Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0167

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

/* COM/2012/0167 final - 2012/0084 (COD) */

52012PC0167

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea /* COM/2012/0167 final - 2012/0084 (COD) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-istatistika affidabbli qed issir dejjem aktar meħtieġa jekk dawk li jfasslu l-politika, in-negozji u ċ-ċittadini jridu jieħdu deċiżjonijiet adegwati msejsa fuq l-evidenza. Għaldaqstant, it-tħassib ewlieni tal-awtoritajiet kollha tal-istatistika huwa li jiżguraw li d-dejta prodotta tkun ta' kwalità għolja. Fl-2005 ntlaħaq ftehim dwar il-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea[1] u l-qafas legali bażiku li jirregola l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea mis-Sistema Statistika Ewropea (SSE) ġie modernizzat fl-2009 permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea[2].

L-iżviluppi ekonomiċi riċenti reġgħu wrew il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-istatistika. L-istrumenti u r-riżultati tal-politika ekonomika ġew affettwati, aktar minn qatt qabel, mix-xejra tas-swieq finanzjarji globali u mill-istrateġiji segwiti minn dawk involuti fihom. L-istatistika saret kredibbli daqskemm il-pubbliku, partikolarment is-swieq finanzjarji, iqis li hi hekk. L-affidabbiltà tad-dejta statistika f'termini tal-kriterji tekniċi ta' valutazzjoni tal-kwalità hija prerekwiżit sabiex tiġi żgurata l-fiduċja tal-utenti. Iżda daqstant ieħor importanti hija l-kredibbiltà tal-istituzzjonijiet li jipproduċu l-istatistika. F'dan il-kuntest, l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika għandha tingħata attenzjoni partikolari u tiġi garantita mil-liġi.

Il-Kummissjoni rrikonoxxiet dawn il-fatti u fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea"[3] hi indikat il-ħtieġa li tissaħħaħ it-tmexxija tas-Sistema Statistika Ewropea (SSE) billi tiġi żgurata l-applikazzjoni bla kundizzjonijiet tal-prinċipju ta' indipendenza professjonali tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika (NSIs), billi jiġi ċċarat ir-rwol ta' koordinazzjoni tagħhom fis-sistemi nazzjonali tal-istatistika u billi jitjieb l-użu tad-dejta amministrattiva għal finijiet statistiċi. Barra minn hekk, ġie propost li jiġu stabbiliti "Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" (CoC) sabiex il-gvernijiet nazzjonali jagħrfu r-rwol u l-koresponsabbiltà tagħhom fl-iżgurar tal-kredibbiltà tal-istatistika uffiċjali billi tiġi rispettata l-indipendenza tal-NSIs. Skont il-Komunikazzjoni, il-miżuri kollha għandhom jiġu introdotti billi jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 223/2009. Barra minn hekk, il-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea għandu jiġi rivedut skont dan[4].

Id-dijanjożi inkluża fil-Komunikazzjoni ta' hawn fuq u l-azzjonijiet ta' titjib proposti ġew appoġġjati mill-Kunsill ECOFIN (it-3100 laqgħa fl-20 ta' Ġunju 2011). Ir-rilevanza ewlenija tal-prinċipju tal-indipendenza professjonali tal-NSIs ġiet ukoll rikonoxxuta espliċitament mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fis-"six-pack" leġiżlattiv dwar it-tisħiħ tal-governanza ekonomika li daħal fis-seħħ f'Diċembru 2011. Dan jispeċifika li l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika tirrikjedi, inter alia, proċeduri ta' reklutaġġ u sensja trasparenti msejsa esklussivament fuq il-kriterji professjonali[5]. Barra minn hekk, fit-13 ta' Marzu 2012 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li titlob lill-Kummissjoni biex timplimenta malajr il-miżuri għat-titjib tal-immaniġġar tal-kwalità u l-governanza fl-istatistika Ewropea.

