EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0122

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Regolamentazzjoni Intelliġenti - Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji

/* COM/2013/0122 final */

52013DC0122

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Regolamentazzjoni Intelliġenti - Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji /* COM/2013/0122 final */


Regolamentazzjoni Intelliġenti – Inwieġbu għall-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u medji

1. Introduzzjoni

L-intrapriżi żgħar u medji huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Fl-UE, madwar 20,7 miljun SME jimpjegaw 67% tal-forza tax-xogħol tas-settur privat. Studju reċenti wera li 85% netti tal-impjiegi l-ġodda fl-UE bejn l-2002 u l-2010 inħolqu mill-SMEs. Dan jindika biċ-ċar l-importanza tagħhom għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa[1].

L-SMEs jistgħu jiffjorixxu l-aktar f'ambjent ta' negozju li fih ir-regolamentazzjoni tirrispetta l-ħtiġijiet speċifiċi tal-SMEs filwaqt li ssegwi l-għanijiet tal-politika tagħha. Ir-regolamentazzjoni hi meħtieġa għas-Suq Uniku, u toħloq kundizzjonijiet ekwi billi tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta, filwaqt li tikkontribwixxi għas-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem u l-protezzjoni tal-ambjent, tal-ħaddiema u tal-konsumaturi. Hija mezz li permezz tiegħu jintlaħqu l-miri tal-politika pubblika tal-UE li jġibu benefiċċji liċ-ċittadini tal-Ewropa. Jeħtieġ li titfassal fid-dawl tar-realtajiet tal-SMEs.

Mill-adozzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa (SBA), it-tnaqqis tal-burokrazija u s-smigħ tal-vuċi tal-SMEs ġew integrati bis-sħiħ fil-ħidma tal-Kummissjoni. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs — L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi” mill-2011 tieħu dan ix-xogħol pass ieħor ’il quddiem. Tibni fuq il-prinċipju “Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir” stabbilit fl-SBA li jirrikjedi li jiġu kkunsidrati l-impatti fuq l-SMEs meta tkun qed titfassal leġiżlazzjoni u li l-ambjent regolatorju eżistenti għandu jkun issimplifikat[2]. Hija stabbilixxiet il-possibbiltà għall-eżenzjoni tal-mikrointrapriżi mir-regolamentazzjoni meta jkun iġġustifikat u għal reġimi regolatorji eħfef għall-SMEs[3]. Aktar reċenti, il-Komunikazzjoni dwar il-Politika Industrijali[4] rrakkomandat is-simplifikazzjoni tal-ambjent regolatorju u amministrattiv, speċjalment għall-SMEs u saħqet fuq l-importanza ta' qafas regolatorju sempliċi, stabbli, prevedibbli u fit-tul għal investiment fit-teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni. Fl-aħħarnett, il-Programm il-ġdid dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT), jagħmel l-identifikazzjoni tal-possibbiltajiet ta’ simplifikazzjoni, il-kostijiet regolatorji bla bżonn u l-oqsma għat-titjib tal-prestazzjoni parti integrali u stabbli mit-tfassil tal-politika u l-ipprogrammar[5].

Din il-Komunikazzjoni tirrevedi l-progress fi:

· l-applikazzjoni tal-eżenzjoni tal-mikrointrapriżi; 

· l-introduzzjoni ta’ reġimi regolatorji eħfef għall-SMEs;

· l-introduzzjoni tat-tabella ta’ valutazzjoni tal-SMEs;

· l-iżgurar tal-idoneità regolatorja.

Hija tidentifika wkoll il-passi li jmiss li ser jittieħdu għall-SMEs fit-tfassil tal-politika u l-ipprogrammar fuq livell nazzjonali.

2. Eżenzjoni tal-mikrointrapriżi mil-leġiżlazzjoni tal-UE

Qabel ma l-Kummissjoni Ewropea tipproponi inizjattivi ġodda jew reviżjonijiet komprensivi tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE, isir xogħol preparatorju. Dan jibda bil-pubblikazzjoni ta' pjanijiet direzzjonali ta' ħidma li jinformaw lill-partijiet interessati dwar inizjattivi possibbli tal-Kummissjoni, evidenza disponibbli u xogħol ippjanat preparatorju u konsultattiv. Dawn il-pjanijiet fihom tagħrif dwar id-definizzjoni inizjali tal-problema, l-objettivi, l-għażliet u l-valutazzjoni preliminari tal-impatti u l-iskeda prevista. Dawn huma dokumenti pubbliċi u firxa ta’ partijiet interessati – minn SMEs sa sħab soċjali – jistgħu u fil-fatt jipprovdu l-opinjonijiet tagħhom fuq dawn.  Il-pjanijiet direzzjonali jindikaw ukoll meta u kif il-partijiet interessati ikunu se jiġu kkonsultati[6]. Il-Kummissjoni tevalwa l-konsegwenzi potenzjali ekonomiċi, soċjali u ambjentali tal-proposti kollha tagħha b’impatti sinifikanti permezz ta' valutazzjonijiet tal-impatt (IA). Fihom għażliet differenti dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-problemi, u waħda minnhom għandha tkun l-għażla "ma jsir xejn". L-IAs jgħaddu minn kontroll indipendenti tal-kwalità, qabel ma l-Kummissjoni tadotta l-proposta tagħha.

Permezz tal-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni timmira li tevita piż regolatorju bla bżonn.  Tanalizza jekk il-mikrointrapriżi jistgħux jiġu eżentati mill-kopertura tal-inizjattiva mingħajr ma jiġi mminat l-objettiv tal-proposta potenzjali.

