Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0569

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ukraina

    /* COM/2012/0569 final - 2012/0274 (NLE) */

    52012PC0569

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ukraina /* COM/2012/0569 final - 2012/0274 (NLE) */


    FTEHIM TA' KOPERAZZJONI DWAR SISTEMA GLOBALI TA' NAVIGAZZJONI ĊIVILI BIS-SATELLITA (GNSS) BEJN IL-KOMUNITÀ EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA U L-UKRAINA

    IL-KOMUNITÀ EWROPEA, minn hawn 'il quddiem "il-Komunità",

    u

    IR-RENJU TAL-BELĠJU,

    IR-REPUBBLIKA ĊEKA,

    IR-RENJU TAD-DANIMARKA,

    IR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-ESTONJA,

    IR-REPUBBLIKA ELLENIKA,

    IR-RENJU TA' SPANJA,

    IR-REPUBBLIKA FRANĊIŻA,

    L-IRLANDA,

    IR-REPUBBLIKA TALJANA,

    IR-REPUBBLIKA TA' ĊIPRU,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LATVJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-LITWANJA,

    IL-GRAN DUKAT TAL-LUSSEMBURGU,

    L-UNGERIJA,

    IR-REPUBBLIKA TA' MALTA,

    IR-RENJU TAL-PAJJIŻI L-BAXXI,

    IR-REPUBBLIKA TAL-AWSTRIJA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-POLONJA,

    IR-REPUBBLIKA PORTUGIŻA,

    IR-REPUBBLIKA TAS-SLOVENJA,

    IR-REPUBBLIKA SLOVAKKA,

    IR-REPUBBLIKA TAL-FINLANDJA,

    IR-RENJU TAL-ISVEZJA,

    IR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U TAL-IRLANDA TA' FUQ,

    Partijiet kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, minn hawn 'il quddiem imsejħa "Stati Membri", minn naħa,

    u

    L-UKRAINA, min-naħa l-oħra, minn hawn 'il quddiem imsejħa "il-Partijiet",

    IQISU l-interessi komuni fl-iżvilupp ta' sistema globali ta' navigazzjoni bis-satellita għall-użu ċivili,

    JAGĦRFU l-importanza ta' GALILEO bħala kontribuzzjoni għan-navigazzjoni u l-infrastruttura tal-informazzjoni fil-Komunità Ewropea u l-Ukraina,

    JAGĦRFU l-attivitajiet avvanzati ta' navigazzjoni bis-satellita tal-Ukraina,

    IQISU ż-żieda fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tal-GNSS fl-Ukraina, fil-Komunità Ewropea u f'żoni oħra fid-dinja,

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għan tal-ftehim

    L-għan tal-ftehim huwa li jħeġġeġ, jiffaċilita u jtejjeb il-koperazzjoni bejn il-Partijiet fin-navigazzjoni globali ċivili bis-satellita.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' dan il-Ftehim:

    "Awmentazzjoni" ifisser mekkaniżmi reġjonali jew lokali bħas-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (EGNOS). Dawn il-mekkaniżmi jippermettu lill-utenti jiksbu prestazzjoni aħjar, bħal aktar preċiżjoni, disponibbiltà, integrità u affidabbiltà.

    "GALILEO" ifisser sistema Ewropea awtonoma ta' navigazzjoni ċivili u żamma tal-ħin bis-satellita taħt il-kontroll ċivili, għall-provvista ta' servizzi GNSS iddisinjati u żviluppati mill-Komunità u l-Istati Membri tagħha. It-tħaddim ta' GALILEO jista' jiġi trasferit lejn parti privata.

    GALILEO jipprevedi servizzi miftuħa, kummerċjali, ta' sikurezza tal-ħajja u ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll Servizz Pubbliku Regolat sikur b'aċċess ristrett imfassal apposta biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-utenti awtorizzati tas-settur pubbliku.

    "Servizz miftuħ GALILEO" ifisser servizz miftuħ għall-pubbliku ġenerali bla ħlas għall-provvista tiegħu.

