This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AE3357
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Proposal for a Regulation of the European Parliament and of the Council on the Proposal on multiannual funding for the action of the European Maritime Safety Agency in the field of response to pollution caused by ships and to marine pollution caused by oil and gas installations’ COM(2013) 174 final — 2013/0092 COD
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass” COM(2013) 174 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il- “Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass” COM(2013) 174 final
ĠU C 327, 12.11.2013, p. 108–110
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
12.11.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 327/108 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass”
COM(2013) 174 final
2013/C 327/18
Relatur: Dr BREDIMA
Nhar is-16 ta’ April u nhar it-18 ta’ April 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċiedew, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass
COM(2013) 174 final.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-20 ta' Ġunju 2013.
Matul l-491 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-10 u l-11 ta' Lulju 2013 (seduta tal-10 ta' Lulju), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’ 179 voti favur, vot kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet
1.1 |
Il-KESE jappoġġja ż-żieda fil-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) minn EUR 154 miljun għal EUR 160,5 miljun għall-perjodu 2014-2020, taħt ir-Regolament propost. Huwa jerġa' jtenni l-appoġġ tiegħu għall-estensjoni tal-kompetenza tal-EMSA taħt ir-Regolament 100/2013. |
1.2 |
L-adozzjoni tar-Regolament propost ħabtet fil-mument kritiku tas-sejba ta' għelieqi taż-żejt u tal-gass fir-Reġjun tal-Lvant tal-Mediterran u inizjattivi sussegwenti għall-isfruttament rapidu ta' dawn is-sorsi permezz ta' tħaffir fil-baħar. Dawn l-attivitajiet ser ikunu sfida għall-kapaċità tal-EMSA li tirrispondi għall-perikli potenzjali tat-tħaffir fil-baħar u t-trasportazzjoni taż-żejt u l-gass. |
1.3 |
Filwaqt li jappoġġja l-pakkett finanzjarju propost, il-KESE jemmen li dan jista' ma jkunx biżżejjed biex ikunu jistgħu jittieħdu l-azzjonijiet kollha li hemm bżonn matul il-perjodu stabbilit ta' seba' snin u dan minħabba dawn l-isfidi: iż-żieda fil-flussi tat-traffiku (iktar tankers taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar), iż-żieda fit-tħaffir għall-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-ibħra ta' madwar l-UE u iktar stati kostali u gżejjer li saru Stati Membri tal-UE. Il-kapaċità limitata ta' rispons għall-emerġenza fil-każ ta' inċidenti kbar, tista' tirriżulta f'żieda fl-ispejjeż esterni. |
1.4 |
Il-KESE jemmen li probabbilment id-19-il bastiment disponibbli mhux sa jkunu biżżejjed biex bihom iż-żoni tal-kosta kollha tal-UE jkunu jistgħu jassistu lill-Istati Membri biex inaddfu t-tniġġis tal-baħar. Probabbilment, il-fondi l-anqas mhu ser ikunu biżżejjed biex jippermettu li jkomplu jiġu żviluppati immaġni bis-satellita li jidentifikaw it-tniġġis tal-bastimenti u jgħinu biex jeliminawh fiż-żona kollha tal-UE. |
1.5 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-EMSA biex tuża l-kompetenza li għadha kemm kisbet fil-ġlieda kontra l-piraterija marittima. L-istrumenti ta' sorveljanza bis-satellita tal-EMSA jistgħu jkunu ta' għajnuna kbira biex jiġu identifikati l-bastimenti tal-piraterija. |
1.6 |
Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward ta' kemm l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi qraba għadhom mgħammra tajjeb sabiex jirrispondu għal inċidenti kbar bħal Erika u Prestige jew diżastru bħad-Deepwater Horizon. |
1.7 |