Eżempju tal-eżenzjonijiet għall-SMEs li ġew adottati mil-leġiżlatur tal-UE u qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati mill-Istati Membri:

o Ħwienet żgħar li jbigħu tagħmir elettriku u elettroniku ma għandhomx għalfejn jirriżervaw spazju żejjed biex jissodisfaw obbligi ta' teħid lura skont id-Direttiva l-ġdida Direttiva dwar l-iskart elettriku u elettroniku[7]. L-obbligu tat-teħid lura jappplika biss għal ħwienet akbar minn 400m2.

Eżempji tal-eżenzjonijiet għall-SMEs li jkunu ġew proposti mill-Kummissjoni u issa jinsabu fil-proċedura leġiżlattiva tal-UE:

o Il-fabbrikanti li huma responsabbli għal inqas minn 500 reġistrazzjoni ta’ karozzi ġodda tal-passiġġieri fis-sena huma esklużi mill-obbligu li jkollhom mira tas-CO2 skont il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 443/2009 dwar l-emissjonijiet tal-karozzi[8].

o Qed jiġi propost li ċerti kategoriji ta' vetturi misjuqa f’raġġ ta’ inqas minn 100 km mill-bażi tal-impriża tagħhom jiġu eżentati mir-Regolament (KE) Nru 561/2006 u għalhekk mir-rekwiżiti takografiċi[9].

o Huwa propost f’Regolament ġdid ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Dejta[10] li kumpaniji b'inqas minn 250 ħaddiem ma jkunux jeħtieġu Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta u li għandhom ikunu kkunsidrati miżuri speċifiċi għall-SMEs fil-kuntest tal-atti delegati tal-Kummissjoni mmirati lejn speċifikazzjoni ulterjuri tal-kriterji għall-evalwazzjoni ta’ jekk hix meħtieġa Valutazzjoni tal-Impatt għall-Protezzjoni tad-Dejta.

o L-SMEs b’inqas minn 250 persuna ma jkollhomx għalfejn jikkonformaw mar-rekwiżit tal-proposta tal-Kummissjoni dwar in-nisa fil-bordijiet tal-kumpaniji[11], li jirrikjedu li l-kumpaniji li jkollhom inqas minn 40% tad-diretturi mhux eżekuttivi li japplikaw proċeduri tal-għażla trasparenti bbażati fuq kriterji ta' selezzjoni newtrali sabiex jitilgħu għal 40% sal-1 ta' Jannar 2020.

Il-valutazzjonijiet tal-impatt urew ukoll li mhuwiex dejjem possibbli li teżenta l-mikrointrapriżi. Pereżempju, dawn ma jistgħux ikunu esklużi meta hemm evidenza ċara li jekk teskludihom ikun ifisser li r-regolament ma jkunx jista’ jilħaq l-għanijiet tiegħu bħal pereżempju biex jipproteġi lill-ħaddiema jew il-konsumaturi. Ma jistgħux jiġu eżentati minn rekwiżiti tat-Trattat tal-UE li jipproteġu pereżempju d-drittijiet fundamentali. Finalment, ma jistgħux jiġu eżentati fejn il-leġiżlazzjoni speċifikament timmira lejn kumpaniji żgħar bħal "letterbox companies"[12] li jduru mal-liġi eż. il-liġi dwar is-servizzi u l-kompetizzjoni. Għall-każijiet bħal dawn fejn il-mikro kumpaniji ma jkunux jistgħu jiġu esklużi mill-proposti leġiżlattivi, l-analiżi u r-raġunijiet ikunu jridu jiġu spjegati fl-IA.

Limiti għal eżenzjonijiet possibbli:

- Meta kienet qed tiġi indirizzata l-problema li l-istandards minimi tal-UE għall-protezzjoni tal-ħaddiema qed jiġu evitati permezz ta “letterbox companies”[13] fil-kuntest tad-Direttiva dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema, kien ċar li l-mikrointrapriżi ma setgħux jiġu esklużi. Dan għaliex tali “letterbox companies” huma, kważi b’definizzjoni, mikrointrapriżi u l-esklużjoni tagħhom iddgħajjef l-għan ewlieni tal-miżura: it-twaqqif ta’ prattiċi kummercjali ingusti u trattament inġust tal-impjegati. 

- Fil-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament ġdid dwar prekursuri tad-droga, kienet impossibbli ssir esklużjoni ġenerali tal-mikrointrapriżi minħabba li din kieku kienet toħloq rotta faċli li timmina l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni. It-traffikanti jistgħu jistabbilixxu ruħhom bħala mikroentitajiet biex jevadu l-kontroll mill-awtoritajiet. Fl-istess ħin, il-qafas regolatorju eżistenti diġà jakkomoda l-ħtiġijiet partikolari tal-mikrointrapriżi għaliex il-limiti eżistenti jippermettu lil kumpaniji b’bejgħ jew xiri ta’ prekursuri tad-droga taħt ċerti kwantitajiet ikunu esklużi mill-biċċa l-kbira tal-obbligi.

3. Enfasi fuq reġimi eħfef għall-SMEs

Meta l-eżenzjonijiet mhumiex possibbli, isiru sforzi sabiex jitfasslu proposti regolatorji għall-SMEs, pereżempju; permezz tal-introduzzjoni ta' għadd ta' rekwiżiti eħfef għal negozji iżgħar, miżati mnaqqsa, eċċ[14].

Eżempji ta’ reġimi eħfef għall-SMEs li dan l-aħħar ġew adottati mil-leġiżlatur tal-UE u jkunu daħlu fis-seħħ reċentement jew huma fil-proċess li jiġu implimentati mill-Istati Membri:

- L-SMEs huma mħeġġa, iżda mhux obbligati, biex iwettqu awditi tal-enerġija skont id-Direttiva l-ġdida dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE. L-Istati Membri jistgħu jwaqqfu skemi ta’ sostenn għall-SMEs, inkluż jekk ikunu kkonkludew ftehimiet volontarji, biex ikopru kemm l-ispejjeż tal-awditi tal-enerġija kif ukoll l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ awditi kosteffettivi ferm.

