Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0201

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f'vetturi bir-roti ("Ftehim Parallel")

/* COM/2012/0201 final - 2012/0098 (NLE) */

52012PC0201

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f'vetturi bir-roti ("Ftehim Parallel") /* COM/2012/0201 final - 2012/0098 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

· Ir-raġunijiet tal-proposta u l-għanijiet tagħha

Fil-livell internazzjonali, il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) tiżviluppa rekwiżiti armonizzati, li huma maħsubin biex ineħħu l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ fil-vetturi bil-mutur bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Ftehim Rivedut tal-1958 u biex jiżguraw li vetturi bħal dawn joffru livell għoli ta’ sikurezza u ħarsien ambjentali.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tiġi ssimplifikata u titħaffef il-proċedura marbuta mal-votazzjoni fuq ir-Regolamenti tal-UNECE mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni, biex b’hekk jitnaqqas id-dewmien fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti fil-qafas tal-UNECE. Dan huwa importanti billi s-sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi tal-UE attwalment qed tiddependi dejjem iktar fuq ir-Regolamenti tal-UNECE, li qed jissostitwixxu l-leġiżlazzjoni tal-UE (ara r-Regolament (KE) Nru 661/2009 dwar is-Sikurezza Ġenerali[1]). Barra minn hekk, adozzjoni iktar malajr tippermetti li jkun hemm rispons iktar malajr għat-talbiet regolatorji mill-operaturi.

Flimkien ma’ dan, il-bidliet fit-Trattati saru wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/836/KE, b’mod partikolari l-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bidlu b’mod sostanzjali l-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet li għandha tiġi segwita biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni tal-Unjoni meta din tivvota fuq Regolamenti li għandhom jiġu adottati mill-UNECE u l-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali, u għalhekk sar neċessarju li dawk id-Deċiżjonijiet jiġu adattati għall-proċeduri l-ġodda.

Il-proposta attwali għalhekk timmira li tadatta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE għall-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet rigward ftehimiet internazzjonali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

· Kuntest ġenerali

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f'vetturi bir-roti ("Ftehim Parallel")[2] l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim Parallel, fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

Dik id-Deċiżjoni għandha tiġi emendata biex tirrifletti l-bidliet introdotti mit-TFUE fil-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet li għandha tiġi segwita biex l-Unjoni tieħu pożizzjoni meta tkun qed tivvota fuq Regolamenti li għandhom jiġu adottati mill-UNECE u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

· Dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f'vetturi bir-roti ("Ftehim Parallel")[3] l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim Parallel.

· Konsistenza mal-politiki u l-għanijiet l-oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija f’konformità mal-għanijiet tal-politika komuni dwar in-negozju skont l-Artikolu 217 TFUE. Is-sehem tal-Unjoni fix-xogħol tal-UNECE jgħin biex tiġi żviluppata u msaħħa l-armonizzazzjoni internazzjonali tar-regolamenti relatati mal-vetturi, filwaqt li jikkontribwixxi biex jiffaċilita l-kummerċ internazzjonali fil-vetturi bil-mutur. Il-Ftehim tal-1958 għandu rwol prinċipali f'dan l-għan, billi l-produtturi jistgħu joperaw sett komuni ta' standards għall-approvazzjoni tat-tip filwaqt li jkunu ċerti li l-prodotti tagħhom ikunu rikonoxxuti minn ħafna pajjiżi f'kontinenti differenti bħala konformi mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. L-armonizzazzjoni regolatorja internazzjonali hija għalhekk waħda mill-iktar mezzi effettivi għall-prevenzjoni tax-xkiel għall-kummerċ.

2.           RIŻULTATI TA’ KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

· Konsultazzjoni mal-partijiet interessati

Waqt li kienet qed tfassal il-proposta, il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat mal-partijiet interessati fil-qafas tal-Kumitat Tekniku – Vetturi bil-Mutur. · Valutazzjoni tal-impatt Ma saritx Valutazzjoni tal-Impatt għal din il-proposta.

3.           L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

· Sommarju tal-azzjoni proposta

Il-proposta temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE biex tirrifletti l-bidliet introdotti mit-TFUE fil-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet li għandha tiġi segwita biex l-Unjoni tieħu pożizzjoni meta tkun qed tivvota fuq Regolamenti li għandhom jiġu adottati mill-UNECE u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-Unjoni u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

· Il-bażi legali

Meta wieħed jikkunsidra li l-bażi legali għall-att tal-Kunsill li kien qed jiġi emendat kienet tinkludi l-Artikoli 95 u 133 flimkien mal-Artikolu 300(2), l-ewwel sentenza, l-Artikolu 300(3), it-tieni subparagrafu tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità Ewropea, il-bażi legali tal-proposta hija l-Artikolu 207(3) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

· Il-prinċipju tas-sussidjarjetà

Il-vot favur strumenti internazzjonali, bħar-Regolamenti tal-UNECE u l-inkorporazzjoni tagħhom fis-sistema tal-Unjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi bil-mutur jistgħu jsiru biss mill-Unjoni. Dan ma jipprevenix biss il-frammentazzjoni tas-Suq Intern, iżda jiżgura wkoll standards ugwali tas-saħħa u s-sigurtà madwar l-UE. Dan joffri wkoll vantaġġi ta’ ekonomiji tal-kobor: il-prodotti jistgħu jsiru għas-suq Ewropew kollu u anki għas-suq internazzjonali, minflok jiġu manifatturati apposta biex jingħataw l-approvazzjoni tat-tip f’kull Stat Membru.