Il-KESE jistieden lill-UE, l-Istati Membri u l-Istati kostali u qraba ġodda tagħha biex isaħħu l-implimentazzjoni ta' dawn il-Konvenzjonijiet reġjonali elenkati fil-Memorandum ta' spjegazzjoni tar-Regolament propost: il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki, il-Konvenzjoni ta' Barċellona, il-Ftehim ta' Bonn, il-Konvenzjoni ta' OSPAR, il-Ftehim ta' Lisbona (li għad irid jidħol fis-seħħ) u l-Konvenzjoni ta' Bucharest. |
1.8 |
Il-KESE jistieden lill-EMSA sabiex tieħu azzjoni biex tidentifika l-faċilitajiet ta' akkoljenza għar-residwi taż-żejt fil-portijiet tal-UE kif ukoll fil-portijiet tal-Istati qraba tagħha. |
2. Il-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea
2.1 |
Fit-3 ta' April 2013, il-Kummissjoni Ewropea ressqet Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar finanzjament pluriennali għall-azzjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima fil-qasam tar-reazzjoni għat-tniġġis ikkawżat minn vapuri u għat-tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass (1). |
2.2 |
Ir-Regolament 2038/2006 (2) (18/12/2006) stabbilixxa fondi pluriennali għall-azzjoni tal-EMSA b'rispons għat-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti mill-1/1/2007-31/12/2013. |
2.3 |
Ir-Regolament 100/2013 (15/1/2013) ta kompiti prinċipali ġodda lill-EMSA: li tirrispondi għat-tniġġis li jikkawżaw l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass u estenda s-servizzi tal-EMSA fil-pajjiżi koperti mill-politika tat-tkabbir u mill-Politika Ewropea tal-Viċinat (3). L-Opinjoni attwali prinċipalment tevalwa l-adattament tal-finanzjament tal-EMSA għal dawn id-dmirijiet ġodda tagħhha. Il-finanzjament propost jammonta għal EUR 160,5 miljun għal perjodu ta' seba' snin (1/1/2014 – 31/12/2020). |
3. Kummenti Ġenerali
3.1 |
Il-KESE jappoġġja ż-żieda fil-baġit tal-EMSA taħt ir-Regolament propost minn EUR 154 miljun għal EUR 160,5 miljun għall-perjodu 2014-2020. Huwa jerġa' jtenni l-appoġġ tiegħu għall-estensjoni tal-kompetenza tal-EMSA taħt ir-Regolament 100/2013. Dan l-appoġġ jikkonforma ma' sensiela ta' opinjonijiet tal-KESE (4) dwar ir-rwol tal-EMSA. |
3.2 |
Ir-Regolament 100/2003 jagħti l-kompetenza lill-EMSA li tintervjeni fil-każ ta' tixrid taż-żejt ikkawżat minn pjattaformi taż-żejt u tal-gass fuq il-baħar, kif ukoll tniġġis iġġenerat mill-bastimenti. Din il-kompetenza ngħatat wara l-każ tad-Deepwater Horizon, fejn inxtered fil-baħar iż-żejt minn pjattaforma tat-tħaffir, u l-isplużjoni fil-Golf tal-Messiku (April 2010). Il-KESE jifhem li l-għan ġenerali tal-proposta tal-Kummissjoni huwa li permezz tal-EMSA l-UE tiżgura rispons effettiv għat-tniġġis li jikkawżaw il-bastimenti u l-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass kif ukoll servizzi sostenibbli u effettivi ta' rispons għat-tniġġis lill-Istati milquta. L-Istati Membri jistgħu jqisu dan l-appoġġ huma u jfasslu/jirrevedu l-pjani nazzjonali tagħhom għar-rispons lejn it-tniġġis marittimu. |
3.3 |
Il-KESE jifhem li l-baġit propost huwa mmirat li jagħti l-kapaċità lill-EMSA li żżomm in-netwerk tagħha ta' Reazzjoni għat-Tixrid taż-Żejt li huwa mifrux fuq iż-żoni marittimi tal-UE u li ser jintuża ammont limitat ta' bastimenti ġodda biex jiġġieldu t-tniġġis ikkawżat mill-bastimenti u l-installazzjonijiet fuq il-baħar. Mhux mistenni li jkun hemm fondi għat-tagħmir għall-irkupru taż-żejt li fil-perjodu 2014-2020 jistgħu ma jibqgħux l-aħjar li jistgħu jkunu. |
3.4 |
Il-KESE jifhem li l-monitoraġġ CleanSeaNet tal-installazzjonijiet tal-baħar għat-tixtrid illegali tas-sustanzi ser isir permezz ta' immaġnijiet bis-satelitta użati b'mod konġunt hekk kif ordnat li jsir għall-monitoraġġ tal-bastimenti tat-tniġġis. Il-KESE jirreferi għal Opinjoni preċedenti (5) li tgħid li fid-dawl tal-ispejjeż assoċjati mas-servizz tal-immaġni bis-satellita huwa jemmen li l-użu tar-riżorsi għandu jiġi ottimizzat u b'mod partikolari li l-użu tal-immaġni għandu jiġi koordinat bejn l-Istati Membri; dan jista' jwassal għal frankar konsiderevoli fl-ispejjeż. Fl-istess waqt hemm bżonn li jsir investiment fit-titjib tal-ġbir tal-immaġni fiż-żoni marittimi Ewropej billi l-kopertura attwali mhix ġenwinament komprensiva, b'mod partikolari fż-żona tal-Mediterran. |
