Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012SC0351

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-ISTIMA TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn

/* SWD/2012/0351 final */

52012SC0351

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-ISTIMA TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-Fond għall-Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn /* SWD/2012/0351 final */


1.           L-introduzzjoni u l-kwistjonijiet proċedurali

Fl-Istrateġija tagħha għall-2020, l-Unjoni Ewropea stabbilixxiet l-objettiv li tnaqqas b'mill-anqas 20 miljun in-numru ta' persuni li jinsabu fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali. Madankollu, il-faqar u l-esklużjoni soċjali qed jiżdiedu f’bosta Stati Membri, u dan iqajjem tħassib dwar il-konsegwenzi soċjali għall-individwi u għas-soċjetà b'mod ġenerali. B'kuntrast mal-ħtiġijiet li dejjem qed jiżdiedu, ir-rieda u l-ħila tal-Istati Membri li jappoġġaw dawk li jinsabu fil-marġini tas-soċjetà tagħna f'ħafna każijiet naqsu. Ħafna drabi l-livell Ewropew jitqies bħala (ko-)responsabbli għal dawn l-iżviluppi.

Il-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn inħoloq fl-1987 sabiex il-prodotti agrikoli żejda jintużaw b'mod utli. Fin-nuqqas mistenni ta' stokkijiet ta' intervent jew tal-inqas l-imprevidibilità għolja matul il-perjodu bejn l-2011 u l-2020, il-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn tilef il-motivazzjoni oriġinali u se jispiċċa fi tmiem l-2013.

Madankollu, għad hemm ħtieġa ta' assistenza materjali għall-persuni l-aktar fil-bżonn. Fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni rriflettiet fuq dan u rriżervat baġit ta’ EUR 2,5 biljun. L-istrument ewlieni tal-Unjoni sabiex issostni l-opportunitajiet tax-xogħol, tiġġieled il-faqar u tippromwovi l-inklużjoni huwa u se jibqa' l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Analiżi legali wriet li jinħtieġ strument separat billi l-bażi legali tal-FSE (l-Artikolu 162 tat-TFUE) tirrikjedi rabta qrib biżżejjed bejn l-attivitajiet appoġġati u l-impjiegi jew il-mobilità. Din il-valutazzjoni tal-impatt teżamina l-firxa ta' interventi li jistgħu jiġu appoġġati mill-Fond għall-Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn (, FEAD).

2.           Il-konsultazzjonijiet

Id-diskussjonijiet fil-Kunsill, fil-Parlament u mas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali dwar l-għajnuna attwali għal dawk l-aktar fil-bżonn fil-qafas tal-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn jipprovdu għarfien u ideat utli għall-ġejjieni.

It-tnaqqis sinifikanti propost fl-appoġġ fl-2012 skont l-iskema tal-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn wara d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta' April 2011 wassal għal għadd kbir ta’ reazzjonijiet negattivi. Ħafna saħqu fuq l-importanza ta' dan l-appoġġ u talbu biex l-iskema tissokta fi żmien meta l-ħtiġijiet kienu qegħdin jiżdiedu.

L-organizzazzjonijiet kbar tal-karità u tas-soċjetà ċivili li jirrappreżentaw il-banek tal-ikel, kif ukoll l-organizzazzjonijiet li jaħdmu mat-tfal u mal-persuni bla dar tennew il-ħtieġa għal appoġġ li għandu jiġi pprovdut lil hinn mill-2013 u kkuntattjaw lil rappreżentanti tal-Istati Membri kif ukoll lill-President tal-Kunsill Ewropew. L-awtoritajiet lokali jappoġġaw ukoll l-issoktar.

Sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet, saru żewġ laqgħat ma' assoċjazzjonijiet ċentralizzati li jirrappreżentaw mhux biss il-benefiċjarji iżda wkoll il-benefiċjarji aħħarija reali. B'mod ġenerali t-twessigħ possibbli tal-ambitu tal-istrument lil hinn mill-għajnuna għall-ikel, il-fatt li l-persuni jitpoġġew fiċ-ċentru tal-istrument, intlaqa' tajjeb iżda l-assoċjazzjonijiet ilmentaw dwar it-tnaqqis fil-baġit.

