Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0655

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport

    /* COM/2012/0655 final */

    52012PC0655

    Rakkomandazzjoni għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL Li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport /* COM/2012/0655 final */


    MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

    1.           Sfond u kuntest politiku

    Il-logħob mixtri huwa kkunsidrat b’mod unanimu bħala waħda mill-ikbar theddidiet li qed jaffaċċja l-isport kontemporanju. Il-logħob mixtri jxejjen il-valuri tal-isport bħall-integrità, l-andament korrett u r-rispett lejn l-oħrajn. Huwa jġib ir-riskju li s-sapporters jitbiegħdu mill-isport organizzat, settur li jirrappreżenta kważi 2 % tal-Valur Gross Miżjud tal-UE. Barra minn hekk, ix-xiri tal-logħob ħafna drabi jinvolvi netwerks kriminali organizzati li joperaw fuq livell globali. Din il-problema issa saret prijorità għall-awtoritajiet pubbliċi, għall-moviment tal-isport u għall-aġenziji li jinfurzaw il-liġi madwar id-dinja.

    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2011 dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport tirrikonoxxi espliċitament li x-xiri tal-logħob huwa theddida li tmur kontra l-etika u l-integrità tal-isport. Il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob ġiet indirizzata wkoll fl-2011 fil-Green Paper tal-Kummissjoni dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE u fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn qafas komprensiv Ewropew għal-logħob tal-azzard onlajn.

    F'Ġunju 2011, il-Parlament Ewropew adotta Dikjarazzjoni bil-Miktub dwar il-ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-isport Ewropew u, fi Frar 2012, adotta Riżoluzzjoni dwar l-Iżvilupp ta' Dimensjoni Ewropea fl-Isport, fejn appella għal aktar kooperazzjoni internazzjonali biex jiġi kkontrollat ix-xiri tal-logħob. Fid-29 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill tal-UE adotta Konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob li jistiednu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati mhux governattivi biex jikkooperaw u jieħdu azzjoni f’livelli differenti biex itejbu l-mod kif tiġi indirizzata l-kwistjoni tax-xiri tal-logħob fl-UE.

    F’Marzu 2011, il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali (KOI) nieda Grupp ta’ Ħidma magħmul minn rappreżentanti f’livell għoli tal-moviment tal-isport, awtoritajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet internazzjonali u operaturi tal-imħatri biex jipproponi modi kif jistgħu jiġu miġġielda l-imħatri irregolari u illegali fl-isport, bi pjan direzzjonali għal azzjoni ta' segwitu adottat f'Lausanne fit-2 ta’ Frar 2012.

    Fit-28 ta’ Settembru 2011, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa adotta Rakkomandazzjoni dwar il-promozzjoni tal-integrità tal-isport kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati, notevolment ix-xiri tal-logħob. Ir-Rakkomandazzjoni tistieden lill-Ftehim Parzjali Mkabbar dwar l-Isport (EPAS) biex iwettaq studju ta’ fattibbiltà dwar strument legali internazzjonali possibbli għall-prevenzjoni u l-kontroll tax-xiri tal-logħob. Fil-15 ta’ Marzu 2012, il-Konferenza tal-Ministri Responsabbli għall-Isport tal-Kunsill tal-Ewropa li ltaqgħet f'Belgrad, innutat il-konklużjonijiet tal-istudju u stiednet lill-EPAS iniedi n-negozjati, b'koordinazzjoni mal-UE, dwar strument legali internazzjonali possibbli (Konvenzjoni) kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport, notevolment ix-xiri tal-logħob. Fit-13 ta’ Ġunju 2012, il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa laqa' din l-istedina. Tul is-sajf tal-2012, l-EPAS bagħat stediniet lill-pajjiżi li huma partijiet għall-Konvenzjoni Kulturali Ewropea, fejn ħeġġiġhom jesprimu l-interess tagħhom fil-parteċipazzjoni fin-negozjati għal abbozz ta' Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport.