    "Servizz GALILEO ta' sikurezza tal-ħajja" ifisser servizz ibbażat fuq is-servizz miftuħ li joffri aktar informazzjoni dwar l-integrità, awtentikazzjoni tas-sinjali, garanziji tas-servizz u karatteristiċi oħra meħtieġa għall-applikazzjonijiet tas-Sikurezza tal-Ħajja bħall-avjazzjoni u t-trasport marittimu.

    "Servizz kummerċjali GALILEO" ifisser servizz li jiffaċilita l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet professjonali u li joffri prestazzjoni aħjar meta mqabbel mas-Servizz Miftuħ, l-aktar fejn jidħlu r-rati ogħla tad-dejta, il-garanziji tas-servizz u l-preċiżjoni.

    "Servizz GALILEO ta' tiftix u salvataġġ" ifisser servizz li jtejjeb l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ billi jkun kapaċi jillokalizza l-emittenti tas-sinjali ta' salvataġġ u jwassal il-messaġġi bi tweġiba b'aktar ħeffa u preċiżjoni.

    "Servizz pubbliku regolat GALILEO" ifisser servizz sigur ta' pożizzjonar u żamma tal-ħin b'aċċess ristrett iddisinjat b'mod speċifiku biex jilħaq il-ħtiġijiet tal-utenti awtorizzati tas-settur pubbliku.

    "Elementi lokali GALILEO" ifisser mekkaniżmi lokali li lill-utenti tas-sinjali GALILEO tan-navigazzjoni u ż-żamma tal-ħin bis-satellita jipprovdulhom informazzjoni tal-input apparti dik li ġejja mill-kostellazzjoni ewlenija użata. L-elementi lokali jistgħu jintużaw għal prestazzjoni addizzjonali madwar l-ajruporti, il-portijiet tal-baħar u f'ambjenti urbani jew ambjenti oħra bi sfidi ġeografiċi. GALILEO se jagħti approċċ ġenerali għall-iżvilupp ta' elementi lokali biex jappoġġaw il-bidu tas-suq u biex jiffaċilitaw l-istandardizzazzjoni.

    "Tagħmir tan-navigazzjoni, il-pożizzjonar u ż-żamma tal-ħin fuq livell globali" ifisser kull tagħmir għall-użu ċivili ddisinjat biex jibgħat, jirċievi, jew jipproċessa sinjali tan-navigazzjoni jew iż-żamma tal-ħin bis-satellita biex jipprovdi servizz, jew biex jopera b'awmentazzjoni reġjonali.

    "Miżura regolatorja" ifisser kull liġi, regolament, regola, proċedura, deċiżjoni, jew azzjoni amministrattiva simili min-naħa ta' xi Parti.

    "Interoperabbiltà" ifisser sitwazzjoni, fuq livell tal-utent, fejn riċevitur b'sistema dupliċi jista' juża sinjali minn żewġ sistemi flimkien għall-istess prestazzjoni, jew waħda aħjar, ta' meta tintuża sistema waħda biss. L-interoperabbiltà tas-sistemi ta' navigazzjoni globali u reġjonali bis-satellita ttejjeb il-kwalità tas-servizzi disponibbli għall-utenti.

    "Proprjetà intellettwali" għandu jkollu t-tifsira misjuba fl-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni li Tistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali, li saret fi Stokkolma, fl-14 ta' Lulju 1967.

    "Responsabbiltà" ifisser l-obbligu legali ta' persuna jew entità legali li tikkumpensa għad-dannu kkawżat lil persuna jew entità legali oħra skont prinċipji u regoli legali speċifiċi. Dan l-obbligu jista' jkun stipulat fi ftehim (responsabblità kontrattwali) jew f'norma legali (responsabbiltà mhux kontrattwali).

    "Informazzjoni klassifikata" ifisser informazzjoni, fi kwalunkwe forma, li teħtieġ protezzjoni kontra l-iżvelar mhux awtorizzat li jista' jkun dannuż fi gradi varji għall-interessi essenzjali, inkluża s-sigurtà nazzjonali, tal-Partijiet jew ta' Stat Membru individwali. Il-klassifikazzjoni tagħha hija indikata bi mmarkar ta' klassifikazzjoni. Informazzjoni bħal din hija klassifikata mill-Partijiet skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli u għandha tiġi protetta minn kull nuqqas ta' kunfidenzjalità, integrità u disponibbiltà.