L-opinjonijiet tal-Istati Membri dwar strument bħal dan huma maqsuma: seba' Stati Membri jqisu l-appoġġ alimentari bħala politika soċjali u kompetenza nazzjonali. Oħrajn argumentaw bil-qawwa favur l-iskema abbażi ta' raġunijiet soċjali u politiċi. Tlettax-il Stat Membru ħarġu dikjarazzjoni f'Diċembru 2011, fejn talbu biex il-programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-persuni l-aktar fil-bżonn jissokta wara l-2013. Il-Parlament Ewropew esprima ripetutament u f'isem il-gruppi politiċi kollha l-appoġġ qawwi għall-issoktar tal-programm.

F'Diċembru 2011, 11-il assoċjazzjoni ċentralizzata kitbu lill-Kummissarju u lid-Direttur Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni fejn talbu biex isir progress lejn Strateġija tal-UE għall-persuni mingħajr dar. Fil-Programmi tagħhom ta’ Riforma Nazzjonali għall-2012, mill-inqas nofs l-Istati Membri rreferew għall-persuni mingħajr dar bħala kwistjoni prijoritarja fil-politiki tagħhom dwar l-inklużjoni soċjali. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew sejjaħ għal strateġija tal-UE dwar il-persuni mingħajr dar, l-ewwel f'dikjarazzjoni bil-miktub (fl-2010) u mbagħad f'riżoluzzjoni (fl-2011).

Il-Patt dwar it-Tkabbir u l-Impjiegi adottat mill-Kunsill Ewropew fid-29 ta' Ġunju 2012 josserva li "fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, l-Istati Membri se jagħmlu enfasi partikolari fuq l-aspetti li ġejjin... it-trattament tal-qgħad u tal-konsegwenzi soċjali tal-kriżi b'mod effettiv […u] u żvilupp u implimentazzjoni ta' politiki effettivi biex jikkumbattu l-faqar u jappoġġaw il-gruppi vulnerabbli".

3.           Id-definizzjoni tal-problema

Filwaqt li l-istrument propost huwa wieħed ġdid, huwa rilevanti li wieħed iħares lejn il-Programm tal-UE eżistenti għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn li huwa l-uniku programm tal-Unjoni Ewropea li bħalissa jilħaq direttament il-persuni l-aktar fil-bżonn fl-UE.

Il-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn qatt ma fittex li jsolvi l-faqar alimentari. Madankollu, f’ħafna każijiet il-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn jirrappreżenta s-sors ewlieni ta' għajnuna għall-ikel. Matul id-diskussjonijiet mal-assoċjazzjonijiet ċentralizzati, kulħadd insista li l-previdibbiltà tal-appoġġ Ewropew peremezz tal-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn kienet element essenzjali għall-operazzjonijiet tagħhom. It-terminazzjoni tal-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn mingħajr sostituzzjoni thedded lil dan l-acquis u tista' titqies bħala turija tan-nuqqas ta' interess tal-Unjoni Ewropea li tqajjem mistoqsijiet soċjali.

Hemm effett ta' ingranaġġ konsiderevoli billi l-organizzazzjonijiet tal-karità involuti jipprovdu l-parti l-kbira tal-mezzi għat-tmexxija tad-distribuzzjoni tal-għajnuna għall-ikel u partijiet mill-għajnuna għall-ikel innfisha. Il-proporzjon tar-riżorsi totali mobilizzati mal-kontribut tal-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn huwa madwar 3.

Hemm inċertezza fir-rigward tal-firxa u tal-impatt tal-programm. Madankollu, l-approċċ miftuħ eżistenti għad-definizzjoni tal-grupp fil-mira huwa adegwat mal-benefiċjarji. Barra minn hekk, il-kriterji dettaljati jimponu piżijiet amministrattivi akbar u jżidu l-ispiża għall-assistenza billi dawn il-kriterji jridu jiġu ċċekkjati.

Tmienja fil-mija taċ-ċittadini Ewropej kollha jew madwar 40 miljun jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ tiċħid materjali serju u ma jistgħux jaffordjaw għadd ta' neċessitajiet li jitqiesu essenzjali fl-Ewropa biex jgħixu ħajja deċenti. Il-faqar u l-esklużjoni soċjali mhumiex uniformi madwar l-UE. B'mod ġenerali, il-problemi huma aktar akuti fl-Istati Membri tal-Lvant u tan-Nofsinhar.

