This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52012PC0423
Proposal for a DECISION OF THE EUROPEAN PARLIAMENT AND OF THE COUNCIL on the mobilisation of the European Globalisation Adjustment Fund in accordance with point 28 of the Interinstitutional Agreement of 17 May 2006 between the European Parliament, the Council and the Commission on budgetary discipline and sound financial management (application EGF/2012/001 IE/Talk Talk from Ireland)
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2012/001 IE/Talk Talk mill-Irlanda)
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2012/001 IE/Talk Talk mill-Irlanda)
/* COM/2012/0423 final */
Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2012/001 IE/Talk Talk mill-Irlanda) /* COM/2012/0423 final */
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI Il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali
tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u
l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja
soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni
tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG)
permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta'
EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas
finanzjarju. Ir-regoli applikabbli
għall-kontribuzzjonijiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE)
Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew
ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2]. Fid-29 ta' Frar 2012, l-Irlanda
ressqet l-applikazzjoni EGF/2012/001 IE/Talk Talk għal kontribuzzjoni
finanzjarja mill-FEG, wara sensji f'Talk Talk Broadband Services (Ireland)
Limited (minn hawn 'il quddiem "Talk Talk") u fi tliet fornituri
tagħha fl-Irlanda. Wara analiżi fil-fond ta' din
l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet skont l-Artikolu 10
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 li l-kundizzjonijiet għal
kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament huma ssodisfati. SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI U L-ANALIŻI Dejta essenzjali: || Nru ta' Referenza tal-FEG || FEG/2012/001 Stat Membru || L-Irlanda Artikolu 2 || (a) Intrapriża primarja || Talk Talk Broadband Services (Ireland) Limited Fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni || 3 Perjodu ta' referenza || 7.9.2011 – 7.1.2012 Id-data tal-bidu għas-servizzi personalizzati || 7.9.2011 Id-data tal-applikazzjoni || 29.2.2012 Sensji matul il-perjodu ta' referenza || 586 Sensji qabel u wara l-perjodu ta' referenza || 6 Total ta' sensji eliġibbli || 592 Ħaddiema ssensjati li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri || 432 In-nefqa għas-servizzi personalizzati (EUR) || 5 092 765 In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG[3] (EUR) || 300 000 In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (%) || 5,6 Il-baġit totali (EUR) || 5 392 765 Il-kontribuzzjoni tal-FEG (50 %) (EUR) || 2 696 382 1. L-applikazzjoni ġiet
ippreżentata lill-Kummissjoni fid-29 ta' Frar 2012 u
sostnuta b'informazzjoni addizzjonali sal-15 ta' Mejju 2012. 2. L-applikazzjoni tissodisfa
l-kundizzjonijiet għall-użu tal-FEG kif stabbilit
fl-Artikolu 2(a) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, u tressqet fi
żmien il-perjodu ta' 10 ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 5
ta' dak ir-Regolament. Ir-rabta bejn is-sensji u l-bidliet
strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba
l-globalizzazzjoni 3. Sabiex tiġi stabbilita
rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet
kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-Irlanda targumenta
li Talk Talk kienet ċentru għas-servizzi tal-klijenti bbażat
f'Waterford li oriġinarjament twaqqafet biex jagħti servizzi kemm
għall-kumpanija Talk Talk UK kif ukoll għall-kumpanija AOL UK.
Il-kumpanija appoġġat is-suq ta' Talk Talk fir-Renju Unit
għas-servizzi tal-broadband, tat-telefonija, u iżjed riċenti
tat-televiżjoni permezz tas-servizzi inbound, outbound, tal-email u
tal-white mail. Wara li nxtrat id-diviżjoni tal-ISP tal-AOL fir-Renju
Unit, ġew provduti wkoll is-servizzi tal-broadband bil-marka
kummerċjali ta' AOL Broadband. Talk Talk offriet servizzi ta' telekomunikazzjoni
lil klijenti residenzjali Irlandiżi bil-marki kummerċjali Talk Talk u
AOL u lil klijenti negozjanti bil-marka kummerċjali Opal. Din provdiet
ukoll gestjoni taċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-klijenti ta' Talk
Talk fir-Renju Unit. 4. Talk Talk f'Waterford,
bħala post qrib il-kosta biex jagħti servizzi komuni lil klijent
barrani (AOL u Talk Talk UK), matul l-aħħar deċennju bbenefikat
minn xejra internazzjonali magħrufa bħala l-esternalizzazzjoni
tal-proċess kummerċjali (BPO). Tipikament il-BPO tinvolvi kumpanija
li tikkuntratta operazzjonijiet jew proċessi speċifiċi ma' fornitur
ta' parti terza. It-tendenzi li bħalissa qed jinfluwenzaw l-iżvilupp
u l-post tas-servizzi komuni jinkludu: ·
It-tnaqqis fil-kostijiet: It-tkabbir fis-servizzi BPO jista' jkun attribwit
għall-ħtieġa tal-kumpaniji li jnaqqsu l-kostijiet u jtejbu
l-proċess kif jingħata s-servizz. It-tranżizzjoni għal
mudell tas-servizz BPO tippermetti lill-kumpaniji jżidu jew inaqqsu
l-kapaċità malajr u b'iżjed effiċjenza kif jiddeterminaw
il-kundizzjonijiet tan-negozju. Postijiet b'anqas kostijiet bħall-Indja,
b'forza tax-xogħol li għandha għarfien teknoloġiku u li
titkellem bl-Ingliż, jibqgħu jattiraw negozji ġodda fil-BPO. ·
L-iżviluppi teknoloġiċi influwenzaw kif żviluppat l-industrija u għandhom rwol akbar
fl-operazzjonijiet taċ-ċentru ta' kuntatt, eż. il-protokoll
tal-vuċi fuq l-internet (VOIP), il-posta elettronika, it-talbiet
iġġenerati bil-web, l-għodod awtomati ta' kuntatt,
ir-rikonoxximent tal-leħen, eċċ. ·
Is-servizzi remoti:
Bl-iżviluppi globali fit-tekonoloġija, il-klijenti jistgħu
jingħataw servizz b'mod remot. ·
Il-kumplessità:
L-impriżi qed jesternalizzaw firxa usa' ta' funzjonijiet tan-negozju
dejjem iżjed kumplessi u l-mudell oriġinali li jiddependi mill-kost,
primarjament il-mudell għat-tranżazzjoni tal-volum, evolva b'mod
konsiderevoli. 5. Talk Talk kibret malajr
ħafna, kemm b'akkwiżizzjoni kif ukoll b'mod organiku. Bejn l-2005 u
l-2011, din żiedet il-klijenti tal-broadband minn xejn għal erba'
miljuni. Dan it-tkabbir mgħaġġel sar meta l-kumpanija akkwistat
fornituri tas-servizz tal-internet fir-Renju Unit bħal One Tel, AOL u
Tiscali u offriet servizzi ta' broadband bla ħlas lis-suq tar-Renju Unit.
