EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0160

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (FEG/2012/000 TA 2012 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

/* COM/2012/0160 final */

52012PC0160

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (FEG/2012/000 TA 2012 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) /* COM/2012/0160 final */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Il-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[1] jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) permezz ta' mekkaniżmu ta' flessibbiltà, bil-limitu massimu annwali ta' EUR 500 miljun lil hinn mill-intestaturi rilevanti tal-qafas finanzjarju.

Ir-regoli applikabbli għall-għotjiet mill-FEG huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[2].

TAQSIRA TAL-APPLIKAZZJONI U ANALIŻI

Dejta essenzjali:

Nru ta' Referenza tal-FEG                                                                                     FEG/2012/000

Il-Kummissjoni Ewropea                                                                                    Għajnuna teknika

Nefqa amministrattiva: baġit f'EUR                                                                                1 120 000

% nefqa amministrattiva (limitu : 0,35 %)                                                                            0.22 %

Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, il-proporzjon li jikkorrispondi għal 0,35 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG jista' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Għajnuna teknika li se tkun iffinanzjata u analiżi tal-ispejjeż stmati tagħha

1.           L-għotja se tkun użata għan-nefqa msemmija fl-Artikoli 8(1) u (4) kif ukoll fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, kif spjegat hawn taħt.

2.           Monitoraġġ: Il-Kummissjoni se tiġbor id-dejta dwar l-applikazzjonijiet li waslu u tħallsu, u l-miżuri proposti u implimentati, u se taġġorna u tistampa l-Istampa tal-Istatistika tal-FEG b'informazzjoni sa tmiem l-2012. L-ispiża hi stmata li se tiswa EUR 20 000.

3.           Informazzjoni: Il-websajt dwar il-FEG[3], li l-Kummissjoni waqqfet fi ħdan il-qasam tagħha tal-Impjieg, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li hija qed iżżomm skont kif meħtieġ mill-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006, se tkun aġġornata b’mod regolari, se jiżdied il-kontenut tagħha u kull element ġdid se jkun tradott ukoll fil-lingwi kollha tal-UE. Se jiġu stampati fowlders ta’ informazzjoni, u r-rapport annwali tal-FEG se jiġi prodott, tradott, stampat u mqassam. Se tittejjeb il-kuxjenza ġenerali tal-FEG u l-viżibilità tiegħu, fost affarijiet oħra bil-produzzjoni ta' vidjow ibbażat fuq bosta każijiet tal-FEG li qed jiġu implimentati jew li ġew konklużi dan l-aħħar. Il-FEG se jkun kopert b’pubblikazzjonijiet u f’attivitajiet awdjoviżivi varji tal-Kummissjoni. Dawn kollha huwa stmat li se jiġu jiswew EUR 200 000.

4.           Il-ħolqien ta' bażi tal-għarfien: Il-Kummissjoni għadha għaddejja bil-ħidma tagħha bil-ħsieb li twaqqaf proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ipproċessar tagħhom, li se jippermetti li l-applikazzjonijiet fil-ġejjieni jkunu ssimplifikati, li l-ipproċessar tagħhom jitħaffef u r-rapporti jinħarġu aktar faċilment għal diversi ħtiġijiet. Huwa stmat li l-ispiża se tkun EUR 60 000.

Hija se toħloq u tirrazzjonalizza bażi ta’ dejta li fiha fatti u ċifri ta’ każijiet tal-FEG, inkluż ħaddiema, miżuri u riżultati. Huwa stmat li l-ispiża se tkun EUR 60 000.

Il-Kummissjoni se tiġbor ukoll dejta dwar l-iskadenzi tar-redundancies fl-Istati Membri, b’mod partikolari skont id-Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi[4]; l-istima ta’ dan hija ta’ EUR 60 000.

5.           Għajnuna amministrattiva u teknika: Il-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, b’membru wieħed minn kull Stat Membru, se jsejjaħ żewġ laqgħat, li flimkien huma stmati li se jammontaw għal EUR 70 000.

6.           Barra minn hekk, il-Kummissjoni se torganizza netwerking u l-iskambju tal-prassi t-tajba fost l-Istati Membri, b’hekk tkun qed tagħti l-opportunità lill-parteċipanti b’esperjenza fl-implimentazzjoni tal-FEG li jitgħallmu minn xulxin u jagħtu pariri lil xulxin. Din l-attività ta’ netwerking se jkun fiha żewġ seminars. L-ispiża totali huwa stmat li se tkun EUR 250 000.