Minbarra li aggravat il-livelli ta' faqar u esklużjoni soċjali li diġà kienu jeżistu qabel, il-kriżi ekonomika naqqset ukoll l-abbiltà ta' għadd ta' Stati Membri li jsostnu n-nefqa soċjali u l-investiment f’livelli suffiċjenti biex titreġġa’ lura din ix-xejra negattiva. Fil-perjodu bejn l-2009 u l-2012, il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali in natura mistennija li jonqsu b'mod relattiv mal-PDG fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Il-benefiċċji tal-ħarsien soċjali fi flus għandhom jonqsu b'mod relattiv mal-PDG fi kważi nofs l-Istati Membri.

L-inabbiltà li jinkiseb aċċess għal kwantitajiet u kwalitajiet xierqa tal-ikel, kienet tikkonċerna 8,7 % tal-popolazzjoni Ewropea fl-2010. L-għadd ta' persuni li ma għandhomx biżżejjed ikel naqsu b'mod stabbli sal-2009 meta x-xejra reġgħet inqalbet. L-appoġġ soċjali pprovdut mill-Istati Membri, u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali qatt jew rarament jiffoka speċifikament fuq l-aċċess għall-ikel, ħlief għas-sussidji għal canteens, jew għall-ikliet imwassla fid-dar għall-anzjani jew għall-persuni b'diżabilità.

Forma partikolarment serja ta' tiċħid materjali hija l-problema tal-persuni mingħajr dar. Madankollu, huwa diffiċli li wieħed jikkwantifika l-għadd ta' persuni mingħajr dar u d-dejta għandha titjieb. Madankollu, l-istimi jindikaw li fl-2009 u fl-2010 kienu jgħixu 4,1 miljun ruħ mingħajr dar fl-Ewropa. Il-problema tal-persuni mingħajr dar qed tiżdied. Aktar inkwetanti huwa l-fatt li qed jitfaċċa profil ġdid ta' persuni mingħajr dar li jikkonsisti minn familji bit-tfal, żgħażagħ u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Filwaqt li hemm varjazzjonijiet fir-rwoli tal-NGOs u tal-Istat bħala fornituri tas-servizzi għall-persuni mingħajr dar fl-Ewropa, il-mudell predominanti huwa li l-awtoritajiet lokali għandhom ir-responsabbiltà ewlenija biex jippermettu u jidderieġu dawn is-servizzi u l-NGOs huma l-fornituri ewlenin tas-servizzi, iffinanzjati fil-parti l-kbira mill-muniċipalitajiet.

Jekk wieħed jiffoka fuq l-iżviluppi madwar l-Istati Membri, ir-riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali għal gruppi ta’ etajiet differenti jindika li l-kriżi laqtet proporzjonalment aktar lit-tfal u liż-żgħażagħ. Mal-5,9 % tal-familji fl-UE ma jistgħux jaffordjaw ħwejjeġ ġodda għat-tfal tagħhom u 4,5 % lanqas żewġ pari żraben ta' daqs tajjeb (inkluż par żarbun għal kull tip ta’ temp). Dan jikkorrispondi għal madwar 6 miljun tifel u tifla. It-tfal li jbatu minn tiċħid materjali għandhom anqas ċans, meta mqabbla ma' sħabhom li jgħixu ħajja aktar komda, li jmorru tajjeb fl-iskola, li jgawdu minn saħħa tajba u li jilħqu l-potenzjal kollu tagħhom bħala adulti.

L-NGOs u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu appoġġ varju lit-tfal billi jmorru wkoll lil hinn mill-għoti ta’ ikel adattat għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfal u l-għarfien tas-saħħa. L-appoġġ huwa, pereżempju, relatat ma’ ħwejjeġ, attivitajiet ta' rikreazzjoni u divertiment (li jibqgħu sfida għal ħafna tfal żvantaġġati u huma essenzjali għall-iżvilupp tagħhom) jew appoġġ għall-ġenituri (eż. is-sensibilizzazzjoni, l-għoti ta' pariri, kultant flimkien ma' attivitajiet tal-logħob li jinvolvu lit-tfal).