Dan wassal biex Talk Talk ikollha firxa ta' 24 ċentru telefoniku
fl-Irlanda, ir-Renju Unit, l-Indja, il-Filippini u l-Afrika t'Isfel. Fil-passat
dawn iċ-ċentri kienu qed jittrattaw miljuni ta' sejħiet fil-ġimgħa.
Biex tindirizza dawn l-isfidi ġodda, Talk Talk irrazzjonalizzat is-sistemi
tagħha tal-IT, tejbet u ssimplifikat il-proċessi tagħha
tan-negozju, organizzat mill-ġdid il-marki kummerċjali tagħha,
dak li toffri lill-klijenti u l-organizzazzjoni f'kumpanija waħda
jiġifieri Talk Talk Group plc, mid-disa' kumpaniji li kienu qabel. 6. Riżultat kbir ta' dawn
l-azzjonijiet kien it-tnaqqis b'mod drammatiku fil-volum ta' sejħiet
liċ-ċentri ta' Talk Talk, partikolarment fl-aħħar
ħames jew sitt xhur qabel għalqet il-faċilità f'Waterford,
saħansitra sa 40 % tnaqqis fil-volum. 7. Talk Talk naqqset
l-għadd ta' ċentri telefoniċi minn 24 għal 13. Is-sensji
ta' Waterford kienu riżultat dirett tad-deċiżjoni tal-kumpanija
li tikkonsolida l-attivitajiet kemm fir-Renju Unit kif ukoll ma' tliet
esternalizzaturi magħżula. Fl-2011, il-kumpanija adottat alleanzi
strateġiċi ma' tliet fornituri ewlenin li mhumiex fl-UE fejn qed
tiġi trasferita parti sinifikanti mix-xogħol. Dawn il-fornituri minn pajjiżi
terzi huma Wipro fl-Indja, Transcom fil-Filippini, u CCI fl-Afrika t'Isfel.
B'riżultat ta' dan, il-kumpanija bħalissa tistma li madwar 80 %
tal-volumi ta' Talk Talk qed jiġu trattati barra mill-UE. Peress li Talk
Talk imxiet lejn mudell tas-servizzi tas-sejħiet li huwa primarjament
esternalizzat u fir-Renju Unit baqgħu jsiru biss ċerti attivitajiet
speċjalisti, l-operazzjoni kollha bbażata f'Waterford kellha tieqaf. Prova tal-għadd tas-sensji u
konformità mal-kriterji tal-Artikolu 2(a) 8. L-Irlanda ressqet din
l-applikazzjoni skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 2(a)
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, li jirrikjedi mill-inqas
500 sensja tul perjodu ta' erba' xhur f'intrapriża fi Stat Membru,
inklużi ħaddiema ssensjati mill-fornituri tagħha u
mill-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni. 9. L-applikazzjoni ssemmi
586 sensja f'Talk Talk Broadband Services (Ireland) Limited u fi tliet
fornituri tagħha matul il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur
mis-7 ta' Settembru 2011 sas-7 ta' Jannar 2012 u
sitt sensji oħra barra mill-perjodu ta' referenza, iżda relatati
mal-istess proċedura ta' sensji kollettivi. Is-sensji kollha minn Talk
Talk (573) ġew ikkalkulati b'konformità mat-tielet inċiż
tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006.
Il-Kummissjoni rċiviet konferma mingħand l-Irlanda li sadanittant
dawn is-sensji kollha ġew affettwati. Is-sensji mill-fornituri (19)
ġew ikkalkulati skont l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu
tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Spjegazzjoni tan-natura mhux prevista
ta' dawk is-sensji 10. L-awtoritajiet Irlandiżi
jargumentaw li qabel kien hemm żewġ fażijiet ta' sensji
(April 2010 u April 2011) bi stima ta' 50 persuna kull darba.
