Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52012PC0144

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista

    /* COM/2012/0144 final - 2012/0073 (NLE) */

    52012PC0144

    Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista /* COM/2012/0144 final - 2012/0073 (NLE) */


    MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI

    1.           Il-kuntest tal-proposta

    Ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Kanada fil-qasam doganali huma bbażati fuq il-Ftehim dwar kooperazzjoni doganali u assistenza reċiproka fi kwistjonijiet doganali[1] (is-CMAA) li daħal fi-seħħ fl-1 ta' Jannar 1998.

    F'Diċembru 2005, l-aġenzija għas-Servizzi tal-Fruntiera tal-Kanada (is-CBSA) uriet l-interess tagħha biex nimxu 'l quddiem b'kooperazzjoni eqreb bejn l-UE u l-Kanada dwar is-sigurtà tal-katina tal-provvista. Wara serje ta' skambji ta' fehmiet, intlaħaq ftehim bejn il-Kummissjoni u s-CBSA dwar il-kamp ta' applikazzjoni possibbli tal-Ftehim il-ġdid dwar l-espansjoni tal-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u l-Kanada.

    Fis-26 ta' Novembru 2009, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Kanada. In-negozjati tnedew f'Mejju 2011.

    In-negozjati rriżultaw fl-abbozz tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista (l-abbozz tal-Ftehim) li jibni fuq u jespandi s-CMAA. L-abbozz tal-ftehim se jistabbilixxi bażi legali għall-kooperazzjoni doganali bejn l-UE u l-Kanada dwar kwistjonijiet tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji, inkluż it-tisħiħ tal-aspetti relatati mad-dwana għall-garanzija tal-katina loġistika tal-kummerċ internazzjonali filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilita l-kummerċ leġittimu; jistabbilixxi standards minimi, safejn huwa prattikabbli, għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u r-rekwiżiti relatati u programmi; jaħdem lejn u, fejn xieraq, jistabbilixxi rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà, sigurtà tal-kontejners u programmi ta' sħubija kummerċali inklużi miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti; jiskambja informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji soġġetta għall-kunfidenzjalità tar-rekwiżiti tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali stabbiliti fl-Artikolu 16 tas-CMAA u fil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Partijiet Kontraenti; jistabbilixxi punti ta' kuntatt għal dan il-għan; jintroduċi, fejn xieraq, interfaċċja għall-iskambju tad-dejta, inkluż dejta għal qabel il-wasla jew qabel it-tluq; jiżviluppa strateġija li tippermetti lill-awtoritajiet doganali jaħdmu f'kooperazzjoni fil-qasam tal-ispezzjoni tal-merkanzija; jippermetti kollaborazzjoni, safejn prattikabbli, fi kwalunkwe fora multilaterali fejn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista jistgħu adegwatament jitqajjmu u jiġu diskussi. L-abbozz tal-ftehim jikkostitwixxi espansjoni tas-CMAA skont l-Artikolu 23 tas-CMAA, li jistipula li l-Partijiet Kontraenti jistgħu jespandu s-CMAA bil-ħsieb li jżidu l-livelli tal-kooperazzjoni doganali u jissupplimentawhom permezz ta' ftehim fuq setturi jew affarijiet speċifiċi. Is-CMAA se jibqa' l-kappa ġenerali għall-kooperazzjoni doganali bejn il-Partijiet Kontraenti u l-istruttura istituzzjonali tas-CMAA huwa propost li jiġi estiż biex ikopri wkoll l-abbozz tal-Ftehim. Fil-prattika, il-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali UE-Kanada (KKKD), stabbilit taħt l-Artikolu 20 tas-CMAA, se jamministra ż-żewġ Ftehimiet u se jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet implimentattivi meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni domestika rispettiva tal-Partijiet Kontraenti[2], eż. dwar l-għarfien reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi tas-sħubija kummerċjali.

    2.           Riżultati tal-konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u valutazzjonijiet tal-impatt

    L-Istati Membri ġew ikkonsultati fil-qafas tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar l-Unjoni Doganali.

    M'hemmx bżonn ta' valutazzjoni tal-impatt.