    Artikolu 3

    Prinċipji tal-koperazzjoni

    Il-Partijiet jaqblu li japplikaw il-prinċipji li ġejjin lill-attivitajiet ta' koperazzjoni koperti minn dan il-ftehim:

    1. Benefiċċju reċiproku bbażat fuq bilanċ kumplessiv ta' drittijiet u obbligi.

    2. Sħubija fil-Programm GALILEO skont il-proċeduri u r-regoli li jiggvernaw il-ġestjoni ta' GALILEO.

    3. Opportunitajiet reċiproċi għad-dħul f'attivitajiet ta' koperazzjoni fil-Komunità Ewropea u fil-proġetti GNSS Ukraini għall-użu ċivili.

    4. Skambju f'waqtu ta' informazzjoni li tista' taffettwa l-attivitajiet ta' koperazzjoni.

    5. Protezzjoni xierqa tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kif imsemmija fl-Artikolu 8(2) ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 4

    L-ambitu tal-attivitajiet ta' koperazzjoni

    1. Is-setturi għall-attivitajiet ta' koperazzjoni fin-navigazzjoni u ż-żamma tal-ħin bis-satellita huma: l-ispettru tar-radju, ir-riċerka u t-taħriġ xjentifiċi, il-koperazzjoni industrijali, l-iżvilupp kummerċjali u tas-suq, l-istandards, iċ-ċertifikazzjoni u l-miżuri regolatorji, l-iżvilupp ta' sistemi globali u reġjonali tal-awmentazzjoni mill-art tal-GNSS, is-sigurtà, ir-responsabbiltà u l-irkupru tal-ispejjeż. Il-Partijiet jistgħu jadattaw din il-lista ta' kwistjonijiet bi ftehim komuni.

    2. Fuq talba tal-Partijiet, tista' titwessa' l-koperazzjoni għal:

    2.1.    Teknoloġiji sensittivi GALILEO u elementi taħt l-UE, l-UE u l-Istati Membri tal-ESA, l- MTCR u r-regolament dwar il-kontroll tal-esportazzjoni tal-ftehim WASSENAAR kif ukoll il-kriptografija u t-teknoloġiji u l-elementi l-kbar dwar is-sigurtà tal-informazzjoni,

    2.2. L-Arkitettura tas-Sigurtà tas-Sistemi GALILEO (segmenti tal-ispazju, l-art u l-utenti),

    2.3. Il-karatteristiċi tal-kontroll tas-sigurtà tas-segmenti globali ta' GALILEO,

    2.4. Is-Servizzi Pubbliċi Regolati fid-definizzjoni, fl-iżvilupp, fl-implimentazzjoni, fl-ittestjar u l-evalwazzjoni, u fil-fażijiet operazzjonali (ġestjoni u użu) tagħhom, kif ukoll

    2.5. L-Iskambju ta' informazzjoni klassifikata dwar in-navigazzjoni bis-satellita u Galileo jkun soġġett għal ftehim separat xieraq konkluż bejn il-Partijiet.

    3. Dan il-Ftehim ma għandux jaffettwa l-istruttura istituzzjonali stabbilita mil-liġi tal-Komunità Ewropea għall-fini tal-operazzjonijiet tal-programm GALILEO. Dan il-Ftehim la jaffettwa l-liġijiet applikabbli, ir-regolamenti u l-politiki li jimplimentaw l-impenji dwar in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-esportazzjoni ta' elementi b'użu dupliċi u lanqas miżuri nazzjonali dwar sigurtà u kontroll ta' trasferimenti intanġibbli tat-teknoloġija.

    Artikolu 5

    Forom ta' attivitajiet ta' koperazzjoni

    1. Soġġetti għall-miżuri regolatorji applikabbli tagħhom, il-Partijiet għandhom iħeġġu, kemm jista' jkun, l-attivitajiet koperattivi skont dan il-Ftehim bil-ħsieb li jagħtu opportunitajiet komparabbli għall-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħhom fis-setturi elenkati fl-Artikolu 4.