2.           RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Il-proposta tibni fil-biċċa l-kbira fuq il-konklużjonijiet aħħarija u fuq ir-rakkomandazzjonijiet tat-"Task Force dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 u dwar l-Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" tas-SSE, li ltaqgħet diversi drabi bejn Ġunju u Ottubru 2011. Din it-Task Force kienet magħmula minn rappreżentanti minn 14-il pajjiż u ddiskutiet erba' kwistjonijiet ewlenin stabbiliti fil-Komunikazzjoni "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea" fir-rigward tat-tisħiħ tal-governanza tas-Sistema Statistika Ewropea: l-indipendenza tal-NSIs, ir-rwol ta' koordinazzjoni tagħhom fis-sistemi nazzjonali tal-istatistika, l-użu u l-immaniġġar tad-dejta amministrattiva u l-"Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika".

Barra minn hekk, saret konsultazzjoni dwar l-abbozz tal-proposta mal-Kumitat tas-SSE li l-missjoni globali tiegħu hija li jipprovdi gwida professjonali lis-SSE dwar l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea b'konformità mal-prinċipji statistiċi.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-proposta titlob għal reviżjoni tal-qafas legali bażiku li hemm fis-seħħ bħalissa għall-istatistika Ewropea, sabiex dan jiġi adattat biex jissodisfa l-ħtiġijiet u l-isfidi ta' politika li qed tħabbat wiċċha magħhom l-istatistika Ewropea minħabba l-iżviluppi riċenti fl-ekonomija globali. Il-mira ewlenija hija li tissaħħaħ aktar il-governanza fis-Sistema Statistika Ewropea sabiex titħares il-kredibbiltà għolja tagħha u biex tkun tista' twieġeb b'mod adegwat għall-ħtiġijiet tad-dejta li jirriżultaw mit-titjib tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Unjoni Ewropea.

B'mod partikolari, l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika hi ta' rilevanza ewlenija f'dan il-kuntest. Il-proposta attwali tirreferi espliċitament għall-Kapijiet tal-NSIs bħala persuni li l-indipendenza tagħhom fit-twettiq ta' dmirijiethom hija prekondizzjoni biex tiġi stabbilita l-indipendenza tal-istituzzjonijiet rispettivi. Għal dan il-għan, huwa indispensabbli li l-Kapijiet tal-NSIs ikollhom il-libertà li jiddeċiedu dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika Ewropea kollha. Dawn għandhom ukoll jiġu pprojbiti milli jitolbu, kif ukoll jitħarsu milli jirċievu, struzzjonijiet mill-gvernijiet nazzjonali u istituzzjonijiet oħra. Barra minn hekk, il-Kapijiet tal-NSIs għandhom jingħataw awtonomija konsiderevoli biex jiddeċiedu dwar l-immaniġġar intern tal-uffiċċju tal-istatistika u jitħallew jikkummentaw pubblikament dwar il-baġit allokat għall-NSI fil-kuntest tal-kompiti statistiċi li jridu jitwettqu. Barra dan, jeżistu regoli transparenti u legalment vinkolanti għall-ħatra, it-trasferiment u s-sensja tal-Kapijiet tal-NSI, imsejsa esklussivament fuq il-kriterji professjonali.

Madankollu, il-Kapijiet tal-NSIs ma għandhomx biss igawdu minn awtonomija wiesgħa, iżda għandhom ikunu wkoll responsabbli għar-riżultati pprovduti mill-NSIs kemm f'termini tal-produzzjoni statistika kif ukoll tal-implimentazzjoni tal-baġit. Għaldaqstant, dawn għandhom jippreżentaw rapport annwali dwar l-attivitajiet statistiċi u l-qagħda finanzjarja tal-awtorità rispettiva.

Kif stipulat mill-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea", il-proposta biex jiġi emendat ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tinkludi wkoll id-definizzjoni tal-"Impenji dwar il-Fiduċja fl-Istatistika". Dawn id-dikjarazzjonijiet ta' rispett tal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea, u partikolarment tal-prinċipju ta' indipendenza tal-NSIs, jimmiraw lejn it-tisħiħ tal-governanza statistika fl-UE u l-ħarsien tal-kredibbiltà tal-istatistika Ewropea. Skont il-proposta, dawn għandhom jiġu ffirmati mill-Istati Membri kollha u kontrofirmati mill-Kummissjoni, it-tnejn fl-ogħla livell applikabbli. Kull CoC hu maħsub biex jiġi abbozzat individwalment mill-Istat Membru kkonċernat u biex jinkludi azzjonijiet ta' titjib speċifiċi għall-pajjiż. L-implimentazzjoni effettiva ta' dawn l-azzjonijiet tiġi mmonitorjata mill-Eurostat bħala parti mill-miżuri li diġà ġew stabbiliti biex tiġi vvalutata regolarment il-konformità tal-Istati Membri mal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea.