3.5 |
Il-KESE jifhem li l-finanzjament mhux ser ikun immirat li jipprovdi assistenza teknika u jew bini tal-kapaċita fil-pajjiżi tal-viċinat tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. |
3.6 |
L-adozzjoni tar-Regolament propost ħabtet fil-mument kritiku ta' skoperta ta' sorsi ġodda ta' enerġija fl-UE. Fir-Reġjun tal-Baħar tal-Mediterran b'mod partikolari, l-iskoperta ta' depożiti ġodda taħt il-baħar taż-żejt u tal-gass u t-tħaffir sussegwenti għall-isfruttament rapidu ser ikunu sfida għall-kapaċitajiet tal-EMSA li tirrispondi għall-isfidi potenzjali involuti. Jeħtieġ li l-EMSA jkollha ħafna riżorsi sabiex tkun tista' taqdi r-rwol sħiħ tagħha f'dan ir-rigward. Iż-żieda fit-traffiku tal-bastimenti u b'mod partikolari tankers/LNGs, l-iskoperta ta' depożiti ġodda taż-żejt u tal-gass u l-attivitajiet ta' tħaffir ser jirrikjedu iktar bastimenti fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed. 19-il bastiment għaż-żona kostali kollha tal-UE għall-perjodu bejn l-2014-2020 hija stima ottimista u li tista' tkun modesta wisq fiċ-ċirkustanzi. |
3.7 |
L-estensjoni tal-kompetenza tal-EMSA f'dan il-qasam ser tirrikjedi iktar żvilupp tas-servizz ta' immaġni bis-satellita għas-sorveljanza, l-individwazzjoni bikrija tat-tniġġis u l-identifikazzjoni tal-vapuri jew tal-installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass responsabbli. Id-disponibbiltà tad-data u l-effettività tar-rispons lejn it-tniġġis għandhom jittejbu. |
3.8 |
Il-KESE jinsab imħasseb fir-rigward ta' kemm l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi qraba għadhom mgħammra tajjeb sabiex jirrispondu għal inċidenti kbar bħal Erika u Prestige jew diżastru bħal tad-Deepwater Horizon. |
3.9 |
Fid-dawl ta' dawn il-kunsiderazzjonijiet il-KESE jemmen li għandhom jiġu allokati iktar riżorsi sabiex: jinbidel it-tagħmir ta' rispons għat-tniġġis taż-żejt li jinsab fuq il-bastimenti kuntrattati, jiġu provduti bastimenti addizzjonali ta' emerġenza għall-irkupru taż-żejt li jkopru ż-żoni b'installazzjonijiet fuq il-baħar li attwalment huma ġeografikament mbiegħda (eż. l-Arktiku), jinxtraw kapaċitajiet dispersivi u tagħmir addizzjonali għat-tixrid fuq il-baħar, jiġu estiżi s-servizzi tal-CleanSeaNet f'żoni fejn hemm installazzjonijiet tal-baħar u tiġi koperta l-għajnuna għall-pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat. |
3.10 |
Il-KESE jħeġġeġ lill-EMSA biex tuża l-kompetenza ġdida tagħha fil-ġlieda kontra l-piraterija marittima. L-istrumenti u d-data tal-EMSA, b'mod partikolari s-sorveljanza bis-satellita, ser ikunu utli biex jiġu identifikati l-bastimenti tal-piraterija. Il-provvista ta' data dwar il-pożizzjonament tal-bastimenti għandha ssir wieħed mill-kompiti prinċipali tal-EMSA dejjem fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali. Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn tal-assistenza tal-EMSA fil-ġlieda kontra l-piraterija fl-Opinjoni tiegħu Il-piraterija marittima: it-tisħiħ tar-reazzjoni tal-UE (16/1/13) u s-Seduta Pubblika rilevanti (24/1/13). |
4. Kummenti Speċifiċi
4.1 Artikolu 2: Definizzjonijiet
Id-definizzjoni ta' "żejt" taħt ir-Regolament propost tirreferi għad-definizzjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għat-Tniġġis miż-Żejt, 1990. Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex isaħħu l-implimentazzjoni ta' din il-Konvenzjoni.
4.2 Artikolu 2: Definizzjonijiet
Id-definizzjoni ta' "sustanzi perikolużi u li jagħmlu l-ħsara" tirreferi għad-definizzjoni tal-Protokoll dwar Preparazzjoni, Rispons u Koperazzjoni għal Inċidenti ta' Tniġġis minn Sustanzi Perikolużi u Li Jagħmlu l-Ħsara, 2000. Il-KESE jistieden lill-UE u lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan, li jinkludu u jimplimentaw il-Protokoll imsemmi.
