This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013DC0114
REPORT FROM THE COMMISSION TO THE COUNCIL AND THE EUROPEAN PARLIAMENT Towards implementing harmonised public sector accounting standards in Member States The suitability of IPSAS for the Member States
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri
/* COM/2013/0114 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati Membri /* COM/2013/0114 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U
LILL-PARLAMENT EWROPEW Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards
tal-kontabilità għas-settur pubbliku armonizzati fl-Istati Membri L-adegwatezza tal-IPSAS għall-Istati
Membri 1. Sfond legali u kuntest Dan ir-rapport jissodisfa l-obbligu
tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 16(3) tad-Direttiva tal-Kunsill
2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa
baġitarji tal-Istati Membri[1],
biex tivvaluta l-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità għas-Settur
Pubbliku (IPSAS) għall-Istati Membri sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Huwa bbażat fuq tagħrif li jkun wasal permezz ta' konsultazzjoni mas-servizzi
tal-Kummissjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-IMF, prattikanti
esperti u partijiet interessati oħra fl-Istati Membri u lil hinn minnhom, kif
ukoll il-Bord tal-IPSAS, li jissettja l-istandards tagħhom. Il-kriżi tad-dejn sovran enfasizzat il-ħtieġa
li l-gvernijiet juru biċ-ċar l-istabilità finanzjarja tagħhom u l-ħtieġa ta’
rappurtar ta’ dejta fiskali b'mod aktar rigoruż u trasparenti. Id-Direttiva
tal-Kunsill 2011/85/UE (id-Direttiva tal-Oqfsa Baġitarji ) tirrikonoxxi r-rwol
kruċjali tas-sorveljanza baġitarja tal-UE għal dejta fiskali sħiħa u
affidabbli, li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha. Għalhekk tistabbilixxi
r-regoli dwar l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri li huma meħtieġa biex tkun
żgurata l-konformità mal-obbligu tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni
Ewropea (TFUE) skont l-Artikolu 126 sabiex jiġu evitati żbilanċi pubbliċi
eċċessivi. Fuq naħa waħda, id-dixxiplina fiskali għandha rwol essenzjali
fis-salvagwardja tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja, u min-naħa l-oħra,
l-istabilità finanzjarja hija bbażata fuq il-fiduċja. Dan ir-rapport jiddiskuti
waħda mill-għodod utli fil-bini ta' din il-fiduċja u fil-kejl u t-tbassir aħjar
tas-sitwazzjoni fiskali: standards ta’ kontabilità tas-settur pubbliku
armonizzati u bbażati fuq id-dovuti. L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/85/UE
jitlob li l-Istati Membri "għandu jkollhom stabbiliti sistemi ta’
kontabilità pubblika li komprensivament u konsistentement ikopru s-sottosetturi
kollha tal-aministrazzjoni pubblika u jkollhom fihom l- informazzjoni meħtieġa
biex biex tiġi ġġenerata data bbażata fuq id-dovuti bl-għan li titħejja data
bbażata fuq l-istandard tal-ESA 95"[2].
Għaldaqstant, dan jagħraf l-inkoerenza essenzjali bejn il-kontijiet tas-settur
pubbliku, li jirreġistraw biss il-flussi tal-flus, u l-fatt li s-sorveljanza
baġitarja tal-UE hija bbażata fuq id-dejta tad-dovuti tal-ESA 95. Dan
ifisser li d-dejta dwar il-likwidità trid tiġi ttrasformata f'dovuti permezz
ta' approssimazzjonijiet u aġġustamenti li jinvolvu stimi bbażati fuq il-makro.
Barra minn hekk, fejn il-kontabilità abbażi tad-dovuti ma teżistix fil-livell
mikro, it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-karti tal-bilanċ ikollhom jittieħdu
minn varjetà ta’ sorsi differenti, li jwassal għal "diskrepanza
statistika" bejn id-defiċit miġbur permezz ta' kontijiet mhux finanzjarji
u d-defiċit miġbur permezz tal-kontijiet finanzjarji. In-nuqqas ta' koerenza bejn il-kontijiet
tas-settur pubbliku primarju u d-dejta dwar id-dovuti tal-ESA 95 huwa
rikonoxxut ukoll fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni
tal-15 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
"Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea"[3]. Din il-komunikazzjoni titfa'
l-attenzjoni fuq kemm l-adegwatezza tal-proċess tal-produzzjoni kollu
jiddependi bil-kbir fuq il-kwalità tal-informazzjoni statistika fil-livell
Ewropew. L-Eurostat għalhekk jippromwovi sistema ta' standards tal-kontabilità
armonizzati abbażi tad-dovuti, konsistenti mal-ESA, għall-entitajiet kollha
tas-settur pubbliku. L-IPSAS bħalissa huma l-uniku sett ta'
standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku rikonoxxuti internazzjonalment.
L-IPSAS huma msejsa fuq l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju
(IFRS), li huma ġeneralment applikati mis-settur privat, u f’dan il-punt
l-IPSAS jikkonsistu minn sett ta' 32 standard tal-kontabilità abbażi
tad-dovuti, flimkien ma standard ibbażat fuq il-ħlasijiet. Huwa f'dan il-kuntest li l-Artikolu 16(3)
tad-Direttiva 2011/85/UE jirrikjedi valutazzjoni tal-adegwatezza tal-IPSAS
għall-Istati Membri. 2. Introduzzjoni L-attività tal-gvern tirrappreżenta parti
kbira mill-prodott domestiku gross (PDG) fl-ekonomiji kollha tal-UE, u l-assi u
l-obbligazzjonijiet pubbliċi huma sostanzjali fil-pajjiżi kollha tal-UE.
Għalhekk huwa importanti li jkunu ġestiti b’mod effettiv u li l-gvernijiet
ikunu responsabbli għal dan l-immaniġġjar quddiem iċ-ċittadini tagħhom,
ir-rappreżentanti tagħhom, l-investituri u l-partijiet l-oħra interessati. L-istatistika tal-finanzi pubbliċi tipprovdi
informazzjoni dwar il-kontijiet tas-sottosetturi differenti
tal-amministrazzjoni pubblika sabiex dawk li jfasslu l-politika u partijiet
interessati oħra jkunu jistgħu janalizzaw il-pożizzjoni finanzjarja u
l-prestazzjoni tal-gvern flimkien mas-sostenibilità fit-tul tal-finanzi
pubbliċi. L-għejun prinċipali għal dawn l-istatistiċi huma r-rekords
tal-kontabilità u r-rapporti tal-entitajiet varji tal-gvern, issupplimentati
b’informazzjoni finanzjarja. Il-kontijiet finanzjarji affidabbli tal-gvern huma
essenzjali għat-tħejjija tal-kontijiet nazzjonali, u naturalment għall-ippjanar
fiskali, il-koordinazzjoni u s-sorveljanza. Tnejn mill-aktar indikaturi importanti tas-sostenibilità
fiskali huma d-dejn u d-defiċit, li huma użati fl-UE għall-monitoraġġ
tal-konformità mat-termini tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir.