    2.           Konvenzjoni possibbli tal-Kunsill tal-Ewropea kontra x-xiri tal-logħob: Il-kontenut u l-iskeda possibbli

    Abbażi tal-istudju dwar il-fattibbiltà mwettaq mill-EPAS, il-kontenut possibbli tal-Konvenzjoni futura tal-Kunsill tal-Ewropa (CoE) jista’ jkollu l-istruttura li ġejja:

    1.           Prevenzjoni

    (a) Koordinazzjoni domestika

    (b) Promozzjoni u appoġġ għall-miżuri li għandhom jittieħdu mill-moviment tal-isport

    (c) Twaqqif ta’ qafas għas-suq tal-imħatri

    (d) Promozzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu mill-operaturi tal-imħatri

    2.           Kooperazzjoni internazzjonali

    (e) Awtoritajiet pubbliċi – l-isport

    (f) Awtoritajiet pubbliċi (regolaturi tal-imħatri) – operaturi tal-imħatri

    (g) Kooperazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji jew dawk li jinfurzaw il-liġi

    (h) Konsultazzjonijiet tripartitiċi

    3.           Sanzjonijiet

    (i) Taħlita ta’ sanzjonijiet dixxiplinari, amministrattivi u kriminali

    (j) Dixxiplinari

    (k) Amministrattivi

    (l) Liġi kriminali

    (m) Ġurisdizzjoni

    4.           Infurzar tal-liġi

    (n) Investigazzjoni

    (o) Ċiberkriminalità

    5.           Segwitu

    (p) Monitoraġġ

    (q) Kumitat tal-konvenzjoni

    Waħda mill-kwistjonijiet prinċipali fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob fil-livell tal-UE jew dak internazzjonali hija l-ħtieġa li tiġi żgurata koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati differenti involuti fil-qasam, partikolarment l-awtoritajiet pubbliċi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, ir-regolaturi tal-logħob tal-azzard, il-komponenti kollha tal-moviment tal-isport, u l-operaturi tal-imħatri (lotteriji u operaturi privati). Il-valur miżjud prinċipali tal-Konvenzjoni tal-CoE kontra x-xiri tal-logħob tikkonsisti mit-twaqqif ta’ pjattaforma għall-kooperazzjoni transkonfinali u dik transsettorjali li tinvolvi l-atturi rilevanti kollha. Vantaġġ sinifikanti tal-Konvenzjoni tas-CoE jkun l-istrutturi ta' monitoraġġ u ta' segwitu tagħha, abbażi tal-mudell ta' kumitati permanenti eżistenti għall-Konvenzjonijiet tas-CoE fil-qasam tal-isport (anti-doping, vjolenza fost l-ispettaturi). L-istrutturi għandhom ikunu miftuħin għall-partijiet interessati rilevanti kollha u għandhom iservu ta’ forum fejn isiru d-diskussjonijiet dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u dwar il-progress fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob fl-Ewropa.

    Vantaġġ importanti ieħor tal-Konvenzjoni futura jkun li din tkun miftuħa għall-pajjiżi li mhumiex Ewropej: il-pajjiżi kollha se jkunu jistgħu jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni (pereżempju, bħalissa l-Kanada u l-Awstralja huma partijiet għall-Konvenzjoni tal-CoE dwar l-Anti-Doping). Dan l-aspett huwa kruċjali billi l-kooperazzjoni dinjija, notevolment mal-pajjiżi fejn l-imħatri fuq l-isport huma mifruxa bħall-pajjiżi tax-Xlokk tal-Asja, hija meqjusa element essenzjali fil-ġlieda effettiva kontra n-netwerks transnazzjonali tal-kriminalità organizzata involuti fix-xiri tal-logħob u li joperaw f’kontinenti differenti.

    Il-Konvenzjoni proposta ma tkunx strument biex tinkiseb l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali tal-partijiet firmatarji. Għalkemm il-kwistjoni tal-istabbiliment ta’ definizzjoni li dwarha jkun hemm qbil ta’ xiri tal-logħob u tal-adozzjoni ta’ sett ta’ sanzjonijiet effettivi, disważivi u proporzjonati tkun imsemmija fil-Konvenzjoni, il-kliem tad-dispożizzjonijiet rilevanti jitqiegħed b’tali mod li titħalla ċerta flessibbiltà għall-partijiet firmatarji biex jimplimentaw dawn id-dispożizzjonijiet.

    Il-kontenut, l-istruttura u l-kamp ta’ applikazzjoni preċiżi tal-Konvenzjoni bħalissa huma pjuttost teoretiċi billi se jkunu s-suġġett tan-negozjati li jmiss.

    Grupp ta’ abbozzar, magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri involuti fin-negozjati, se jkun fdat bit-tħejjija tat-test tal-Konvenzjoni. Id-dokumenti ċirkolati mill-Kunsill tal-Ewropa jipprevedu b’mod espliċitu li din se tkun miftuħa għal rappreżentant tal-UE. Il-grupp tal-abbozzar iltaqa’ għall-ewwel darba għal taħdidiet esploratorji fi Strasburgu bejn id-9 u l-11 ta’ Ottubru 2012. Il-Kummissjoni attendiet din l-ewwel laqgħa esplorattiva bħala osservatur ad-hoc. L-EPAS se jkollu l-irwol ta’ segretarjat. L-EPAS jipprevedi serje ta’ seba’ laqgħat mifruxa fuq tlett ijiem tal-grupp tal-abbozzar, bejn Ottubru 2012 u Diċembru 2013, bil-għan li jippreżenta l-Konvenzjoni lill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi ffirmata fl-2014.