L-azzjoni tal-UE hija ġġustifikata abbażi tal-Artikolu 174 (TFUE) li jipprevedi li l-Unjoni "tippromwovi l-iżvilupp armonjuż tagħha in ġenerali" u tal-Artikolu 175 (TFUE) li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għal azzjonijiet speċifiċi barra mill-Fondi Strutturali.

Tinħtieġ azzjoni fil-livell tal-UE minħabba l-livell u n-natura tal-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Unjoni, li komplew marru lura minħabba l-kriżi ekonomika, u l-inċertezza dwar l-abbiltà tal-Istati Membri kollha li jsostnu n-nefqa soċjali u l-investiment f’livelli suffiċjenti biex jiżguraw li l-koeżjoni soċjali ma tkomplix tmur għall-agħar u li l-objettivi u l-miri tal-istrateġija Ewropa 2020 jintlaħqu.

4.           L-objettivi

L-objettiv ġenerali tal-Fond għall-Għajnuna Ewropea għal Dawk l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) huwa li jikkontribwixxi biex tinkiseb il-mira għat-tnaqqis tal-faqar tal-istrateġija Ewropa 2020 biex b’hekk tiżdied il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni Ewropea.

L-objettivi speċifiċi huma: li jtaffi l-agħar forom ta' faqar fl-Unjoni Ewropea u li jgħin biex jikkoordina l-isforzi, li jiżviluppa u jintroduċi strumenti biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali tal-persuni l-aktar fil-bżonn.

Minħabba li l-istrument għandu jkun implimentat f'ġestjoni konġunta, l-identifikazzjoni tal-objettivi operattivi idealment iqisu l-evalwazzjonijiet ex ante tal-programmi operattivi individwali. Dawn għadhom iridu jitwettqu. Fil-livell Ewropew l-objettivi operattivi, li għalihom is-sistema ta' monitoraġġ jeħtieġ li tipprovdi dejta konsistenti fuq livell Ewropew, huma li:

1.           Jiġu megħjuna l-persuni fil-bżonn permezz ta' oġġetti bażiċi;

2.           Ikun hemm effett multiplikatur ta’ mill-inqas 2. L-effett multiplikatur huwa stmat bħala l-proporzjon tar-riżorsi totali mobilizzati mar-riżorsi pprovduti fl-UE.

5.           L-għażliet ta’ politika

Fattur komuni għall-għażliet kollha meqjusa huwa li l-implimentazzjoni se tkun taħt ġestjoni konġunta permezz tal-programmi operattivi. Dawn huma proposti mill-Istati Membri, deċiżi mill-Kummissjoni u jdumu seba' snin. Il-Kummissjoni għandha rwol ta' distributur tal-informazzjoni kif ukoll rwol superviżorju. L-implimentazzjoni effettiva titwettaq mill-Awtoritajiet ta' Ġestjoni. Skont il-programmi, l-Awtoritajiet ta' Ġestjoni jew jorganizzaw xiri ċentrali tal-oġġetti ta' assistenza materjali li jridu jitqassmu jew iħallu dan akkwist għall-benefiċjarji nfushom. L-għażliet ikkunsidrati ma jvarjawx f'termini ta' allokazzjoni tar-riżorsi lill-Istati Membri.

Il-kwistjoni ewlenija tikkonċerna l-ambitu tal-azzjonijiet tal-istrument il-ġdid. L-għażliet ivarjaw minn essenzjalment strument suċċessur għall-Programm attwali tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn għall-Għajnuna għall-ikel (l-għażla 1) għal bidla aktar fundamentali fil-mentalità. Taħt l-Assistenza Għall-Ikel (l-għażla 2), il-programm jista’ jiffinanzja għadd ta’ miżuri jew servizzi marbuta direttament mal-provvista tal-għajnuna għall-ikel. Permezz ta' ambitu wiesa' (l-għażla 3), l-għajnuna għall-ikel ma tibqax l-uniku element iżda jkunu possibbli forom oħra ta' assistenza materjali u miżuri ta’ akkumpanjament korrispondenti. Dawn se jkunu relatati mal-problema tal-persuni mingħajr dar u mal-faqar fost it-tfal, żewġ oqsma li għandhom rwol ewlieni għall-inklużjoni soċjali u juru biċ-ċar xejra li sejra għall-agħar b'riżultat tal-kriżi. Sa issa dawn l-oqsma għadhom ma ttiħdux minn strumenti Komunitarji oħra, bħall-FSE. Il-miżuri ta' akkumpanjament direttament relatati mal-appoġġ materjali pprovdut ikomplu jsaħħu l-approċċi integrati lejn it-tnaqqis tal-faqar u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali b'konformità mal-pjattaforma Ewropea kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

