċittadini tal-UE – id-drittijiet tiegħek,
il-Ġejjieni Tiegħek” imnedija mill-Kummissjoni bejn Mejju u Settembru 2012 dwar
2013 Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE. [18] L-Artikolu 10(4) tat-TUE u l-Artikolu 12(2) tal-Karta tad-Drittijiet
Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. [19] COM(2012) 499 final. [20] Ara l-Artikolu 17(3)
tal-Proposta għal Regolament. [21] Skont l-Artikolu 17(7) TUE: “Waqt li jitqiesu l-elezzjonijiet
tal-Parlament Ewropew, u wara konsultazzjonijiet xierqa, il-Kunsill Ewropew, li
jaġixxi b'maġgoranza kwalifikata, għandu jipproponi lill-Parlament Ewropew
kandidat għall-funzjoni ta' President tal-Kummissjoni. Dan il-kandidat għandu jkun elett
mill-Parlament Ewropew b'maġgoranza tal-membri tiegħu.” Id-dikjarazzjoni Nru 11, dwar
l-Artikolu 17(6) u (7) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tindika li
l-Parlament Ewropew u l-Kunsill Ewropew huma konġuntament responsabbli
għat-tmexxija bla xkiel tal-proċess li jwassal għall-elezzjoni tal-President
tal-Kummissjoni u tipprovdi indikazzjonijiet dwar il-konsultazzjonijiet
neċessarji f’dan il-qafas [22] Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 21. [23] Stħarriġ tal-Ewrobarometru EB/EP
77.4, tal-20 ta’ Awwissu 2012, imsemmi hawn fuq. [24] Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew
tat-22 ta’ Novembru 2012 dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament
Ewropew fl-2014 (2012/2829(RSP)). [25] COM(2012) 777 final/2. [26] L-Artikolu 22(2) TFUE u
d-Direttiva tal-Kunsill 93/109/KE tas-6 ta' Diċembru 1993 dwar
arranġamenti dettaljati sabiex jiġi eżerċitat id-dritt għall-vot u
għall-kandidatura fl-elezzjonijiet għal-Parlament Ewropew għaċ-ċittadini
tal-Unjoni li joqgħodu fi Stat Membru li tiegħu ma jkunux ċittadini (ĠU
L 329 tal-30.12.1993, p. 34). [27] Il-mekkaniżmu jikkonsisti fi skambji
ta’ dejta bejn l-Istati Membri dwar iċ-ċittadini tal-UE li kienu rreġistrati
sabiex jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta' residenza
tagħhom. Fuq il-bażi tad-dejta
mibgħuta mill-Istat Membru tar-residenza, l-Istat Membru tal-oriġini għandu
jneħħi mil-lista elettorali dawk iċ-ċittadini kkonċernati (jew jżommhom milli
jivvutaw jew joħorġu bħala kandidati b'mezzi oħra). [28] COM(2010) 605 finali. [29] COM(2010) 603 finali. [30] COM(2010) 603 finali. [31] Ċipru, il-Polonja u r-Rumanija
adottaw leġiżlazzjoni ġdida; Ir-Repubblika
Ċeka, l-Ungerija, il-Litwanja, is-Slovakkja u s-Slovenja ħabbru emendi
tal-leġiżlazzjoni tagħhom li għandhom jidħlu fis-seħħ qabel l-elezzjonijiet
Ewropej tal-2014; Il-Bulgarija u
Malta riċentement adottaw leġiżlazzjoni ġdida li attwalment qed tiġi
analizzata. L-Estonja u l-Latvja ma
pprovdewx spjegazzjoni sodisfaċenti fir-rigward tal-konformità
tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mal-liġi tal-UE. [32] Il-prinċipji komuni huma stipulati
fl-Att tal-1976 dwar l-elezzjoni tal-membri tal-Parlament Ewropew b'vot dirett
universali, anness mad-Deċiżjoni 76/787/KEFA, KEE, Euratom tal-20 ta’
Settembru 1976 u ġiet emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2002/772/KE, Euratom (ĠU L 283, 21.10.2002, p. 1). [33] Il-Pajjiżi l-Baxxi ħarġu
struzzjonijiet għal dan il-għan lil awtoritajiet muniċipali. [34] ĠU L 26, 26.1.2013, p. 28.