    3.           Ir-irwol tal-UE fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob

    Il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob hija relattivament ġdida fuq l-aġenda tal-UE għall-isport; l-inizjattivi marbutin magħha huma għalhekk reċenti ħafna. Fil-livell tal-Kummissjoni, l-involviment fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob jista’ jiġi eżaminat minn tliet angoli differenti, li jikkorrespondu għat-tliet aspetti prinċipali ta’ din il-problema:

    L-aspett sportiv: Kif inhu stipulat fl-Artikolu 165 tat-Trattat, wieħed mill-għanijiet ta’ azzjoni tal-UE fil-qasam tal-isport huwa li tiġi żviluppata dimensjoni Ewropea fl-isport billi jiġi promoss sens ta’ ġustizzja fil-kompetizzjonijiet tal-isport u billi tiġi mħarsa l-integrità morali tal-isportivi. Il-Kummissjoni ħadet l-ewwel inizjattiva konkreta f’dan il-qasam billi inkludiet fis-Sejħa għall-Proposti li timplimenta l-Azzjoni Preparatorja għall-2012 “Sħubija Ewropea għall-Isport”, linja ta’ prijorità għall-proġetti li jiffukaw fuq il-prevenzjoni ta’ episodji ta’ xiri tal-logħob permezz tal-edukazzjoni u l-għoti ta’ informazzjoni lill-partijiet interessati rilevanti, notevolment l-atleti, ir-referees, l-uffiċjali tal-logħob u l-amministraturi tal-isport. L-għan tal-appoġġ finanzjarju li għandu jingħata permezz ta’ dis-sejħa huwa li jsaħħaħ in-naħa preventattiva tal-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob permezz tal-iskambju tal-prattiki tajba. Il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob hija mniżżla wkoll bħala waħda mill-għanijiet fil-Kapitlu tal-Isport tal-programm propost “Erasmus for All”, li għandu jippermetti azzjonijiet simili b’mod strutturat wara l-2014. Barra mill-għoti ta’ assistenza finanzjarja, il-Kummissjoni qed tikkoopera mill-qrib ma’ partijiet interessati esterni (notevolment l-IOC u l-Kunsill tal-Ewropa) biex jidentifikaw modi kif jistgħu jindirizzaw ix-xiri tal-logħob f’livell Ewropew u dak internazzjonali. Il-Kummissjoni taġixxi wkoll bħala segretarjat għall-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-Governanza Tajba fl-Isport, stabbilit abbażi tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Isport ta' Mejju 2011. Il-Grupp ta’ Esperti pproduċa rakkomandazzjonijiet biex ikomplu jiġu kkunsidrati mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Isport f’Ġunju 2012.

    L-aspett tal-azzard u tal-imħatri: Ix-xiri tal-logħob mhux neċessarjament marbut mal-imħatri fuq l-isport. Madankollu, il-kumbinazzjoni tal-imħatri mhux regolati fuq l-isport u x-xiri tal-logħob hija theddida eżistenti għall-avvenimenti sportivi, prinċipalment minħabba individwi jew netwerks kriminali li jużaw l-imħatri fuq l-isport biex jiġġeneraw id-dħul u/jew għal skopijiet ta’ ħasil tal-flus. Il-kwistjonijiet relatati mal-integrità tal-isport kienu parti mill-Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn, konsultazzjoni pubblika li l-Kummissjoni wettqet fl-2011. Inġabru madwar 250 tweġiba minn diversi partijiet interessati inklużi korpi sportivi. Il-konsultazzjoni kienet ikkumplementata minn ħames workshops tematiċi tul l-2011, fejn wieħed minnhom li sar fl-10 ta' Mejju 2011, iffoka partikolarment fuq il-logħob tal-azzard onlajn u l-integrità tal-isport (b'fowkus fuq ix-xiri tal-logħob). Bħala segwitu għall-Green Paper, fit-23 ta’ Ottubru 2012 il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni “Lejn qafas komprensiv Ewropew għal-logħob tal-azzard onlajn” (COM(2012) 596 finali). Il-ħarsien tal-integrità tal-isport mix-xiri tal-logħob, huwa wieħed mill-prijoritajiet ippreżentati fil-Komunikazzjoni bi Pjan ta' Azzjoni propost, li jinkludi l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni fil-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa dwar Konvenzjoni possibbli kontra l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport.