L-użu utli tal-prodotti agrikoli żejda kien fil-qalba tal-Programm tal-UE għad-Distribuzzjoni tal-Ikel għall-Persuni l-aktar fil-Bżonn. L-użu tal-istokkijiet ta’ intervent ma ġiex analizzat aktar minħabba r-raġunijiet li (i) l-użu tal-istokkijiet ta' intervent inaqqas it-trasparenza baġitarja u jħeġġeġ sabiex tittieħed azzjoni rigward l-aspettattivi dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet fil-ġejjieni għal dawn il-prodotti agrikoli fi programm bl-għan li jiġi pprovdut appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn fl-UE; (ii) regolament li jipprevedi l-użu ta' stokkijiet ta' intervent huwa neċessarjament aktar kumpless; u (iii) il-previżjonijiet huma li xorta mhux se tinħoloq l-opportunità minħabba n-nuqqas mistenni ta’ stokkijiet ta’ intervent (ġeneralment) fil-futur. Madankollu, jista' jkun ġustifikat li wieħed jipprevedi użu fakultattiv.

L-impatti tal-għażliet differenti huma ppreżentati u mqabbla fit-tabella ta' hawn taħt. B’hekk, l-objettiv operattiv biex tingħata għajnuna lill-persuni fil-bżonn permezz ta' oġġetti bażiċi huwa rifless direttament fl-għadd ta' persuni appoġġati u jekk il-ħtiġijiet l-aktar urġenti humiex effettivament indirizzati. L-objettiv operattiv ta' multiplikatur ta' mill-inqas 2 ġie tradott f'mistoqsijiet dwar jekk l-għażliet jirnexxilhomx jimmobilizzaw ir-riżorsi u jekk ir-rekwiżiti amministrattivi kumplessivi humiex raġonevoli.

L-effetti fuq l-inklużjoni soċjali u fuq l-impjiegi u s-suq tax-xogħol jirreferu ferm għall-objettiv ġenerali. Madankollu, huwa meqjus bħala ambizzjuż wisq li tiġi ddikjarata rabta qawwija diretta jew anki miżurabbli bejn l-istrument u dawn l-impatti.

Tabella 1. L-impatti mistennija.       

|| L-Għażla 0 – L-ebda finanzjament || L-Għażla 1 – L-Għajnuna għall-ikel biss (linja bażi) || L-Għażla 2 – L-Assistenza għall-ikel || L-Għażla 3 – Ambitu wiesa'

L-għadd ta’ nies appoġġati || - L-ebda programm – L-ebda persuna appoġġata || 0 L-effett dirett stmat għal 2,1 miljun fis-sena || - L-effett dirett stmat għal 1,96 miljun fis-sena. Ftit inqas mil-linja bażi billi xi ftit mir-riżorsi disponibbli jintefqu fuq il-miżuri ta’ akkumpanjament || 0 L-effett dirett stmat għal 2,13 miljun fis-sena

Jintlaħqu dawk l-aktar fil-bżonn (li jkollhom l-ogħla valur miżjud) || - || 0 || 0 || + Il-flessibbiltà akbar offruta għandha tippermetti l-identifikazzjoni mqabbla aħjar mal-ħtiġijiet f'kull Stat Membru/reġjun