    2. Il-Partijiet jaqblu li jwettqu attivitajiet koperattivi kif imsemmija fl-Artikoli 6 sa 13 ta' dan il-Ftehim.

    Artikolu 6

    Spettru tar-radju

    1. Imsejsa fuq is-suċċessi passati fil-qafas tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, il-Partijiet jaqblu li jissoktaw il-koperazzjoni u l-appoġġ reċiproku fi kwistjonijiet tal-ispettru tar-radju.

    2. F'dan il-kuntest il-Partijiet għandhom jippromwovu allokazzjonijiet xierqa ta' frekwenzi għal GALILEO sabiex jiżguraw id-disponibbiltà tas-servizzi ta' GALILEO għall-benefiċċju tal-utenti mad-dinja kollha u partikolarment fl-Ukraina u fil-Komunità.

    3. Barra minn hekk, il-Partijiet jagħrfu l-importanza tal-protezzjoni tal-ispettru tar-radju tan-navigazzjoni minn xkiel u interferenza. Għal dan il-għan, għandhom jippruvaw jidentifikaw sorsi ta' interferenza u soluzzjonijiet reċiprokament aċċettabbli sabiex jegħlbu din l-interferenza.

    4. Dan il-Ftehim ma jkollu xejn li jista' jinftiehem bħala deroga mid-dispożizzjonijiet applikabbli tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni, inklużi r-Regolamenti tar-Radju tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni.

    Artikolu 7

    Riċerka u taħriġ xjentifiċi

    Il-Partijiet għandhom jippromwovu attivitajiet konġunti ta' riċerka u taħriġ fil-qasam tal-GNSS permezz ta' programmi Komunitarji u Ukraini ta' riċerka inkluż il-Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għar-Riċerka u Żvilupp, il-Programmi ta' Riċerka tal-Aġenzija Spazjali Ewropea u programmi oħra rilevanti tal-awtoritajiet Komunitarji u Ukraini.

    L-attivitajiet konġunti ta' riċerka u taħriġ għandhom jagħtu sehemhom fl-ippjanar tal-iżviluppi futuri ta' GNSS għall-użu ċivili.

    Il-Partijiet jaqblu li jiddefinixxu l-mekkaniżmu xieraq immirat biex jiżgura kuntatti u parteċipazzjoni effettivi fil-programmi ta' riċerka u taħriġ.

    Artikolu 8

    Koperazzjoni industrijali

    1. Il-Partijiet għandhom iħeġġu u jappoġġaw il-koperazzjoni bejn l-industriji taż-żewġ naħat, inkluż permezz ta' impriżi konġunti u parteċipazzjoni reċiproka f'assoċjazzjonijiet industrijali rilevanti, bil-għan li tissawwar is-sistema GALILEO kif ukoll għall-promozzjoni tal-użu u l-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u s-servizzi ta' GALILEO.

    2. Biex titħeffef il-koperazzjoni industrijali, il-Partijiet għandhom jagħtu u jiżguraw protezzjoni xierqa u effettiva u infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, industrijali u kummerċjali fl-oqsma u s-setturi rilevanti għall-iżvilupp u tħaddim ta' Galileo/EGNOS, skont l-ogħla standards internazzjonali, inklużi l-mezzi effettivi ta’ infurzar ta' dawn l-istandards.

    3. L-esportazzjoni mill-Ukraina lejn pajjiżi terzi ta' elementi u teknoloġiji sensittivi żviluppati speċifikament u ffinanzjati mill-programm GALILEO jridu jitressqu għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti ta' sigurtà ta' GALILEO, jekk dik l-awtorità tkun irrakkomandat li dawn l-elementi u teknoloġiji jridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni skont il-miżuri regolatorji applikabbli. Kull ftehim separat imsemmi fl-Artikolu 4(2) ta' dan il-Ftehim għandu jelabora wkoll mekkaniżmu xieraq għall-Ukraina biex tirrakomanda elementi potenzjalment li jridu jkunu soġġetti għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

    4. Il-Partijiet għandhom iħeġġu rabtiet imsaħħa bejn il-bosta partijiet interessati fil-programm GALILEO fl-Ukraina u fil-Komunità fil-kuntest tal-koperazzjoni industrijali.