L-Artikolu 126 tat-TFEU u l-Protokoll Nru 12 dwar il-Proċedura ta'
Defiċit Eċċessiv (EDP), annessi mat-Trattati, jispeċifikaw li l-proporzjon
tad-defiċit pubbliku ppjanat jew attwali mal-PDG ma għandux jaqbeż it-3 %,
u l-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG ma għandux jaqbeż is-60 %.
Il-Kummissjoni ssegwi mill-qrib dawn il-limitazzjonijiet rigward il-politika
fiskali nazzjonali sabiex tiżgura l-funzjonament effiċjenti tal-Unjoni
Ekonomika u Monetarja. Meta Stat Membru jonqos milli jibqa' f'dawn il-limiti, u
din is-sitwazzjoni tkun meqjusa bħala aktar milli waħda eċċezzjonali u
temporanja, tkun tista’ tiġi mnedija l-proċedura tal-EDP. Wara li l-Kummissjoni
tkun espremiet opinjoni, il-Kunsill jiddeċiedi, fuq proposta tal-Kummissjoni,
jekk jeżistix defiċit eċċessiv, u jekk ikun hekk, jindirizza
rakkomandazzjonijiet u skeda għal azzjoni korrettiva lill-Istat Membru. 3. Għaliex huma meħtieġa
l-istandards tal-kontabilità tas-settur pubbliku abbażi tad-dovuti Il-kontabilità abbażi tad-dovuti hija l-unika
sistema ta' informazzjoni aċċettata b'mod ġenerali li tagħti stampa sħiħa u
affidabbli tal-pożizzjoni u l-prestazzjoni finanzjarja u ekonomika ta' gvern,
billi tiġbor kompletament l-assi u r-responabbiltajiet kif ukoll id-dħul u
l-ispejjeż ta' entità, matul il-perjodu li għalih jirreferu l-kontijiet u
fil-mument li dawn jingħalqu. Il-kontabilità abbażi tad-dovuti tinvolvi r-reġistrazzjoni
ta’ annotazzjonijiet, mhux meta jsiru l-ħlasijiet fi flus kontanti, iżda meta
jinħoloq, jiġi ttrasformat jew jispiċċa l-valur ekonomiku, jew meta jinħolqu,
jiġu ttrasformati jew jispiċċaw it-talbiet u l-obbligazzjonijiet.
Il-kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet tirreġistra t-tranżazzjonijiet meta
jasal jew isir il-ħlas. Il-kontabilità abbażi tad-dovuti hija ekonomikament
b'saħħitha aktar minn dik ibbażata fuq il-ħlasijiet, li hija r-raġuni għaliex
il-qafas tal-kontabilità kurrenti għall-monitoraġġ fiskali fl-UE,
l-ESA 95, hija bbażata fuq id-dovuti. Barra minn hekk, l-użu
tal-kontabilità bbażata fuq id-dovuti fis-settur pubbliku huwa meħtieġ biex
tiġi evitata s-superfiċjalità permessa fil-kontabilità bbażata fuq
il-ħlasijiet, fejn il-pagament jista' jitmexxa ' quddiem jew ikun pospost
sabiex jiġi rreġistrat fil-perjodu li jagħżel il-gvern. Madankollu,
il-kontabilità abbażi tad-dovuti mhijiex maħsuba biex tneħħi jew tibdel
il-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet, partikolarment fejn din tal-aħħar tintuża
għall-finijiet ta' bbaġitjar u ta' kontroll fuq il-baġit. Fil-fatt,
il-kontabilità abbażi tad-dovuti għandha titqies bħala kumplimentari, aktar
milli bħala alternattiva, għall-"kontabilità abbażi tal-ħlasijiet"
pura. Din is-sistema tpoġġi l-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet fil-kuntest
globali tagħha, sabiex wieħed ikun jista' juri stampa sħiħa tal-pożizzjoni u
l-prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-entitajiet. Bl-adozzjoni ta' sett uniku ta' standards tal-kontabilità abbażi
tad-dovuti fil-livelli kollha tal-gvernijiet madwar l-UE, jinħolqu benefiċċji
distinti fil-ġestjoni u l-governanza tas-settur pubbliku. Il-mikrokontabilità
abbażi tad-dovuti fis-settur pubbliku hija mistennija li ttejjeb l-effikaċja u
l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tiffaċilita l-kisba tal-likwidità
li hija kundizzjoni meħtieġa fiż-żamma tal-funzjonament tas-servizz pubbliku.
Bħal fi kwalunkwe attività ekonomika oħra, l-amministrazzjoni u l-kontroll
tal-effettività u l-effiċjenza tas-settur pubbliku torbot mal-ġestjoni u
l-kontroll tal-pożizzjoni u l-prestazzjoni ekonomika u finanzjarja tagħha.
