Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE4581

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/53/KE tal- 25 ta’ Lulju 1996 , li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali” COM(2013) 195 final/2 — 2013/0105 (COD)

    ĠU C 327, 12.11.2013, p. 133–136 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    12.11.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 327/133


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996, li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali”

    COM(2013) 195 final/2 — 2013/0105 (COD)

    2013/C 327/22

    Relatur Ġenerali: is-Sur RANOCCHIARI

    Fit-13 ta’ Mejju 2013 u fit-18 ta’ April 2013, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikolu 91 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 96/53/KE tal-25 ta’ Lulju 1996, li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali

    COM(2013) 195 final/2 – 2013/0105 (COD).

    Fil-21 ta’ Mejju 2013 il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu tal-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-11 ta' Lulju) li jaħtar lis-Sur Ranocchiari bħala relatur ġenerali, u adotta din l-Opinjoni b’87 vot favur u astensjoni waħda (1).

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Il-KESE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex, wara sbatax-il sena, tirrevedi d-Direttiva attwali dwar il-piżijiet u d-dimensjonijiet ta' ċerti vetturi. Il-proposta għandha l-għan li ssegwi l-progress teknoloġiku sabiex ikollna vetturi li jħammġu anqas u li huma aktar sikuri.

    1.2

    Fl-istess ħin il-KESE jinnota li ċerti kwistjonijiet għandhom jiġu ċċarati biex b'hekk ir-reviżjoni tkun koerenti mal-leġislazzjoni li hemm diġà, filwaqt li jiġu evitati kull kumplessità u/jew diskriminazzjoni mhux meħtieġa.

    1.3

    F'dan ir-rigward il-KESE huwa kunfidenti li l-Kumitat ta' Esperti, imwaqqaf bl-għan li jadotta atti ddelegati, se jgħin biex jitneħħa kwalunkwe nuqqas ta' konsistenza.

    1.4

    Fir-rigward tal-flaps ta' wara, il-KESE jirrakkomanda li l-armar tagħhom fuq il-vetturi jiġi inkluż fis-skema attwali tal-Approvazzjoni tat-Tip Ewropea (European Type Approval), u tiġi evitata l-Approvazzjoni tat-Tip Nazzjonali (National Type Approval) li tkun tirrappreżenta pass lura fir-rigward tal-Approvazzjoni tat-Tip għal Vettura Sħiħa (Whole Vehicle Type Approval).

    1.5

    L-eżenzjoni tal-piż li tingħata biss lill-vetturi b'żewġ fusijiet u li għandhom propulsjoni elettrika jew ibrida għandha tiġi estiża għall-vetturi bi tliet fusijiet jew aktar u għal vetturi oħrajn li jużaw sistemi ta' propulsjoni u karburanti alternattivi, f'dawk il-każi fejn is-soluzzjonijet tekniċi rilevanti jġibu magħhom toqol żejjed u b'hekk titnaqqas il-kapaċità ta' tagħbija fuq il-vetturi.

    1.6

    It-tagħmir ta' ppeżar abbord huwa rakkomandat iżda mhuwiex mandatorju. Il-KESE jfakkar li ma teżistix soluzzjoni teknika għat-tipi kollha ta' vetturi u l-armar tagħhom jista' jkun diffiċli ħafna fuq vetturi li għandhom suspensjoni mekkanika u/jew għadd kbir ta' fusijiet.

    Fl-aħħar mill-aħħar se jkun diffiċli ferm li niksbu sistema preċiża biżżejjed biex tkun tista' tintuża bħala għodda għall-infruzar. Għall-kuntrarju, l-istess riżultat ikun jista' jinkiseb bl-irduppjar tas-sistema tal-moviment tal-piż integrata fil-wiċċ tat-triq (weight in motion system integrated in the road surface – WIM) li tintuża diġà fl-Istati Membri.

    1.7

    Fl-aħħar nett, dwar il-kunċett modulari jew il-Vetturi Tqal u Twal (Longer Heavier Vehicles – LHVs) il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea, għalissa, hija dik it-tajba kif imfisser aktar fil-punt 4.6 ta' din l-Opinjoni.