Ir-rwol ta' koordinazzjoni tal-NSIs fis-sistemi nazzjonali tal-istatistika hu ċċarat mill-proposta biex jiġi emendat l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 223/2009. Din l-emenda tirreferi espliċitament għall-istituzzjonijiet u l-funzjonijiet li jridu jiġu kkoordinati.

Emenda oħra li tiċċara r-rwol tal-NSIs hija l-Artikolu 17a l-ġdid dwar l-aċċess għall-użu u l-integrazzjoni tar-rekords amministrattivi, li jieħu post l-Artikolu 24 attwali. L-għan primarju tiegħu hu li jistabbilixxi qafas legali għall-użu aktar estensiv tas-sorsi tad-dejta amministrattiva għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea mingħajr ma jżid il-piż fuq dawk li jwieġbu, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra. Skont il-proposta, l-NSIs għandhom ikunu involuti, sa fejn ikun meħtieġ, fid-deċiżjonijiet dwar it-tfassil, l-iżvilupp u l-waqfien tar-rekords amministrattivi li jistgħu jintużaw fil-produzzjoni tad-dejta statistika. Dawn għandhom jikkoordinaw ukoll l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni rilevanti u jirċievu metadejta dwar id-dejta amministrattiva estratta għal finijiet statistiċi. Għandu jingħata aċċess liberu u f'waqtu għar-rekords amministrattivi lill-NSIs, lil awtoritajiet nazzjonali oħra u lill-Eurostat, iżda fil-limiti tas-sistema tal-amministrazzjoni pubblika rispettiva tagħhom biss u sa fejn ikun meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

L-emenda tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tinkorpora l-ħtieġa li tiġi żgurata b'mod adegwat il-pożizzjoni indipendenti tal-Eurostat fil-livell tal-Unjoni bl-istess mod kif propost għall-NSIs fil-livell nazzjonali. Dan huwa kruċjali għall-kredibbiltà tas-Sistema Statistika Ewropea kollha kemm hi u ġie enfasizzat b'mod qawwi mill-maġġoranza vasta tal-Istati Membri fil-konsultazzjoni preċedenti tal-partijiet interessati.

Barra minn hekk, sabiex jiġi semplifikat l-ippjanar tal-baġit għall-attivitajiet statistiċi u biex dan isir aktar stabbli, il-perjodu tal-ipprogrammar tal-programm statistiku Ewropew ġie adattat għall-qafas finanzjarju multiannwali tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, l-emenda proposta tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tqis l-aġġustamenti meħtieġa fit-Trattat ta' Lisbona fir-rigward tal-għoti tas-setgħat delegati u ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

4.           IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-proposta hi mistennija li ma jkollha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi fis-SSE. Għall-kuntrarju, din hi maħsuba biex tissemplifika u ttejjeb il-koordinazzjoni u l-kollaborazzjoni fis-sistema, u b'hekk finalment twassal għal produzzjoni aktar effiċjenti tal-istatistika Ewropea u għal piż imnaqqas fuq dawk li jwieġbu.

Ir-riżorsi umani meħtieġa fil-Kummissjoni se jiġu sodisfatti mill-persunal tad-Direttorat Ġenerali li diġà hu assenjat għall-immaniġġar tal-att legali kkonċernat u/jew ġie riallokat fi ħdan id-Direttorat Ġenerali.

5.           ELEMENTI FAKULTATTIVI

L-ebda.