7.           Evalwazzjoni: Il-Kummissjoni se tibda tħejji l-evalwazzjoni finali tal-FEG permezz ta’ kuntratt ma’ konsulent estern li jevalwa l-każijiet FEG hekk kif u meta jingħalqu matul is-sentejn li ġejjin, u filwaqt li tiffoka fuq sistemi ta’ ġestjoni, parteċipanti fil-miżuri u eżiti. L-ispiża għall-ewwel sena ta’ din l-evalwazzjoni ta’ tħejjija huwa stmat li tkun EUR 400 000, li se tkopri xi 32 każ, li jridu jiġu evalwati hekk kif jaslu r-rapporti finali għand il-Kummissjoni.

Lista || Numru stmat || Nefqa stmata għal kull oġġett (f’EUR) || L-ispejjeż totali (f’EUR)

Monitoraġġ || 1 || 20 000 || 20 000

Attivitajiet ta' informazzjoni || Varji || Varji || 200 000

Ħolqien ta' bażi ta' għarfien || 3 || 60 000 || 180 000

Għajnuna amministrattiva u teknika: Laqgħat tal-Grupp Espert tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG || 2 || 35 000 || 70 000

Għajnuna amministrattiva u teknika: Netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG || Varji || Varji || 250 000

Evalwazzjoni: Studji ta’ każijiet ta’ tħejjija || 32 || 12 500 || 400 000

Total tal-ispejjeż stmati || || 1 120 000

Finanzjament

8.           Il-baġit annwali totali disponibbli għall-FEG huwa ta’ EUR 500 miljun. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 jiddikjara li 0,35 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 1 750 000) jista' jsir disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Attwalment, l-ammont sħiħ għall-2012 jibqa' disponibbli; s'issa xejn għadu ma ġie allokat għal għajnuna teknika.

9.           L-għotja proposta għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni fl-2012 hija ta' EUR 1,120,000. Wara l-mobilizzazzjoni ta' dan l-ammont, l-ammont ta' EUR 630 000 jibqa' potenzjalment disponibbli f'każ li jerġa' jiġi meħtieġ aktar tard fis-sena.

10.         Filwaqt li tqis l-ammont massimu possibbli ta' għotja mill-FEG skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 kif ukoll il-kamp ta' applikazzjoni tar-riallokazzjoni ta' approprjazzjonijiet, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont totali msemmi hawn fuq, li għandu jiġi allokat taħt l-intestatura 1a tal-qafas finanzjarju.

11.         Bil-preżentazzjoni ta' din il-proposta sabiex timmobilizza l-FEG, il-Kummissjoni qiegħda tniedi l-proċedura ssimplifikata tat-trijalogu, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006, sabiex tikseb il-qbil taż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja dwar il-ħtieġa li jintuża l-FEG u l-ammont meħtieġ. Il-Kummissjoni tistieden lill-ewwel waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja li tilħaq ftehim dwar l-abbozz tal-proposta għall-mobilizzazzjoni biex, f'livell politiku xieraq, tgħarraf lill-fergħa l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħha. F'każ ta' nuqqas ta' qbil minn xi waħda miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, għandha tissejjaħ laqgħa formali ta' trijalogu.

12.         B’mod separat, il-Kummissjoni tippreżenta talba ta' trasferiment sabiex fil-baġit għall-2012 iddaħħal approprjazzjonijiet speċifiċi għall-impenji, kif mitlub mill-Punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006.

Sors tal-approprjazzjonijiet għall-ħlas

13.         Approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-FEG se jintużaw biex ikopru l-ammont ta' EUR 1 120 000 meħtieġ għall-għajnuna teknika.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 28 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda (FEG/2012/000 TA 2012 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta' Mejju 2006 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja u l-ġestjoni finanzjarja soda[5], u b'mod partikolari l-punt 28 tiegħu,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 8(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni[7],

Billi:

(1)       Il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) twaqqaf sabiex jipprovdi sostenn addizzjonali lil ħaddiema ssensjati li jbatu l-konsegwenzi ta’ bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet kummerċjali dinjin, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)       Il-Ftehim Interistituzzjonali tas-17 ta’ Mejju 2006 jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-FEG fi ħdan il-limitu massimu annwali ta’ EUR 500 miljun.

(3)       Ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 jistipula li 0,35 % tal-ammont massimu annwali jista' jsir disponibbli kull sena għal assistenza teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tressaq proposta biex timmobilizza l-ammont ta' EUR 1 120 000.

(4)       Il-FEG għandu, għaldaqstant, jiġi mmobilizzat biex jipprovdi għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2012, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 1 120 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' ħlas.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew,                          Għall-Kunsill,

Il-President                                                    Il-President

[1]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[2]               ĠU L 406, tat-30.12.2006, p. 1.

[3]               http://ec.europa.eu/egf

[4]               ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16.

[5]               ĠU C 139, 14.6.2006, p. 1.

[6]               ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

[7]               ĠU C […], […], p. […].

Top