Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0493

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland mill-Ġermanja)

/* COM/2012/0493 final - 2012/ () */

52012PC0493

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland mill-Ġermanja) /* COM/2012/0493 final - 2012/ () */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibilità, sal-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun, u dan apparti l-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

Fl-4 ta' Mejju 2012, il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji f'manroland AG u tnejn mis-sussidjarji tagħha (minn hawn 'il quddiem "manroland") kif ukoll fornitur wieħed fil-Ġermanja.

Wara analiżi bir-reqqa ta' din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet b'konformità mal-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament, intlaħqu.

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta essenzjali: ||

Nru ta' Referenza tal-FEG || EGF/2012/002

Stat Membru || il-Ġermanja

Artikolu 2 || (a)

Intrapriża primarja || manroland AG

Sussidjarji u fornituri || 3

Perjodu ta' referenza || 1.1.2012 – 30.4.2012

Data tal-bidu għas-servizzi personalizzati || 1.8.2012

Data tal-applikazzjoni || 4.5.2012

Sensji matul il-perjodu ta' referenza || 2 239

Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza || 45

Total ta' sensji eliġibbli || 2 284

Ħaddiema ssensjati li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 2 103

Infiq għas-servizzi personalizzati (EUR) || 10 305 889

Infiq għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 400 000

Infiq għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 3,74

Baġit totali (EUR) || 10 705 889

Kontribuzzjoni tal-FEG (50 %) (EUR) || 5 352 944

1.           L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fl-4 ta' Mejju 2012 u ssupplimentata b'tagħrif addizzjonali sal-10 ta' Lulju 2012.

2.           L-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fi żmien il-perjodu ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5 ta' dak ir-Regolament.

Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni

3.           Sabiex tistabbilixxi r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni, il-Ġermanja sostniet li manroland hija manifattur tal-makkinarju tal-istampar u tipproduċi stamperiji offset li jieħdu l-folji tal-karta kif ukoll makkinarju għall-istampar offset li jieħu r-rombli tal-karta. manroland ilha rikonoxxuta internazzjonalment għall-istandards għoljin ta' inġinerija tagħha u għall-manifattura ta' prodotti ta' kwalità għolja.

4.           Is-suq tat-tagħmir tal-makkinarju għall-istampar huwa internazzjonalizzat ħafna. manroland flimkien mal-kompetituri Ġermaniżi u Ewropej tagħha, diġà topera fuq bażi dinjija. Matul is-snin reċenti, is-swieq emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja u l-pajjiżi tal-Amerika t'Isfel, bħall-Brażil, żiedu d-domanda tagħhom għal makkinarju tal-istampar u għalhekk saru klijenti importanti għall-manifatturi tal-makkinarju tal-istampar Ġermaniżi u Ewropej oħrajn. Madankollu, huma saru wkoll atturi dejjem iżjed importanti min-naħa tagħhom fil-parti tal-provvista ta' suq dejjem iżjed globali. Il-produtturi fiċ-Ċina, fl-Indja, fl-Amerika t'Isfel, kif ukoll għadd dejjem jikber ta' kompetituri mil-Lvant tal-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Ġappun kollha kemm huma kisbu ishma mis-suq dejjem jikbru matul l-aħħar deċennju. Minħabba f'hekk, il-produtturi Ġermaniżi ta' kwalità għolja issa qed jiffaċċjaw kompetizzjoni internazzjonali iebsa l-iktar minn prodotti ta' kwalità iktar baxxa u bi prezzijiet iktar baxxi.

5.           It-tendenza lejn swieq iktar internazzjonalment integrati hija akkumpanjata minn bidliet strutturali permanenti fl-użu ta' tekniki tal-istampar u grad ogħla ta' speċjalizzazzjoni tal-fornituri f'xi sottosetturi. B'għadd ikbar ta' fornituri internazzjonali minn banda u bdil fit-tekniki tal-istampar mill-banda l-oħra, il-produttur medju tal-makkinarju tal-istampar għandu sehem iżgħar mis-suq. Il-bejgħ jaqa', il-qligħ jonqos u l-impjegaturi jkollhom jikkunsidraw li jagħtu s-sensji. Tul dawn l-aħħar snin, manroland segwiet din it-tendenza bħala reazzjoni tagħha għall-globalizzazzjoni.