Dawn tqiesu li jirrappreżentaw ir-ristruttar tal-ġestjoni li
jippermetti li l-operazzjoni f'Waterford tiġi mmaniġġjata
direttament mill-kwartieri ġenerali fir-Renju Unit. Barra minn hekk,
filwaqt li hemm tnaqqis stmat ta' 40 % fil-volum ta' sejħiet
liċ-ċentru ta' Talk Talk f'Waterford, ma hemm xejn li jissuġġerixxi
li l-għeluq taċ-ċentru, li filfatt ingħalaq kompletament
f'Ottubru 2011, bil-konsegwenza li ntilfu l-impjiegi kollha, kien qed
jitqies mill-kumpanija. Identifikazzjoni tal-intrapriżi li
taw is-sensji u l-ħaddiema li se jingħataw l-għajnuna 11. L-applikazzjoni hija rigward
592 sensja, li 573 minnhom saru f'Talk Talk Broadband Servives
(Ireland) Limited u d-19 l-oħra fi tliet fornituri tagħha,
jiġifieri AA Security Services (erba' sensji), Campbells Catering li
tinnegozja bħala Aramark (seba' sensji) u Noonan Services Group Ltd (tmien
sensji). 12. It-tqassim tal-ħaddiema
fil-mira huwa kif ġej: Kategorija || Numru || Persentaġġ Irġiel || 237 || 54,86 Nisa || 195 || 45,14 Ċittadini tal-UE || 426 || 98,61 Ċittadini mhux tal-UE || 6 || 1,39 Minn 15 sa 24 sena || 48 || 11,11 Minn 25 sa 54 sena || 371 || 85,88 Minn 55 sa 64 sena || 12 || 2,78 Aktar minn 64 sena || 1 || 0,23 13. Stħarriġ dwar
il-ħaddiema ssensjati wera li madwar 74 % minnhom kellhom bejn l-20 u
l-35 sena, bl-età medjana tkun 26 sena. Fost il-ħaddiema affettwati jew fil-mira ma
hemmx ħaddiema li għandhom problemi ta' saħħa fit-tul jew
diżabbiltajiet. 14. Fir-rigward tal-kategoriji
tax-xogħol, it-tqassim huwa kif ġej: Kategorija || Numru || Persentaġġ Bejgħ || 114 || 26,39 Servizzi għall-klijenti || 173 || 40,05 Appoġġ tekniku għall-klijenti || 96 || 22,22 IT || 6 || 1,39 Assistent fil-catering || 5 || 1,16 Xogħol ta' tindif || 6 || 1,39 Sigurtà || 3 || 0,69 Oħrajn || 29 || 6,71 15. L-okkupazzjonijiet
l-"oħrajn" kienu tipikament assoċjati mal-ġestjoni
tal-back office ta' Talk Talk – amministrazzjoni ġenerali, finanzi,
ġestjoni tal-faċilitajiet. 16. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament
(KE) Nru 1927/2006, l-Irlanda kkonfermat li ġiet applikata politika
ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif ukoll ta' nuqqas ta' diskriminazzjoni, u se
tkompli tiġi applikata matul l-istadji differenti tal-implimentazzjoni
tal-FEG u b'mod partikolari fl-aċċess għall-FEG. Deskrizzjoni tat-territorju
kkonċernat u tal-awtoritajiet u l-partijiet interessati tiegħu 17. Il-faċilità ta' Talk Talk
kienet tinsab fil-periferija tal-belt ta' Waterford fir-reġjun
NUTS III fix-Xlokk tal-Irlanda. Fl-2011, il-belt ta' Waterford kellha
l-ħames l-akbar popolazzjoni urbana fl-Istat tal-Irlanda b'popolazzjoni
ta' 51 203. 18. L-agrikoltura tibqa'
impjegatur sinifikanti fir-reġjun, b'9,6 % tal-forza tax-xogħol
fir-reġjun, aktar mid-doppju tal-medja fl-Istat u ogħla minn kull
reġjun ieħor. Il-proporzjon involut fl-industrija/fil-manifattura
huwa wkoll ogħla mill-medja b'mod nazzjonali. Minkejja li l-impjiegi
fis-servizzi żdiedu fir-reġjun tal-madwar (in-NUTS III
tax-Xlokk), il-proporzjon ta' dawk li jaħdmu hemmhekk (37,5 %) huwa
aktar baxx mill-medja nazzjonali (40,5 %). 19. F'relazzjoni mal-kisba
edukattiva tal-forza tax-xogħol, il-persentaġġ ta' dawk fis-suq
tax-xogħol fir-reġjun tax-Xlokk bi kwalifiki tat-tielet livell
(34 %) huwa b'mod sinifkanti aktar baxx meta mqabbel mal-medja nazzjonali
(40 %). Il-persentaġġ ta' dawk bl-ogħla kisba edukattiva
tkun f'livell sekondarju baxx u anqas fix-Xlokk huwa għoli (23 %)
meta mqabbel mal-medja nazzjonali (19 %). Meta mqabbla ma' ta' reġjuni oħrajn,
il-bażi industrijali tax-Xlokk ma żviluppatx clusters
b'saħħithom f'żoni speċifiċi li jistgħu
jgħinu biex jattiraw investimenti futuri. Is-settur multinazzjonali huwa
proporzjonalment iżgħar milli huwa fir-reġjuni l-oħra.