- Il-mikrointrapriżi issa jistgħu jagħżlu modi aktar sempiċi biex juru li kwalunkwe prodott ta’ kostruzzjoni ta’darba li jpoġġu fis-suq jissodisfa l-istandards applikabbli tal-prodotti skont ir-Regolament 305/2011.

Eżempji ta’ reġimi eħfef għall-SMEs li ġew proposti mill-Kummissjoni u issa jinsabu fil-proċedura leġiżlattiva tal-UE:

- Il-Kummissjoni għamlet proposti biex jagħmluha aktar faċli għall-SMEs biex jipparteċipaw fl-akkwist pubbliku. Offerenti għal offerti pubbliċi jistgħu jipprovdu awtodikjarazzjonijiet, minflok dokumenti jew ċertifikati oriġinali, li juru li huma jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà. Hu biss ir-rebbieħ li se jintalab jipprovdi d-dokumenti oriġinali. Se ninkoraġixxu li l-offerti jiqasmu f'biċċiet iżgħar. Flimkien ma’ użu akbar tal-akkwist elettroniku, dawn ir-regoli modernizzati tad-Direttiva proposta tal-Akkwist Pubbliku[15] se jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-SMEs f'kuntratti li jiswew madwar 18% tal-PDG tal-UE.

Barra minn hekk, xi leġiżlazzjoni tal-UE tħalli f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk iridux jintroduċu reġimi eħfef għall-SMEs (pereżempju fl-oqsma tal-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-ħaddiema[16], l-iġjene tal-ikel[17], l-iskart[18], u l-kontijiet annwali[19].

4. Tabella ta’ Valutazzjoni tal-SMEs

Il-Kummissjoni qed tippubblika tabella annwali ta’ valutazzjoni[20] li tkopri inizjattivi regolatorji li mistennija li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-SMEs. Din it-tabella ta’ valutazzjoni tippermetti lill-partijiet interessati kollha, inkluż in-netwerk nazzjonali tal-Mibgħuta tal-SMEs, jidentifikaw fejn u kif qed isir progress fil-leġiżlazzjoni relevanti għall-SMEs fil-livell tal-UE. Tippermetti li jkun rintraċċat il-progress taċ-ċiklu leġiżlattiv minn proposta tal-Kummissjoni sal-implimentazzjoni fl-Istati Membri. Tidentifika l-kwistjonijiet ewlenin involuti u tindika l-pożizzjonijiet meħuda fuqhom tul iċ-ċiklu leġiżlattiv, u jingħata sinjal jekk għandux jiżdied jew jitnaqqas il-piż regolatorju fl-istadji varji mill-adozzjoni tal-Kummissjoni sal-implimentazzjoni. Ir-rintraċċar tal-implimentazzjoni fl-Istati Membri se jippermetti li r-riżultat fil-livell li jaffettwa direttament in-negozju jkun ivvalutat fid-dawl tal-aħjar prattika[21].. Se jindika kif approċċi differenti tal-implimentazzjoni jaffettwaw ir-riżultati kumplessivi.

L-atti legali prinċipali u l-proposti leġiżlattivi li t-tabella ta' valutazzjoni timmonitorja mill-qrib kienu stabbiliti fir-rapport “Imminimizzar tal-Piżijiet regolatorji għall-SMEs – Nadattaw Regolament tal-UE għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi” ta' Novembru 2011[22]. Mit-13-il inizjattiva elenkati, il-Kummissjoni adottat 3 proposti[23] li jidhru fit-tabella ta’ valutazzjoni ta' din is-sena. It-tabella ta’ valutazzjoni tirrapporta wkoll dwar inizjattivi oħra li kienu identifikati fl-2012 bħala li għandhom impatt sinifikanti fuq l-SMEs.

5. L-appoġġ u l-konsultazzjoni tal-SMEs

5.1       Konsultazzjoni mal-SMEs – Aspetti ġenerali

L-SMEs u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom huma interessati li jkunu jafu liema inizjattivi regolatorji ġodda qed tikkunsidra l-Kummissjoni, x’impatt jista' jkollhom u meta jistgħu jressqu l-opinjonijiet tagħhom fil-proċess preparatorju. Huma laqgħu tajjeb il-pubblikazzjoni tal-pjanijiet direzzjonali u ħafna SMEs talbu li jkunu infurmati aktar kmieni dwar il-konsultazzjonijiet futuri. Il-Kummissjoni qiegħda taġġorna l-istandards tagħha ta' konsultazzjoni u tipprevedi l-pubblikazzjoni ta' kalendarju kontinwu ta' konsultazzjonijiet ippjanati fuq il-website “Il-Vuċi tiegħek fl-Ewropa”. Stabbiliet ukoll mekkaniżmu ta’ twissija taħt ir-Reġistru għat-Trasparenza biex tinforma lill-partijiet interessati dwar il-pjanijiet u l-konsultazzjonijiet futuri.