6.           L-awtoritajiet Ġermaniżi jsemmu wkoll eżempji ta' protezzjoniżmu fis-suq għall-makkinarju tal-istampar. Huma jsostnu li l-Indja għandha dazju fuq l-importazzjoni ta' 23 % fuq il-makkinarju, u li ċ-Ċina, li hija s-suq li qed jikber l-aktar malajr għat-tagħmir tal-manifattura, tuża sussidji, tħalli li ssir piraterija tal-prodotti, tippermetti standards ta' sigurtà fuq il-post tax-xogħol iktar baxxi jew ineżistenti, protezzjoni ambjentali baxxa, ftit normi soċjali u l-ebda protezzjoni soċjali universali. Dan kollu jikkontribwixxi għal inqas spejjeż ta' produzzjoni u kundizzjonijiet agħar għall-kompetitturi barranin[4]. Il-Pjan Ċiniż ta’ Ħames Snin attwali (2011-2015) isemmi s-settur tal-makkinarju u t-tagħmir bħala wieħed mis-seba' industriji ewlenin li l-finanzjament Statali Ċiniż huwa mmirat lejh. Dawn il-prattiki għenu lill-produtturi Ċiniżi tat-tagħmir tal-istampar biex joqorbu lejn l-istandards teknoloġiċi għoljin stabbiliti mill-pajjiżi Ewropej imma bi spejjeż tax-xogħol li jkunu bħala medja 11 fil-mija iktar baxxi mill-ispejjeż tax-xogħol medji Ewropej fis-settur tal-makkinarju. Għaldaqstant, iċ-Ċina saret waħda mill-kompetituri internazzjonali l-iktar feroċi fis-settur tal-makkinarju tal-istampar[5].

7.           Kompetituri minn barra ċ-Ċina jipprovaw jevitaw l-ostaklu tad-dazji tal-importazzjoni billi jiddelokalizzaw il-produzzjoni lejn pajjiżi Ażjatiċi oħrajn. Minħabba f'hekk, il-fornituri tal-makkinarju tal-istampar Ewropej (inkluża maroland) tilfu sehem mis-suq internazzjonali sinifikanti sa minn nofs id-deċennju tas-snin 2000. Bejn l-2000 u l-2004, is-sehem mis-suq dinji tal-produtturi Ewropej kien medja ta' 67 % imma dan waqa' għal medja ta' 53 % matul il-perjodu mill-2005 sal-2011. L-importazzjonijiet mill-fornituri mhux Ewropej fis-suq tal-UE għall-makkinarju tal-istampar kiber minn 18 % (medja tas-snin mill-2000 sal-2005) għal 24 % (medja tas-snin mill-2006 sal-2010)[6].

8.           manroland tilfet 10 % tas-sehem tagħha mis-suq tat-tagħmir għall-istampar offset li jieħu r-rombli tal-karta matul il-perjodu mill-2005 sal-2011. Barra minn hekk, bejn l-2000 u l-2010, il-kumpanija esperjenzat fażijiet ta' tnaqqis qawwi fil-bejgħ. Dan l-iżvilupp ikkontribwixxa għal tnaqqis fil-profitti u profitti negattivi u finalment għal sensji li wasslu għal din l-applikazzjoni.

Turija tal-għadd tas-sensji u konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a)

9.           Il-Ġermanja ressqet din l-applikazzjoni skont il-kriterja ta’ intervent tal-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jitlob li jkun hemm minn tal-inqas 500 sensja matul perjodu ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inklużi l-ħaddiema li jitilfu xogħolhom mal-fornituri tagħhom jew mal-produtturi iktar 'l isfel fil-katina tal-produzzjoni.

10.         L-applikazzjoni ssemmi 2 177 sensja f'manroland AG u 62 fi tnejn mis-sussidjarji tagħha, kif ukoll 45 f'fornitur wieħed (Gefinal Systema), li jgħodd b'kollox 2 284 sensja, li minnhom 2 239 ġraw matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur mill-1 ta' Jannar 2012 sat-30 ta' April 2012. Is-sensji f'manroland AG u s-sussidjarji tagħha ġew ikkalkulati skont it-tieni inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, filwaqt li dawk f'Genfina Systema ġew ikkalkulati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista ta' dawk is-sensji