Il-proposta għalhekk hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà.

· Il-prinċipju tal-proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-iżgurar tal-funzjonament adegwat tas-Suq Intern, filwaqt li fl-istess ħin tipprovdi livell għoli ta’ sigurtà u protezzjoni pubblika.

· L-għażla tal-istrumenti

L-istrument propost: Deċiżjoni tal-Kunsill.

L-użu ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill huwa kkunsidrat adegwat minħabba li hu f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 218(6) TFUE.

4.           L-IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-propsta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

· Iż-Żona Ekonomika Ewropea

L-att propost ma jirrigwardax kwistjoni taż-ŻEE u għalhekk ma għandux jestendi għaż-Żona Ekonomika Ewropea.

2012/0098 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f'vetturi bir-roti ("Ftehim Parallel")

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 207(3) u 218(6)(a)(v) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta li saret mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew[4],

Billi:

(1)       Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/125/KE tal-31 ta’ Jannar 2000 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim li jistabbilixxi regolamenti tekniċi globali għall-vetturi bir-roti, apparat u partijiet li jistgħu jitwaħħlu u/jew jintużaw f'vetturi bir-roti ("Ftehim Parallel")[5] l-Unjoni ssieħbet fil-Ftehim Parallel, fil-qafas tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

(2)       Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru)[6] issostitwiet is-sistemi ta’ approvazzjoni tal-Istati Membri bi proċedura ta’ approvazzjoni tal-Unjoni, li stabbilixxiet qafas armonizzat li jinkludi d-dispożizzjonijiet amministrattivi u r-rekwiżiti tekniċi ġenerali għall-vetturi l-ġodda kollha, is-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati. Dik id-Direttiva inkorporat ir-Regolamenti tal-UNECE fis-sistema tal-UE għall-approvazzjoni tat-tip tal-vetturi, bħala rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip jew bħala alternattivi għal-leġiżlazzjoni tal-UE. Minn meta ġiet adottata d-Direttiva 2007/46/KE, ir-Regolamenti tal-UNECE, dejjem aktar, qed jissostitwixxu l-leġiżlazzjoni tal-UE fil-qafas tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE tal-vetturi.

(3)       Il-bidliet fit-Trattati saru wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 97/836/KE, u b’mod partikolari l-adozzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u biddlu b’mod sostanzjali l-proċedura għat-teħid tad-deċiżjonijiet li għandha tiġi segwita għall-konklużjoni ta' Ftehimiet bejn l-Unjoni u organizzazzjonijiet internazzjonali, u għalhekk sar neċessarju li d-Deċiżjoni 2000/125/KE tiġi adattata għall-proċeduri l-ġodda.

(4)       Il-proċedura biex tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fin-Nazzjonijiet Uniti, għandha tiġi adattata wkoll għall-proċedura stipulata fit-Trattat u għalhekk huwa xieraq li jiġu segwiti l-proċeduri stipulati fl-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(5)       Għalhekk, id-Deċiżjoni 2000/125/KE għandha tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2000/125/KE għandha tiġi emendata kif ġej:

(1)          L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)     Il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"1. L-Unjoni għandha tivvota favur it-twaqqif ta’ abbozz ta’ regolament tekniku globali jew abbozz ta’ emenda għal tali regolament jekk il-vot tal-Unjoni favur l-abbozz tar-regolament tekniku parallel ikun ġie deċiż skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 218(9) tat-Trattat.";

(b)     Il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

"3. Il-pożizzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-elenkar u l-affermazzjoni mill-ġdid tal-elenkar fil-kompendju tar-regolamenti tekniċi kandidati kif ukoll f'dak li għandu x'jaqsam mar-riżoluzzjoni ta' kwistjonijiet bejn il-Partijiet Kontraenti, għandha tkun stabbilita skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 39(9) tad- Direttiva 2007/46/KE ";

(2)          L-Artikolu 6 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 6

1.      L-Unjoni għandha tivvota favur emenda proposta għall-Ftehim Parallel jekk l-emenda proposta tkun ġiet approvata skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 218(6)(a)(v) tat-Trattat.

Jekk dik il-proċedura ma tkunx ġiet finalizzata fil-ħin qabel ma ssir il-votazzjoni, il-Kummissjoni għandha tivvota kontra l-emenda f'isem l-Unjoni.

2.      Id-Deċiżjoni li ssir oġġezzjoni għal emenda għall-Ftehim Parallel għandha tittieħed skont il-proċedura stipulata fl-Artikolu 39(9) tad-Direttiva 2007/46/KE”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tkun notifikata mill-Kummissjoni lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               Ir-Regolament (KE) Nru 661/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar rekwiżiti għall-approvazzjoni tat-tip għas-sikurezza ġenerali tal-vetturi bil-mutur, it-trejlers tagħhom, u s-sistemi, il-komponenti u l-unitajiet tekniċi separati destinati għalihom ( ĠU L 200, 31.7.2009 )

[2]               ĠU L 35, 10.2.2000, p 12.

[3]               ĠU L 35, 10.2.2000, p 12.

[4]               ĠU (…) (għadu ma ġiex ippubblikat).

[5]               ĠU L 35, 10.2.2000, p 12.

[6]               ĠU L 263, 24.02.2011, p. 1.

Top