    1.8

    Madankollu teżisti l-possibiltà, ladarba aktar Stati Membri jibdew jippermettu l-użu traskonfinali tal-vetturi tqal u twal, li naraw effett b'mod suċċessiv, u bil-mod il-mod vetturi bħal dawn jiġu permessi madwar l-Ewropa kollha. F'dan il-każ dawn id-derogi jistgħu jwasslu biex dik li bħalissa hija prattika ta' eċċezzjoni ssir ħaġa normali, u jinkiser il-prinċipju ewlieni tal-proposta li jisħaq li l-kunċett modulari ma jaffettwax b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni internazzjonali, u b'hekk jintlaqtu ħażin l-Istati Membri li ma jippermettux il-vetturi tqal u twal fit-territorju tagħhom.

    1.9

    Jekk jiġri dan, il-Kummissjoni Ewropea ma tkun tista' tagħmel xejn ħlief tieħu nota u tħalli l-forzi tas-suq jiddeterminaw it-triq li rridu nsegwu. Jekk il-vetturi tqal u twal jiksbu sehem tas-suq fl-Istati Membri u jkollhom rekwiżiti ta' infrastruttura u sikurezza adegwati, il-Kummissjoni Ewropea ma jkollhiex rwol biex tillimitahom mingħajr ma tkun qed tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    Id-Direttiva attwali, li tistabbilixxi għal ċerti vetturi tat-triq li jiċċirkolaw fi ħdan il-Komunità d-dimensjonijiet massimi awtorizzati fit-traffiku nazzjonali u internazzjonali u l-piżijiet massimi awtorizzati fit-traffiku internazzjonali (1) tmur lura għal Lulju tal-1996.

    2.2

    Fid-dawl tal-ħtieġa aktar stretta li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u l-konsum tal-prodotti taż-żejt, u meta wieħed iqis li t-trasport tat-triq jirrappreżenta 82 % tal-konsum tal-enerġija fis-settur tat-trasport, kien wasal iż-żmien li tiġi aġġornata din il-leġislazzjoni billi tintuża l-aktar evoluzzjoni teknika reċenti għat-tnaqqis tal-konsum tal-karburanti u għall-iffaċilitar tal-operazzjonijiet tat-trasport intermodali.

    2.3

    Fil-fatt, il-White Paper tal-2011 dwar it-trasport (2) diġà kienet ħabbret ir-reviżjoni tad-Direttiva attwali bl-għan li jitpoġġew fis-suq vetturi aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

    2.4

    Fid-dawl ta' dak li ssemma hawn fuq, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjoni l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għar-reviżjoni tad-Direttiva attwali, meta nqisu li tali reviżjoni ma tqisx biss it-tnaqqis fil-konsum tal-karburanti iżda tqis ukoll il-bżonnijiet tat-trasport intermodali u tal-kontejnerizzazzjoni (containerisation) u, fl-aħħar iżda mhux l-anqas, is-sikurezza tat-toroq.

    3.   Kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea

    3.1

    Biex tingħata deroga mid-dimensjonijiet massimi tal-vetturi:

    għaż-żieda ta' tagħmir aerodinamiku (flaps ta' wara) biex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija;

    għall-modifika tal-kabina biex tittejjeb il-prestazzjoni aerodinamika u s-sikurezza tat-triq kif ukoll il-kumdità tas-sewwieq.

    3.2

    Biex tingħata żieda ta' tunnellata waħda fil-piż għal:

    vetturi b'żewġ fusijiet li għandhom propulsjoni elettrika jew ibrida sabiex jiġu permessi t-toqol tal-batteriji u l-propulsjoni doppja, mingħajr ħsara għall-kapaċità tat-tagħbija ta' dawk il-vetturi;

    l-istess żieda ta' piż se tingħata lill-kowċis biex tittieħed kunsiderazzjoni taż-żieda tal-piż medju tal-passiġġieri u l-bagalji tagħhom, iżda wkoll tal-piż tat-tagħmir il-ġdid ta' ppeżar abbord. Permezz ta' dan jiġi evitat li jitnaqqas in-numru ta' passiġġieri għal kull kowċ.