11.         L-awtoritajiet Ġermaniżi jsostnu li manroland kienet fuq quddiem fl-industrija tal-makkinarju għall-istampar offset li jieħu r-rombli tal-karta u fl-imgħoddi għadda minn ħafna mumenti pożittivi u negattivi fiċ-ċiklu tan-negozju, li taha esperjenza ta' valur fil-ġestjoni ta' żminijiet iktar ibsin. Hija diġà kienet qablet fuq restrizzjoni tal-pagi mal-ħaddiema tagħha u tnaqqis gradwali tal-persunal tagħha matul l-2011 u l-2012. Telf preċedenti ġie kkumpensat mis-sidien tagħha Allianz Capital Partners u MAN. Fil-ħarifa tal-2011, is-sidien irrifjutaw li jagħmlu ħlasijiet ulterjuri, li wassal direttament għall-insolvenza minn manroland u s-sensja ta' terz tal-ħaddiema.

Identifikazzjoni tal-intrapriżi li taw is-sensji u l-ħaddiema li se jingħataw l-għajnuna

12.         L-applikazzjoni hija relatata ma' 2 284 sensja li 2 177 minnhom ġraw f'manroland AG, 62 oħra fi tnejn mis-sussidjarji tagħha (manroland Vertrieb und Service GmbH u manroland Vertrieb und Service Deutschland GmbH), u 45 oħra fil-fornitur Gefinal Systema (kumpanija li taħdem il-metall). Minn dawn is-sensji, 2 103 qegħdin fil-mira tal-miżuri tal-FEG.

13.         It-tqassim tal-ħaddiema fil-mira huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Irġiel || 1 836 || 87,30

Nisa || 267 || 12,70

Ċittadini tal-UE || 1 979 || 96,96

Ċittadini mhux tal-UE || 62 || 3,04

15-24 sena || 45 || 2,14

25-54 sena || 1 514 || 71,99

55-64 sena || 543 || 25,82

> 64 sena || 1 || 0,05

14.         Għat-62 ħaddiem mill-intrapriżi sussidjarji, ma hemm l-ebda tqassim disponibbli f'termini ta' nazzjonalità, għalhekk il-perċentwali fil-kategoriji rilevanti huma bbażati fuq total ta' 2 041.

15.         Fost il-ħaddiema fil-mira, hemm 142 bi problemi tas-saħħa fit-tul jew diżabilitajiet.

16.         Fir-rigward tal-kategoriji tax-xogħol, it-tqassim huwa kif ġej:

Kategorija || Għadd || Perċentwal

Leġiżlaturi, uffiċjali għolja u maniġers || 15 || 0,73

Professjonisti || 93 || 4,56

Tekniċi u professjonisti assoċjati || 273 || 13,38

Skrivana || 167 || 8,18

Ħaddiema fl-artiġjanat u snajja' relatati || 93 || 4,56

Operaturi tal-impjanti u tal-magni u dawk li jimmuntaw il-magni || 1 321 || 64,72

Okkupazzjonijiet elementari || 79 || 3,87

17.         Għat-62 ħaddiem mill-intrapriżi sussidjarji, ma hemm l-ebda tqassim disponibbli f'termini ta' kategoriji tax-xogħol, għalhekk il-perċentwali f'din it-tabella huma bbażati fuq total ta' 2 041.

18.         B'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-Ġermanja kkonfermat li ġiet applikata politika ta' ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll ta' nondiskriminazzjoni, u li din se tkompli tapplika matul l-istadji varji tal-implimentazzjoni tal-FEG u, b'mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess għalih.

Deskrizzjoni tat-territorju kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu

19.         Dawn is-sensji jikkonċernaw tliet reġjuni tal-Ġermanja pjuttost differenti. L-ewwel wieħed huwa Augsburg (il-Baviera), it-tieni Offenabach (Hessen) u t-tielet Plauen (is-Sassonja). Bliet ġirien ewlenin oħrajn huma affettwati wkoll mill-għeluq u s-sensji, inklużi Aschaffenburg, Wiesbaden, Darmstadt u Frankfurt/Main.