Il-kontabilità bbażata fuq id-dovuti b'entrati doppji korrispondenti hija
l-unika sistema aċċettata ġeneralment li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa
b'mod affidabbli u f'waqtu. Barra minn hekk, il-kontabilità pubblika
armonizzata u bbażata fuq id-dovuti żżid it-trasparenza, ir-responsabilità, u
l-komparabbiltà tar-rapportaġġ finanzjarju fis-settur pubbliku, u tista' sservi
biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effettività tal-verifika pubblika. 3.1. Is-sitwazzjoni attwali
fir-rigward tal-kontabilità abbażi tad-dovuti fl-Istati Membri tal-UE Il-parti l-kbira tal-Istati Membri diġà
implimentaw il-kontabilità abbażi tad-dovuti skont l-istandards nazzjonali fost
is-setturi pubbliċi, jew inkella qegħdin jagħmlu dan. Ħdax-il Stat Membru
għandhom sistemi mħallta, fis-sens li implimentaw prattiki ta' kontabilità
differenti f'livelli differenti ta' amministrazzjoni[4]. Il-qafas tal-kontabilità u
s-sistemi tal-kontabilità tal-Kummissjoni Ewropea u tal-istituzzjonijiet u
l-korpi l-oħra tal-UE huma bbażati fuq id-dovuti u ispirati mill-IPSAS Dan huwa
wkoll il-każ għal ħafna organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Għaldaqstant, għalkemm qed tiġi rikonoxxuta
dejjem iktar il-ħtieġa (minkejja li mhux kulħadd jaqbel magħha) ta' kontabilità
abbażi tad-dovuti fl-amministrazzjoni pubblika fi ħdan l-UE u l-Istati Membri
tagħha, fil-preżent għad m’hemmx approċċ armonizzat. 3.2. Il-qafas tal-makrokontabilità L-ESA, li hija bbażata fuq id-dovuti, toffri
l-qafas tal-istatistika tal-kontabilità fil-livell makro għas-settur pubbliku
kif ukoll għas-setturi mhux governattivi fl-UE. Id-dejn pubbliku abbażi tal-ESA
u d-dejta tad-defiċit għall-finijiet tal-EDP huma r-riżultat
tal-konsolidazzjoni ta' kontijiet individwali ta' entitajiet governattivi
ġenerali fl-Istati Membri u huma ddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-UE. Fil-kuntest ta' sorveljanza fiskali tal-UE u
tal-EDP, il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 126 tat-TFUE, għandha l-inkarigu
li tivvaluta regolarment il-kwalità kemm tad-dejta reali rrappurtata
mill-Istati Membri kif ukoll tal-kontijiet tas-setturi pubbliċi sottostanti
miġbura skont l-ESA. Żviluppi riċenti, partikolarment inċidenzi ta' rappurtaġġ
finanzjarju mhux xieraq minn xi Stati Membri, urew li s-sistema għall-istatistika
fiskali ma naqqsitx biżżejjed ir-riskju li l-kwalità tad-dejta rrappurtatata
lill-Eurostat tkun inferjuri. Barra minn hekk, l-impatt tal-kriżi ekonomika u
finanzjarja enfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-istruttura ta' governanza
ekonomika fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni Ewropea kollha kemm hi. Il-Kummissjoni,
fid-29 ta' Settembru 2010, irrispondiet għal dan billi adottat
pakkett ta' proposti leġiżlattivi, l-hekk imsejjaħ il-"Pakkett ta'
governanza ekonomika Ewropea" (imsemmi bħala s-"six-pack"), li
fis-16 ta' Novembru 2011 kien adottat mill-Parlament Ewropew u
mill-Kunsill[5]. Dan jimmira li jestendi u
jtejjeb is-sorveljanza tal-politiki fiskali, il-politiki makroekonomiċi u
r-riformi strutturali biex jissewwew in-nuqqasijiet misjuba fil-leġiżlazzjoni
eżistenti. Hemm ippjanati mekkaniżmi ġodda ta' nfurzar fil-każ ta' nuqqas ta'
konformità mill-Istati Membri. Huwa ċar li dawn il-mekkaniżmi għandhom
jiddependu fuq informazzjoni statistika ta' kwalità għolja, misluta abbażi ta'
standards ta' kontabilità tajbin u armonizzati li jkunu adattati għas-settur
pubbliku Ewropew. L-eżistenza u l-kwalità ta' dejta tad-dovuti
upstream li tkun komparabbli u koerenti (jiġifieri d-dejta ta' kontabilità
primarja għall-entitajiet governattivi) fil-livell ta' mikrokontabilità huma
prekundizzjonijiet għal dejta ta' livell għoli dwar id-dejn u d-defiċit abbażi
tad-dovuti fil-livell ta' makrokontabilità. Il-mikrokontabilità tas-settur
pubbliku fl-Istati Membri għandha bosta varjanti, u dan jagħmel it-tqabbil
tagħhom diffiċli kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom. L-approċċ attwali
tar-rikonċiljazzjoni mhux armonizzata tad-dejta tal-kontabilità għas-settur
pubbliku fil-livell mikro għal finijiet tal-EDP qed jilħaq il-limiti tiegħu. Is-sistemi armonizzati tal-mikrokontabilità
għall-entitajiet kollha tas-settur pubbliku (jiġifieri, il-gvern ġenerali)
fl-Istati Membri kollha tal-UE, flimkien mal-kontroll intern u l-verifika
esterna, jidhru li huma l-uniku mod effettiv sabiex tinġabar dejta tal-ogħla
standards ta' kwalità f'konformità mar-rekwiżiti legali eżistenti. Din hija
wkoll waħda mill-ideat ewlenin wara d-Direttiva 2011/85/UE. 3.3. Il-bżonn għall-armonizzazzjoni Għall-kumpilazzjoni ta' statistika
makroekonomika dwar il-gvern u b’referenza għall-Artikolu 338 tat-TFUE,
id-dejta statistika meħtieġa tista' titjieb konsiderevolment jekk l-entitajiet
tal-gvern kollha jużaw standards tal-kontabilità armonizzati. Dan kieku
jippermetti l-użu tat-tfassil ta' tabelli komuni sabiex jikkompilaw
il-kontijiet tal-entità fil-kontijiet tal-ESA, ħaġa li tiffaċilita sew
il-proċessi tal-verifika tal-istatistika. Hija meħtieġa trasparenza fiskali
għall-istabilità makroekonomika u għal-pariri dwar is-sorveljanza u l-politiki.
Standards armonizzati għall-kontabilità fis-settur pubbliku jtejbu t-trasparenza,
il-komparabilità u l-kosteffiċjenza u jipprovdu l-bażi għal governanza mtejba
fis-settur pubbliku. Fuq il-livell makro, il-kriżi finanzjarja tenfasizza
l-importanza ta' dejta fiskali u finanzjarja f'waqtha u affidabbli u tagħti
xhieda tal-konsegwenzi ta' rappurtar finanzjarju mhux komplut u mhux
komparabbli fis-settur pubbliku. Fuq terminu twil ta' żmien tista' tiġi
prevista t-tendenza lejn l-irfinar tal-indikaturi ewlenin tal-EDP permezz
tal-ħruġ ta' makroriżultati tal-kontijiet pubbliċi (defiċit/dejn) abbażi ta'
konsolidazzjoni ħafna aktar diretta ta' mikrokontijiet konsistenti u
eżawrjenti. L-adozzjoni ta' qafas ta' kontabilità u rrapportar integrat b'xi
adattamenti għall-kunċetti tal-ESA 95 jagħmel possibbli d-derivazzjoni
tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit direttament minn dawk is-sistemi. Dawn
jistgħu jkunu bbażati fuq dejta tal-kontabilità għas-settur pubbliku ġenwina u
armonizzata, li tkun ġiet suġġetta għall-kontroll u l-verifika, jew direttament
fuq l-indikaturi ewlenin jew indirettament permezz ta' rapporti finanzjarji.
Dan jista' wkoll jgħin biex jonqos iż-żmien li jittieħed biex jiġu rrappurtati
d-defiċit u d-dejn. Il-gvernijiet għandhom l-obbligu tal-interess
pubbliku lejn il-parteċipanti tas-suq — is-sidien tat-titoli tal-gvern u l-investituri
potenzjali — sabiex jipprovdu informazzjoni affidabbli u komparabbli fil-ħin,
dwar il-prestazzjoni u l-pożizzjoni finanzjarja tagħhom, bl-istess mod li
l-kumpaniji elenkati għandhom l-obbligi mal-parteċipanti tas-suq tal-ekwità.