Ir-reġjun u l-belt ta' Waterford b'mod partikolari ntlaqat minn serje ta'
sensji kbar fl-aħħar snin inklużi minn aktar minn
650 sensja fil-faċilità ta' Waterford Crystal f'Kilbarry u
f'intrapriżi anċillari li kienu s-suġġett ta' applikazzjoni
separata tal-FEG (EGF/2009/012 IE/Waterford Crystal). Dan l-ammont kbir ta'
sensji kellu impatt negattiv qawwi fuq il-ħaddiema involuti, fil-belt ta'
Waterford u l-parti interna tagħha u fuq ir-reġjun usa' tax-Xlokk. 20. Minbarra l-partijiet
interessati nazzjonali, jiġifieri d-Dipartimenti u l-Aġenziji
governattivi responsabbli, l-aktar partijiet interessati lokali huma l-Kumitat
tal-Ħaddiema Ssenjati minn Talk Talk, il-Kunsill ta' Waterford City,
il-Bord ta' Sħubija taż-Żona ta' Waterford, il-Kamra
tal-Kummerċ ta' Waterford u fornituri lokali tas-servizz bħal
FÁS/SOLAS, il-Waterford Chamber Skillnet, il-Contact Centre Management
Association Skillnet (in-netwerk nazzjonali taċ-ċentri
telefoniċi), il-Bord dwar l-Intrapriżi tal-Belt ta' Waterford,
il-Bord dwar l-Intrapriżi fil-Kontea ta' Waterford u l-Istitut tat-Teknoloġija
ta' Waterford. 21. Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni
u l-Ħiliet (l-awtorità ta' ġestjoni u l-parti interessata nazzjonali
ewlenija) ingħaqad mar-rappreżentatnti tal-ħaddiema ssensjati
kemm fuq livell politiku (ministerjali) kif ukoll fuq livell uffiċjali.
Intalbu l-fehmiet tar-rappreżentanti biex titħejja l-applikazzjoni
tal-FEG sabiex jiġi żgurati l-aktar miżuri xierqa li jippermettu
l-ħaddiema ssensjati jtejbu l-prospetti tagħhom li jsibu impjieg u
biex jibqgħu f'kuntatt mal-forza tax-xogħol. Waslu proposti
bil-miktub mingħand partijiet interessati u dawn tqiesu fit-tfassil
tal-applikazzjoni tal-FEG. L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward
tal-impjiegi lokali, reġjonali u nazzjonali 22. B'mod persistenti,
ir-reġjun tax-Xlokk kellu livelli ogħla ta' qgħad mill-medja
meta mqabbel mal-bqija tal-pajjiż. Barra minn hekk, dan mar
sproporzjonatament ħażin minħabba l-kriżi finanzjarja u
ekonomika. Mill-2007 lil hawn, ir-rata ta' qgħad fir-reġjun
żdiedet minn 4,9 % għal 18,2 % fl-2011 meta mqabbla
mal-medja nazzjonali ta' 14,3 %. Ir-rata ta' qgħad ta' 18,2 %
kienet l-ogħla fost ir-reġjuni kollha fl-2011. 23. Matul il-perjodu minn
Settembru 2011 sa Jannar 2012 meta kienu affettwati s-sensji ta' Talk
Talk, in-numri ta' dawk qiegħda fuq ir-reġistru tal-qgħad
għall-belt ta' Waterford żdiedu minn 11 529 għal
12 193 (+5,76 %) meta mqabbla maż-żieda nazzjonali minn
437 441 għal 439 589 jiġifieri +0,49 % biss. 24. Wara perjodu ta' tkabbir
sostnut, il-livelli ta' qgħad fir-reġjun naqsu b'mod sinifikanti
matul l-aħħar tliet snin. Fir-reġjun kien hemm kważi
35 000 persuna anqas jaħdmu fi Q1/2011 milli fl-2008, meta
l-qgħad laħaq il-223 000. Ir-rati ta' parteċipazzjoni
tal-forza tax-xogħol waqgħu minn 62,7 % fl-2007 għal
58,1 % fl-2011 (aktar baxxi mill-medja tal-Istat). 25. Barra minn hekk, matul
il-perjodu mill-Q4/2010 sal-Q3/2011 in-numri ta' dawk qiegħda
fit-taqsima N tan-NACE "Attivitajiet amministattivi u ta' sostenn
tas-servizz" (li tinkludi d-diviżjoni 82 tan-NACE dwar
iċ-ċentri telefoniċi li tikkorrispondi għall-operat ta'
Talk Talk) żdiedu minn 58 700 għal 65 900 għall-Istat
kollu kemm hu, iżda naqsu għar-reġjun tax-Xlokk minn 6 400
għal 4 800, u dawn iċ-ċifri jenfasizzaw il-potenzjal
limitat li għandu s-settur biex joħloq opportunitajiet ta'
xogħol għall-ħaddiema ssensjati. 26. In-nuqqas fid-dħul
minħabba s-sensji ta' Talk Talk huwa mistenni joħloq nuqqas
sinifikanti fl-impjiegi indiretti minħabba nuqqas fl-introjtu disponibbli
tal-ħaddiema u minħabba tnaqqis fix-xiri ta' Talk Talk ta' prodotti u
servizzi Irlandiżi lokalment u reġjonalment. Pakkett koordinat ta' servizzi
personalizzati li jrid jiġi ffinanzjat u t-tqassim tal-kostijiet stmati
tiegħu, inkluża l-kumplimentarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati
mill-Fondi Strutturali 27. L-azzjonijiet ewlenin
jistgħu jitqassru kif ġej: –
Għajnuna u ppjanar għall-karriera: Is-servizzi mogħtija permezz ta' din il-miżura jinkludu
l-profilar individwalizzat, l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet,
il-valutazzjoni tat-tagħlim, it-tħejjija tas-CV, l-għajnuna
għall-karriera, l-għajnuna fit-tiftix għal impjieg, u
appoġġi u pariri relatati oħra lill-ħaddiema ssensjati.
