EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0667

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lis-Slovenja tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

/* COM/2012/0667 final - 2012/0316 (NLE) */

52012PC0667

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tawtorizza lis-Slovenja tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud /* COM/2012/0667 final - 2012/0316 (NLE) */


MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE[1] tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kunsill, bi qbil unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista' jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru li japplika miżuri speċjali ta' deroga mid-Direttiva msemmija biex iħaffef il-proċedura ta' ħlas tat-taxxa jew biex iwaqqaf milli jsiru ċerti tipi ta' evażjoni tat-taxxa.

B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2012, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tkun tippermetti lis-Slovenja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż il-EUR 50 000.

B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, b’ittra ddatata t-18 ta’ Settembru 2012 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li saret mis-Slovenja. B’ittra ddatata d-19 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tikkunsidra t-talba.

Kuntest ġenerali

Il-Kapitolu 1 tat-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE jagħti l-possibbiltà lill-Istati Membri li japplikaw skemi speċjali għall-impriżi ż-żgħar, inkluża l-possibbiltà li jeżentaw lil persuni taxxabbli b'inqas minn ċertu fatturat annwali. Din l-eżenzjoni timplika li persuna taxxabbli ma għandhiex għalfejn iżżomm il-VAT fuq il-provvisti tagħha u, konsegwentement, ma tistax tnaqqas il-VAT minn fuq l-elementi produttivi tagħha.

Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Stati Membri partikulari li ssieħbu fil-Komunità wara l-1 ta' Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata tal-kambju fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni. Fir-rigward tas-Slovenja, dan il-limitu minimu huwa stabbilit bħala EUR 25 000 skont il-punt 15 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE.

Fil-klima ekonomika u politika ta’ bħalissa, is-Slovenja tixtieq tgħolli dan il-limitu minimu għal EUR 50 000. L-introduzzjoni ta’ limitu minimu bħal dan se tissimplifika s-sistema tal-VAT għall-impriżi ż-żgħar billi tnaqqas b'mod sinifikanti l-piżijiet minn fuq dawk in-negozji li huma eleġibbli għall-iskema billi tirrilaxxahom minn ħafna mill-obbligi tal-VAT skont l-arranġamenti normali tal-VAT. Is-sistema tkun fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Skont l-awtoritajiet Sloveni, il-miżura speċjali li jridu jdaħħlu se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont totali tad-dħul tas-Slovenja mill-VAT miġbur fl-istadju tal-konsum finali (mhux aktar minn 0.3%).

Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Fl-2004, il-Kummissjoni għamlet proposta biex – inter alia – tgħolli l-limitu minimu tal-fatturat annwali disponibbli għall-Istati Membri (COM(2004) 728 finali[2]) għall-eżenzjoni ta’ persuni taxxabbli mill-VAT għal EUR 100 000.

Konsistenza ma' politiki u objettivi oħrajn tal-Unjoni

Mhux applikabbli.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Mhux rilevanti.

Il-ġbir u l-użu tal-kompetenza

Ma kien hemm l-ebda bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill għandha l-għan li ddaħħal miżura ta' simplifikazzjoni li tneħħi ħafna mill-obbligi tal-VAT għan-negozji li jaħdmu b’fatturat annwali li mhux ogħla minn EUR 50 000 u għalhekk għandha potenzjal għal impatt pożittiv.

Minħabba l-kamp ta' applikazzjoni strett tad-deroga u l-applikazzjoni limitata fiż-żmien, l-impatt, fi kwalunkwe każ, se jkun limitat .

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta għandha l-għan li tawtorizza lis-Slovenja tintroduċi miżura ta’ simplifikazzjoni li tagħti deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex persuni taxxabbli b’fatturat annwali mhux ogħla minn EUR 50 000 ikunu jistgħu jiġu eżentati mill-VAT.

Bażi legali

L-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE.

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin:

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq it-talba tiegħu stess u ma timplika l-ebda obbligu.

Minħabba l-ambitu limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan mixtieq.

L-għażla tal-istrumenti

L-istrument propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

Mezzi oħrajn ma jkunux adegwati għar-raġunijiet li ġejjin:

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jkun qiegħed jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni. Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq peress li tista' tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta mhix se taffettwa ħażin lir-riżorsi proprji tal-Unjoni mill-VAT minħabba li s-Slovenja se twettaq kalkolu tal-kumpens skont l-Artikolu 6 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) 1553/89.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

Il-proposta tinkludi klawżola sunset.

2012/0316 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lis-Slovenja tapplika miżura speċjali ta' deroga għall-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE[3] tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud, u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       B'ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-30 ta’ Lulju 2012, is-Slovenja talbet awtorizzazzjoni biex tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li tkun tippermetti lis-Slovenja teżenta mill-VAT lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx jaqbeż il-EUR 50 000.

(2)       B’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, b’ittra datata t-18 ta’ Settembru 2012 il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħrajn bit-talba li saret mis-Slovenja. Permezz ta’ ittra datata d-19 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni nnotifikat lis-Slovenja li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tqis it-talba.

(3)       Skont l-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, Stati Membri partikulari li ssieħbu fil-Komunità wara l-1 ta' Jannar 1978 jistgħu jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali tal-ammonti bir-rata tal-kambju fil-ġurnata tal-adeżjoni tagħhom, kif speċifikat f’dik id-dispożizzjoni. Is-Slovenja talbet li l-limitu minimu korrispondenti tagħha, li huwa stabbilit bħala EUR 25 000 skont il-punt 15 tal-Artikolu 287, jiżdied għal EUR 50 000.

(4)       Limitu minimu ogħla għall-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar hu miżura ta’ simplifikazzjoni peress li dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT għan-negozji ż-żgħar. L-iskema speċjali hija fakultattiva għall-persuni taxxabbli.

(5)       Fil-proposta tagħha għal-Direttiva biex tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud tad-29 ta' Ottubru 2004[4], il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali għall-iskema ta' eżenzjoni mill-VAT sa ammont massimu ta' EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba ppreżentata mis-Slovenja hi konformi ma' dik il-proposta.

(6)       Id-deroga se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effetti negattivi fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-valur miżjud.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-Artikolu 287(15) tad-Direttiva 2006/112/KE, is-Slovenja hija awtorizzata teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom ma jkunx aktar minn EUR 50 000.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tapplika sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ regoli tal-Unjoni li jemendaw l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data tiġi l-ewwel.

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tas-Slovenja.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L347, 11.12.2006, p.1.

[2]               http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2004:0728:FIN:MT:PDF

[3]               ĠU L347, 11.12.2006, p.1.

[4]               COM(2004) 728 finali.

Top