L-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar stabbilixxa wkoll mekkaniżmi qawwija ta’ governanza bbażati fuq il-kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u l-partijiet interessati fl-SMEs. L-implimentazzjoni tal-SBA issa hija appoġġjata mill-Mibgħuta tal-SMEs, netwerk ta' rappreżentanti ta' livell għoli minn Stati Membri.  In-nomina ta’ punt ta’ kuntatt uniku għal kull kwistjoni marbuta mal-SBA fl-Istati Membri saħħet l-applikazzjoni tal-prinċipji tiegħu u tippermetti lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki. Sabiex jiġu involuti l-partijiet interessati direttament, rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tan-negozju tal-SMEs fil-livell Ewropew jipparteċipaw bħala osservaturi fil-laqgħat tan-netwerk. Dawn l-attivitajiet jimmiraw li jiżguraw li t-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji ikun prijorità fl-Istati Membri permezz ta' titjib tal-iskambju tal-aħjar prattiki. Pereżempju, in-Netwerk kien strumentali biex jitnaqqas iż-żmien li jieħu buiex jitwaqqaf negozju fl-Ewropa[24]. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li l-ħatra tal-Mibgħut tal-SMEs u l-implimentazzjoni tat-Test tal-SMEs mill-Istati Membri jiġu introdotti bħala kriterji għall-Istati Membri biex jirċievu appoġġ relatat mal-SMEs mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali[25].

Issa qed isiru wkoll laqgħat annwali regolari bejn l-assoċjazzjonijiet tal-SMEs u l-Kummissjoni biex jidentifikaw u jimmonitorjaw inizjattivi prijoritarji rilevanti tal-SMEs fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni (ara l-Anness II fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal anness ma’ din il-Komunikazzjoni) għall-impatt fuq l-SMEs.  Il-Kummissjoni qed tuża l-Enterprise Europe Network (EEN) biex tikkonsulta l-SMEs, inklużi l-mikrointrapriżi, direttament fuq leġiżlazzjoni futura (konsultazzjoni “SME Panel”) u biex jinġabru r-reazzjonijiet tagħhom fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE (bażi tad-dejta “SME feedback”). L-organizzazzjonijiet tan-negozju u l-Istati Membri laqgħu tajjeb dawn l-iżviluppi bħala importanti għall-politika tal-SMEs.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat konferenzi mal-SMEs mill-Ġermanja, l-Olanda, l-Isvezja, ir-Renju Unit, il-Polonja u l-Italja fl-2012. Dawn il-konferenzi ppermettew lill-intraprendituri mill-SMEs iqajmu t-tħassib tagħhom, f'oqsma differenti bħal-liġi tax-xogħol, ir-regolamentazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti u l-proċess tat-twaqqif ta' standards għall-prodotti Ewropej li jikkonferma l-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti regolatorji, is-saħħa u s-sikurezza, l-ambjent, il-VAT u l-iġjene tal-ikel u t-tikkettar. Il-konferenzi ppermettew ukoll diksussjoni wkoll wiċċ imbwiċċ u l-iskambju ta' informazzjoni u pożizzjonijiet fid-dettall. L-informazzjoni miġbura qiegħda wkoll tidħol fl-eżerċizzju ta’ mmappjar u pprogrammar REFIT.

Il-Kummissjoni qiegħda wkoll tikkonsulta regolarment ma’ organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tal-SMEs permezz ta' konsultazzjonijiet tas-sħab soċjali tal-UE u permezz tal-ħidma ta' Kumitati Ewropej għad-djalogu soċjali. L-assoċjazzjonijiet tal-SMEs ilhom jikkontribwixxu b'mod attiv għad-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma tas-sħab soċjali Ewropej 2012-2014[26].

Fl-aħħarnett, id-dimensjoni tal-SMEs saret punt fokali tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Piżijiet Amministrattivi (HLGAB), grupp espert maħluq fl-2007 biex jagħti parir lill-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-Kummissjoni reċentement estendiet il-mandat tal-Grupp sa Ottubru 2014[27]. Il-Grupp se jagħti pariri dwar miżuri regolatorji tal-UE adottati mill-Parlament u l-Kunsill taħt il-programm tat-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u jeżamina kif is-27 Stat Membru jimplimentaw dawn il-miżuri.  L-SMEs se jkunu kkonsultati dwar sa fejn il-miżuri li ttieħdu għamlu differenza reali għalihom. Dan ix-xogħol se jiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar il-modi differenti tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u se jikkontribwixxi biex wieħed jifhem aħjar l-impatt finali tal-miżuri adottati.

5.2       Konsultazzjoni "TOP10"  

F’konsultazzjoni miftuħa bbazżata fuq l-internet madwar l-UE minn Ottubru sa Diċembru 2012, il-Kummissjoni stiednet lilll-SMEs u lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom biex jidentifikaw għaxar oqsma jew biċċiet ta' leġiżlazzjoni tal-UE li huma kkunsidrati li huma l-aktar ta’ piż. Dawn setgħu jagħżlu minn lista mhux eżawrjenti jew idaħħlu affarijiet oħra liberament.  Huma ma ntalbux jiġġustifikaw jew jispjegaw l-għażla tagħhom, għalkemm uħud għażlu li jagħmlu hekk. Lanqas ma ntalbu biex jidentifikaw preċiżament jekk il-piż kienx ġej mil-liġi tal-UE jew dik nazzjonali. Il-konsultazzjoni ppermettiet lill-SMEs iwasslu t-tħassib tagħhom direttament lill-Kummissjoni.

Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma' din il-Komunikazzjoni jiġbor fil-qosor ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni. Is-sett sħiħ tat-tweġibiet qed jiġi vvalutat u se jiġu ddettati azzjonijiet ta' segwitu bħala parti mill-Programm tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (ara it-Taqsima 6 hawn isfel)[28].