Hemm ukoll il-ħtieġa li jkun żgurat livell minimu internazzjonali ta’
komparabilità, speċjalment peress li t-titoli tal-gvern jikkompetu kontra
xulxin f'suq finanzjarju globali, ħaġa li titlob sistema bbażata fuq standards
fis-settur pubbliku ġenerali li huma aċċettati madwar id-dinja. B’referenza
għall-Artikolu 114 tat-TFUE, il-kontabilità armonizzata abbażi tad-dovuti
tista' toffri t-trasparenza meħtieġa għall-funzjonament xieraq tas-suq intern
fis-servizzi finanzjarji, li mingħajrha hemm il-periklu li l-proprjetarji ta’ titoli
tal-gvern jidħlu fi tranżazzjonijiet mingħajr għarfien xieraq tal-livell
tar-riskju assoċjat. Dan biż-żmien jista’ joħloq riskju kontaġjuż, li jista’
jkun impediment sinifikanti għall-istabilità finanzjarja. Dak li jgħodd għall-istandards tal-kontabilità
tas-settur privat, li huma armonizzati fl-UE għall-kumpaniji elenkati, jgħodd
ukoll għall-entitajiet governattivi. Kontabilità armonizzata għas-settur
pubbliku bbażata fuq id-dovuti tista’ tipprovdi bażi aktar soda biex wieħed
jifhem il-pożizzjoni ekonomika u l-prestazzjoni tal-gvernijiet u l-entitajiet
tal-gvern fil-livelli kollha. Is-superjorità tal-prinċipju tad-dovuti
għall-monitoraġġ fiskali kemm dak makro kif ukoll mikro hija indisputabbli.
Il-livell makro diġà huwa bbażat fuq id-dovuti; il-kontabilità armonizzata
tad-dovuti hija essenzjali wkoll fil-livell mikro. Fil-livell tal-entitajiet, se jkun hemm
benefiċċji fit-termini ta' trasparenza u responsabilità, kif ukoll
għall-kwalità tat-teħid ta' deċiżjonijiet peress li t-tagħrif disponbbli jirrifletti
l-ispejjeż u l-benefiċċji rilevanti b’mod komparabbli. Barra minn hekk,
il-prospett ta' integrazzjoni fiskali u baġitarja ulterjuri fl-UE tenfasizza
l-ħtieġa għal standards tal-kontabilità tas-settur pubbliku armonizzati sabiex
id-deċiżjonijiet baġitarji fil-livell nazzjonali jkunu jistgħu jiġu vvalutati
fil-livell tal-UE. Għall-finijiet ta’ responsabilità u trasparenza,
l-entitajiet governattivi għandhom jirrapportaw b'mod sħiħ u komparabbli dwar
l-użu tar-riżorsi pubbliċi u l-prestazzjoni tagħhom. 3.4. Governanza futura tal-UE
tal-politiki baġitarji Ir-rapport ta' Van
Rompuy/Barroso/Juncker/Draghi Towards a Genuine Economic and Monetary Union jenfasizza
l-ħtieġa għal oqfsa ta' politiki baġitarji u ekonomiċi integrati u pereżempju
jgħid li: "Politiki
baġitarji nazzjonali sodi huma s-sinsla tal-UEM. Fil-futur qrib,
il-prijorità hija li jitlestew u jiġu implimentati l-istadji l-ġodda għal
governanza ekonomika aktar b'saħħtha. F'dawn l-aħħar snin, ġew approvati
(is-"Six-Pack") jew maqbula (it-Trattat dwar l-Istabilità,
il-Koordinazzjoni u l-Governanza), żviluppi sinifikanti għal qafas ibbażat fuq
regoli għall-politiki fiskali fl-UEM b'enfasi akbar fuq il-prevenzjoni ta'
żbilanċi baġitarji, fuq l-iżviluppi tad-dejn, fuq mekkaniżmi ta' infurzar
aħjar, u fuq is-sjieda nazzjonali tar-regoli tal-UE. L-elementi l-oħra relatati
mat-tisħiħ ta' governanza fiskali fiż-żona tal-euro (it-"Two-pack"),
li għadhom fil-proċess leġiżlattiv, għandhom jiġu ffinaliżżati urġentament u
jiġu implimentati kompletament. Il-qafas ta' governanza l-ġdid se jagħti ħafna
koordinazzjoni ex-ante tal-baġits annwali tal-Istati Membri fiż-żona
tal-euro u se jtejjeb is-sorveljanza ta' dawk li qed jesperjenzaw
diffikultajiet finanzjarji. ’. Ħafna mill-għanijiet ewlenin appoġġati
mid-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE, bħat-trasparenza u r-responsabilità akbar
fis-settur pubbliku, kif ukoll l-istatistika komparabbli f'waqtha jeħtieġu
għodda ta' kontabilità u rrapportar komuni, armonizzata u dettaljata. Dan ir-rapport jappoġġa l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
Pjan ta' azzjoni għal unjoni ekonomika u monetarja profonda u ġenwina —
It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew[6]. 3.5. L-ispejjeż potenzjali
tal-armonizzazzjoni L-ispejjeż tal-implimentazzjoni ta' standard
armonizzat tal-kontabilità pubblika bbażata fuq id-dovuti għandhom jitpoġġew
kontra l-benefiċċji potenzjali fl-Istati Membri tal-UE. It-tagħrif disponibbli
mill-pajjiżi li adottaw il-kontabilità abbażi tad-dovuti tippermettielna li
nagħmlu stima tal-ispejjeż għall-Istati Membri f'termini wiesa' biss, għalkemm
huwa probabbli li dawn ikunu sinifikanti. L-ispejjeż huma influwenzati ħafna
mill-iskala u r-ritmu tal-implimentazzjoni tad-dovuti, id-daqs u l-kumplessità
tas-settur pubbliku, kif ukoll il-kompletezza u l-kredibilità tas-sistemi
eżistenti. Barra minn hekk, l-esperjenza tissuġġerixxi li l-Istati Membri
jistgħu jħossu li huwa xieraq li jimmodernizzaw is-sistemi tal-amministrazzjoni
finanzjarja pubblika tagħhom fil-proċess tal-implimentazzjoni tal-istandards
ta’ kontabilità l-ġodda. Bħala ordni ta' kobor, u abbażi tal-esperjenza
ta' dawk il-pajjiżi li għalihom hemm dejta disponibbli tal-kostijiet, il-kost
possibbli għal pajjiż tal-UE ta’ daqs medju li jibdel minn sistema ta’
kontabilità bbażata fuq il-ħlasijiet għal sistema ta’ kontabilità bbażata fuq
id-dovuti jista' jitla' sa EUR 50 miljun, għall-gvern ċentrali iżda
mhux għal-livelli l-oħra ta' gvern. Dan l-ammont jinkludi, pereżempju,
l-ispejjeż għall-istabbiliment tal-istandards il-ġodda u l-għodod tal-IT
tal-kontabilità ċentrali assoċjati, iżda mhux l-ispejjeż assoċjati ma’ riforma
kompleta tas-sistema tar-rappurtar finanzjarju. Fil-każ tal-Istati Membri
l-kbar u, pereżempju, dawk b’sistemi awtonomi ta' gvern reġjonali, jew sistemi
ta' gvern aktar kumplessi, u għal dawk li m'għamlux progress fil-kontabilità
abbażi tad-dovuti, l-ispejjeż jistgħu jkunu ferm ogħla, speċjalment jekk
it-tranżizzjoni għal sistema armonizzata abbażi tad-dovuti tingħaqad ma’
riformi usa’ tal-prattiki tal-kontabilità u tar-rappurtar finanzjarju.