    3.3

    Biex tingħġata eżenzjoni ta' 15-il ċm fit-tul tat-trakkijiet biex ikun possibbli l-użu tal-kontejners ta' 45 pied fil-livell tal-UE.

    3.4

    Sabiex jiġi ntraċċat aħjar il-ksur relatat ma' tagħbija żejda hija rakkomandata l-introduzzjoni ta' "tagħmir ta' ppeżar abbord" li jkun jista' jikkomunika d-data tal-ippeżar lill-awtoritajiet ta' inspezzjoni, u jiġu żgurati kundizzjonijiet indaqs fost it-trasportaturi.

    3.5

    Biex jiġi kkonfermat l-użu traskonfinali tas-Sistema Modulari Ewropea (European modular system – EMS) jew tal-LHVs, meta dawn jaqsmu fruntiera waħda biss, u bil-kundizzjoni li ż-żewġ Stati Membri konċernati jkunu jippermettu dan, filwaqt li jiġu rispettati l-limiti ta' deroga previsti mid-Direttiva. Dan l-użu m'għandux iħalli impatt sinifikanti fuq il-kompetizzjoni internazzjonali.

    3.6

    Il-Kummissjoni Ewropea se tabbozza karatteristiċi tekniċi, livell minimu ta' prestazzjoni, restrizzjonijiet tal-manifattura u proċeduri dwar ir-rekwiżiti li jissemmew hawn fuq.

    3.7

    F'dan ir-rigward, twaqqaf Kumitat ta' Esperti bl-għan li jadotta atti ddelegati li jirreaġġixxu għall-prinċipju standard ta' bażi tal-prestazzjoni, u b'hekk tiġi evitata l-impożizzjoni ta' obbligi sproporzjonati li jistgħu jippenalizzaw 'l-SMEs b'mod partikolari. Il-partijiet interessati ewlenin kollha huma involuti fil-Kumitat ta' Esperti.

    4.   Kummenti tal-KESE

    4.1   Flaps ta' wara

    4.1.1

    It-tul massimu awtorizzat tal-vetturi jista' jinqabeż l-aktar b'żewġ metri jekk il-flaps aerodinamiċi (li jingħalqu/jinġibdu 'l ġewwa) jkunu mwaħħla fuq wara.

    4.1.2

    Il-KESE jappoġġja l-innovazzjoni iżda jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tevita kull kunflitt ta' leġislazzjoni bejn din il-proposta (tolleranza ta' 2 metri) u l-leġislazzjoni tal-approvazzjoni tat-tip (Reg. 1230/2012) li tippermetti żieda ta' 50 ċm fuq wara fit-tul tal-vettura u li għandha tiġi aġġornata hekk kif tiġi adottata din il-proposta.

    4.1.3

    Barra dan, din il-proposta tgħid li t-twaħħil ta' tali tagħmir aerodinamiku għandu jkollu l-approvazzjoni tat-tip nazzjonali mill-Istat Membru li se joħroġ ċertifikat adatt li għandu jiġi aċċettat mill-bqija tal-Istati Membri kollha. Għall-kuntrarju, il-KESE fir-rigward tal-importanza ta' dak it-tagħmir, u anke f'termini ta' sikurezza, jirrakkomanda bil-qawwa li l-approvazzjoni tagħhom għandha tiġi inkluża fl-iskema attwali tal-approvazzjoni tat-tip Ewropea. L-approċċ nazzjonali jkun jirrappreżenta pass lura fir-rigward tal-approvazzjoni tat-tip għal vettura sħiħa.