    3.           Elementi legali tal-proposta

    Il-Kunsill hu mitlub li jadotta deċiżjoni dwar il-konklużjoni tal-abbozz tal-Ftehim ibbażata fuq l-Artikolu 207(4) l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    Il-proposta taqa' taħt il-politika komuni tal-kummerċ, li hija kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

    4.           Implikazzjonijiet baġitarji

    Il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-baġit tal-Unjoni.

    5.           Kwistjoni oħra

    L-abbozz tal-Ftehim huwa konsistenti mal-għanijiet u l-azzjonijiet identifikati mill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tas-Sigurtà Interna tal-UE[3].

    Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-abbozz ta' Ftehim hija ppreżentata fl-istess waqt li qed titressaq din il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill fuq il-konklużjoni tal-abbozz tal-Ftehim.

    2012/0073 (NLE)

    Proposta għal

    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

    dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b' mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,

    Billi:

    (1)       L-Unjoni Ewropea u l-Kanada għandhom jespandu l-kooperazzjoni doganali tagħhom biex tkopri materji tas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji relatata bil-ħsieb li jżidu s-sigurtà tat-totalità tal-katina loġistika u fl-istess ħin jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu.

    (2)       Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill […/…] ta' [...][4], il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista ġie ffirmat fil-[ ], soġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard.

    (3)       Il-Ftehim għandu jkun approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista huwa hawnhekk approvat f'isem l-Unjoni.

    It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar il-persuna bis-setgħa li tipproċedi, f'isem l-Unjoni Ewropea, skont l-avviż previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, sabiex tesprimi l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tkun marbuta bil-Ftehim.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil- [....] [5].

    Magħmula fi Brussel,

                                                                           Għall-Kunsill

                                                                           Il-President

     ANNESS

    ABBOZZ TA'

    Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada dwar il-kooperazzjoni doganali rigward kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista

    L-UNJONI EWROPEA u l-KANADA, ("il-Partijiet Kontraenti"),

    Jirrikonoxxu l-ħtieġa biex iżidu s-sigurtà fit-totalità tal-katina loġistika għall-Kanada u l-Unjoni Ewropea u fl-istess ħin jiġi ffaċilitat il-kummerċ leġittimu;

    Jirrikonoxxu r-relazzjonijiet fit-tul, mill-qrib u produttivi bejn l-awtoritajiet doganali tal-Kanada u tal-Unjoni Ewropea;

    Jirrikonoxxu li dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jittejbu permezz ta' kooperazzjoni eqreb dwar is-sigurtà tal-kontejners u kwistjonijiet oħra relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista bbażati, safejn prattikabbli, fuq ir-rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċali;

    Jimmiraw li jipprovdu qafas biex jiġu esplorati mezzi kooperattivi futuri sabiex jissaħħu l-prattiċi tas-sigurtà tal-katina tal-provvista li għandu jżid l-effiċjenzi relatati mad-dwana sabiex tkun żgurata s-sigurtà fit-totalità tal-katina loġistika u biex jitħaffef il-kummerċ leġittimu għall-benefiċċju tal-komunitajiet kummerċjali rispettivi tagħhom;

    Bil-għan li jiżviluppa strateġija li tippermetti lil-Kanada u lill-Unjoni Ewropea jikkooperaw fil-qasam ta' spezzjoni tal-merkanzija;

    Il-Ftehim ser jibni fuq l-elementi tal-qalba tal-Qafas ta' Standards li Jiżguraw u Jiffaċilitaw il-Kummerċ Globali (SAFE) tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana.

    B'referenza għall-Ftehim bejn il-Kanada u l-Komunità Ewropea dwar il-Kooperazzjoni Doganali u l-Għajnuna Reċiproka f'Affarijiet Doganali, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 1998 ("is-CMAA"), u bix-xewqa li jespandu l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak il-Ftehim permezz ta' ftehim fuq kwistjoni speċifika, skont l-Artikolu 23 tas-CMAA;

    Waqt li jagħrfu li l-Kumitat Konġunt tal-Kooperazzjoni Doganali (KKKD) ġie stabbilit skont l-Artikolu 20 tas-CMAA biex jiżgura l-funzjonament tas-CMAA u, fost oħrajn, jieħu l-miżuri meħtieġa għall-kooperazzjoni doganali skont l-għanijiet tas-CMAA u għall-espansjoni tas-CMAA bil-ħsieb li jiżdied il-livell tal-kooperazzjoni doganali u li jiġi ssupplimentat f'setturi jew materji speċifiki;

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Għall-għan ta' dan il-Ftehim, "Awtorità Doganali" tfisser:

    - fl-Unjoni Ewropea: is-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

    - fil-Kanada: l-Amministrazzjoni governattiva maħtura mill-Kanada bħala responsabbli għall-amministrazzjoni tal-liġijiet doganali tagħha.