Pereżempju l-ispiża tar-riformi tad-dovuti u l-ibbaġitjar fi Franza matul
l-aħħar għaxar snin ġiet stmata fl-ammont ta’ EUR 1 500 miljun.
Għal Stat Membru iżgħar, li diġà għandu fis-seħħ sistemi nazzjonali ta'
kontabilità abbażi tad-dovuti, l-ispejjeż jistgħu jkunu anqas minn
EUR 50 miljun. L-istimi tal-ispejjeż miġbura kollha jaqgħu fil-medda
ta' 0.02-0.1 % tal-PDG. Barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta'
kontabilità armonizzata abbażi tad-dovuti fl-Istati Membri titlob ukoll
investiment sinifikanti f'termini ta' tmexxija, kompetenza u riżorsi
għall-Kummissjoni Ewropea. Wieħed għandu jiftakar ukoll li, minkejja
l-fatt li l-kontabilità abbażi tad-dovuti hija sistema aktar elaborata minn dik
ta' kontabilità purament ibbażata fuq il-ħlasijiet, l-għadd kbir differenti ta'
standards tal-kontabilità, tabelli tal-kontijiet, proċessi ta' riservazzjoni, u
sistemi tal-IT, kif ukoll standards ta' verifika u prattiki li spiss jeżistu
flimkien, anke fi ħdan wieħed mis-setturi tal-amministrazzjoni pubblika ta'
Stat Membru wieħed, jissuġġerixxu li l-armonizzazzjoni tagħhom se tikseb grad
ta' tnaqqis fil-burokrazija u fl-spejjeż, li f'medda ta' żmien medja sa twila
tegħleb sew l-investiment mistenni. Barra minn hekk, kontra l-ispejjeż
finanzjarji reali u importanti mistennija, wieħed jista' jibbilanċja
l-benefiċċji potenzjali, mhux biss dawk ta’ governanza u responsabilità aħjar,
immaniġġjar aħjar tas-settur pubbliku u trasparenza tant meħtieġa għat-tħaddim
tajjeb tas-swieq, u għalhekk probabbilment jitnaqqas ir-rendiment meħtieġ
mill-proprjetarji ta' titoli tal-gvern (iżda dan ma jistax jitkejjel). 4. L-istandards Internazzjonali
tal-kontabilità għas-Settur Pubbliku (IPSAS) Kif intqal hawn fuq, l-IPSAS bħalissa huma
l-uniċi sett ta' standards tal-kontabilità għas-settur pubbliku rikonoxxuti
internazzjonalment. Ġejjin mill-idea li l-ġestjoni moderna tas-settur pubbliku,
f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effikaċja u l-effiċjenza,
jiddependu fuq sistemi ta’ informazzjoni dwar il-ġestjoni li jagħtu
informazzjoni preċiża u affidabbli f'waqtha, dwar il-pożizzjoni ekonomika u
finanzjarja u l-prestazzjoni tal-gvern, kif ikun il-każ b’xi tip ieħor ta’
entità ekonomika. Fil-preżent, l-istandards tal-kontabilità
tal-gvern nazzjonali ta' 15-il Stat Membru għandhom xi rabta mal-IPSAS. Minn
dawn, disa’ pajjiżi għadhom l-istandards nazzjonali tagħhom bbażati fuq
l-IPSAS, ħamsa jagħmlu xi referenzi għalihom u wieħed jużahom għal xi partijiet
tal-gvern lokali Madankollu, minkejja li l-valur għoli tal-IPSAS huwa
rikonoxxut, l-ebda Stat Membru ma implimenta l-IPSAS b’mod sħiħ. Dan ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument
ta' Ħidma tal-Persunal li jagħti sommarju tas-sistema tal-IPSAS u
l-arranġamenti attwali tal-Istati Membri għall-kontabilità tas-settur pubbliku[7]. Barra minn hekk, l-Eurostat
wettaq konsultazzjoni pubblika bejn Frar u Mejju 2012 biex jinġabru
l-opinjonijiet dwar l-adegwatezza tal-IPSAS u s-sommarju tat-tweġibiet miksuba
huwa wkoll disponibbli[8]. Fid-dawl tal-opinjonijiet li l-awtoritajiet
tal-Istati Membri u oħrajn ressqu fil-konsultazzjoni pubblika, il-konklużjoni
globali għandha żewġ partijiet. Minn naħa waħda, jidher ċar li l-IPSAS ma
jistgħux jiġu sempliċiment implimentati fl-Istati Membri tal-UE kif inhuma
attwalment. Min-naħa l-oħra, l-istandards tal-IPSAS jirrappreżentaw referenza
indiskutibbli għall-kontabilità armonizzata potenzjali tal-kontijiet tas-settur
pubbliku fl-UE. Fuq naħa waħda, il-punti ta' tħassib li ġejjin jeħtieġ li jiġu
indirizzati: ·
Bħalissa, l-istandards tal-IPSAS ma jiddeskrivux
b’mod preċiż biżżejjed il-prassi tal-kontabilità li għandha tiġi segwita, meta
wieħed iqis li xi wħud minnhom joffru l-possibbiltà tal-għażla bejn trattamenti
kontabilistiċi alternattivi, li jillimitaw il-prattika tal-armonizzazzjoni; ·
Fl-istat attwali tiegħu ta' żvilupp, is-sett ta'
standards mhuwiex komplut f’termini tal-kopertura jew tal-applikabbiltà
prattika tiegħu għal xi tipi importanti ta’ flussi pubbliċi, bħal pereżempju
t-taxxi u l-benefiċċji soċjali, u ma jqisx biżżejjed il-ħtiġijiet speċifiċi,
il-karatteristiċi u l-interessi tar-rappurtar tas-settur pubbliku. Kwistjoni
ewlenija hija l-kapaċità tal-IPSAS biex isolvu l-problema tal-konsolidazzjoni
tal-kontijiet mad-definizzjoni ta' gvern ġenerali, li issa hija kunċett
ċentrali fil-monitoraġġ fiskali tal-UE. ·
Fil-preżent, l-IPSAS jistgħu jitqiesu li mhumiex
stabbli kemm hemm bżonn, peress li huwa mistenni li xi standards se jeħtiġilhom
jiġu aġġornati ladarba jitlesta x-xogħol fuq il-proġett kurrenti tat-tlestija
tal-qafas kunċettwali tal-IPSAS, mistenni fl-2014; kif ukoll ·
Fil-preżent, il-governanza tal-IPSAS tbati minn
nuqqas ta' parteċipazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tal-kontabilità tas-settur
pubbliku fl-UE. Matul l-2012, il-qafas ta’ governanza tal-IPSAS kien qed jiġi
rivedut biex jindirizza kwistjonijiet ta' tħassib għall-partijiet interessati.