4.3 Artikolu 4: Finanzjament Komunitarju
4.3.1 |
Il-KESE jifhem li l-appoġġ tal-EMSA għall-pajjiżi koperti mill-politika tat-tkabbir u mill-Politika Ewropea tal-Viċinat għandu jiġi ffinanzjat permezz ta' programmi eżistenti tal-UE għal dawn il-pajjiżi u għalhekk ma għandux jagħmel parti minn dan il-qafas finanzjarju pluriennali. |
4.3.2 |
Filwaqt li jappoġġja l-qafas finanzjarju propost, il-KESE jiddubita kemm ser ikun biżżejjed biex jippermetti l-azzjonijiet li hemm bżonn matul il-perjodu ta' seba' snin fid-dawl tal-isfidi li jeżistu: żieda fil-flussi tat-traffiku (iktar tankers taż-żejt u tal-gass) u żieda fl-attivitajiet tat-tħaffir għall-isfruttament taż-żejt u tal-gass fl-ibħra ta' madwar l-UE. It-tnaqqis fil-kapaċità ta' rispons għall-emerġenza jista' jirriżulta f'żieda fl-ispejjeż esterni fil-każ ta' inċidenti kbar. |
4.4 Artikolu 5: Monitoraġġ ta' kapaċitajiet eżistenti
Fir-rigward tal-lista tal-mekkaniżmi tal-privat u tal-Istat ta' rispons għat-tniġġis fl-UE, il-KESE jħeġġeġ li l-azzjoni tinkludi mekkaniżmi simili fl-Istati kostali viċin li mhumiex membri tal-UE billi t-tniġġis marittimu m'għandux fruntieri. Barra minn hekk, minkejja li din l-Opinjoni tirrigwarda biss it-tniġġis ikkawżat minn inċidenti, il-KESE jistieden lill-EMSA sabiex tidentifika wkoll faċilitajiet ta' akkoljenza mhux adegwati fil-portijiet tal-UE kif ukoll fil-portijiet tal-Istati kostali viċin. It-tniġġis operazzjonali, b'kuntrast mat-tniġġis ikkawżat minn inċident huwa tema ħafna inqas sensazzjonali u li tiġbed inqas l-attenzjoni tal-mezzi tax-xandir iżda b'mod globali jikkawża inqas tniġġis fil-baħar.
4.5 Il-KESE jistieden lill-UE, l-Istati Membri u l-istati kostali u qraba ġodda tagħha biex isaħħu l-implimentazzjoni ta' dawn il-Konvenzjonijiet reġjonali elenkati fil-Memorandum ta' spjegazzjoni tar-Regolament propost: il-Konvenzjoni ta' Ħelsinki, il-Konvenzjoni ta' Barċellona, il-Ftehim ta' Bonn, il-Konvenzjoni ta' OSPAR, il-Ftehim ta' Lisbona (li għadu jrid jidħol fis-seħħ) u l-Konvenzjoni ta' Bucharest. Il-KESE jemmen li l-eżerċizzji kontra t-tniġġis organizzati b'mod konġunt minn dawn il-Konvenzjonijiet għandhom ikomplu jiġu promossi u l-iskambju tal-esperti fil-qasam tat-tniġġis marittimu huwa essenzjali. Il-programm EMPOLLEX (Marine Pollution Expert Exchange Programme) għandu jiffaċilita għalhekk żieda fin-numru ta' skambji bħal dawn bejn l-Istati Membri.
4.6 Il-KESE jisħaq fuq il-bżonn li l-Istati kostali ġirien jimplimentaw bis-sħiħ il-Konvenzjoni marittima prinċipali, il-Konvenzjoni tal-Liġi tal-Baħar tan-NU (UNCLOS) (1982) li tipprovdi bażi legali għall-azzjoni fil-qasam tat-tniġġis marittimu, it-tħaffir fil-baħar u t-trasportazzjoni sigura bil-baħar.
4.7 Il-bastimenti kuntrattati għandhom kapaċitajiet kbar ta' ħżin taż-żejt irkuprat u għażla ta' sistemi ta' rkupru taż-żejt. Il-KESE jemmen li l-bastimenti kuntrattati għandhom jitħallew jintużaw għal operazzjonijiet ta' trasferiment tal-merkanzija, trasferimenti bejn bastiment u ieħor u għall-ħażna ta' żejt irkuprat mill-baħar.
Brussell, 10 ta’ Lulju 2013.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) COM(2013) 174 final.
(2) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 1.
(4) ĠU C 76 14.03.2013, p. 15.
(5) ĠU C 28, 3.2.2006, p. 16 (mhux disponibbli bil-Malti).