2012/0084 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-Istatistika Ewropea

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE u għall-Isvizzera)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 338(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)(1)   Is-Sistema Statistika Ewropea (is-SSE), bħala partenarjat, irnexxielha ġeneralment tikkonsolida b'suċċess l-attivitajiet tagħha biex tiżgura l-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea ta' kwalità għolja, inkluż bit-titjib tal-governanza tas-sistema.

(2)(2)   Madankollu, xi dgħufijiet ġew identifikati riċentement, b'mod partikolari fir-rigward tal-qafas tal-immaniġġar tal-kwalità statistika.

(3)(3)   Il-Kummissjoni ssuġġeriet li tittieħed azzjoni biex jiġu indirizzati dawn id-dgħufijiet fil-Komunikazzjoni tagħha tal-15 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill "Lejn immaniġġjar sod tal-kwalità għall-Istatistika Ewropea"[6]. B'mod partikolari, din issuġġeriet emenda mmirata tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea[7].

(4)(4)   Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta' Ġunju 2011, il-Kunsill ECOFIN laqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni u saħaq fuq l-importanza li jitjiebu kontinwament il-governanza u l-effiċjenza tas-SSE.

(5)(5)   Barra minn hekk, għandu jitqies l-impatt fuq id-dominju tal-istatistika tal-iżviluppi riċenti fil-kuntest tal-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni, b'mod partikolari l-aspetti marbuta mal-indipendenza statistika bħall-proċeduri trasparenti tar-reklutaġġ u tas-sensja, l-allokazzjonijiet baġitarji u t-tħabbir minn qabel tad-dati tar-rilaxx tal-istatistika, kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika[8], kif ukoll dawk marbuta mar-rekwiżit għall-korpi responsabbli għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli fiskali nazzjonali li jgawdu minn awtonomija funzjonali kif stabbilit fir-Regolament (UE) Nru .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji u biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro.

(6)(6)   Dawk l-aspetti ma għandhomx jibqgħu limitati għall-istatistika prodotta għall-finijiet tas-sistema tas-sorveljanza fiskali u l-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv iżda għandhom japplikaw għall-istatistika Ewropea kollha żviluppata, prodotta u mxerrda mis-SSE.

(7)(7)   Barra minn hekk, l-adegwatezza tar-riżorsi attribwiti fuq bażi annwali jew multiannwali u maħsuba biex jissodisfaw il-ħtiġijiet statistiċi, hija kundizzjoni meħtieġa għall-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika.

(8)(8)   Għal dan il-għan, l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet tal-istatistika għandha tissaħħaħ u għandhom jiġu infurzati standards minimi, b'mod partikolari fir-rigward tal-kapijiet tal-istituti nazzjonali tal-istatistika (NSIs), li għalihom għandhom jiġu pprovduti garanziji speċifiċi f'termini tal-prestazzjoni tal-kompiti statistiċi, l-immaniġġar organizzazzjonali u l-allokazzjoni tar-riżorsi.

(9)(9)   Barra minn hekk, ir-rwol ta' koordinazzjoni li diġà ġie attribwit lill-NSIs għandu jiġi ċċarat fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, sabiex tinkiseb koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-attivitajiet statistiċi fil-livell nazzjonali, inkluż l-immaniġġar tal-kwalità.

(10)(10)           Sabiex jitnaqqas il-piż fuq l-awtoritajiet tal-istatistika u dawk li jwieġbu, l-NSIs u awtoritajiet nazzjonali oħra għandhom ikollhom aċċess immedjat u bla ħlas għar-rekords amminsitrattivi, inklużi dawk mimlija b'mod elettroniku, u jkunu jistgħu jużaw u jintegraw dawn ir-rekords mal-istatistika.

(11)(11)           L-NSIs għandhom ukoll jiġu kkonsultati fi stadju bikri dwar it-tfassil tar-rekords amministrattivi ġodda li jistgħu jipprovdu d-dejta għal finijiet statistiċi u dwar it-tibdil ippjanat jew it-twaqqif tas-sorsi amministrattivi eżistenti. Dawn għandhom ukoll jirċievu metadejta rilevanti mingħand is-sidien tad-dejta amministrattiva u jikkoordinaw l-attivtajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi li jkunu rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika.