Kwalunkwe riforma għandha tiżgura li l-indipendenza tal-proċess tal-istipular
tal-istandards tiġi msaħħa, filwaqt li l-ħtiġijiet speċifiċi tas-settur
pubbliku jiġu indirizzati b’mod effettiv. Barra minn hekk, il-Bord tal-IPSAS
attwalment jidher li mhuwiex fornut biżżejjed biex jiżgura li jista' jħaħħaq
mal-veloċità u l-flessibilità meħtieġa tad-domanda għall-istandards il-ġodda u
l-gwida dwar il-kwistjonijiet emerġenti bi tweġiba għall-evoluzzjoni tal-klima
fiskali, partikolarment fid-dawl tal-kriżi. Min-naħa
l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-partijiet interessati jaqblu li l-IPSAS ikunu
addattati bħala qafas ta' referenza għall-iżvilupp futur ta' sett ta' Standards
tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku Ewropew, imsemmi aktar 'l isfel bħala
"EPSAS". 5. kif nersqu lejn
l-armonizzazzjoni tal-istandards tal-kontabilità għas-settur pubbliku Ewropew
(epsas) Id-deċiżjoni finali dwar jekk għandniex nimxu
lejn l-EPSAS titlob li jittieħdu passi importanti oħra li ma jaqgħux fil-kamp
tal-applikazzjoni ta' dan ir-rapport u għalhekk ma jistgħux jiġu antiċipati
hawnhekk. Madankollu, it-taqsimiet li jmiss jispjegaw kif l-EPSAS jistgħu jiġu
implimentati f'każ li tittieħed id-deċiżjoni effettiva. L-EPSAS jistgħu jagħtu lill-UE il-kapaċità li
tiżviluppa l-istandards tagħha stess biex tissodisfa r-rekwiżiti tagħha u
bil-ħeffa meħtieġa. Huma joffru sett ta’ standards armonizzati tal-kontabilità
tas-settur pubbliku abbażati tad-dovuti adattati għar-rekwiżiti speċifiċi
tal-Istati Membri tal-UE li jistgħu jiġu implimentati fil-prattika. L-implimentazzjoni
tal-EPSAS madwar l-UE kollha se tnaqqas drammatikament il-kumplessità
tal-metodi u l-proċessi tal-kumpilazzjoni użati biex din id-dejta tiġi
ttrasformata f'bażi kważi armonizzata u jitnaqqsu r-riskji fir-rigward
tal-affidabilità tad-dejta notifikata mill-Istati Membri u ppubblikata
mill-Eurostat. Jista' jiġi previst li l-ewwel pass se jkun li
tiġi installata governanza tal-UE għal dan il-proġett bil-għan li l-qafas
kunċettwali tal-UE u l-għan tal-kontabilità komuni għas-settur pubbliku tal-UE
jiġu kkjarifikati. L-EPSAS inizjalment jistgħu jkunu bbażati fuq l-adozzjoni
ta’ sett ta’ prinċipji ewlenin tal-IPSAS. L-EPSAS jistgħu jużaw ukoll
l-istandards tal-IPSAS li dwarhom kien hemm qbil komuni mill-Istati Membri.
Madankollu, l-EPSAS ma għandhomx jikkunsidraw l-IPSAS bħala xkiel
għall-iżvilupp tal-istandards tagħhom stess. Iżda, għandu jiġi nnutat li d-disinn ta’ sett
ta’ standards armonizzati għall-kontabilità tas-settur pubbliku Ewropew mhuwiex
garanzija fih innifsu għal dejta dwar il-kontabilità pubblika f'waqtha u ta’ kwalità
għolja. Jeħtieġ li jiġu ssodisfati kundizzjonijiet addizzjonali li jinkludu: ·
Appoġġ politiku qawwi u s-sjieda konġunta
tal-proġett; ·
Amministrazzjonijiet pubbliċi li jkunu kapaċi
jħaddmu sistema ta' kontabilità aktar kumplessa f’kull entità pubblika individwali; ·
Sistemi integrati tal-IT għall-baġit,
għall-ħlasijiet, għall-ġestjoni tal-kuntratti, għaż-żamma tal-kotba b'entrati
doppji korrispondenti, għall-ġestjoni tal-fatturi, u għar-rapportar
tal-istatistika; ·
Rappurtaġġ f'waqtu (eż. mensili) tal-avvenimenti
ekonomiċi kollha f’sistema ta’ kontabilità integrata tal-entitajiet pubbliċi; ·
Id-disponibilità tar-riżorsi, umani u tal-IT
modern; kif ukoll ·
Il-kontroll intern effettiv u l-verifika
finanzjarja esterna tal-kontijiet pubbliċi. Għall-Istati Membri kollha, iżda b'mod
partikolari dawk li attwalment qed jużaw biss kontabilità abbażi tal-ħlasijiet,
l-implimentazzjoni tal-kontabilità abbażi tad-dovuti tal-EPSAS se tkun riforma
ewlenija. Xi wħud mill-kwistjonijiet li se jqumu huma: ·
Kwistjonijiet tekniċi u kunċettwali
tal-kontabilità; ·
L-għarfien espert tal-persunal u tal-konsulenti,
ħiliet tat-taħriġ; ·
Il-kommunikazzjoni mal-maniġers u ma' dawk li
jieħdu d-deċiżjonijiet kif ukoll l-edukazzjoni tagħhom; ·
Ir-relazzjoni mal-awdituri u t-taħriġ tagħhom; ·
L-aġġustament jew l-immodernizzar ta’ sistemi
tal-IT; kif ukoll ·
L-adattament tal-oqfsa regolatorji nazzjonali
eżistenti. Li kieku
l-prinċipji tal-EPSAS jiġu adottati, il-Kummissjoni tkun tista' tipprevedi
l-għoti ta' għajnuna fir-rigward ta’ wħud minn dawn l-oqsma, pereżempju billi
jkollha rwol fl-organizzazzjoni tal-qsim tat-taħriġ u l-għarfien espert, tgħin
lill-gvernijiet tal-Istati Membri fi kwistjonijiet kunċettwali u tekniċi, u