    Artikolu 2

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw dwar kwistjonijiet ta' sigurtà tal-katina tal-provvista u ġestjoni tar-riskji relatati.

    Artikolu 3

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jamministraw din il-kooperazzjoni permezz tal-Awtoritajiet Doganali rispettivi tagħhom.

    Artikolu 4

    Il-Partijiet Kontraenti għandhom jikkooperaw billi:

    (a) jsaħħu l-aspetti relatati mad-dwana għar-rinfurzar tal-katina loġistika tal-kummerċ internazzjonali filwaqt li fl-istess ħin jiffaċilitaw il-kummerċ leġittimu;

    (b) jistabbilixxu standards minimi, safejn huwa prattikabbli, għal tekniki tal-ġestjoni tar-riskji u r-rekwiżiti u programmi relatati;

    (c) jaħdmu lejn u, fejn xieraq, jistabbilixxu rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà, sigurtà tal-kontejners u programmi ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti;

    (d) jiskambjaw informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista u l-ġestjoni tar-riskji; kwalunkwe skambju ta' informazzjoni taħt dan il-Ftehim għandu jkun soġġett għar-rekwiżit tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u l-protezzjoni tad-dejta personali stabbiliti fl-Artikolu 16 tas-CMAA kif ukoll kwalunkwe rekwiżiti tal-kunfidenzjalità u l-privatezza stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-Partijiet Kontraenti;

    (e) jistabbilixxu punti ta' kuntatt għall-iskambju ta' informazzjoni għas-sigurtà tal-katina tal-provvista;

    (f) jintroduċu, fejn xieraq, interfaċċja għall-iskambju tad-dejta, inkluż dejta għal qabel il-wasla jew qabel it-tluq;

    (g) jiżviluppaw strateġija li tippermetti lill-awtoritajiet doganali jikkooperaw fil-qasam ta' spezzjoni tal-merkanzija;

    (h) jikkollaboraw, safejn prattikabbli, fi kwalunkwe fora multilaterali fejn kwistjonijiet relatati mas-sigurtà tal-katina tal-provvista jistgħu adegwatament jitqajmu u jiġu diskussi.

    Artikolu 5

    Il-KKKD, stabbilit taħt l-Artikolu 20 tas-CMAA, għandu jara li dan il-Ftehim jaħdem kif jixraq u għandu jeżamina l-kwistjonijiet kollha li jinħolqu mill-applikazzjoni tiegħu. Għandu jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet li jimplimentaw dan il-Ftehim skont il-leġiżlazzjoni domestika rispettiva tal-Partijiet Kontraenti, dwar aspetti, bħal trażmissjoni tad-dejta u l-benefiċċji miftiehma reċiprokament, ta': rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-immaniġġjar tar-riskji, standards tar-riskji, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċjali.

    Artikolu 6

    Il-KKKD għandu jwaqqaf mekkaniżmi tax-xogħol xierqa, inkluż gruppi ta' ħidma, sabiex jappoġġjaw il-ħidma tiegħu għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim u biex jindirizza partikolarment l-aspetti li ġejjin:

    a)         jidentifika kwalunkwe bidliet regolatorji jew leġiżlattivi meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim;

    b)         jidentifika u jistabbilixxi miżuri għat-tisħiħ tal-mekkaniżmi tal-iskambju tal-informazzjoni;

    c)         jidentifika u jistabbilixxi l-aħjar prattiki, inklużi l-aħjar prattiki għall-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti tal-informazzjoni elettronika bil-quddiem dwar il-merkanzija ma' standards internazzjonali dwar merkanzija li tkun dieħla, ħierġa jew fi transitu.