    Artikolu 9

    Żvilupp kummerċjali u tas-suq

    1. Il-Partijiet għandhom iħeġġu l-kummerċ u l-investiment fl-infrastruttura tal-Komunità u l-Ukraina għan-navigazzjoni bis-satellita, fit-tagħmir, fl-elementi lokali ta' GALILEO u fl-applikazzjonijiet.

    2. Għal dan il-għan il-Partijiet għandhom jgħollu l-livell ta' għarfien pubbliku dwar l-attivitajiet ta' navigazzjoni bis-satellita ta' GALILEO, jidentifikaw ostakli potenzjali għat-tkabbir tal-applikazzjonijiet tal-GNSS u jieħdu miżuri xierqa biex iħeffu dan it-tkabbir.

    3. Sabiex jidentifikaw u jwieġbu b'mod effettiv għall-ħtiġijiet tal-utenti, il-Komunità u l-Ukraina għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu forum miftuħ għall-utenti tal-GNSS.

    Artikolu 10

    Standards, Ċertifikazzjoni u Miżuri Regolatorji

    1. Il-Partijiet jagħrfu l-valur ta' approċċi għal koordinazzjoni fl-istandardizzazzjoni internazzjonali u f'fora taċ-ċertifikazzjoni dwar servizzi globali ta' navigazzjoni bis-satellita. B'mod partikolari, il-Partijiet se jappoġġaw b'mod konġunt l-iżvilupp tal-istandards ta' GALILEO u jippromwovu l-applikazzjoni tagħhom fl-Ukraina u mad-dinja kollha, billi jisħqu fuq l-interoperabbiltà ma' sistemi oħra tal-GNSS. Wieħed mill-għanijiet tal-koordinazzjoni huwa l-promozzjoni tal-użu wiesa' u innovattiv tas-servizzi ta' GALILEO bħala standard dinji ta' navigazzjoni u żamma tal-ħin għall-finijiet ta' ftuħ, kummerċ u sikurezza tal-ħajja. Il-Partijiet jaqblu li joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet ta' GALILEO.

    2. Għaldaqstant, biex jippromwovu u jwettqu l-għanijiet ta' dan il-Ftehim, il-Partijiet għandhom, kif inhu xieraq, jikkoperaw fuq il-kwistjonijiet kollha tal-GNSS li jinqalgħu speċjalment fl-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, fil-EUROCONTROL, fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u fl-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni.

    3. Fuq livell bilaterali, il-Partijiet għandhom jiżguraw li miżuri relatati mal-istandards operazzjonali u tekniċi, maċ-ċertifikazzjoni u r-rekwiżiti għal-liċenzjar u mal-proċeduri dwar il-GNSS ma joħolqux ostakli bla bżonn għall-kummerċ. Ir-rekwiżiti domestiċi għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, mhux diskriminatorji, stabbiliti minn qabel u trasparenti.

    Artikolu 11

    Żvilupp ta' sistemi globali u reġjonali tal-awmentazzjoni mill-art tal-GNSS

    1. Il-Partijiet għandhom jikkollaboraw biex jiddefinixxu u jimplimentaw strutturi ta' sistemi mill-art li jippermettu garanzija ottima tal-integrità ta' GALILEO/EGNOS u kontinwità tas-servizzi ta' GALILEO u EGNOS u interoperabbiltà ma' sistemi oħra tal-GNSS.

    2. Għal dan il-għan fuq livell reġjonali, il-Partijiet għandhom jikkoperaw bil-ħsieb li jwettqu sistemi reġjonali tal-awmentazzjoni mill-art fl-Ukraina bbażati fuq is-sistema GALILEO. Sistema reġjonali bħal din hija maħsuba biex tipprovdi integrità reġjonali u servizzi mill-aktar preċiżi flimkien ma' dawk li tagħti b'mod globali s-sistema GALILEO. Bħala prekursur, il-Partijiet jipprevedu l-estenzjoni tal-EGNOS fir-reġjun tal-Ukraina permezz ta' infrastruttura fl-art li tinvolvi Stazzjonijiet Ukraini ta' Monitoraġġ tal-Firxa u l-Integrità.