tikkoordina u taqsam l-ippjanar tar-riformi tal-kontabilità pubblika tal-Istati
Membri. F'każ li Stat
Membru jkollu nuqqasijiet sinifikanti u evidenti, dgħjufijiet u inkonsistenzi
fis-sistemi tal-informazzjoni dwar il-ġestjoni finanzjarja pubblika, ikun
xieraq li jitqiesu dawn il-pjanijiet sabiex jiġu implimentati l-EPSAS u dan
għandu jiġi rifless fl-iskeda taż-żmien għall-implimentazzjoni 5.1. L-istrutturi tal-EPSAS Se jkun hemm il-bżonn ta' governanza tal-UE
soda għall-iżvilupp u l-adozzjoni tal-istandards tal-EPSAS. Is-sistema biex
tiżviluppa u tirregola l-EPSAS se teħtieġ li l-aġenda għall-iżvilupp ta' kull
standard tiġi definita u se jkun hemm il-bżonn ta' proċeduri ta’ approvazzjoni
ċari. L-istruttura tal-governanza tal-EPSAS se teħtieġ l-inklużjoni ta' ħiliet
fir-rigward tal-leġiżlazzjoni neċessarja, l-iffissar tal-istandards, u l-għoti
ta' pariri tekniċi u dwar il-kontabilità. It-twaqqif tal-istruttura ta’ governanza
tal-EPSAS se jkun iġġwidat mill-mudell użat mill-Kummissjoni fit-twaqqif
tal-governanza tal-IFRS fil-kuntest tal-UE, iżda mhux se jkun simili għalih,
minħabba l-ispeċifiċità tas-settur pubbliku u l-enfasi magħmul fuq
il-komparabilità fi ħdan l-UE. Fejn huwa possibbli għandhom jintużaw
l-esperjenza u l-kompetenza ta’ strutturi ta’ governanza tal-kontabilità
fis-settur pubbliku nazzjonali fl-Istati Membri. Madankollu, l-EPSAS se jeħtiġilhom
jistabbilixxu u jżommu rabtiet mill-qrib mal-bord tal-IPSAS sabiex jgħarrfu
l-aġenda tagħhom u t-teħid ta' deċiżjonijiet u għaliex l-istandards tal-EPSAS
f’xi każijiet jistgħu jeħtieġu li jkunu differenti mill-istandards tal-IPSAS.
Ikun importanti li ma tinħoloqx diverġenza mhux meħtieġa bejn l-EPSAS u
l-IPSAS, u bejn l-EPSAS u l-IFRS, peress li l-entitajiet ikkontrollati
mill-gvern jistgħu jkunu diġà meħtieġa li jirrapportaw abbażi tal-IFRS jew
skont l-istandards tal-kontabilità kummerċjali nazzjonali. L-EPSAS għandhom ukoll jiġu żviluppati
bil-għan li jiġu minimizzati d-differenzi mill-ESA, sabiex fl-aħħar jagħtu
perspettiva ta' sistemi kompleti u integrati, applikabbli fuq il-livelli mikro
u makro. 5.2. L-adozzjoni tal-EPSAS L-iżvilupp, l-approvazzjoni
u l-implimentazzjoni tal-EPSAS għandhom ikunu proċess gradwali, li għandu jsir
matul perjodu ta' żmien. L-implimentazzjoni se tkun fi stadji fuq medda medja
ta' żmien, billi l-ewwel jiffukaw fuq il-kwistjonijiet tal-kontabilità li huma
l-aktar importanti għall-armonizzazzjoni, bħad-dħul u n-nefqa (it-taxxi u
l-benefiċċji soċjali, l-obbligazzjonijiet u l-assi finanzjarji) u fi stadju
aktar tard jiġu kkunsidrati l-assi mhux finanzjarji, eċċ. It-triq 'il quddiem għandha tkun selettiva u
għandha tikkunsidra b'mod partikolari l-perspettiva ta’ entitajiet żgħar u
medji, u l-aspett tal-materjalità. L-istrateġija teħtieġ tiddefinixxi
l-prijoritajiet, tistabbilixxi l-iskadenzi ewlenin taż-żmien u għalhekk tressaq
pjan direzzjonali konkret. Sabiex il-proġett tal-EPSAS jimxi 'l quddiem,
il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tagħmel abbozz ta'
ġabra miftiehma ta' Prinċipji Bażiċi tal-Kontabilità għas-Settur Pubbliku
Ewropew bl-iskop illi dawn jiġu inkorporati fi proposta għal Regolament Qafas.
Ir-Regolament Qafas għandu jistipula wkoll is-sistema ta’ governanza
għall-EPSAS u l-proċedura għall-iżvilupp tal-istandards speċifiċi tal-EPSAS. Sabiex tkun żgurata implimentazzjoni xierqa
fil-livell nazzjonali, il-kontenut dettaljat ta' kull standard tal-EPSAS se
jkun elaborat bl-għajnuna tal-Istati Membri b’mod li jqis ir-rekwiżiti ta' hawn
taħt: ·
Kontabilità bbażata fuq id-dovuti; ·
Żamma tal-kotba b'entrati doppji korrispondenti; ·
Rappurtar finanzjarju armonizzat
internazzjonalment; kif ukoll ·
Kunsiderazzjoni lejn il-konsistenza mal-prinċipji
tal-ESA. 5.3. X'jista' jkun l-ewwel sett
ta’ EPSAS? L-ewwel element
jista' jkun proposta għal Regolament Qafas li tirrikjedi l-applikazzjoni
tal-prinċipju tad-dovuti. L-entità li
tfassal l-istandards tal-EPSAS tista' mbagħad tikklassifika 32 standard
tad-dovuti tal-IPSAS fi tliet kategoriji: ·
Standards li jistgħu jiġu implimentati bi ftit jew
bl-ebda adattament; ·
Standards li għandhom bżonn adattament, jew li
għalihom ikun hemm bżonn ta’ strateġija selettiva; kif ukoll ·
Standards li jidhru li jeħtieġu xi emendi
għall-implimentazzjoni. L-Istati Membri jkunu mistiedna jistabbilixxu
pjan ta' implimentazzjoni għas-subsetturi kollha tal-gvern ġenerali.