    L-aspett ta’ korruzzjoni: ix-xiri tal-logħob huwa forma ta’ korruzzjoni u huwa sanzjonat minn liġijiet kriminali nazzjonali. Il-Kummissjoni qed timplimenta l-pakkett kontra l-korruzzjoni adottat fl-2011 li huwa ffukat fuq it-titjib tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-isforzi kontra l-korruzzjoni, notevolment bit-tfassil ta’ Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, li permezz tiegħu l-Kummissjoni se tivvaluta fuq bażi regolari diversi aspetti pendenti relatati mal-korruzzjoni u l-kapaċità li tiġi kkontrollata l-korruzzjoni fl-Istati Membri tal-UE. Ir-Rapport potenzjalment jista’ jkopri kull kwistjoni pendenti relatata mal-korruzzjoni, inkluż ix-xiri tal-logħob fl-isport. Ir-Rapport tal-UE Kontra l-Korruzzjoni, akkumpanjat minn analiżi tal-pajjiż għal kull Stat Membru, inklużi rakkomandazzjonijiet imfasslin apposta, se jiġu pubblikati mill-Kummissjoni kull sentejn mill-2013. Bħalissa, b'mod parallel, il-Kummissjoni qed tikkunsidra l-modalitajiet ta' parteċipazzjoni possibbli tal-UE fil-Grupp tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO) tal-Kunsill tal-Ewropa, li suppost għandu jġib valur miżjud fil-ġlieda tal-UE kontra l-korruzzjoni.

    Il-Parlament Ewropew tratta fil-qosor il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob, speċjalment l-imħatri relatati max-xiri tal-logħob, fir-rapport tiegħu tal-2009 dwar l-integrità tal-logħob tal-azzard onlajn (A6-0064/2009). Il-Parlament tratta wkoll il-kwistjoni f’aktar dettall fir-rapport tiegħu tal-2011 dwar il-logħob tal-azzard onlajn fis-Suq Intern (A7-0342/2011), fejn semma kwistjonijiet relatati mal-pulizija transkonfinali u l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-kooperazzjoni bejn l-organizzaturi tal-kompetizzjonijiet tal-isport u l-operaturi tal-imħatri, it-twaqqif ta’ netwerks nazzjonali u punti ta’ kuntatt biex jindirizzaw il-każijiet tax-xiri tal-logħob u l-istabbiliment ta' definizzjoni ta' xiri tal-logħob fil-livell tal-UE. Fl-aħħar nett, il-kwistjoni tax-xiri tal-logħob kienet indirizzata wkoll fir-rapport tal-Parlament Ewropew tal-2012 dwar id-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (A7-0385/2011), fejn il-Parlament jappella biex il-federazzjonijiet tal-isport jaħdmu mill-qrib mal-Istati Membri sabiex iħarsu l-inegrità tal-isport.

    Il-Kunsill tratta għall-ewwel darba l-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob fil-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għall-Isport għal bejn l-2011 u l-2014, li ġie adottat f’Mejju 2011, fejn l-integrità tal-isport, partikolarment il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob ġiet stabbilita bħala tema ta' prijorità għall-perjodu ta' bejn l-2011 u l-2014. Barra minn hekk, f'Novembru 2011 il-Kunsill adotta konklużjonijiet dwar il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob, fejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati ġew mistiedna biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp ta' programmi edukattivi u jiżguraw il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet interessati kollha. Bħalissa, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Isport tal-Kunsill qed jiddiksuti t-test dwar l-abbozz tal-konklużjonijiet dwar it-tfassil ta’ strateġija biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport, li għandu jiġi adottat f’Novembru 2012.

    Iż-żewġ aġenziji tal-UE li huma responsabbli mill-kooperazzjoni transkonfinali ġudizzjarja u dik polizjeska, il-EUROPOL u l-EUROJUST, għandhom sehem attiv fil-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob. Billi l-kooperazzjoni tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-livell tal-UE fil-qasam tal-isport tradizzjonalment kienet iffukata fuq il-kwistjoni tal-vjolenza fost l-ispettaturi, ix-xiri tal-logħob feġġ bħala qasam ġdid għall-kooperazzjoni transkonfinali fl-aħħar sentejn. Attwalment, hemm żewġ każijiet miftuħin; Tim Konġunt ta’ Investigazzjoni (JIT) li jinvolvi erba’ pajjiżi (HU, DE, FI, AT) huwa mwaqqaf biex jinvestiga dawn il-każijiet. Ir-raġuni mogħtija mill-EUROPOL u l-EUROJUST għall-involviment tagħhom f’każijiet ta’ xiri tal-logħob, hija li x-xiri tal-logħob ħafna drabi jinvolvi kriminalità organizzata serja.