    3. Fuq livell lokali, il-Partijiet għandhom iħeffu l-iżvilupp ta' elementi lokali ta' GALILEO.

    Artikolu 12

    Sigurtà

    1. Il-Partijiet huma konvinti mill-ħtieġa ta' protezzjoni tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita kontra użu ħażin, interferenza, xkiel u atti ostili.

    2. Il-Partijiet għandhom jieħdu kull pass prattikabbli biex jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità u s-sikurezza tas-servizzi ta' navigazzjoni bis-satellita u l-infrastruttura relatata fit-territorji tagħhom.

    3. Il-Partijiet jagħrfu li l-koperazzjoni biex jiżguraw is-sigurtà tas-sistema u tas-servizzi ta' GALILEO huma għanijiet komuni importanti.

    4. Għalhekk il-Partijiet għandhom jikkunsidraw li jistabbilixxu kanal xieraq ta' konsultazzjoni biex jindirizzaw kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal- GNSS. L-arranġamenti u l-proċeduri prattiċi jridu jiġu definiti bejn l-awtoritajiet kompetenti tas-sigurtà taż-żewġ Partijiet skont l-Artikolu 4(2).

    Artikolu 13

    Responsabbiltà rkupru tal-ispejjeż

    Il-Partijiet għandhom jikkoperaw, kif xieraq, biex jiddefinixxu u jimplimentaw sistema ta' responsabbiltà u arranġamenti għall-irkupru tal-ispejjeż, partikolarment fil-qafas ta' organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, sabiex titħeffef il-provvista tas-servizzi tal-GNSS ċivili.

    Artikolu 14

    Mekkaniżmu ta' koperazzjoni u skambju ta' informazzjoni

    1. Il-koordinazzjoni u t-tħaffif ta' attivitajiet koperattivi taħt dan il-Ftehim għandhom isiru f'isem l-Ukraina, mill-Gvern tal-Ukraina u, f'isem il-Komunità u l-Istati Membri tagħha, mill-Kummissjoni Ewropea.

    2. Skont l-għan fl-Artikolu 1, dawn iż-żewġ entitajiet għandhom jistabbilixxu, fil-qafas tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u Koperazzjoni li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom u l-Ukraina, Kumitat ta' Tmexxija tal-GNSS minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat", għall-ġestjoni ta' dan il-Ftehim. Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn rappreżentanti uffiċjali ta' kull Parti u għandu jistabbilixxi r-regoli ta' proċedura tiegħu stess.

    Il-Kumitat ta' Tmexxija għandu jkollu l-funzjoni li :

    2.1.    Jippromwovi, iressaq rakkomandazzjonijiet u jissorvelja l-attivitajiet koperattivi differenti kif inhu msemmi fl-Artikoli 4 sa 13 ta' dan il-Ftehim;

    2.2.    Jagħti pariri lill-Partijiet dwar kif jistgħu jżidu u jtejbu l-koperazzjoni skont il-prinċipji stipulati f'dan il-Ftehim;

    2.3.    Jirrevedi l-funzjonament u l-implimentazzjoni effiċjenti ta' dan il-Ftehim.

    3. Il-Kumitat għandu, bħala regola ġenerali, jiltaqa' darba fis-sena. Il-laqgħat għandhom isiru darba fil-Komunità u darba fl-Ukraina. Laqgħat addizzjonali jistgħu jiġu organizzati fuq talba ta' kwalunkwe Parti.

    L-ispejjeż imġarrba mill-Kumitat jew f'ismu għandhom jitħallsu mill-Parti li magħha r-rappreżentanti uffiċjali huma konnessi. L-ispejjeż minbarra dawk għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni li huma assoċjati direttament mal-laqgħat tal-Kumitat għandhom jitħallsu mill-Parti ta' fejn tkun saret il-laqgħa. Il-Kumitat jista' jistabbilixxi Gruppi Tekniċi Konġunti ta' Ħidma dwar suġġetti speċifiċi fejn il-Partijiet iħossu li dan huwa xieraq.

    4. Il-parteċipazzjoni ta' xi entità Ukraina rilevanti għall-Impriża Konġunta Galileo jew għall-Awtorità Ewropea tas-Sorveljanza tal-GNSS hija possibbli skont il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri applikabbli.