Il-konsultazzjoni TOP 10 ipproduċiet total ta' 1000 tweġba[29] inkluż minn SMEs individwali (aktar minn 600 tweġiba minn SMEs ibbażati fl-UE, 40% minnhom kienu mikrointrapriżi) u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tal-SMEs fil-livelli differenti fl-UE (kważi 150 tweġiba). Waslu reazzjonijiet minn kważi l-Istati Membri kollha tal-UE (b'aktar minn nofs ir-risposti minn SMEs individwali fi 3 Stati Membri – BE, DE u IT), u wkoll minn xi pajjiżi li mhumiex fl-UE, prinċipalment t-Turkija.

Kemm l-oqsma tal-politika u l-biċċiet ta' leġiżlazzjoni tal-UE li kienu tqajmu mill-ogħla għadd ta’ SMEs individwali u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs huma elenkati fl-Anness III (ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal anness ma' din il-Komunikazzjoni).

REACH (Reġistrazzjoni, Evalwazzjoni, Awtorizzazzjoni u Restrizzjoni tal-Kimiċi – ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006) kienet il-mżura tal-UE l-aktar ikkwotata ta' spiss kemm mill-SMEs individwali kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw l-interessi tagħhom. Iż-żewġ tipi ta' dawk li wieġbu identifikaw ukoll: il-leġiżlazzjoni dwar il-VAT[30], id-Direttiva dwar is-Sigurtà Ġenerali tal-Prodotti (id-Direttiva 2001/95/KE), id-Direttiva dwar ir-Rikonoxximent tal-Kwalifiki Professjonali (Direttiva 2005/36/KE) u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Dejta (Direttiva 95/46/KE). Għalkemm huma jidentifikaw miżuri leġiżlattivi speċifiċi differenti, iż-żewġ kategoriji tar-rispondenti identifikaw leġiżlazzjoni relatata mal-iskart[31] u leġiżlazzjoni relatata mas-suq tax-xogħol[32]. Il-leġiżlazzjoni dwar tagħmir fit-trasport tat-triq għal perjodi ta’ sewqan u ta' serħan (ir-Regolament (KEE) Nru 3821/85); proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (id-Direttiva 2004/18/KE), u l-Kodiċi Doganali Modernizzat (Regolament (KE) Nru 450/2008) kienu wkoll immarkati fit-TOP 10.

6. Tweġiba għall-Konsultazzjonijiet tal-SMEs

Il-Kummissjoni tqis ir-riżultati ta’ konsultazzjoni, bħala sinjali importanti tat-tħassib tal-SMEs. Se tkompli taħdem fuq dawn il-konsultazzjonijiet f’diversi modi.

L-ewwel nett, ix-xogħol diġà għaddej fuq diversi leġiżlazzjonijiet identifikati fil-konsultazzjoni: TOP 10.

- Ir-reġistrazzjoni, l-evalwazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH) – Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006: Fl-2012 saret reviżjoni u ġiet adottata kmieni fl-2013. Din kienet sostnuta minn diversi studji tematiċi b’kontribut minn aktar minn 1600 kumpanija. L-analiżi tikkonkludi li r-REACH taħdem tajjeb u tissodisfa l-objettivi kollha li jistgħu jiġu vvalutati fil-preżent[33]. Madankollu, tiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt li l-SMEs kellhom jerfgħu sehem sproporzjonat mill-piż biex jinkiseb ir-riżultat, u li din il-kwistjoni għandha tiġi indirizzata peress li l-fażi li jmiss tar-reġistrazzjoni tas-sustanzi sal-2018 se tinvolvi ħafna aktar SMEs. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni tikkonkludi li ma tipproponix tibdiliet għad-dħul fis-seħħ tat-termini ta’ REACH iżda tagħmel rakkomandazzjonijiet speċifiċi sabiex jitnaqqas l-impatt tar-Regolament fuq l-SMEs. Madankollu ta’ min wieħed jinnota li fil-kuntest tal-emendi għar-Regolament (KE) Nru 340/2008 qed tiġi kkunsidrata proposta li jinbidlu l-livelli tal-miżati li għandhom jitħallsu lill-Aġenzija Ewropea tas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) skont id-daqs tal-kumpanija.

- Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) – id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE: Il-Kummissjoni nediet Komunikazzjoni[34] li timmira lejn sistema tal-VAT aktar sempliċi, aktar robusta u effiċjenti imfassla apposta għas-suq uniku.. Fl-2012, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri bl-għan li jwitti t-triq għall-introduzzjoni ta’ Punt Uniku ta’ Servizz żgħir fl-2015 sabiex it-tassazzjoni tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, ix-xandir u s-servizzi elettroniċi tkun aktar faċli għall-SMEs billi tippermetti lil min jipprovdi s-servizz jikkonforma mal-obbligi tiegħu madwar l-UE kollha kemm hi billi jippreżenta riton u ħlas uniku tal-VAT fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit. Il-Kummissjoni se tinsisti għal twessigħ ta’ dan il-Punt Uniku ta’ Servizz. Titjib reċenti huwa li minn Jannar tal-2013, il-leġiżlazzjoni[35] tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw skema fakultattiva li biha negozji b’fatturat annwali ta' inqas minn EUR 2 000 000 jistgħu jdewmu l-ħlas tal-VAT lill-awtorità relevanti tat-taxxa sa ma jkunu attwalment irċevew il-ħlas min-naħa tal-klijenti tagħhom ("kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet"). Il-Kummissjoni imbuttat ukoll titjib fid-Direttiva tar-Rifużjonijiet sabiex tiżgura li din taħdem kif maħsub u tippermetti preżentazzjoni elettronika aktar faċli tat-talbiet għall-ħlas lura tal-VAT.