    4.2   Semplifikazzjoni tal-kabina

    4.2.1

    Il-KESE jissuġġerixxi bil-qawwa li kemm id-Direttiva kif ukoll ir-riżultat tal-Kumitat ta' Esperti jinkludu dispożizzjonijiet speċifiċi dwar it-titjib tal-kumdità tal-kabina tas-sewwieq. Għadd dejjem jikber ta' sewwieqa li jagħmlu vjaġġi internazzjonali fi ħdan l-UE jqattgħu l-ħin tal-mistrieħ tagħhom fit-trakk, u hemm ukoll il-każ estrem tas-sewwieqa mhux residenti (sewwieqa li jaħdmu f'pajjiż differenti mill-pajjiż ta' residenza tagħhom) li effettivament jgħixu xhur sħaħ fit-trakk tagħhom. Huwa fundamentali li tittejjeb il-kabina tas-sewwieq. Dan it-titjib ċertament ikollu jirdoppja bl-infurzar tar-Regolament (KE) 561/2006 li jipprojbixxi li s-sewwieqa jieħdu l-ħin tal-mistrieħ tagħhom ta' kull ġimgħa fil-vettura, u bis-saħħa tal-miżuri biex jinbnew żoni ta' parkeġġ ġodda, li jkunu protetti u affordabbli.

    4.2.2

    Il-KESE jfakkar li d-disinn tal-kabina huwa eżerċizzju kumplikat, iqum il-flus u jirrikjedi l-ħin biex jiġi żviluppat. Konsegwentement il-produtturi għandu jkollhom biżżejjed ħin tat-tħejjija qabel l-implimentazzjoni.Għal din ir-raġuni, il-KESE jissuġġerixxi perjodu ta' tranżizzjoni li jiżgura kundizzjonijiet indaqs għall-produtturi kollha.

    4.3   Vetturi bi propulsjoni elettrika jew ibrida

    4.3.1

    Il-KESE jappoġġja l-eżenzjoni tal-piż mogħtija lil dawn il-vetturi, kemm it-trakkijiet kif ukoll il-kowċis, imma jirrakkomanda bil-qawwa li d-deroga tkun tista' tiġi applikata għal vetturi bi tliet fusijiet jew aktar.

    4.3.2

    Barra dan, il-KESE jemmen li l-vetturi ekoloġiċi kollha għandhom jiġu trattati bl-istess mod, skont il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika li saħansitra ġie kkonfermat ukoll mill-Kummissjoni Ewropea fil-Pjan ta' Azzjoni għal industrija tal-karozzi kompetittiva u sostenibbli fl-Ewropa "CARS2020" (3). Għal din ir-raġuni l-KESE jirrakkomanda li tingħata l-istess eżenzjoni għal sistemi oħrajn ta' propulsjoni u għal karburanti alternattivi, fejn is-soluzzjonijiet tekniċi jġibu magħhom toqol żejjed li jolqot b'mod negattiv il-kapaċità ta' tagħbija, jiġifieri vetturi li jaħdmu bl-idroġenu, bil-gass naturali kkompressat (CNG) u bil-gass naturali likwifikat (LNG).

    4.4   Kontejners tal-ħamsa u erbgħin pied għat-trasport intermodali

    4.4.1

    Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ il-proposta biex it-tul tal-vetturi li jintużaw għat-trasport tal-kontejners tal-45 pied jiġi estiż bi 15-il ċm.

    4.4.2

    Dan it-tip ta' kontejners, li żdiedu fin-numru tagħhom b'86 % bejn l-2000 u l-2010, u jirrappreżentaw 20 % tal-istokk globali tal-kontejners, b'sehem tas-suq ta' madwar 3 % fl-Ewropa, mhux se jkollhom aktar bżonn ta' permess speċjali, u b'hekk se jiġi ffaċilitat it-trasport intermodali.

    4.4.3

    Aspett dubjuż ta' din il-proposta hija l-ġustifikazzjoni għal-limitazzjoni rigward il-parti tat-triq fit-trasport kif prevista fl-Artikolu 11: mhux aktar minn 300 km tat-territorju tal-Unjoni Ewropea, jew sal-eqreb terminali li bejniethom ikun hemm servizz regolari. Tali dispożizzjoni tista' tkun pjuttost diffiċli biex tiġi interpretata u kkontrollata. Barra minn hekk jidher li huwa dubjuż ukoll it-trattament differenti tal-vjaġġi bit-triq minn/lejn it-trasport marittimu fuq distanza qasira fejn mhuma determinati ebda limiti u, jidher li hija permessa distanza itwal bit-triq, b'diskriminiazzjoni kontra l-arranġamenti l-oħrajn ta' trasport intermodali.