    5. Il-Partijiet għandhom iħeġġu aktar skambju ta' informazzjoni dwar in-navigazzjoni bis-satellita fost l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi taż-żewġ naħat.

    Artikolu 15

    Finanzjament

    1. L-ammont u l-arranġamenti tal-kontribuzzjoni Ukraina lill-programm GALILEO permezz tal-Impriża Konġunta Galileo se jkunu soġġetti għal ftehim separat, soġġett għall-konformità mal-arranġamenti istituzzjonali tal-leġiżlazzjoni applikabbli.

    2. Il-Partijiet għandhom jieħdu l-passi kollha raġonevoli u jużaw l-aħjar sforzi, skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom, sabiex jitħeffef id-dħul u l-permanenza fit-territorju rispettiv tagħhom, u l-ħruġ minnu, ta' persuni, kapital, materjal, dejta u tagħmir involut jew użat f'attivitajiet koperattivi taħt dan il-Ftehim.

    3. Mingħajr ħsara għall-paragrafu 2, meta skemi koperattivi speċifiċi ta' Parti waħda jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-parteċipanti mill-Parti l-oħra, għotjiet jew kontribuzzjonijiet finanzjarji bħal dawn minn Parti għall-parteċipanti tal-Parti l-oħra b'sostenn għal dawk l-attivitajiet għandhom jingħataw eżenzjoni mit-taxxa u d-dwana skont il-liġijiet u r-regolamenti applikabbli fit-territorji ta' kull Parti.

    Artikolu 16

    Konsultazzjoni u soluzzjoni għat-tilwim

    1. Il-Partijiet għandhom minnufih jikkonsultaw, fuq it-talba ta' waħda minnhom, dwar kull kwistjoni li tirriżulta mill-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-Ftehim. Kull tilwima dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta' dan il-ftehim għandha tissolva b'konsultazzjonijiet ta' ħbiberija bejn il-Partijiet.

    2. Il-paragrafu 1 ma għandux iżomm il-Partijiet milli jkollhom rikors għall-proċeduri ta' soluzzjoni għat-tilwim taħt il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u Koperazzjoni li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħha, u l-Ukraina.

    Artikolu 17

    Dħul fis-seħħ u terminazzjoni

    1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lil xulxin dwar tmiem il-proċeduri neċessarji għal dan il-għan. In-notifiki għandhom jintbagħtu lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u dan għandu jkun id-depożitarju ta' dan il-Ftehim.

    2. L-iskadenza jew it-terminazzjoni ta' dan il-ftehim ma jaffettwax il-validità jew kemm itulu xi arranġamenti li saru skont dan jew xi drittijiet u obbligi speċifiċi li jkunu ġġarrbu fil-qasam tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

    3. Dan il-Ftehim jista' jiġi emendat bi ftehim reċiproku bil-miktub bejn il-partijiet. Kull emenda għandha tidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara d-data li l-Partijiet ikunu nnotifikaw lid-depożitarju dwar it-tmiem tal-proċeduri neċessarji għal dan il-għan.

    4. Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodu ta' ħames snin u jiġġedded bi ftehim komuni bejn il-Partijiet għal perjodi addizzjonali ta' ħames snin fi tmiem l-ewwel perjodu ta' ħames snin. Kull Parti tista' tittermina dan il-Ftehim billi tinforma b'avviż bil-miktub lill-parti l-oħra tliet xhur minn qabel.

    Dan il-Ftehim qed isir idduplikat fil-lingwa Ċeka, Daniża, Estonjana, Finlandiża, Franċiża, Ġermaniża, Griega, Ingliża, Latvjana, Litwana, Maltija, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Slovakka, Slovena, Spanjola, Svediża, Taljana, Ukraina, u Ungeriża, u t-testi kollha huma ugwalment awtentiċi.

    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

    L-Ukraina hija waħda mit-tmien pajjiżi b'kompetenza teknoloġika sinifikanti li hija importanti fit-tagħmir, l-applikazzjonijiet u t-teknoloġija reġjonali tan-navigazzjoni bis-satellita.