Hemm firxa ta' korpi li huma involuti biex jagħtu s-servizzi tagħhom
ħalli jgħinu lill-ħaddiema ssensjati matul din il-fażi u
wara. Il-proċess beda minnufih malli għalqet
il-faċilità ta' Talk Talk f'Settembru 2011 permezz tal-inverventi
inizjali ta' FÁS/SOLAS. Inħoloq ukoll ċertifikat apposta
fl-iżvilupp tal-karriera u ż-żieda fil-ħiliet sabiex
jgħin lill-ħaddiema ssensjati jivvalutaw il-potenzjal tagħhom
f'termini ta' għarfien tal-ħiliet b'tagħlim minn qabel,
tal-ħiliet fl-iżvilupp personali u tal-ħiliet fl-istudju, u biex
jagħti l-opportunità għal għadd ta' rotot edukattivi rilevanti u
xierqa. –
Programmi ta' taħriġ: Wara konsultazzjoni, il-ħaddiema ssensjati wrew interess f'firxa
wiesgħa ta' oqsma ta' taħriġ inklużi l-kompjuter,
in-negozju, l-kontabbiltà, il-bejgħ, il-ħiliet
tal-uffiċċju, l-arti grafika, il-kura tas-sbuħija, il-kura
tat-tfal, eċċ. It-taħriġ se jingħata kemm direttament
mill-fornituri tal-Istat kif ukoll minn ħarrieġa mis-settur privat
permezz tal-għotja ta' taħriġ tal-FEG li tippermetti
l-applikanti jidentifikaw u jagħżlu programmi approvati ta'
taħriġ lil hinn mis-servizzi mogħtija minn FÁS u aġenziji
oħra tal-Istat. Il-programmi ta' taħriġ intern, job placements,
esperjenzi ta' xogħol, esperjenzi ta' taħriġ u programmi ta' taħriġ
orjentati lejn il-komunità se jkunu karatteristika ta' wħud
mill-inverventi ta' taħriġ, fejn xieraq. –
Korsijiet tal-edukazzjoni avvanzata u
tal-edukazzjoni għolja: Il-biċċa
l-kbira tal-korsijiet huma akkreditati mill-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki.
Il-programmi jistgħu jiġu offruti fil-ħinijiet u l-postijiet li
jaqdu l-aħjar iċ-ċirkostanzi ta' dawk li qed
jitħarrġu. Fejn possibbli, se jiġi kkonsidrat l-użu ta'
korsijiet u programmi dinamiċi addizzjonali maħluqin apposta. Fil-bidu se ssir enfasi fuq il-valutazzjoni ta'
dawk li jqisu rotot ta' edukazzjoni għolja, il-ġabriet
tal-ħiliet tagħhom u l-adattabbiltà tagħhom li jieħdu
korsijiet partikolari jew jekk korsijiet preparatorji jew għażliet
alternattivi f'oqsma oħra ta' appoġġ jafux ikunu aktar xierqa.
Minħabba l-limitazzjonijiet taż-żmien tal-perjodu ta'
implimentazzjoni tal-FEG, mhux se jingħata finanzjament mill-FEG għal
korsijiet li qabżu l-perjodu ta' implimentazzjoni tal-FEG. Bħala
tali, l-appoġġi tat-tielet livell se jkunu limitati għal dawk
il-korsijiet li jistgħu jitlestew kompletament, jew fuq bażi
strettament modulari, fil-perjodu ta' implimentazzjoni tal-FEG u jistgħu
jinkludu speċifikament korsijiet imfassla apposta f'dan il-kuntest. Tajjeb
li jiġi nnutat bħala miżura innovattiva li Waterford Institute
of Technology qed ifassal kors mgħaġġel ta' Baċellerat
fix-Xjenza (ta' Livell 7) speċifikament għall-grupp ta'
ħaddiema fil-mira, li se jinkludi moduli eżistenti u oħrajn
personalizzati li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-ħiliet identifikati
fix-xjenza u fl-oqsma relatati, għat-tlestija fil-perjodu ta'
implimentazzjoni tal-FEG. –
Għotja ta' taħriġ tal-FEG: Lill-ħaddiema ssensjati, dan se jippermettilhom
jaċċessaw privatament il-korsijiet tat-tielet livell ipprovduti meta
dawn mhumiex disponibbli permezz tas-sistema b'fondi pubbliċi jew meta
mhumiex adattati għaċ-ċirkostanzi partikolari ta' xi
ħaddiem issensjat. Fil-programmi preċedenti tal-FEG fl-Irlanda, dan
l-approċċ wera li huwa ta' benefiċċju. –
Taħriġ minn Skillnets: Skillnets huwa korp ta' appoġġ immexxi mill-intrapriżi
u ffinanzjat mill-Istat, li huwa ddedikat għall-promozzjoni u
l-iffaċilitar tat-taħriġ u t-titjib fil-ħiliet. Dan
jappoġġa u jiffinanzja netwerks ta' intrapriżi biex jieħdu
sehem fit-taħriġ permezz tal-Programm tan-Netwerks tat-Taħriġ.