L-effett fuq l-inklużjoni soċjali || - || 0 Qed tiġi indirizzata problema waħda ta' tiċħid serju (in-nuqqas ta’ ikel), ma hemm l-ebda garanzija li din hija l-aktar problema urġenti || + L-istess grupp fil-mira, iżda l-offerta hija aktar effettiva || ++ L-identifikazzjoni aħjar tal-aktar ħtiġijiet urġenti għandha żżid l-effetti tal-inklużjoni soċjali

L-impjiegi u s-swieq tax-xogħol. || ?? L-effett fuq l-impjiegi u s-suq tax-xogħol tal-għażla 0 jiddependi fuq l-użu tal-flus. Fil-każ li l-flus previsti għal din l-iskema se jmorru għall-FSE, ikun hemm possibbilment impatt newtrali jew pożittiv fuq l-impjiegi jew is-suq tax-xogħol || 0 || + L-ikkombinar tal-għajnuna għall-ikel ma' miżuri oħra ta' attivazzjoni li jsegwi katina ta' appoġġ, jista' jwassal b'mod aktar effiċjenti għall-impjieg || + Meta mqabbla mal-għażla 2 xi wħud mill-parteċipanti jistgħu saħansitra jitbiegħdu aktar mis-suq tax-xogħol (pereżempju tfal). Madankollu, dan jista' jitpatta bi flessibbiltà akbar biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet lokali.

L-impatt soċjali kumplessiv || ? jiddependi fuq kif ir-riżorsi se jkunu allokati għal programmi oħra iżda x'aktarx ikun kumplessivament negattiv meta mqabbel mal-linja bażi || 0 || + || ++

Il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi ||  - Bit-twaqqif tal-programm il-kontribuzzjonijiet volontarji jsiru aktar diffiċli || 0 || + || ++

Il-kumplessità u t-trasparenza amministrattivi || + L-ebda programm – l-ebda amministrazzjoni (bla ma jitqies li mingħajr il-programm dawn il-persuni xorta jkunu jeħtieġu l-appoġġ li se jkun aktar diffiċli biex jiġi organizzat || 0 || - Billi l-għażla 2 tikkorrispondi għal ambitu usa’, dawn jirrappreżentaw livelli dejjem akbar ta’ kumplessità għall-ġestjoni. Id-duplikazzjoni potenzjali ma' skemi oħra partikolarment il-FSE tiżdied ukoll || -- L-istess konsiderazzjoni fil-każ tal-għażla 2 iżda possibbilment b’kumplessità akbar billi l-ambitu tal-azzjonijiet huwa saħansitra usa', għall-inqas jekk programm jagħżel li jaħdem fuq aktar minn qasam wieħed biss.

L-impatt ekonomiku kumplessiv || ? Jiddependu ferm fuq il-mistoqsija dwar kif dawn il-persuni se jkunu appoġġati mod ieħor. || 0 || + || ++

L-impatti ambjentali || - || 0 || + || +

Tifsira: linja bażi 0; - agħar mil-linja bażi; + aħjar mil-linja bażi; -- agħar minn -; ++ aħjar minn +

Fuq il-bażi tal-esperjenza bil-programm ta' appoġġ eżistenti wieħed jista' jipprevedi li permezz ta' dan il-programm jiġu megħjuna madwar 2 miljun ruħ fis-sena skont l-għażliet meqjusa. Dan jikkorrispondi għal madwar 5 % tal-popolazzjoni li tinsab f'kundizzjoni ta' tiċħid materjali serju. Madankollu, il-kopertura reali x'aktarx li tkun mill-inqas darbtejn akbar billi din l-istima ma tqisx il-mobilizzazzjoni ta' riżorsi addizzjonali minn sorsi nazzjonali u privati. Dawn ħafna drabi jkunu aktar mid-doppju tar-riżorsi totali disponibbli. Barra minn hekk, il-Persuni b'Tiċħid Materjali Serju (SMDP) jistgħu jitqiesu biss bħala indikatur approssimattiv ħafna għall-popolazzjoni fil-mira. Dan jintuża biss fin-nuqqas ta' wieħed aħjar. Hija frazzjoni biss li verament tikkwalifika għall-assistenza skont kwalunkwe waħda mill-għażliet meqjusa fil-programm.