- Id-Direttiva 2001/95/EC dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti (GPSD): Bħala parti mill-"Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq” adottat fit-13 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevoka id-Direttiva 2001/95/KE u d-Direttiva 87/357/KEE dwar prodotti li jixbhu l-ikel u tissostitwihom b'Regolament dwar is-Sikurezza tal-Prodotti tal-Konsumatur. Minħabba s-suġġett u l-objettiv tar-Regolament propost, l-SMEs ma jistgħux jiġu eżentati mir-rekwiżiti tiegħu għaliex ir-regoli li jimmiraw lejn il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà tal-persuni għandhom japplikaw irrispettivament mid-daqs tal-operatur ekonomiku. Madankollu, il-pakkett fih indikazzjonijiet ċari tal-importanza li l-Kummissjoni tagħti għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar u tipprovdi l-gwida u l-assistenza li jkollhom bżonn biex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-regoli.

- Proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi - id-Direttiva 2004/18/KE: Il-Kummissjoni pproponiet Direttiva ġdida tax-Akkwisti Pubbliċi[36] fl-2011 li għadha qed tiġi diskussa fil-proċedura leġiżlattiva tal-UE fil-Parlament u l-Kunsill. Din tista’ tiffaċilita l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kuntratti minħabba simplifikazzjoni sinifikanti introdotti fil-proċeduri, inklużi awtodikjarazzjonijiet u l-inkoraġġiment lottijiet iżgħar.

- Miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol – id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE: Il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni politika komprensiva fl-2012 biex jiġu vvalutati r-relevanza, l-effettività u l-koerenza tad-Direttiva ewlenija u aktar minn 20 Direttiva sekondarji. Ir-riżultati huma mistennija fl-2015.

- Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart: Fl-2013, il-Kummissjoni se tibda reviżjoni komprensiva tal-Politika tal-UE dwar l-iskart u leġiżlazzjoni li tkopri miri ewlenin fid-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, id-Direttiva dwar il-Miżbliet u l-Imballaġġ u d-Direttiva dwar l-Iskart mill-Imballaġġ, evalwazzjoni ex-post ("kontroll tal-idoneità") ta' ħames direttivi li jittrattaw flussi ta’ skart separat u valutazzjoni ta' kif il-problema tal-iskart tal-plastik tista’ tiġi ttrattata aħjar.

- Id-Direttiva tal-Ħin tax-Xogħol – Id-Direttiva 2003/88: Il-Kummissjoni wettqet reviżjoni komprensiva ta' din id-Direttiva fl-2010, li fuq il-bażi tagħha, kkonkludiet li reviżjoni kienet neċessarja. Is-sħab soċjali Ewropej wieġbu għall-konsultazzjoni billi ftiehmu li jinnegozjaw dwar it-termini ta' reviżjoni bħal din. Madankollu, is-sħab soċjali reċentement ikkomunikaw li tali negozjati ġew sospiżi mingħajr ftehim. Il-Kummissjoni bħalissa qed teżamina kif se tipproċedi.

- It-tagħmir tal-irreġistrar tat-trasport tat-triq għal perjodi ta’  sewqan u ta' mistrieħ – Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85: Fl-2011, il-Kummissjoni pproponiet Regolament ġdid[37] li għadu qed jiġi diskuss fil-Parlament u l-Kunsill. L-SMEs jibbenefikaw għax ċerti tipi ta' vetturi misjuqa f’raġġ ta’ inqas minn 100 km mill-bażi l-impriża tagħhom ma jkollhomx bżonn li jinstallaw takografu.

- Ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – id-Direttiva 2005/36/KE: Fl-2011 il-Kummissjoni pproponiet Direttiva ġdida[38] li timmodernizza d-direttiva attwali. Għadha qed tiġi diskussa fil-Parlament u l-Kunsill. Se tgħin lill-SMEs għax tiffaċilita l-mobilità tal-ħaddiema billi, fost miżuri oħra, tintroduċi kard professjonali Ewropea. Il-kard tagħmilha aktar faċli u veloċi għall-awtoritajiet tal-Istati Membri li jirregolaw dawk l-attivitajiet biex ilestu l-proċessi formali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki tal-professjonisti miksuba fi Stati Membri oħra. Is-suċċess u l-iskedar tar-reklutaġġi individwali jista' jkollu impatt proporzjonalment akbar għall-operaturi żgħar.

It-tieni nett, ir-riżultati se jiġu kkunsidrati fl-ippjanar tal-leġiżlazzjoni tal-UE li qed isir skont il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni Regolatorja (REFIT)[39]. Ir-REFIT tinvolvi bħala l-ewwel pass l-immappjar ta’ oqsma leġiżlattivi u ta’ politika biex jiġu identifikati kwalunkwe piżijiet eċċessivi, inkonsistenzi, lakuni, miżuri ineffettivi u effetti kumulattivi sabiex jippermettu li l-benefiċċji jinkisbu bl-aktar mod effettiv. Se tingħata attenzjoni lill-piż regolatorju possibbli li jirriżulta mill-mod kif il-leġiżlazzjoni tal-UE hija implimentata fuq livell nazzjonali u sub-nazzjonali. Se tqis l-karatteristiċi speċifiċi tal-SMEs u l-importanza ta' stabbiltà regolatorja kif espressa f' ħafna konsultazzjonijiet tal-SMEs.

F'xi każijiet, ir-riżultati tal-immappjar se jagħmluha possibbli li jitħabbar li proposta biex tiġi riveduta l-leġiżlazzjoni tista’ titnieda malajr għaliex ikun hemm evidenza ċara tal-ħtieġa ta’ tnaqqis/simplifikazzjoni tal-kostijiet regolatorji. F'każijiet oħra, jista’ jkun hemm bżonn evalwazzjoni dettaljata minħabba li jkun hemm potenzjal ġenerali għas-simplifikazzjoni tar-regoli u t-tnaqqis tal-piż regolatorju, iżda jkun hemm bżonn ta’ aktar valutazzjoni.  Terġa' f'oħrajn jista' ma jkun hemm bżonn l-ebda azzjoni ta' segwitu eż. fejn il-leġiżlazzjoni/oqsma tal-leġiżlazzjoni jkunu meqjusa bħala kosteffettivi jew fejn ikun kmieni wisq biex wieħed jivvalura r-riżultati/l-kosteffettività tagħhom.