    Dawn l-elementi kollha jippuntaw f’direzzjoni waħda: il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob kisbet status ta’ prijorità fl-oqsma politiċi differenti (il-politika dwar l-isport, is-superviżjoni tas-swieq tal-logħob tal-azzard, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni) fil-livell tal-UE, u l-attenzjoni tal-pubbliku x’aktarx tiżdied wara l-episodji reċenti ta’ korruzzjoni f'livelli differenti fid-dinja tal-isport.

    Billi l-Konvenzjoni prevista la timmira li tarmonizza d-dispożizzjonijiet tal-liġi kriminali fil-pajjiżi firmatarji u lanqas li tikseb armonizzazzjoni f’oqsma oħra bħal-liġijiet dwar il-logħob tal-azzard u l-imħatri, u billi, abbażi tal-Artikolu 6 tat-TFUE, l-UE għandha kompetenza biss biex tieħu azzjoni li tappoġġja, tikkoordina jew tissupplimenta l-azzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-isport, saret proposta li l-UE tipparteċipa fin-negozjati li jmiss flimkien mal-Istati Membri tagħha. Il-parteċipazzjoni proposta fin-negozjati ma għandhiex impatt fuq il-baġit tal-UE.

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Kunsill:

    – Li jadotta d-deċiżjoni mehmuża li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport;

    – Li joħroġ id-direttivi ta’ negozjati mehmuża ma’ dik id-deċiżjoni;

    – Li jaħtar kumitat speċjali li b'konsultazzjoni miegħu għandhom isiru n-negozjati.

    Rakkomandazzjoni għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    Li tawtorizza l-parteċipazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, f’isem l-UE, fin-negozjati għal konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    In-negozjati għandhom jinfetħu fir-rigward tal-preparazzjoni ta’ konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport,

    L-Unjoni għandha tipparteċipa f’dawn in-negozjati.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Kummissjoni, hawnhekk, qed tiġi awtorizzata li tinnegozja f’isem l-Unjoni Ewropa, konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport.

    Artikolu 2

    Id-direttivi ta’ negozjati huma stipulati fl-Anness.

    Artikolu 3

    In-negozjati għandhom isiru b'konsultazzjoni ma' [isem il-kumitat speċjali li għandu jiddaħħal mill-Kunsill].

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    ANNESS

    Direttivi għan-negozjati

    dwar konvenzjoni internazzjonali tal-Kunsill tal-Ewropa biex tiġi miġġielda l-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport

    Il-konvenzjoni futura se timmira li tistabbilixxi qafas legali internazzjonali għall-prevenzjoni tal-manipulazzjoni tar-riżultati tal-isport u l-ġlieda kontriha, notevolment ix-xiri tal-logħob; l-għan tal-konvenzjoni għandu jkun li tittejjeb il-kooperazzjoni internazzjonali f’dan il-kuntest u li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ monitoraġġ biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet stipulati fil-konvenzjoni jiġu segwiti b’mod effettiv.

    L-Unjoni Ewropea se tipparteċipa f’dawn il-laqgħat bil-għan li tiżgura l-konsistenza tal-konvenzjoni proposta mal-aquis tal-UE, notevolment fir-rigward tal-libertajiet fis-Suq Intern (il-libertà li tipprovdi servizzi u l-libertà tal-istabbiliment) u tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’affarijiet kriminali.

    L-Unjoni Ewropea se tipparteċipa wkoll fin-negozjati bil-għan li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni futura jkunu allinjati mal-politiki tal-UE fl-oqsma tal-isport, tal-logħob tal-azzard onlajn u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Id-dokumenti ta’ referenza għal dawn il-politiki huma, inter alia, dawn li ġejjin:

    · Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iżvilupp tad-Dimensjoni Ewropea fl-Isport (COM(2011)12 finali);

    · Il-Green Paper dwar il-Logħob tal-Azzard Onlajn (COM(2011)128 finali);

    · Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġlieda kontra l-Korruzzjoni fl-UE (COM(2011)308 finali);

    · Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Lejn qafas komprensiv Ewropew għal-logħob tal-azzard onlajn (COM(2012) 596 finali)

    · Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra x-xiri tal-logħob (16819/11).

    Top