Pereżempju, is-sett prinċipali tal-EPSAS għandu jkun applikabbli għall-entitajiet
pubbliċi kollha u, meta wieħed iqis il-materjalità, għandhom ikopru l-biċċa
l-kbira tan-nefqa mis-settur pubbliku fl-Istati Membri. 6. Triq possibbli Il-Kummissjoni tqis li, qabel ma tiddeċiedi
dwar il-proġett attwali tal-ħolqien tal-EPSAS u l-implimentazzjoni tagħhom
fl-Istati Membri, hemm il-ħtieġa ta' xi passi preparatorji oħra. Għad iridu
jissolvew bosta diffikultajiet importanti li jikkonċernaw kwistjonijiet lil
hinn mill-ambitu ta' dan ir-rapport, bħal pereżempju li jiġi stabbilit il-qafas
tal-EPSAS u li jkun speċifikat l-ewwel sett prinċipali tal-istandards
tal-EPSAS, kif ukoll l-ippjanar tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni, barra
minn hekk, teħtieġ tiddeskrivi il-miri konkreti meħtieġa għall-proġett futur,
kif ukoll tqis il-kunsiderazzjonijiet tal-valutazzjoni tal-impatt. Tista'
tittieħed deċiżjoni biss abbażi ta' reviżjoni ex-ante tal-vantaġġi u
l-iżvantaġġi, kif ukoll tal-ispejjeż u l-benefiċji probabbli. Ladarba tittieħed id-deċiżjoni: abbażi
tal-esperjenza ta’ pajjiżi li implimentaw sistemi ta’ kontabilità bbażati fuq
id-dovuti fis-settur pubbliku matul is-snin reċenti, il-proċess ta’
implimentazzjoni għandu jkun sekwenzjali. Għandu jkun iddeterminat, billi tiġi
kkunsidrata sewwa l-pożizzjoni tal-bidu ta' kull Stat Membru, pereżempju, l-istat
tal-iżvilupp tal-istandards tal-kontabilità nazzjonali eżistenti u
d-disponibilità tad-dejta tal-karta tal-bilanċ. F'xi Stati Membri, jista' jkun
xieraq li l-implimentazzjoni tibda' fil-livell nazzjonali u timxi fil-livelli
reġjonali u lokali aktar tard. Wieħed għandu wkoll jistenna li l-medda
tal-implimentazzjoni għal entitajiet iżgħar tista’ tkun limitata, jew
għall-inqas li l-entitajiet l-aktar importanti jkunu prijoritizzati, filwaqt li
tiġi kkunsidrata l-materjalità tagħhom. Il-proċess jista' jseħħ fi tliet stadji: (1)
Stadju preparatorju sabiex jinġabru aktar
informazzjoni u opinjonijiet, u sabiex jiġi żviluppat pjan direzzjonali. Dan
l-istadju se jibda fl-2013 u se jinvolvi aktar konsultazzjonijiet, konferenza
ta' livell għoli, u l-preparazzjoni ta' aktar proposti dettaljati; (2)
Stadju li jiżviluppa u jistabbilixxi l-arranġamenti
prattiċi, li jindirizza suġġetti bħall-finanzi, il-governanza, is-sinerġiji
possibbli u t-tħassib ta' entitajiet pubbliċi iżgħar. Dan l-istadju għandu
jwassal għall-pubblikazzjoni ta’ proposta għal Regolament Qafas. Ir-Regolament
Qafas se jkun jeħtieġ l-applikazzjoni tal-prinċipju tad-dovuti, u jistabbilixxi
pjanijiet biex jiġu żviluppati aktar l-istandards speċifiċi tal-kontabilità
matul iż-żmien. kif ukoll (3)
L-istadju ta' implimentazzjoni: l-istadju ta'
implimentazzjoni għandu jkun gradwali, u jippermetti aktar żmien f'każ li
l-istandards tal-kontabilità eżistenti ta' xi Stat Membru jkunu għadhom 'il
bogħod mill-EPSAS, għalkemm huwa prevvist li l-implimentazzjoni għandha tinkiseb
fl-Istati Membri kollha f'terminu medju ta' żmien. L-istrateġija proposta tikkonsisti f'approċċ
ibbilanċjat li jibni fuq il-kisbiet eżistenti u jiżgura li s-Sistema Statistika
Ewropea tista' topera indipendentament iżda xorta waħda b'rabta mill-qrib mal-fornituri
ewlenin tad-dejta tagħha u mal-utenti istituzzjonali. Huwa importanti wkoll li
jiġi enfasizzat li l-EPSAS m’għandux iwassal għal aktar rekwiżiti burokratiċi,
piżijiet amministrattivi akbar fuq dawk li jwieġbu jew dewmien fil-produzzjoni
statistika. Il-Kummissjoni se ssegwi l-istrateġija
ppreżentata f'dan ir-rapport, billi tqis il-limiti tar-riżorsi, b'konformità
mar-responsabbiltajiet tagħha skont it-Trattat. Minħabba l-kwistjonijiet differenti involuti,
huwa importanti li jsir progress malajr filwaqt li jiġu kkonsultati l-partijiet
interessati ewlenin, inkluż fejn jinħtieġu inizjattivi leġiżlattivi. L-istadji
li jmiss, li se jibdew fl-2013, se jqisu l-kunsiderazzjoniet tal-impatt u se
jinkludu pjan direzzjonali li jispeċifika, f'aktar dettall, il-passi li
għandhom jittieħdu, inklużi l-inizjattivi leġiżlattivi, sabiex tinkiseb
l-armonija tal-istandards tal-kontabilità tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni. [1] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41. [2] Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 2223/96
tal-25 ta' Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet
nazzjonali u reġjonali fil-Komunità, ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1. [3] COM(2011) 211 finali. [4] ‘Overview
and comparison of public accounting and auditing in the 27 Member States’
[5] Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar
effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, ĠU L 306, p. 1;
Ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu
żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro, ĠU L 306, p. 8;
Ir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE)
Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u
s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, ĠU L 306,
p. 12; Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u
l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, ĠU L 306, p. 25;
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru2011
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi
ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, ĠU L 306,
p. 33; Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8
ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati
Membri, ĠU L 306, p. 41. [6] COM(2012) 777 finali. [7] Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li
jakkumpanja d-dokument Rapport mill-Kummissjoni għall-Kunsill u għall-Parlament
Ewropew: Lejn l-implimentazzjoni ta’ standards tal-kontabilità għas-settur
pubbliku armonizzati fl-Istati Membri. [8] Public
consultation — Assessment of the suitability of the International Public Sector
Accounting Standards for the Member States: Summary of responses.