Dawn in-netwerks, issa magħrufa bħala "Skillnets", huma
mmexxija u amministrati mill-intrapriżi nfushom, biex ifasslu,
jimmaniġġjaw u jfasslu programmi speċifiċi ta'
taħriġ fost firxa wiesgħa ta' setturi tal-industrija u
tas-servizzi madwar id-dinja kollha. Skillnets iħarreġ lil dawk li kienu
impjegati ma' Talk Talk permezz ta' żewġ netwerks ta'
taħriġ ta' Skillnets – is-CCMA Ireland Skillnet u l-Waterford Chamber
Skillnet. Il-korsijiet offruti jinkludu s-Servizz għall-Klijenti,
il-Ħiliet fis-Servizz tal-Broadband u l-Appoġġ Tekniku Frontline
għaċ-ċentri tas-sejħiet. Il-korsijiet offruti lil dawk li
qed ifittxu bidla fil-karriera jinkludu l-Kreattività
għall-Intraprenditorija, Ibda n-Negozju Tiegħek u l-Ġestjoni
tal-Proġetti. Għadd ta' ċentri telefoniċi diġà offrew
job placements lil dawk li kienu impjegati ma' Talk Talk bħala parti
mill-pakkett tal-programm ta' taħriġ Skillnets, u fil-futur qarib dan
huwa mistenni joħloq xi offerti tax-xogħol. –
Appoġġi
għall-intrapriżi/dawk li jaħdmu għal rashom: L-appoġġ għall-intrapriżi u għal dawk li
jaħdmu għal rashom se jasal permezz tal-Bord rilevanti dwar
l-Intrapriżi tal-Belt u tal-Kontea fix-Xlokk tar-Reġjun, jew
strutturi rilevanti oħra. Firxa wiesgħa ta' appoġġi huma
disponibbli għall-ħaddiema ssensjati li qed jikkonsidraw li jibdew
in-negozji tagħhom, inklużi moduli introduttorji, sessjonijiet ta'
ħidma, mentoring, ippjanar tan-negozju u għotjiet biex itaffu
l-kostijiet ta' dawk li jaħdmu għal rashom u l-kostijiet tal-bidu. –
Konċessjonijiet għal taħriġ,
edukazzjoni u intrapriżi: Jiddependu
mill-fornitur tal-iskemi tal-edukazzjoni, it-taħriġ jew
l-intrapriża, hemm disponibbli bosta konċessjonijiet
għall-ħaddiema ssensjati bħala kumpens għall-ħlasijiet
tal-assistenza soċjali. –
Kontribuzzjoni tal-FEG għall-ispejjeż
tal-kors: Sabiex tiżdied
l-aċċessibbiltà tal-appoġġi kofinanzjati mill-FEG, skema
limitata ta' Kontribuzzjoni għall-Ispejjeż tal-Kors mill-FEG se
titħallas għall-kostijiet tal-ivvjaġġar, sussistenza,
it-tagħmir u l-materjal tal-kors, eċċ. Din il-kontribuzzjoni se
tgħin biex tiffaċilita l-aċċess tal-individwi għal
korsijiet rilevanti u tfittex li żżid il-parteċipazzjoni
tal-ħaddiema ssensjati eliġibbli skont il-miżuri u
l-opportunitajiet kofinanzjati mill-FEG, fejn xieraq. 28. In-nefqa
għall-implimentazzjoni tal-FEG, li hija inkluża fl-applikazzjoni,
skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, tkopri
l-attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni u ta' kontroll kif ukoll
l-informazzjoni u l-pubbliċità. L-ammont daqsxejn ogħla ta' 5,6%
tat-total jirrifletti, fost l-oħrajn, l-istabbiliment bikri tal-Unità ta'
Koordinazzjoni tal-FEG f'Waterford biex jitwasslu interventi koordinati qawwija
għall-ħaddiema ssensjati. Barra minn hekk, id-Dipartiment jipproponi
li jiġu involuti awdituri esterni biex iwettqu verifiki ta' validazzjoni
xierqa. Il-Bord dwar l-Intrapriżi f'Waterford huwa mistenni jkollu
bżonn riżors addizzjonali biex jamministra l-applikazzjonijiet
fir-rigward tal-appoġġi għall-intrapriża u għal dawk
li jaħdmu għal rashom. 29. Is-servizzi personalizzati
ppreżentati mill-awtoritajiet Irlandiżi huma miżuri attivi
tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eliġibbli ddefiniti
bl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. L-awtoritajiet
Irlandiżi jistmaw li l-kostijiet totali ta' dawn is-servizzi huma ta'
EUR 5 092 765 u li n-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG
hija ta' EUR 300 000 (5,6 % tal-ammont totali).