(12)(12)           Il-kunfidenzjalità tad-dejta miksuba mir-rekords amministrattivi għandha titħares skont il-linji gwida u l-prinċipji komuni applikabbli għad-dejta kunfidenzjali kollha użata għall-produzzjoni tal-istatistika Ewropea. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll oqfsa għall-valutazzjoni tal-kwalità applikabbli għal din id-dejta.

(13)(13)           Il-kwalità tal-istatistika Ewropea tista' tissaħħaħ u l-fiduċja tal-utenti tista' tiġi infurzata, billi jiġu involuti l-gvernijiet nazzjonali fir-responsabbiltà tal-applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea. Għal dan il-għan, għandu jiġi stabbilit "Impenn dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" f'kull Stat Membru u jinkludi impenji speċifiċi minn kull gvern biex jimplimenta l-Kodiċi u l-oqfsa għall-assigurazzjoni tal-kwalità, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' titjib.

(14)(14)           Billi l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea trid tkun imsejsa fuq ippjanar operattiv u finanzjarju fuq medda twila ta' żmien sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' indipendenza, il-programm statistiku Ewropew għandu jkopri l-istess perjodu bħall-qafas finanzjarju multiannwali.

(15)(15)           Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 jagħti setgħat lill-Kummissjoni biex timplimenta wħud mid-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament; b’konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, is-setgħat ikkonferiti lill-Kummissjoni skont dan ir-Regolament iridu jiġu allinjati mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat.

(16)(16)           Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-Trattat sabiex tissupplimenta jew temenda ċerti elementi mhux essenzjali tar-Regolament (KE) Nru 223/2009 sabiex tispeċifika r-rekwiżiti ta' kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni statistika, meta l-leġiżlazzjoni statistika settorjali ma tipprovdix għal dawn. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li dawn l-atti delegati ma jimponux piż amministrattiv addizzjonali sinifikanti fuq l-Istati Membri u fuq l-unitajiet li jwieġbu.

(17)(17)           Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-għarfien espert. Il-Kummissjoni, waqt it-tħejjija u t-tfassil tal-atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f’waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(18)(18)           Jinħtieġ li jkunu previsti kundizzjonijiet uniformi biex jiġi implimentat l-aċċess għad-dejta kunfidenzjali għal finijiet xjentifiċi. Is-setgħat ta' implimentazzjoni għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni bl-għan li jiġu stabbiliti dawn l-arranġamenti, ir-regoli u l-kundizzjonijiet li jirregolaw dan l-aċċess fil-livell tal-Unjoni, skont il-proċedura ta' eżami stabbilita fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni[9].

(19)(19)           Billi l-mira ta’ dan ir-Regolament ma tistax tintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u tista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f'dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex tintlaħaq din il-mira.

(20)(20)           Il-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea ġie kkonsultat,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 huwa emendat kif ġej:

(1) Fl-Artikolu 2(1), il-punt (a) jinbidel b’dan li ġej:

‘(a)       "indipendenza professjonali" tfisser li l-istatistika għandha tkun żviluppata, prodotta u mxerrda b'mod indipendenti, partikolarment fir-rigward tal-għażla ta' tekniki, definizzjonijiet, metodoloġiji u sorsi li jridu jintużaw, kif ukoll l-għażla taż-żmien u l-kontenut tal-forom kollha ta' tixrid, ħielsa minn kull pressjoni politika jew minn gruppi ta' interess jew minn awtoritajiet nazzjonali jew tal-Unjoni;"

(2) Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

‘1. L-awtorità nazzjonali tal-istatistika maħtura minn kull Stat Membru bħala l-korp responsabbli għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet kollha fil-livell nazzjonali għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea (l-NSI) għandha taġixxi f'dan ir-rigward bħala l-uniku punt ta' kuntatt għall-Kummissjoni (Eurostat) f'materji ta' statistika.