    L-industrija spazjali Ukraina hija fost il-mexxejja dinjin fid-disinn u l-produzzjoni ta' lanċaturi u komponenti kritiċi tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS).

    Mis-sena 2000 l-Ukraina wriet interess fil-proġetti Ewropej tal-GNSS u żviluppat kontribuzzjoni tagħha għat-Test Bed tas-Sistema reġjonali tal-EGNOS, prekursur ta' Galileo. Ilhom mill-2010 jsiru diskussjonijiet sabiex il-kopertura tal-EGNOS testendi għat-territorju tal-Ukraina. Il-kopertura tal-EGNOS tal-Ukraina se żżid l-integrità tal-EGNOS fil-Lvant tal-Polonja, ir-Rumanija u l-Bulgarija.

    Fis-7 ta' Ottubru 2003, is-summit bejn l-UE u l-Ukraina adotta d-Dikjarazzjoni Konġunta Ukraina-UE dwar il-Koperazzjoni fin-Navigazzjoni bis-Satellita.

    Fit-8 ta' Ottubru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex jinfetħu negozjati mal-Ukraina għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita.

    Fl-1 ta' Diċembru 2005 ġie ffirmat il-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita bejn l-Ukraina, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra.

    Dan il-Ftehim se jippermetti l-estensjoni tal-EGNOS lill-Ukraina u l-kollaborazzjoni f'oqsma bħall-istandardizzazzjoni, iċ-ċertifikazzjoni, l-ispettru tar-radju, il-koperazzjoni industrijali u l-iżvilupp kummerċjali u tas-suq.

    L-Istati Membri firmatarji tal-Unjoni Ewropea temmew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom relatati mad-dħul fis-seħħ ta' dan il-ftehim.

    Il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom isiru partijiet mill-ftehim bil-konklużjoni ta' protokoll skont l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom tissejjes l-Unjoni Ewropea.

    Il-Kunsill huwa mitlub jadotta l-proposta għal Deċiżjoni li ġejja dwar il-konklużjoni tal-ftehim f'isem l-Unjoni Ewropea wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew.

    2012/0274 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Ukraina

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 172 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

    Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[1],

    Billi:

    (1)       Fit-8 ta' Ottubru 2004, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex jinfetħu negozjati mal-Ukraina għall-konklużjoni ta' Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS).

    (2)       Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2005, il-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) (minn hawn 'il quddiem jissejjaħ "il-Ftehim") bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, ġie ffirmat fl-1 ta' Diċembru 2005.

    (3)       Dan il-Ftehim ta' Koperazzjoni jippermetti koperazzjoni eqreb mal-Ukraina fil-qasam tan-navigazzjoni bis-satellita. Dan se jimplimenta għadd ta' elementi tal-programmi Ewropej ta' navigazzjoni bis-satellita.

    (4)       Il-Ftehim għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim ta' Koperazzjoni dwar Sistema Globali ta' Navigazzjoni Ċivili bis-Satellita (GNSS) bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Ukraina min-naħa l-oħra, qed ikun hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni Ewropea.

    Il-kontenut tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jinnomina l-persuna awtorizzata biex tagħti n-notifika, f'isem l-Unjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) tal-Ftehim, u għandu jagħmel din in-notifika:

    'Minħabba d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-1 ta' Diċembru 2009, l-Unjoni Ewropea ssostitwixxiet u ssuċċediet lill-Komunità Ewropea u minn dik id-data teżerċita d-drittijiet kollha u tassumi l-obbligi kollha tal-Komunità Ewropea. Għaldaqstant, ir-referenzi għall-"Komunità Ewropea" fil-kontenut tal-Ftehim iridu jinqraw bħala "l-Unjoni Ewropea".'

    Artikolu 3

    Il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni fil-Kumitat ta' Tmexxija tal-GNSS u fil-Gruppi Tekniċi Konġunti ta' Ħidma, kif inhu msemmi fl-Artikolu 14 tal-Ftehim, għandha tiġi adottata mill-Kunsill, fuq proposta mingħand il-Kummissjoni.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha. Din għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea[2].

    Magħmul fi Brussell,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

    [1]               Il-kunsens ingħata fi […201.].

    [2]               Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Top