20.         L-idgħef minnhom huwa Plauen li jinsab fil-parti tal-lvant tal-Ġermanja, b'popolazzjoni żgħira imma b'dipendenza għolja fuq il-ħlasijiet tal-għajnuna soċjali. L-insolvenza ta' manroland issa tneħħi t-tielet l-ikbar impjegatur fiż-żona (700 ħaddiem qabel l-għeluq) u wieħed minn tlieta biss li kienu ta' daqs biżżejjed biex ikollhom ftehimiet kollettivi dwar il-pagi mal-ħaddiema tagħhom.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-impjiegi lokali, reġjonali jew nazzjonali

21.         Qabel l-insolvenza tagħha, manroland kienet timpjega 6 500 ħaddiem. Hija kienet manifattur modern tal-makkinarju b'għarfien modern u rati ta' pagi attraenti. Il-qsim ta' din l-intrapriża (b'telf ta' terz mill-ħaddiema tagħha) se jġib miegħu telf ta' ħiliet, li jista' jaffettwa impjegaturi oħrajn u lir-reġjuni kkonċernati. Ħaddiema li jsibu impjieg ġdid se jkollhom jaċċettaw livell ta' pagi iktar baxxi, li min-naħa tagħhom se jnaqqsilhom il-kapaċità tal-akkwist tagħhom u l-flussi tal-flus fi ħdan l-ekonomija lokali. It-tliet reġjuni, barra minn hekk, se jitilfu wieħed mill-impjegaturi l-iżjed influwenti, bl-ebda prospett immedjat li jitfaċċa suċċessur ekwivalenti fil-futur qrib.

22.         Ħafna mill-ħaddiema kienu impjegati minn manroland għal perjodi twal, u kisbu livelli ta' pagi għoljin minħabba l-anzjanità. Minħabba l-età tagħhom, se tkun iebsa li dawn isibu impjieg ġdid malajr, u kważi impossibbli li jerġgħu jilħqu l-istess livelli salarjali.

23.         It-tabella ta' hawn taħt turi r-rati tal-qgħad fiż-żoni affettwati u r-rata ta' bdil tagħhom meta mqabbel mal-istess xahar fis-sena preċedenti.

Reġjun || Rata tal-qgħad fi Frar 2012 || Bdil fil-qgħad Frar 2012 / Frar 2011

il-Ġermanja || 7,9 ||

Augsburg || 5,4 || +4,5 %

Offenbach || 8,3 || +6,7 %

Plauen || 11,7 || +2,9 %

Pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati li jridu jiġu ffinanzjati u t-tqassim tal-ispejjeż stmati tiegħu, inkluża l-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali

24.         L-imsieħba soċjali involuti f'manroland adottaw pjan ta' azzjoni f'Jannar 2012 li jinkludi t-twaqqif ta' kumpaniji ta' trasferiment għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja. Għal Augsburg u Plauen, il-koordinatur huwa PTG (Projekt- und Trainingsgesellschaft), u l-kumpanija ta' trasferiment tiegħu se topera mill-1 ta' Frar 2012 sal-31 ta' Jannar 2013. Għal Offenbach, il-kumpanija ta' trasferiment hija PRM Personalentwicklungs-gesellschaft, li se topera mill-1 ta' Frar 2012 sal-31 ta' Lulju 2012, bil-possibilità li dan il-perjodu jiġi estiż.

25.         Hemm proposti dawn il-miżuri li ġejjin:

– Benefiċċji għal żmien qasir (Transferkurzarbeitergeld): Dan huwa benefiċċju ta' sussistenza mħallas mis-servizzi tal-impjiegi pubbliċi fuq il-bażi tas-salarju nett li kien jaqla preċedentement il-ħaddiem. Il-livell huwa ffissat għal 60 % tas-salarju nett li kien jaqla' l-ħaddiem, li jitla' għal 67 % jekk fl-istess residenza tal-benefiċjarju jkun joqgħod tal-inqas tifel jew tifla waħda. manroland impenjat ruħha li tħallas id-differenza bejn dan l-ammont u 80 % tas-salarju li kien jaqla'. Il-Ġermanja tistma li bħala medja dan se jitħallas għal kull ħaddiem għal bejn 6 u 8 xhur. Fil-baġit għal din il-miżura, isir tnaqqis għall-benefiċċji użati għall-kofinanzjament tat-taħriġ iffinanzjat mill-FSE matul il-fażi inizjali, u tnaqqis ulterjuri huwa bbaġitjat għall-perjodi li matulhom il-ħaddiema ma jkunux impenjati fil-miżuri tal-politika tas-suq tax-xogħol attiv. Il-benefiċċju se jitħallas lill-2 001 ħaddiem li ddeċidew li jingħaqdu mal-kumpanija ta' trasferiment. Il-102 ħaddiema li mistennija jieħdu sehem fil-miżuri, imma mhux fil-kumpanija ta' trasferiment, se jirċievu benefiċċju tal-qgħad (mhux inkluż fil-pakkett tal-FEG).