    d)         jiddefinixxi u jistabbilixxi standards tal-analiżi tar-riskju għall-informazzjoni meħtieġa biex ikunu identifikati merkanziji li jkunu ser jiġu impurtati, trasbordati minn, jew fi transitu mil-Kanada u l-Unjoni Ewropea;

    e)         jiddefinixxi u jistabbilixxi miżuri biex jiġu armonizzati l-istandards ta' valutazzjoni tar-riskju;

    f)          jiddefinixxu standards minimi u metodi ta' kontroll li bihom dawk l-istandards jistgħu jiġu sodisfatti;

    g)         itejjeb u jistabilixxi standards għal programmi ta' sħubija kummerċjali mfassla biex itejbu s-sigurtà tal-katina tal-provvista u jiffaċilitaw il-moviment tal-kummerċ leġittimu;

    h)         jiddefinixxi u jwettaq passi konkreti biex jistabbilixxi rikonoxximent reċiproku ta' tekniki tal-ġestjoni tar-riskji, standards tar-riskju, kontrolli tas-sigurtà u programmi ta' sħubija kummerċjali inklużi miżuri ta' faċilitazzjoni tal-kummerċ ekwivalenti.

    Artikolu 7

    1. Jekk jirriżultaw diffikultajiet jew xi tilwim bejn il-Partijiet Kontraenti fir-rigward tal-implimentazzjoni ta' dan il-Ftehim, l-Awtoritajiet Doganali tal-Partijiet Kontraenti għandhom jippruvaw isolvu l-kwistjoni permezz ta' konsultazzjoni u diskussjoni.

    2. Il-Partijiet Kontraenti jistgħu wkoll jagħtu l-kunsens għal forom oħra ta' riżoluzzjoni tat-tilwim.

    Artikolu 8

    1. Dan il-Ftehim jista' jkun emendat bi ftehim bil-miktub mill-Partijiet Kontraenti.

    2. Emenda għandha tidħol fis-seħħ 90 jum wara d-data li fiha t-tieni notifika hija mibgħuta, permezz ta' skambju ta' noti permezz ta' mezzi diplomatiċi, li jindikaw li l-Partijiet Kontraenti jkunu temmew il-proċeduri interni rispettivi tagħhom meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu.

    Artikolu 9

    Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xhar li jsegwi d-data li fiha l-Partijiet Kontraenti jkunu nnotifikaw lill-xulxin bit-twettieq tal-proċeduri meħtieġa biex dan il-Ftehim jidħol fis-seħħ.

    Artikolu 10

    1. Dan il-Ftehim għandu jibqa' fis-seħħ għal perjodu indefinit.

    2. Kull Parti Kontraenti tista' ttemm dan il-Ftehim billi tagħti avviż ta' terminazzjoni permezz ta' mezzi diplomatiċi lill-Parti Kontraenti l-oħra.

    3. Din it-terminazzjoni għandha ssir effettiva fl-ewwel jum tax-xahar wara l-iskadenza ta' perjodu ta' sitt xhur wara d-data ta' meta l-Parti Kontraenti l-oħra taslilha din in-notifika ta' terminazzjoni.

    4. Jekk dan il-Ftehim jiġi tterminat, kwalunkwe deċiżjonijiet tal-KKKD se jibqgħu fis-seħħ, sakemm il-Partijiet Kontraenti ma jiddeċidux mod ieħor.

    B'Xiehda ta' dan, is-sottoskritti, b'awtorizzazzjoni dovuta, iffirmaw dan il-Ftehim.

    Magħmul fi , f'żewġ kopji oriġinali, fi ….. fi ….. jum ta' ….. , 201 … bil-Bulgaru, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ingliż, l-Ispanjol, l-Isvediż, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, l-Olandiż, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, it-Taljan, u l-Ungeriża, b'kull verżjoni awtentika ndaqs.

    GĦALL-UNJONI EWROPEA            GĦALL-KANADA

    [1]               ĠU L 7, tat-13.01.98, p.38

    [2]               Il-pożizzjoni tal-UE dwar id-deċiżjonijiet legalment vinkolanti tal-KKKD huwa stabbilit mill-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.

    [3]               Ara b' mod partikolari l-Għan Nru 4, Azzjoni 3 (Ġestjoni komuni ta' riskju għal moviment ta' oġġetti fil-fruntieri esterni) tal-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – L-Istrateġija għas-Sigurtà Interna tal-UE fl-Azzjoni: Ħames passi lejn Ewropa aktar sikura; COM (2010) 673 finali.

    [4]               ĠU L , , p. .

    [5]               Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim se tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.

    Top