Ir-REFIT se tiżgura wkoll il-koordinazzjoni u l-prijoritizzazzjoni tal-iskrining tal-acquis leġiżlattiv tal-UE li beda fl-2011 biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-prinċipju '"Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" u biex jiġu identifikati eżenzjonijiet possibbli ulterjuri jew tnaqqis tal-piż għall-SMEs, b' mod partikolari l-mikrointrapriżi.

Il-pjanijiet pluriennali tar-REFIT se jiġu ppubblikati u l-partijiet interessati u partijiet interessati oħra se jkunu jistgħu jikkummentaw. Din għalhekk se jippermetti lill-partijiet interessati, inklużi l-SMEs u l-mikroimpriżi jifhmu aħjar u jikkontribwixxu aktar għax-xogħol il-Kummissjoni.

L-immappjar tar-REFIT u l-ippjanar pluriennali se jieħdu kont tax-xogħol li l-Kummissjoni diġà hi impenjata lejh, jew minħabba r-rekwiżiti legali fil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE għal studji, evalwazzjonijiet jew rapporti, jew bħala riżultat tal-iprogrammar eżistenti ta’ evalwazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni hija impenjata b'mod aktar ġenerali biex tevalwa regolarment jekk il-leġiżlazzjoni tal-UE tkunx laħqet l-objettivi tagħha, u jekk ikunx hemm modi aktar sempliċi u orħos biex wieħed jieħu l-istess benefiċċji, u jilħaq l-istess riżultati[40]. Se teżamina wkoll jekk l-SMEs isibux biċċa leġiżlazzjoni faċli li jifhmuha u jimplimentawha u x’jista’ jkun hemm bżonn li jittejjeb. Meta jiġi identifkat il-potenzjal għal reġimi eħfef f'dawn l-evalwazzjonijiet, dan jista' jiskatta reviżjoni lejn leġiżlazzjoni aktar faċli għall-SMEs, filwaqt li jiġu rispettati l-obbligi ta’ konsultazzjoni bbażati fuq it-Trattat f’oqsma speċifiċi ta’ politika filwaqt li jiġu kkunsidrati kif unhu xieraq il-fehmiet ta' partijiet interessati relevanti oħra.

 

7. Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tkompli tagħti attenzjoni mill-qrib lill-SMEs fil-politika tagħha għall-iżvilupp u r-reviżjoni. Il-Programm REFIT se jiġi implimentat progressivament mar-riżultati, inkluża t-tabella ta’ valutazzjoni tal-SMEs ippubblikata annwalment u miftuħa għall-kummenti tal-partijiet interessati. Konsultazzjonijiet u djalogu bejn l-SMEs u l-Kummissjoni se jiġu mtejba aktar permezz tar-rappreżentanti tal-SMEs, użu akbar tan-Netwerk Enterprise Europe u l-konferenzi tal-SMEs, kif ukoll fil-kuntest ta’ konsultazzjonijiet tas-sħab soċjali. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ aktar il-modi li bihom tikseb id-dejta u l-opinjonijiet mill-SMEs meta tirrivedi l-linji gwida tagħha dwar l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tal-impatt fl-2013 u fl-2014 rispettivament. Din il-ħidma analitika teħtieġ bażi ta’ evidenza tajba u dejta statistika biex jitqiesu għal kollox l-impatti fuq l-SMEs.

Il-mekkaniżmi ta’ governanza u konsultazzjoni taħt l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar għall-Ewropa se jkollhom rwol ewlieni fil-ħidma biex jitnaqqas il-piż regolatorju għall-SMEs u biex jiġi żgurat ambjent wiesa’ ta’ konsultazzjoni u l-involviment tal-partijiet interessati tal-SMEs, inklużi l-Istati Membri.  In-Netwerk tal-Mibgħuta nazzjonali tal-SMEs se jkompli jikkontribwixxi b’mod sinifikanti biex il-monitoraġġ tal-programm ta' ħidma tal-Kummissjoni għall-impatt fuq l-SMEs u biex jiżgura li t-tnaqqis tal-piżijiet regolatorji ikun prijorità fl-Istati Membri permezz tal-iskambju mtejjeb tal-aħjar prattiki. . Se jkomplu l-laqgħat regolari mal-assoċjazzjonijiet tal-SMEs biex tiġi ssoerveljata mill-qrib l-applikazzjoni tal-prinċipju "Aħseb l-Ewwel fiż-Żgħir" fl-inizjattivi li jmiss li l-Kummissjoni identifikat bħala prijoritajiet. Il-Kummissjoni se tkompli ssaħħaħ in-Netwerk Enterprise Europe (EEN) biex issaħħaħ il-kapaċità tiegħu li ipprovdi spjegazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jikseb l-opinjonijiet tal-SMEs dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE permezz ta’ bordijiet tal-SMEs.

Il-kunsiderazzjoni tad-dimensjoni tal-SMEs hija missjoni kondiviża.  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna biex mhux biss jiżguraw li l-SMEs jirċievu l-benefċċju tal-leġiżlazzjoni tal-UE iżda wkoll li l-ebda piżijiet mhux meħtieġa fuq l-SMEs ma jkunu miżjuda fil-proċess leġiżlattiv tal-UE. L-Istati Membri huma mistiedna jużaw l-opportunitajiet eżistenti fil-leġiżlazzjoni tal-UE biex jitnaqqas kwalunkwe piż fuq l-SMEs.