    4.5   Tagħmir ta' ppeżar abbord

    4.5.1

    Huwa magħruf li l-ispezzjonijiet tal-vetturi fir-rigward ta' tagħbija żejda ta' spiss ma jkunux effiċjenti u fi kwantità biżżejjed, u dan jipperikola s-sikurezza tat-toroq, b'inċidenza għolja ta' ksur li jagħti vantaġġ kompetittiv lit-trasportaturi li ma jimxux mar-regoli rilevanti.

    4.5.2

    Biex jitwaħħal tali tagħmir abbord mhuwiex kompitu faċli, ma jeżistux soluzzjonijiet tekniċi għat-tipi kollha ta' vetturi u se jkun kumplikat ħafna u bi spiża kbira biex niksbu sistema preċiża biżżejjed sabiex tintuża bħala għodda għall-infurzar. Barra minn hekk dan it-tip ta' tagħmir jista' jitwaħħal biss fuq vetturi ġodda u jeżisti r-riskju li l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw sistemi differenti li jwassal għal frammentazzjoni tas-suq.

    4.5.3

    L-istess kejl jista' jinkiseb meta bejn wieħed u ieħor tiġi rduppjata l-WIM eżistenti u jidher li din tista' tkun soluzzjoni prattika tajba anke skont il-valutazzjoni tal-impatt ta' din il-proposta fejn il-benefiċċji għall-Istati Membri huma stmati li jkunu ħafna akbar mill-ispejjeż.

    4.6   Sistema modulari Ewropea/Kunċett modulari

    4.6.1

    Dan is-suġġett sar iżjed sensittiv u kontroversjali mindu l-approvazzjoni tad-Direttiva attwali fl-1996, meta ġiet aċċettata d-deroga marbuta mal-kunċett modulari wara l-adeżjoni tal-Finlandja u l-Isvezja fl-UE, fejn l-LHVs kienu diġà qed joperaw bejn iż-żewġ pajjiżi.

    4.6.2

    Fil-qosor, l-EMS tikkonsisti f'arranġament flimkien tal-itwal semitrejler b'tul massimu ta' 13,60 m mal-itwal trasportatur tat-tagħbija (load-carrier) b'tul massimu ta' 7,82 m li huma permessi fl-UE. Ir-riżultat huwa vettura b'tul massimu ta' 25,25 m b'piż gross li jilħaq is-60 tunnellata, filwaqt li fil-pajjiżi tal-UE li ma jippermettux l-EMS it-tul massimu huwa ta' 16,50 m għall-vetturi artikolati u ta' 18,75 m għall-ferroviji tat-triq (road trains) b'piż gross li jilħaq l-40 tunnellata (sa 44 tunnellata meta jġorru kontejners ta' 40/45 pied fit-trasport intermodali).

    4.6.3

    Il-punti favur jew kontra l-EMS huma magħrufin u b'xi mod jidhru fid-diversi laqmijiet li jingħatawlhom, li jvarjaw minn "eco combi" u "euro combi" sa "giga-liners", "mega trucks", "super lorries" u aktar.

    4.6.4

    Dawk favur l-EMS jenfasizzaw li se ttejjeb is-sistema loġistika tal-kontinent Ewropew. Żewġ LHVs jistgħu jissostitwixxu tliet vetturi tqal tal-merkanzija (heavy goods vehicles – HGVs) li joperaw bħalissa; u b'hekk in-numru ta' vjaġġi jonqos b'madwar 30 %, il-konsum tal-karburant jonqos bi 15 % u jsir iffrankar ta' spejjeż ta' aktar minn 20 %. Dan kollu jkun jippermetti aktar vantaġġi rigward l-ambjent, il-konġestjoni, id-degradazzjoni tat-toroq u s-sikurezza tagħhom.