– Korsijiet ta' taħriġ li jwasslu għall-kwalifiki: Dawn il-korsijiet se jkunu mmirati l-iktar lejn min kien imjegat mas-sussidjarji u l-fornitur, peress li min kien impjegat ma' manroland AG huma diġà kkwalifikati sew u se jiġu offruti korsijiet iktar speċjalizzati biex ikomplu jibnu fuq il-kwalifiki eżistenti. Min se jieħu t-taħriġ se jingħata l-opportunità li jagħżel l-iktar korsijiet xierqa għalih, u jkompli jibni fuq l-intervista inizjali u l-profil tiegħu. Se jiġu offruti kemm ħiliet ibsin kif ukoll ħiliet inqas ibsin u tingħata ċertifikazzjoni tal-ħiliet eżistenti miksuba mill-esperjenza fuq ix-xogħol. It-tul tal-kors ivarja bejn 3 ijiem u 100 jum.

– Gruppi ta’ Ħidma u Gruppi ta’ Pari: Dawn se jinħolqu b'bosta kategoriji, eż. għall-ħaddiema iktar avvanzati fl-età, għall-ħaddiema diżabbli, skont it-tip ta' taħriġ, eċċ. skont il-ħtieġa. Kull grupp ikollu l-konsulent espert tiegħu.

– Miżuri anċillari u tfittxija internazzjonali għal impjieg: Il-programm se jipprovdi lill-ħaddiema li ngħataw sensja bil-possibilità li jagħmlu għadd ta' testijiet, inklużi testijiet psikoloġiċi, eżamijiet tas-saħħa, testijiet tal-kompetenza. Dawn se jingħataw għajnuna biex jiksbu referenzi tal-impjiegi u kull miżuri tas-saħħa ta' prevenzjoni mitluba mill-impjegaturi futuri (eż. it-tilqim). Se jiġu offruti parteċipazzjoni fil-fieri tax-xogħlijiet, korsijiet tal-lingwa, traduzzjoni ta' kwalifiki preċedenti, taħriġ interkulturali, eċċ. skont il-ħtieġa.

– Parir profond dwar il-ftuħ ta' negozju: Ħaddiema ssensjati li jixtiequ jibdew in-negozju tagħhom jistgħu jiksbu appoġġ għall-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-finanzjament tal-proġett tan-negozju tagħhom. Barra minn hekk, jiġu mgħallma kompetenzi bażiċi fil-ġestjoni tan-negozju, il-kummerċjalizzazzjoni u l-bejgħ. Pariri u taħriġ individwali kif ukoll kuntatti ma' netwerks u esperti speċifiċi varji (avukati, konsulenti fiskali, kummerċjalizzazzjoni, banek, eċċ.) se jkunu disponibbli.

– Tfittxija għal impjieg: Il-kumpaniji tat-trasferiment jużaw il-kuntatti tagħhom mal-impjegaturi fir-reġjuni tagħhom biex jiksbu informazzjoni dwar postijiet battala tax-xogħol li jkunu se joħorġu u li jkunu għadhom ma ġewx ippubblikati. Imbagħad dawn ifittxu l-kandidati l-iktar adatti mill-polza ta' ħaddiema tal-FEG biex jikkuntattjaw lill-impjegaturi potenzjali. Jekk ikollhom jiksbu ħila li għandhom nieqsa, it-taħriġ neċessarju jiġi pprovdut.

– Għotja ta' attivazzjoni: Din qiegħda biex tgħin lill-ħaddiema ssensjati biex jiddeċiedu li jaċċettaw impjieg bi ħlas iktar baxx (tal-inqas 10 % inqas mis-salarju gross preċedenti). Din hija għotja ta' EUR 4 000 li titħallas darba biss mal-bidu tal-miżuri tal-FEG u li tinżel għal EUR 1 000 jekk tittieħed lejn tmiem il-fażi tal-implimentazzjoni.