L-impatt soċjali tal-FEAD jista' jkun mistenni li jmur lil hinn. Billi tiġi pprovduta pjattaforma li madwarha l-prattikanti se jkunu jistgħu jaqsmu l-informazzjoni u l-esperjenzi, din se toħloq benefiċċji sinifikanti għal ħafna partijiet interessati f’termini ta’ proċessi. L-implimentazzjoni bbażata fuq l-evidenza u orjentata lejn it-terminu medju u fit-tul tal-FEAD permezz tal-programmi operattivi, se tinkoraġġixxi wkoll djalogu bejn diversi gruppi tal-partijiet interessati u tappoġġa approċċ strateġiku fil-ġejjieni. It-titjib tal-mekkaniżmi ta' twassil (partikolarment is-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż amministrattiv) għandu jiżgura r-rilevanza kontinwa tal-effetti tal-proċess. L-FEAD se jkun strument li jiffaċilita djalogu prattiku bejn il-prijoritajiet Ewropej u l-politiki ta' koeżjoni soċjali.

L-impatti ambjentali tal-FEAD huma essenzjalment marbuta mad-distribuzzjoni tal-prodotti u mat-tnaqqis tal-iskart. Iċ-ċifri dwar l-iffrankar tal-karbonju jindikaw effett fil-medda ta' 0,5 sa 1,0 tunnellata ta' tnaqqis tas-CO2 għal kull tunnellata ta' ikel. B’mod ġenerali, jidher li huwa possibbli li wieħed jikkonkludi li l-għajnuna għall-ikel għandha impatt ambjentali pożittiv meta mqabbla mal-ebda għajnuna għall-ikel. L-għażliet minn 1 (għajnuna għall-ikel biss) sa 3 (ambitu wiesa') jikkorrispondu għal volumi li qed jonqsu ta' għajnuna għall-ikel u għalhekk għal tnaqqis fil-livelli tal-iffrankar tal-karbonju (minn 573 000 sa 400 000 tunnellata). It-teħid ta' azzjonijiet kontra l-ħela tal-ikel u t-tħeġġiġ tar-riċiklaġġ eliġibbli skont l-istrument fl-għażliet 2 u 3, jistgħu jikkumpensaw parzjalment jew kompletament dan l-effett. Għalkemm huwa limitat, l-iffrankar tal-karbonju mhuwiex negliġibbli.

L-għażla 3 hi l-għażla preferuta minħabba li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jimmiraw aħjar l-interventi tagħhom għall-ħtiġijiet tagħhom. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ akkumpanjament għandhom jiżguraw sostenibbiltà akbar tar-riżultati miksuba.

6.           Il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni

Il-programm se jiġi implimentat b'maniġment konġunt. L-identifikazzjoni preċiża u r-rabta mal-istrumenti ta’ appoġġ soċjali eżistenti se jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet li effettivament jirċievu l-appoġġ jiddependu ħafna fuq ix-xogħol volontarju u d-donazzjonijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi evitat kemm jista' jkun li jiġu imposti obbligi kbar ta' rappurtar fuq tali organizzazzjonijiet. Madankollu, dawn l-organizzazzjonijiet iridu jinfurmaw mhux biss lill-Kummissjoni dwar ix-xogħol tagħhom iżda wkoll lil donaturi oħra u lill-voluntiera sabiex iżommu l-motivazzjoni tagħhom. Filwaqt li jiġi identifikat għadd limitat ta' linji tal-attività ewlenin, għandu jkun possibbli li jsir rappurtar għal kull waħda minn dawn il-linji permezz ta' ftit indikaturi ta’ input u output komuni fuq bażi annwali.

Tali rappurtar annwali bażiku se jkun akkumpanjat minn stħarriġiet strutturati mill-inqas darbtejn matul il-perjodu ta' implimentazzjoni. Dawn l-istħarriġiet se jimmiraw li:

1.           jipprovdu għarfien dwar l-istruttura tal-popolazzjoni tal-klijenti;

2.           Jivvalutaw l-importanza tal-kontribuzzjonijiet in natura għajr il-prodotti;

3.           Jiġbru d-dejta dwar l-impatti immedjati tal-għajnuna pprovduta fuq il-persuni milħuqa.

Dawn l-istħarriġiet se jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza u l-impatt tal-programmi operattivi.

Top