Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0421

Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (l-abbuż tas-suq) (imressqa skont l-artikolu 293(2) TFUE)

/* COM/2012/0421 final - 2011/0295 (COD) */

52012PC0421

Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (l-abbuż tas-suq) (imressqa skont l-artikolu 293(2) TFUE) /* COM/2012/0421 final - 2011/0295 (COD) */


1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

Fl-20 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni adottat proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (l-abbuż tas-suq)[1]. Din il-proposta ġiet ippreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-20 ta’ Ottubru 2011. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali ta l-opinjoni tiegħu fit-28 ta' Marzu 2012.

Minn Marzu 2011, bdew jitwettqu investigazzjonijiet fir-rigward ta' manipulazzjoni possibbli, minn għadd ta' banek, tar-rati ta' referenza EURIBOR u LIBOR għas-self interbankarju. Kien hemm suspett li l-banek kienu pprovdew stimi tar-rata ta' imgħax, li biha kienu jaċċettaw offerti ta' finanzjament, li kienu differenti mir-rata li kieku kienu jaċċettaw fil-prattika. B'riżultat ta' dan, seta' ġie alterat l-livell tar-rati EURIBOR u LIBOR - li jintużaw bħala referenza għat-teħid b'self u bħala referenza għall-ipprezzar ta' bosta strumenti finanzjarji, bħal swaps tar-rata tal-imgħax - u setgħet ġiet ippreġudikata l-integrità ta’ EURIBOR jew LIBOR. Barra minn hekk, l-istimi tal-banek kontributuri individwali pprovdew informazzjoni qarrieqa lis-suq dwar il-kostijiet probabbli tagħhom ta' finanzjament.

Il-Kummissjoni vvalutat jekk il-manipulazzjoni possibbli tal-parametri ta' referenza inklużi l-LIBOR u l-EURIBOR tkunx koperta bil-proposta tagħha għal Regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq u l-proposta relatata għal Direttiva dwar is-sanzjonijiet kriminali għal abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq, ippreżentati f'Ottubru 2011. Il-Parlament Ewropew wkoll enfasizza l-importanza ta' din il-kwistjoni. Billi l-parametri ta' referenza bħalissa mhuma koperti mill-ebda waħda mill-proposti, il-Kummissjoni kkonkludiet li manipulazzjoni diretta ta' parametri ta' referenza mhija koperta mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ebda waħda mill-proposti.

Filwaqt li jista' jkun diffiċli jew impossibbli għal awtorità kompetenti biex turi li l-manipulazzjoni ta' parametru ta' referenza kellha effett fuq il-prezz ta' strumenti finanzjarji relatati, kwalunkwe manipulazzjoni effettiva jew tentattiv ta' manipulazzjoni ta' parametri importanti jistgħu jkollhom impatt serju fuq il-fiduċja fis-suq u jistgħu jirriżultaw f'telf sinifikanti għall-investituri u distorsjonijiet tal-ekonomija reali, minħabba l-użu wiesa' ta' indiċijiet ta' referenza bħala rata ta' referenza pereżempju, għal swaps tar-rata tal-imgħax u ipoteki b'rati varjabbli. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi ċċarat li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu kapaċi jimponu sanzjonijiet amministrattivi fir-rigward tar-reat ta' manipulazzjoni tas-suq f’dawn il-każijiet, mingħajr il-ħtieġa ta' ppruvar jew li juru kwistjonijiet inċidentali bħall-effetti fuq il-prezzijiet. Huwa wkoll essenzjali li jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex ikunu evitati tali manipulazzjonijiet u sabiex jippermettu u jiffaċilitaw il-ħidma tal-awtoritajiet kompetenti fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet. Qafas legali strett se jaġixxi bħala deterrent kredibbli għal dan it-tip ta' mġiba, u b'hekk jiġu protetti l-investituri u titrawwem mill-ġdid il-fiduċja fis-suq. Dawn il-passi regolatorji għandhom jinkludu sanzjonijiet kriminali, li huwa s-suġġett tal-proposta emendata għal Direttiva li takkumpanja l-proposta attwali.

Għalhekk, sabiex ikun żgurat li l-manipulazzjoni ta' parametri ta' referenza tkun koperta minn regoli komuni Ewropej sabiex jiġi evitat l-abbuż tas-suq, il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-proposta tagħha għal Regolament.

2.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

2.1.        Bażi legali

Il-proposta emendata hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE u qed titressaq skont l-Artikolu 293(2) tat-TFUE.

2.2.        Sussidjarjetà u proporzjonalità

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà (l-Artikolu 5(3) tat-TFUE), għandha tittieħed azzjoni fuq livell tal-Unjoni biss meta l-għanijiet previsti ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, jistgħu jinkisbu aħjar mill-Unjoni. Id-dimensjoni transfruntiera ta' bosta parametri ta' referenza u l-entitajiet li jikkontribwixxu dejta lejn dawn l-parametri ta' referenza, kif ukoll in-natura internazzjonali ta' bosta strumenti finanzjarji li jistgħu jiġu affettwati minn kwalunkwe manipulazzjoni ta’ parametri ta' referenza, ifisser li hemm riskju reali li reazzjonijiet għal manipulazzjoni ta’ parametri ta' referenza fuq livell nazzjonali jkunu jistgħu jiġu evitati jew isiru ineffettivi f'każ ta' nuqqas ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni. F’dan l-isfond, l-azzjoni tal-UE tidher xierqa f’termini tal-prinċipju tas-sussidjaretà.

Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jesiġi li kwalunkwe intervent ikun immirat u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jinkisbu l-objettivi. Dan il-prinċipju ggwida l-abbozzar ta' din il-proposta.

2.3.        Spjega dettaljata tal-proposta

It-tibdiliet għall-proposta għal Regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq li huma meħtieġa huma kif ġej:

– Emenda għall-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament propost (l-Artikolu 2) sabiex jiġu inklużi l-parametri ta' referenza;

– Emenda għad-definizzjonijiet (l-Artikolu 5) biex tinkludi definizzjoni tal-parametri ta' referenza, ibbażata fuq verżjoni estiża tad-definizzjoni użata fil-proposta għal Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFIR);

– Emendi għad-definizjoni tar-reat ta’ manipulazzjoni tas-suq (l-Artikolu 8) sabiex ikopri l-manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza u tentattivi ta’ tali manipulazzjoni; kif ukoll

– Tiżdied premessa li tiċċara li l-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament u tar-reat ta' manipulazzjoni tas-suq tinkludi l-parametri ta' referenza.

3.           IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta emendata ma għandha ebda implikazzjoni baġitarja lil hinn minn dawk diġà identifikati fil-proposta inizjali għal Regolament dwar abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

Il-proposta tal-Kummissjoni[2] għal Regolament dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (l-abbuż tas-suq) COM(2011) 651 finali hija emendata kif ġej:

1.           Tiżdied il-Premessa (20a):

"(20a) Bosta strumenti finanzjarji huma pprezzati b'referenza għall-parametri ta' referenza. Il-manipulazzjoni reali jew tentattiv ta' manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza, bħar-rati tal-offerti interbankarji, jistgħu jkollhom impatt serju fuq il-fiduċja fis-suq u jistgħu jirriżultaw f'telf sinifikanti għall-investituri jew distorsjoni tal-ekonomija reali. Għalhekk, dispożizzjonijiet speċifiċi fir-rigward tal-parametri ta' referenza huma meħtieġa sabiex tiġi mħarsa l-integrità tas-swieq u jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jinfurzaw projbizzjoni ċara tal-manipulazzjoni tal-parametri ta' referenza. Jinħtieġ li tiġi kkomplementata l-projbizzjoni ġenerali tal-manipulazzjoni tas-suq billi jiġu pprojbiti l-manipulazzjoni tal-parametru ta' referenza nnifsu u kwalunkwe trażmissjoni ta' informazzjoni falza jew qarrieqa, forniment ta' inputs foloz jew qarrieqa, jew kwalunkwe azzjoni oħra li timmanipula l-kalkolu tal-parametru ta' referenza, inkluża l-metodoloġija tal-parametru ta' referenza. Dawk ir-regoli huma b'żieda mar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa li jipprojbixxi l-forniment intenzjonali ta’ informazzjoni falza lil impriżi li jipprovdu valutazzjonijiet tal-prezzijiet tas-suq jew rapporti tas-suq dwar prodotti tal-enerġija fil-livell ta' operatur li twassal biex il-parteċipanti tas-suq li jaġixxu abbażi ta' dawk il-valutazzjonijiet tal-prezzijiet jew rapporti tas-suq jiġu mqarqa."

2.           Fl-Artikolu 2(3), jiżdied il-punt (d) li ġej:

"(d) parametri ta' referenza, fejn kwalunkwe trażmissjoni ta' informazzjoni, input, kalkoku jew imġiba tintuża biex taffettwa, taffettwa, jew x'aktarx taffettwa l-kalkolu tal-parametru ta' referenza."

3.           Fl-Artikolu 5, jiżdied il-paragrafu 20 li ġej:

"20. “Parametru ta' referenza" tfisser kwalunkwe indiċi kummerċjali jew ċifra ppubblikata kkalkulata bl-applikazzjoni ta’ formula għall-valur ta’ assi jew prezz sottostanti wieħed jew aktar, inklużi stimi tal-prezzijiet, tar-rati tal-imgħax jew ta' valuri oħra, jew stħarriġ li b’referenza għalihom jiġi determinat l-ammont li għandu jitħallas taħt strument finanzjarju. ”

4.           Fl-Artikolu 8(1), jiżdied il-punt (d) li ġej:

“(d) it-trażmissjoni ta' informazzjoni falza jew qarrieqa, il-forniment ta' inputs foloz jew qarrieqa, jew kwalunkwe azzjoni li timmanipula l-kalkolu ta' parametru ta' referenza.”

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               COM (2011) 651 finali

[2]               COM (2011) 651 finali

Top