    Il-kamp oppost juża bejn wieħed u ieħor l-istess argumenti biex jgħid il-maqlub: l-EMS hija riskju għas-sikurezza tat-traffiku fit-triq, b'impatt kbir fuq l-infrastruttura tat-toroq u pressjoni akbar fuq l-ambjent. Jekk tirnexxi, tista' traħħas it-trasport bit-triq u żżid it-traffiku tat-toroq, billi t-trasport tal-oġġetti minflok bil-ferrovija jibda jsir bit-triq.

    4.6.5

    Dawn il-fehmiet opposti ma jinstabux biss fost il-partijiet interessati imma saħansitra wkoll fost l-Istati Membri. Kif issemma diġà l-Finlandja u l-Isvezja ilhom jawtorizzaw l-EMS għal żmien twil u l-Pajjiżi l-Baxxi għamlu l-istess fl-2008, wara snin twal ta' ttestjar. Il-Ġermanja, il-Belġju u d-Danimarka għadhom għaddejjin bil-provi filwaqt li Stati Membri oħrajn iddikjaraw li huma kontra l-EMS fit-territorju tagħhom.

    4.6.6

    Dak li qed tipproponi issa l-Kummissjoni Ewropea mhuwa xejn aktar minn kjarifika tat-test tad-Direttiva attwali, liema test kien jitqies pjuttost ambigwu. Il-punti ewlenin huma:

    l-użu tal-EMS huwa għażla li trid titħalla f'idejn l-Istati Membri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, abbażi tal-kondizzjonijiet lokali differenti, u b'konformità man-newtralità fil-mod tat-trasport tal-UE;

    l-ebda Stat Membru ma huwa obbligat juża l-EMS, iżda għandu d-dritt jipprojbixxi t-traffiku tal-EMS fit-territorju tiegħu;

    l-EMS tista' taqsam il-fruntiera ta' Żewġ Stati Membri maġenb xulxin li jawtorizzaw l-użu tagħha sakemm l-operazzjonijiet tat-trasport jibqgħu ristretti għal dawk iż-żewġ Stati Membri f'netwerks ta' toroq.

    4.6.7

    Il-KESE jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-EMS hija dik it-tajba, kemm legalment kif ukoll politikament.

    4.6.8

    Il-Kummissjoni Ewropea la tista' timponi projbizzjoni u lanqas liberalizzazzjoni dwar l-EMS mingħajr ma tkun qed tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà u n-newtralità tal-mod ta' trasport. Fil-fehma tal-KESE huwa f'idejn l-Istati Membri biex jieħdu deċiżjoni wara li jkunu wettqu l-analiżi tal-kost-benefiċċju tagħhom stess

    4.6.9

    Fuq perjodu ta’ żmien itwal, kif diġà kien suġġerit f'Opinjoni preċedenti tal-KESE (4), għandu jiġi vvalutat jekk l-użu ta’ vetturi tat-triq iżjed twal li jaħdmu b’karburanti ġodda jistax jintrabat mal-iżvilupp ta’ kurituri multimodali li fil-Pjan Direzzjonali huma kkunsidrati parti mill-core network tat-TEN-T.

    Brussell, 11 ta’ Lulju 2013.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  Għall-ġarr tal-passaġġieri: M2 (minn 8+1 sits b'massa mass. < 5 tunnellati); M3 (l-istess numru ta' sits bħal f'M2 iżda b'massa mass. > 5 tunnellati). Għall-ġarr tat-tagħbija: N2 (massa mass. > 3.5 u < 12-il tunnellata); N3 (massa mass. > 12-il tunnellata); O2 (trejlers b'massa mass. > 0.75 u < 3.5 tunnellati); O3 (trejlers b'massa mass. > 3.5 u < 10 tunnellati); O4 (trejlers b'massa mass. > 10 tunnellati).

    (2)  COM(2011) 144 final.

    (3)  COM(2012) 636 final.

    (4)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146-153.


    Top