– Taħriġ u servizzi ta' konsulenza f'impjieg ġdid u matul il-qgħad: Ladarba impjegat issensjat jaċċetta impjieg ġdid u jkun għadu jeħtieġ xi sostenn, kowċ mill-kumpanija tat-trasferiment jista' jkompli jipprovdi pariri u jiżgura li l-ħaddiema jkun jista' jieħu postu bl-aqwa mod. Dawk il-ħaddiema li ma jkunux sabu impjieg ġdid fil-waqt li l-kumpanija tat-trasferiment tispiċċa, jirċievu iktar konsulenza esperta mill-persunal rilevanti, li jgħinuhom ukoll jgħaqqdu l-fajls tal-persunal tagħhom għal referenza futura.

26.         In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni, skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri l-attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni u ta' kontroll kif ukoll l-informazzjoni u l-pubbliċità. Din tinkludi laqgħat regolari mal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħrajn, li kemm il-ħtieġa tal-applikazzjoni tal-FEG kif ukoll il-kontenut tagħha kienu diġà ġew diskussi magħhom qabel ma tkun intbagħtet l-applikazzjoni. Attivitajiet ta' informazzjoni jinkludu websajt li tenfasizza l-effetti pożittivi tal-FEG.

27.         Is-servizzi personalizzati ppreżentati mill-awtoritajiet Ġermaniżi huma miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli ddefiniti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet Ġermaniżi jistmaw li l-ispejjeż totali huma EUR 10 705 889, li EUR 10 305 889 minnhom huma nefqa għas-servizzi personalizzati u n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG hija ta' EUR 400 000 (3,74 % tal-ammont totali). Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 5 352 944 (50 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet || In-numru stmat ta' ħaddiema fil-mira || L-ispiża stmata għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) || L-ispejjeż totali (il-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR)

Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Benefiċċji għal żmien qasir (Transferkurzarbeitergeld) || 2 001 || 2 727,67 || 5 458 067,67

Korsijiet ta' taħriġ li jwasslu għall-kwalifiki (Qualifizierungsmassnahmen) || 770 || 2 293,01 || 1 765 617,70

Gruppi ta’ ħidma u gruppi ta’ pari || 1 453 || 327,58 || 475 973,74

Miżuri anċillari u tfittxija internazzjonali għal impjieg (Flankierende und internationale Unterstuetzung) || 1 135 || 186,01 || 211 121,35

Parir fil-fond dwar il-ftuħ ta' negozju (Existenzgruenderberatung) || 60 || 621,93 || 37 315,80

Tfittxija għal impjieg (Stellenresearch) || 1 050 || 275,19 || 288 949,50

Għotja ta' attivazzjoni (Aktivierungszuschuss) || 430 || 2 709,92 || 1 165 265,60

Taħriġ u servizzi ta' konsulenza f'impjieg ġdid u matul il-qgħad (Nachbetreuung) || 1 050 || 860,55 || 903 577,50

Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 10 305 889

In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006)

Attivitajiet preparatorji || || 20 000

Ġestjoni || || 340 000

Informazzjoni u pubbliċità || || 20 000

Attivitajiet ta' kontroll || || 20 000

Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 400 000

Stima tal-ispejjeż totali || || 10 705 889

Kontribuzzjoni tal-FEG (50 % tal-ispejjeż totali) || || 5 352 944

28.         Il-Ġermanja tikkonferma li l-miżuri deskritti hawn fuq huma komplementari mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali. Il-miżuri bikrin meħuda b'appoġġ għal dan il-grupp ta' ħaddiema (mill-1 ta' Frar 2012) qed jiġu kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew mill-programm operattiv tiegħu FSE-BA. Se jkun hemm demarkazzjoni ċara bejn dawn il-miżuri u dawk ikkofinanzjati mill-FEG. L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li d-dispożizzjonijiet neċessarji jkunu fis-seħħ biex jipprevjenu kull finanzjament doppju mill-istrumenti finanzjarji tal-UE.

29.         Il-Ġermanja barra minn hekk tistqarr fl-applikazzjoni tagħha li l-pakkett tal-FEG huwa ta' valur miżjud sinifikanti 'l fuq minn dak li kien ikun possibbli mill-fondi nazzjonali u tal-FSE. Dan jinkludi tipi iktar għaljin ta' taħriġ, korsijiet itwal li jwasslu għal kwalifiki aħjar, perjodu itwal ta' appoġġ għall-ħaddiema milli kien ikun possibbli għal kumpanija ta' trasferiment fin-nuqqas ta' finanzjament tal-FEG.