Ir-responsabbiltà ta' koordinazzjoni tal-NSI għandha tkopri l-awtoritajiet nazzjonali l-oħra kollha responsabbli għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. B'mod partikolari, l-NSI għandu jkun responsabbli li jikkoordina, fil-livell nazzjonali, l-ipprogrammar u r-rappurtar tal-istatisika, il-monitoraġġ tal-kwalità, il-metodoloġija, it-trażmissjoni tad-dejta u l-komunikazzjoni dwar l-azzjonijiet statistiċi tas-SSE."

(3) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a Kapijiet tal-NSIs

1.         Fis-sistema nazzjonali tal-istatistika tagħhom, il-Kapijiet tal-NSIs għandu jkollhom ir-responsabbiltà esklussiva li jiddeċiedu dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi u tal-pubblikazzjonijiet tal-istatistika għall-istatistika Ewropea kollha. Dawn għandhom jingħataw is-setgħa li jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha li jirrigwardaw l-immaniġġar intern tal-NSI. Għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet statistiċi tal-awtoritajiet nazzjonali li jikkontribwixxu għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea. Waqt li jwettqu dawn il-ħidmiet, il-kapijiet tal-NSIs għandhom jaġixxu b'mod indipendenti; huma ma għandhom jitolbu jew jirċievu struzzjonijiet mill-ebda gvern jew istituzzjoni, korp, uffiċċju jew entità oħra; għandhom joqogħdu lura minn kull azzjoni li tkun inkompatibbli mat-twettiq ta' dawn il-ħidmiet.

2.         Il-proċeduri għar-reklutaġġ, it-trasferiment u s-sensja tal-kapijiet tal-NSIs għandhom ikunu trasparenti u msejsa biss fuq kriterji professjonali.

3.         Il-kapijiet tal-NSIs għandhom ikunu responsabbli għall-attivitajiet statistiċi u għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-NSI; dawn għandhom jippubblikaw rapport annwali u jistgħu jesprimu kummenti dwar kwistjonijiet ta' allokazzjoni tal-baġit marbuta mal-attivitajiet statistiċi tal-NSI.

4.         Il-kapijiet tal-NSIs għandhom jirrappreżentaw is-sistemi nazzjonali tal-istatistika tagħhom fis-SSE."

(4) Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

‘2.        Fil-livell tal-Unjoni, il-Kummissjoni (Eurostat) għandha taġixxi b'mod indipendenti biex tiżgura l-produzzjoni tal-istatistika Ewropea skont ir-regoli stabbiliti u l-prinċipji tal-istatistika. F'dan ir-rigward, għandu jkollha r-responsabbiltà esklussiva biex tiddeċiedi dwar il-proċessi, il-metodi tal-istatistika, l-istandards u l-proċeduri, u dwar il-kontenut u l-għażla taż-żmien tar-rilaxxi tal-istatistika."

(5) Fl-Artikolu 11, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

‘3.        L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jimplimentaw il-Kodiċi tal-Prattika sabiex tinżamm il-fiduċja fl-istatistika tagħhom. Għal dan il-għan, kull Stat Membru, irrappreżentat mill-gvern tiegħu, għandu jiffirma u jimplimenta "Kodiċi dwar il-Fiduċja fl-Istatistika" li permezz tiegħu jittieħdu impenji biex jiġi implimentat il-Kodiċi u jiġi stabbilit qafas nazzjonali għall-iżgurar tal-kwalità, inklużi l-awtovalutazzjonijiet u l-azzjonijiet ta' titjib. L-Impenn għandu jiġi kontrofirmat mill-Kummissjoni.

Dawn l-impenji għandhom jiġu monitorjati regolarment mill-Kummissjoni abbażi tar-rapporti annwali mibgħuta mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament."

(6) Fl-Artikolu 12(2), it-tieni subparagrafu għandu jinbidel b’dan li ġej:

"Ir-rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità, bħall-valuri fil-mira u l-istandards minimi għall-produzzjoni tal-istatistika, jistgħu jiġu stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali. Fejn il-leġiżlazzjoni settorjali ma tipprovdix dan, il-Kummissjoni tista' tadotta, permezz tal-atti delegati skont l-Artikolu 26a, tali rekwiżiti speċifiċi tal-kwalità."