Il-kontribuzzjoni totali mitluba mill-FEG hija ta' EUR 2 696 382
(50 % tal-kostijiet totali). Azzjonijiet || In-numru stmat ta' ħaddiema fil-mira || Il-kost stmat għal kull ħaddiem fil-mira (EUR) || Il-kostijiet totali (il-FEG u l-kofinanzjament nazzjonali) (EUR) Servizzi personalizzati (l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) Għajnuna u ppjanar għall-karriera || 110 || 487,27 || 53 600 Programmi ta' taħriġ || 134 || 2 745,71 || 367 925 Korsijiet tal-edukazzjoni avvanzata u tal-edukazzjoni għolja || 205 || 7 395,02 || 1 515 980 Għotja ta' taħriġ tal-FEG || 119 || 2 600,84 || 309 500 Taħriġ minn Skillnets || 260 || 1 076,92 || 280 000 Appoġġi għall-intrapriżi/dawk li jaħdmu għal rashom || 370 || 2 600,00 || 962 000 Konċessjonijiet għal taħriġ, edukazzjoni u intrapriżi || 145 || 3 612,14 || 523 760 Kontribuzzjoni tal-FEG għall-ispejjeż tal-kors (drabi) || 432 || 2 500,00 || 1 080 000 Subtotal tas-servizzi personalizzati || || 5 092 765 In-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG (it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006) Attivitajiet preparatorji || || 10 000 Ġestjoni || || 250 000 Informazzjoni u pubbliċità || || 20 000 Attivitajiet ta' kontroll || || 20 000 Subtotal tan-nefqa għall-implimentazzjoni tal-FEG || || 300 000 Total tal-kostijiet stmati || || 5 392 765 Kontribuzzjoni tal-FEG (50 % tal-kostijiet totali) || || 2 696 382 30. L-Irlanda tikkonferma li
l-miżuri deskritti hawn fuq huma kumplimentari għall-azzjonijiet
iffinanzjati mill-Fondi Strutturali u li l-miżuri huma fis-seħħ
biex jiżguraw li ma jingħatawx fondi doppji. L-awtoritajiet
Irlandiżi stabbilixxew Kumitat ta' Monitoraġġ
għall-Koordinazzjoni tal-Fondi tal-UE fil-Qafas Strateġiku Nazzjonali
ta' Referenza skont l-Artikolu 27(5)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006
li jiġbor fih l-FSE, l-FFE u l-FAEŻR. Id-Dipartiment tar-Riforma u
n-Nefqa Pubblika jippresjedi l-Kumitat li jiddiskuti kull kwistjoni ta'
rilevanza inkluża d-demarkazzjoni tal-fondi fi programmi operattivi u kull
kwistjoni ta' implimentazzjoni li tista' tqum u kull pjan għal programmi ġodda
biex ikun żgurat li l-Fondi ma jirkbux fuq xulxin. Barra minn hekk,
bħala parti mill-proċess ta' implimentazzjoni għall-FSE u
l-FAEŻR, twaqqaf grupp li huwa presedut u koordinat mid-Dipartiment
tar-Riforma u n-Nefqa Pubblika, biex jittratta kull kwistjoni relatata
mal-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali għall-perjodu 2007-2013.
Mill-2010 'l hawn, il-FEG iddaħħal f'dan il-proċess. Id-data/i meta nbdew jew meta huwa
maħsub li jinbdew is-servizzi personalizzati għall-ħaddiema
affettwati 31. L-Irlanda bdiet is-servizzi
personalizzati lill-ħaddiema affettwati inkluża fil-pakkett koordinat
propost għall-kofinanzjament lill-FEG
fis-7 ta' Settembru 2011. Għalhekk din id-data
tirrappreżenta l-bidu tal-perjodu ta' eliġibbiltà għal kull
għajnuna li tista' tingħata mill-FEG. Proċeduri għall-konsultazzjoni
mal-imsieħba soċjali 32. Peress li ma kienx hemm
trejdjunjin involuta f'Talk Talk, l-Awtorità ta' Ġestjoni tal-FEG kienet
f'diskussjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema ssensjati kemm
direttament u permezz ta' grupp lokali tal-partijiet interessati u l-fornituri
tas-servizz ippresedut mill-Maniġer ta' Waterford City (ara wkoll
il-punt 20 hawn fuq). 33. L-awtoritajiet Irlandiżi
kkonfermaw li r-rekwiżiti stipulati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali
u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati. Informazzjoni dwar azzjonijiet li huma
obbligatorji skont il-liġi nazzjonali jew skont il-ftehimiet kollettivi 34. Fir-rigward tal-kriterji
stabbiliti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006,
l-awtoritajiet Irlandiżi fl-applikazzjoni tagħhom: · ikkonfermaw li l-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG ma tiħux post
il-miżuri li huma r-responsabilità tal-kumpaniji skont il-liġi
nazzjonali jew il-ftehimiet kollettivi; · urew li l-azzjonijiet jipprovdu appoġġ lil ħaddiema
individwali u ma għandhomx jintużaw għar-ristrutturar ta'
kumpaniji jew setturi; · ikkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli msemmija hawn fuq ma
jirċevux għajnuna minn strumenti finanzjarji oħra tal-UE. Sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll
35. L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni
li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun amministrata mill-persunal
magħżul tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet, li
nħatar bħala l-Awtorità ta' Ġestjoni tal-FEG. L-Awtorità ta'
Ġestjoni teżamina u tħallas it-talbiet tal-FEG imressqa mill-Korpi
Intermedji f'isem il-korpi tan-nefqa pubblika. 36. Il-Korpi Intermedji huma
responsabbli mit-talba ta' finanzjament tal-FEG mill-Awtorità ta' Ġestjoni
u f'ħafna mill-każijiet għall-iżborż tiegħu.
Il-Korpi Intermedji huma responsabbli wkoll mill-verifika li l-għan,
l-ambitu u l-iskala tal-finanzjament huma xierqa fit-termini tal-applikazzjoni
tal-FEG. Barra minn hekk, dawn jiżguraw li l-monitoraġġ u
l-proċeduri xierqa tar-reġistrazzjoni u tal-kontroll intern fir-rigward
tan-nefqiet u t-talbiet kollha tal-FEG huma stabbiliti minn korpi
benefiċjarji pubbliċi u debitament dokumentati. 37. L-Awtorità ta'
Ċertifikazzjoni tal-FEG hija responsabbli miċ-ċertifikazzjoni
tad-dikjarazzjoni tan-nefqa relatata mal-miżuri kofinanzjati mill-FEG.
