This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013AB0035
Opinion of the European Central Bank of 23 May 2013 on a proposal for a Council regulation on denominations and technical specifications of euro coins intended for circulation (CON/2013/35)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 23 ta’ Mejju 2013 dwar proposta għal regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (CON/2013/35)
Opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat- 23 ta’ Mejju 2013 dwar proposta għal regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (CON/2013/35)
ĠU C 176, 21.6.2013, p. 11–11
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.6.2013 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 176/11 |
OPINJONI TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-23 ta’ Mejju 2013
dwar proposta għal regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni
(CON/2013/35)
2013/C 176/03
Introduzzjoni u bażi legali
Fis-16 ta’ Mejju 2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) irċieva talba mingħand il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għal opinjoni dwar proposta għal regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (1) (minn hawn ’il quddiem “ir-regolament propost”).
Il-kompetenza tal-BĊE li jagħti opinjoni hija bbażata fuq l-Artikoli 127(4) u 128(2), l-Artikolu 133 u l-Artikolu 282(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, peress illi r-regolament propost jirrigwarda d-denominazzjonijiet u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 17.5 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew, il-Kunsill Governattiv adotta din l-opinjoni.
Skop u kontenut
Ir-regolament propost fil-biċċa l-kbira jirriproduċi l-kontenut tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni (2), u tinkorpora r-rakkomandazzjonijiet stipulati fl-Opinjoni tal-BĊE CON/2011/18 (3) biex jiġi emendat l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 u l-Anness I tiegħu, u biex titħassar il-premessa 13.
B’mod partikolari, l-emendi jissostitwixxu l-valuri eżistenti kollha relatati mal-ħxuna tal-muniti fit-tabella li tinsab fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 975/98 bil-valuri tal-ħxuna vera tal-muniti tal-euro. Dawn il-valuri huma magħrufa sew u użati bħala valuri ta’ referenza miz-zekek biex jipproduċu muniti tal-euro.
Osservazzjonijiet ġenerali
Il-BĊE jilqa’ din l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jiġi fformulat mill-ġdid ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 975/98 peress li r-regolament propost iqis u jinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-BĊE preċedenti fir-rigward tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro.
Magħmula fi Frankfurt am Main, it-23 ta’ Mejju 2013.
Il-President tal-BĊE
Mario DRAGHI
(1) COM(2013) 184 final.
(2) ĠU L 139, 11.5.1998, p. 6.
(3) Opinjoni CON/2011/18 tal-4 ta’ Marzu 2011 dwar proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar denominazzjonijiet u speċifikazzjonijiet tekniċi tal-muniti tal-euro maħsuba għaċ-ċirkolazzjoni, (ĠU C 114, 12.4.2011, p. 1). L-opinjonijiet kollha tal-BĊE huma ppubblikati fil-websajt tal-BĊE fuq http://www.ecb.europa.eu