__________________________________________________

Dokument ta' Ħidma tas-Servizzi tal-Kummissjoni

Tabella ta’ Valutazzjoni tal-SMEs

Il-fajls ta’ prijorità tal-SMEs fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2013

Ir-riżultati tal-konsultazzjoni Top 10

[1] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/facts-figures-analysis/performance-review/files/supporting-documents/2012/do-smes-create-more-and-better-jobs_en.pdf

[2] COM(2008) 394 final, paġna 7

[3] Rapport tal-Kummissjoni — L-imminimizzar tal-piż regolatorju għall-SMEs — L-adattament tar-regolamentazzjoni tal-UE għall-ħtiġijiet tal-mikrointrapriżi (COM(2011) 803).

[4] COM (2012) 582 finali – Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Industrija Ewropea aktar b’Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku

[5] COM(2012) 746 final  http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/documents/com_2013_en.pdf

[6] Fil-qasam tal-politika soċjali, pereżempju, It-Trattat jagħmel il-konsultazzjoni tas-sħab soċjali obbligatorja qabel il-Kummissjoni tista' tressaq proposti.

[7] Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE), ĠU L 197/38, 24.7.2012.

[8] Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jemenda r-Regolament (KE) Nru 443/2009 li tiddefinixxi l-modalitajiet għall-issodisfar tal-mira għall-2020 biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi ġodda tal-passiġġieri, COM (2012) 393

[9] Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM (2011) 451

[10] COM (2012) 11.

[11] Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati 14.11 2012 COM (2012) 614 final.

[12] “Letterbox companies" huma kumpaniji li ġew imwaqqfa bl-iskop li jibbenefikaw minn lakuni leġiżlattivi filwaqt li huma sterss ma jkunux qed jipprovdu xi servizz lill-klijenti, iżda minflok jipprovdu faċċata għas-servizzi pprovduti mis-sidien tagħhom.  Dawn il-kumpaniji normalment ikunu żgħar ħafna u spiss ikollhom biss kaxxa tal-ittri, għalhekk jisimhom hekk

[13] Kumpaniji li huma formalment stabbiliti fi Stat Membru partikolari li ma jkunx marbut mal-operazzjonijiet tagħhom bħala mezz biex jevita ir-regolamentazzjoni ta' Stat Membru ieħor.

[14] COM (2011) 803, paġna 6

[15] COM (2011) 896.

[16] Id-Direttiva 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2002 li jitwaqqaf qafas ġenerali għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-impjegati.

[17] Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel Ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel; Ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 li jistabbilixxi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali; Ir-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistipola regoli speċifiċi dwar l-organizzazzjoni tal-kontrolli uffiċjali ta' prodotti dderivati mill-annimali u maħsuba għall-konsum mill-bniedem.

[18] Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart

[19] Id-Direttiva 2012/6/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 14 ta' Marzu 2012 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE dwar il-kontijiet annwali ta' ċerti tipi ta' kumpaniji fir-rigward ta' mikroentitajiet

[20] Ara d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni mehmuż ma’ din il-Komunikazzjoni

[21] http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/best_practice_report/best_practice_report_en.htm

[22] Ara l-Anness II tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM (2011) 803.

[23] Proposta għal Direttiva riveduta dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali (COM (2011) 11) u proposta għal Direttiva riveduta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku (COM (2011) 896). Il-proposta għal Direttiva riveduta dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku diġà wasslet għal Direttiva riveduta 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE).

[24] http://ec.europa.eu/enterprise/policies/sme/business-environment/start-up-procedures/progress- 2011/index_en.htm

[25] COM(2011) 615 finali/2.

[26] http://www.ueapme.com/IMG/pdf/EUSD_work_prog_2012-2014.pdf

[27] http://ec.europa.eu/dgs/secretariat_general/admin_burden/ind_stakeholders/ind_stakeholders_en.htm

[28] COM(2012) 746 final  http://ec.europa.eu/governance/better_regulation/documents/com_2013_en.pdf

[29] Ir-riżultati kollha tal-konsultazzjoni ġew ippubblikati fuq il-websajt Your Voice in Europe.

[30] Sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud - id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor - Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE

[31] Vjeġġi bil-baħar ta' skart - Regolament (KE) Nru 1013/2006, id-Direttiva qafas dwar l-Iskart - Direttiva 2008/98, u l-Lista tal-iskart - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE.

[32] Miżuri li jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol - id-Direttiva 89/391/KEE; id-Direttiva dwar l-impjieg ta’ ħaddiema - Direttiva 96/71/KE;  u d-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol - Direttiva 2003/88/KE kollha ssemmew fit-tweġibiet għall-konsultazzjoni. F’termini ta’ klassifikazzjoni minn SMEs individwali u mill-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-SMEs, id-Direttiva 89/381/KE ġiet ikklassifikata fis-sitt pożizzjoni u fit-tielet pożizzjoni rispettivament; id-Direttiva 96/71 ġiet ikklassifikata fid-dsatax-il pożizzjoni u fit-tmien pożizzjoni rispettivament u d-Direttiva 2003/88/KE ġiet ikklassifikata fil-ħames u fis-seba’ pożizzjoni rispettivament.

[33] COM (2013) 49.

[34] COM (2011) 851.

[35] Id-Direttiva 2010/45/KE

[36] COM (2011) 896.

[37] COM (2011) 451.

[38] COM (2011) 883 final

[40] COM (2012)746. Ara t-Taqsima 7 hawn taħt

Top