(7) Fl-Artikolu 13, il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:

‘1.        Il-programm statistiku Ewropew għandu jipprovdi il-qafas għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea, filwaqt li jiddefinixxi l-oqsma ewlenin u l-miri tal-azzjonijiet previsti għal perjodu li jikkorrispondi għal dak tal-qafas finanzjarju multiannwali. Dan għandu jiġi deċiż mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-impatt u l-kost-effettività tiegħu għandhom jiġu vvalutati, bl-involviment ta' esperti indipendenti."

(8) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 17a li ġej:

"Artikolu 17a

L-aċċess, l-użu u l-integrazzjoni tar-rekords amministrattivi

‘1.        Sabiex jitnaqqas il-piż fuq dawk li jwieġbu, l-NSIs, awtoritajiet nazzjonali oħra kif imsemmija fl-Artikolu 4 u l-Kummissjoni (Eurostat) għandu jkollhom id-dritt għal aċċess immedjat u mingħajr ħlas għar-rekords amministrattivi kollha, kif ukoll id-dritt li jużaw dawn ir-rekords amministrattivi u jintegrawhom mal-istatistika, sa fejn hu meħtieġ għall-iżvilupp, il-produzzjoni u t-tixrid tal-istatistika Ewropea.

2.         L-NSIs u l-Kummissjoni (Eurostat) għandhom jiġu kkonsultati u involuti fit-tfassil inizjali, fl-iżvilupp sussegwenti u fil-waqfien tar-rekords amministrattivi li nħolqu u nżammu minn korpi oħra, u b'hekk jiġi ffaċilitat l-użu ulterjuri ta' dawn ir-rekords għal skopijiet statistiċi. Dawn għandu jkollhom id-dritt li jikkoordinaw l-attivitajiet ta' standardizzazzjoni dwar ir-rekords amministrattivi rilevanti għall-produzzjoni tad-dejta statistika.

3.         L-aċċess u l-involviment tal-NSIs, ta' awtoritajiet nazzjonali oħra u tal-Kummissjoni (Eurostat) skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu limitati għar-rekords amministrattivi fis-sistema amministrattiva pubblika rispettiva tagħhom stess.

4.         L-NSIs għandhom jirċievu l-metadejta rilevanti mis-sidien tar-rekords amministrattivi użati għal skopijiet statistiċi.

5.         L-NSIs u s-sidien tar-rekords amministrattivi għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi ta' kooperazzjoni meħtieġa."

(9) Fl-Artikolu 23, it-tieni subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:

"L-arranġamenti, ir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-aċċess fil-livell tal-Unjoni għandhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 27(2)."

(10) L-Artikolu 24 qed jitħassar.

(11) Għandu jiddaħħal l-Artikolu 26a li ġej:

"Artikolu 26a L-eżerċizzju tas-setgħat delegati

1.         Is-setgħa li tadotta atti delegati hija konferita lill-Kummissjoni, soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.         Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12(2) għandha tiġi konferita lill-Kummissjoni għal pejodu ta' ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. Il-Kummissoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża b'mod taċitu għal perjodi ta’ tul ta' żmien identiku, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponix din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.

3.         Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 12(2) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe żmien mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-publikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.         Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.         Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(2) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill."

(12) L-Artikolu 27 jinbidel b'dan li ġej:

"Artikolu 27 Il-Kumitat

1.         Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tas-Sistema Statistika Ewropea. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.         Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni."

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussel, 17.4.2012

Għall-Parlament Ewropew                           Għall-Kunsill

Il-President                                                    Il-President

[1]               Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-indipendenza, l-integrità u r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali u Komunitarji tal-istatistika, COM(2005) 217 finali, 25.5.2005.

[2]               ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

[3]               COM(2011) 211 finali, 15.4.2011.

[4]               Ir-reviżjoni tal-Kodiċi tal-Prattika tal-Istatistika Ewropea ġiet approvata mill-Kumitat għas-Sistema Statistika Ewropea fit-28 ta' Settembru 2011.

[5]               L-Artikolu 1(14) tar-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika; ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.

[6]               COM(2011) 211 finali.

[7]               ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

[8]               ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.

[9]               ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

Top