Billi twettaq dan, l-Awtorità ta' Ċertifikazzjoni tkun qed tkun konformi
mar-rekwiżiti kollha mal-eżattezza, il-legalità, l-eliġibbiltà u
r-regolarità tan-nefqa. 38. Il-korpi indipendenti li
jwettqu verifiki tat-tieni livell jiżguraw li d-dikjarazzjoni tan-nefqa
finali mill-korpi benefiċjarji pubbliċi fir-rigward tat-talbiet
interim imħallsa kollha hija preċiża u appoġġata minn
rekord ċar ta' verifiki, u jagħmlu dikjarazzjoni formali
lill-Awtorità ta' Ġestjoni tal-ammont totali tan-nefqa eliġibbli. 39. Is-Segretarju Ġenerali,
bħala l-Uffiċjal tal-Kontabbiltà għad-Dipartiment
tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet responsabbli mill-FEG, iddelega responsabilità
statutorja speċifika għaċ-ċertifikazzjoni tat-talbiet lil
uffiċjal adegwat f'kull livell tal-arranġament "kaskata"
tal-monitoraġġ u l-verifika tas-servizzi u n-nefqa tal-FEG. Dan
jiżgura li dawn il-persuni ma jitwarrbux jew ma jiġux influwenzati
minn uffiċjali ogħla fil-katina tal-amministrazzjoni. Għalhekk
dan isaħħaħ l-awtorità individwali tagħhom u
s-segregazzjoni ta' dmirijiethom u l-kontrolli tagħhom matul
l-implimentazzjoni tal-applikazzjoni tal-FEG. Finanzjament 40. Abbażi tal-applikazzjoni
mill-Irlanda, il-kontribuzzjoni proposta mill-FEG għall-pakkett koordinat
ta' servizzi personalizzati (inkluża n-nefqa għall-implimentazzjoni
tal-FEG) hija ta' EUR 2 696 382, li tirrappreżenta
50 % tal-kost totali. L-allokazzjoni proposta mill-Kummissjoni minn dan
il-Fond hija bbażata fuq l-informazzjoni li ngħatat mill-Irlanda. 41. Filwaqt li tqis l-ammont
massimu possibbli ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont
l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif ukoll il-kamp
ta' applikazzjoni tal-allokazzjoni mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet,
il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi
hawn fuq, li għandu jiġi allokat skont l-intestatura 1a
tal-qafas finanzjarju. 42. L-ammont propost ta'
kontribuzzjoni finanzjarja jippermetti li aktar minn 25 % tal-ammont
annwali massimu allokat għall-FEG jibqa' disponibbli biex ikun allokat
matul l-aħħar erba' xhur tas-sena, kif stipulat
fl-Artikolu 12(6) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. 43. Bil-preżentazzjoni ta'
din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qed tniedi
l-proċedura ssimplifikata ta' trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28
tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006,
bil-ħsieb li tiżgura l-qbil taż-żewġ fergħat
tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u
l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda
miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja biex taqbel
mal-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, fuq livell politiku
xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni
bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi
waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja,
għandha tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu. 44. B'mod separat, il-Kummissjoni
tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2012
iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji,
kif mitlub fil-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006. Sors tal-approprjazzjonijiet
għall-ħlasijiet 45. Se jintużaw
approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-FEG biex ikopru l-ammont ta'
EUR 2 696 382 meħtieġ għal din l-applikazzjoni. Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta'
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28
tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn
il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina
baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (l-applikazzjoni EGF/2012/001
IE/Talk Talk mill-Irlanda) IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL
TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, Wara li kkunsidraw il-Ftehim
Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament
Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u
l-ġestjoni finanzjarja soda[4],
u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu, Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE)
Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew
ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[5], u b'mod partikolari
l-Artikolu 12(3) tiegħu, Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea[6], Billi: (1) Il-Fond Ewropew ta'
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf biex jipprovdi
appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema ssensjati minħabba
bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba
l-globalizzazzjoni u biex jgħinhom jintegraw mill-ġdid fis-suq
tax-xogħol. (2) Il-Ftehim Interistituzzjonali
tas-17 ta' Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG
fil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun. (3) L-Irlanda ressqet
applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji
fl-intrapriża Talk Talk Broadband Services (Ireland) Limited u tliet
fornituri tagħha, fid-29 ta' Frar 2012 u sostnietha
b'informazzjoni addizzjonali sal-15 ta' Mejju 2012. Din
l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni
tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif inhu stabbilit fl-Artikolu 10
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. Għalhekk il-Kummissjoni tipproponi
li timmobilizza ammont ta' EUR 2 696 382. (4) Għaldaqstant il-FEG
għandu jiġi mmobilizzat sabiex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja
għall-applikazzjoni imressqa mill-Irlanda, ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni
Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, il-Fond Ewropew ta'
Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi
mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 696 382 f'approprjazzjonijiet
għall-impenji u għall-ħlasijiet. Artikolu 2 Din id-Deċiżjoni għandha tkun
ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Magħmul fi Brussell, Għall-Parlament Ewropew, Għall-Kunsill, Il-President Il-President [1] ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1. [2] ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1. [3] B'konformità mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 3
tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006. [4] ĠU C 139, 14.6.2006,
p. 1. [5] ĠU L 406, 30.12.2006,
p. 1. [6] ĠU C […], […],
p. […].