Id-data/i meta nbdew jew meta huwa maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema affettwati

30.         Il-Ġermanja se tibda s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema affettwati inklużi fil-pakkett ikkoordinat propost lill-FEG għall-kofinanzjament fl-1 ta’ Awwissu 2012. Din id-data, għalhekk, tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kwalunkwe għajnuna li tista' tingħata mill-FEG.

Proċeduri għall-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali

31.         L-imsieħba soċjali u l-partijiet interessati l-oħra kienu involuti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' din l-applikazzjoni sa mill-bidu nett. Fis-16 ta' April 2012, ġiet organizzata laqgħa madwar il-mejda bejn il-partijiet interessati kollha inklużi r-rappreżentanti tal-ħaddiema, fejn ġiet ippreżentata d-dejta ewlenija tal-applikazzjoni tal-FEG u nkiseb appoġġ mingħand il-partijiet kollha. Barra minn hekk, il-bosta partijiet interessati ddeċidew li jikkollaboraw mill-qrib fl-implimentazzjoni tal-miżuri.

32.         L-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li kien hemm konformità mar-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-UE dwar is-sensji kollettivi.

Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi

33.         Fir-rigward tal-kriterji li jinsabu fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, l-awtoritajiet Ġermaniżi fl-applikazzjoni tagħhom:

· ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post il-miżuri li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi;

· urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ lil ħaddiema individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

· ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE.

Sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll

34.         Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi amministrata mill-istess entitajiet li jkunu amministraw il-kontribuzzjonijiet preċedenti tal-FEG għall-Ġermanja -- fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Bundesministerium für Arbeit und Soziales) il-"Gruppe Europaïsche Fonds für Beschäftigung – Referat EF 3" se jkun l-awtorità ta' ġestjoni u l-"Organisationseinheit Prüfbehörde" se tkun l-awtorità ta' kontroll għal dan il-każ ukoll.

Finanzjament

35.         Abbażi tal-applikazzjoni mill-Ġermanja, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa biex jiġi implimentat il-FEG) hija ta’ EUR 5 352 944, li tirrappreżenta 50 % tal-ispiża totali. L-allokazzjoni proposta tal-Kummissjoni minn dan il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Ġermanja.

36.         Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

37.         L-ammont propost ta' kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli biex ikun allokat matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

38.         Permezz tal-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qed tibda l-proċedura ssemplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tiżgura l-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja biex taqbel mal-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, fuq livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, għandha tkun organizzata laqgħa formali ta' trijalogu.

39.         B'mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2012 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji, kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet

40.         L-approprjazzjonijiet imsemmija fil-linja baġitarja tal-FEG se jintużaw biex ikopru l-ammont ta' EUR 5 352 944 meħtieġ għal din l-applikazzjoni.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (applikazzjoni EGF/2012/002 DE/manroland mill-Ġermanja)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[7], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8], u b'mod partikolari l-Artikolu 12(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea[9],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li ngħataw sensja minħabba bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjin minħabba l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG fil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun.

(3)       Il-Ġermanja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fl-intrapriża manroland AG u tnejn mis-sussidjarji tagħha, kif ukoll fornitur wieħed, fl-4 ta' Mejju 2012 u ssupplimentatha b'informazzjoni addizzjonali sal-10 ta' Lulju 2012. Din l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif stipulat fl-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Il-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi li timmobilizza ammont ta' EUR 5 352 944.

(4)       Il-FEG għandu, għalhekk, jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 5 352 944 f'approprjazzjonijiet għall-impenji u għall-ħlasijiet.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

The President                                                 The President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[3]               B'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

[4]               Gisela Lanza, Thomas Ender, Dennis Schuler, Stevens Peters (2011), Chancen und Risiken des deutschen Maschinen- und Anlagenbaus in der chinesischen Automobilindustrie, Global Advanced Manufacturing Institute and Karlsruhe Institute of Technology

[5]               European Commission (2011), Study on the Future Opportunities and Challenges of EU-China Trade and Investment Relations. Study 1: Machinery, p. 3.

[6]               Sorsi: manroland AG, riċerka tas-suq

[7]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[8]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[9]               ĠU C […], […], p. […].

Top